30.11.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 312/23 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2007/69/KE
tad-29 ta’ Novembru 2007
li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-difethialone bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 16(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003 ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta’ prodotti bijoċidali fis-suq, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li jkunu possibbilment inklużi fl-Anness I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi d-difethialone. |
(2) |
Skond ir-Regolament (KE) Nru 2032/2003, id-difethialone ġie evalwat skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 14, rodentiċidi, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE. |
(3) |
In-Norveġja ġiet innominata bħala Rapporteur u ressqet ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fid-11 ta’ Ottubru 2005 skond l-Artikoli 10(5) u (7) tar-Regolament (EC) Nru 2032/2003. |
(4) |
Ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 2032/2003, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali fil-21 ta’ Ġunju 2007, f’rapport ta’ evalwazzjoni. |
(5) |
L-analiżi tad-difethialone ma kixfet l-ebda kwistjoni jew tħassib mhux solvuti li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent. |
(6) |
Mill-eżaminazzjonijiet li saru jidher li prodotti bijoċidjali li jintużaw bħala rodentiċidi u jkun fihom id-difethialone jistgħu jitqiesu li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin ħlief għal inċidenti aċċidentali tat-tfal. Ġie identifikat riskju għall-annimali li mhumiex fil-mira u l-ambjent. Madankollu, id-difethialone għal issa qed jitqies bħala essenzjali għal raġunijiet tas-saħħa pubblika u ta’ l-iġjene. Għalhekk huwa xieraq li d-difethialone jiġi inkluż fl-Anness I sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidali użati bħala rodentiċidi u li fihom id-difethialone jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttivi 98/8/KE. |
(7) |
Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni, huwa xieraq li jkun rikjest li fil-livell ta’ l-awtorizzazzjoni tal-prodotti jiġu applikati miżuri speċifiċi għat-taffija tar-riskju fuq prodotti li jkun fihom id-difethialone u li jintużaw bħala rodentiċidi. Miżuri tali għandhom jiġu mmirati biex ikun limitat ir-riskju primarju u sekondarju ta’ l-esponiment tal-bnedmin u annimali li mhumiex fil-mira kif ukoll l-effetti għal tul ta’ żmien fuq l-ambjent. |
(8) |
Minħabba r-riskji identifikati u l-karatteristiċi tiegħu, li jagħmluh potenzjalment persistenti, suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni u tossiku, jew persistenti ħafna u suxxettibbli ħafna għall-bijoakkumulazzjoni, id-difethialone għandu jiġi nkluż fl-Anness I għal ħames snin biss u għandu jkun soġġett għal stima ta’ riskju komparabbli skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tiegħu fl-Anness I. |
(9) |
Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu applikati fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi żgurat li jkun hemm trattament ugwali għal prodotti bijoċidjali li jkun fihom is-sustanza attiva difethialone u anke biex jiġi ffaċilitat t-tħaddim tajjeb tas-suq tal-prodotti bijoċjali ġenerali. |
(10) |
Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-data, li skond l-Artikolu 12(1)(ċ)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data ta’ l-inklużjoni. |
(11) |
Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali fil-prodotti tat-tip 14 li fihom id-difethialone biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE. |
(12) |
Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif jixraq. |
(13) |
Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat kif stipolat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2008, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Novembru 2009.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Novembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/47/KE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 21).
(2) ĠU L 307, 24.11.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1849/2006 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 63).
ANNESS
L-entrata li ġejja bir-reġistrazzjoni “Nru. 4” hija mdaħħla fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE:
Nru |
Isem Komuni |
Isem IUPAC Numri ta ’ identifikazzjoni |
Purità minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidali kif jitqieħed fis-suq |
Data ta ’ inklużjoni |
Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità ma ’ l-Artikolu 16(3) (ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw ma ’ l-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipolata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom) |
Skadenza ta l-inklużjoni |
Tip ta ’ prodott |
Dispożizzjonijiet speċifiċi (*) |
||||||||
“4 |
Difethialone |
3-[3-(4′-bromo[1,1′ biphenyl]-4-yl)-1,2,3,4-tetrahydronaphth-1-yl]-4-hydroxy-2H-1-benzothiopyran-2-one Nru tal-KE: n/a Nru tal-CAS: 104653-34-1 |
976 g/kg |
1 ta’ Novembru 2009 |
31 ta’ Ottubru 2011 |
31 ta’ Ottubru 2014 |
14 |
Fid-dawl tal-fatt li l-karatteristiċi tas-sustanza attiva jagħmluha potenzjalment persistenti, suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni u tossiku, jew persistenti ħafna u suxxettibbli ħafna għall-bijoakkumulazzjoni, is-sustanza attiva għandha tiġi soġġetta għal stima ta' riskju komparabbli skond tieni subparagrau ta' l-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tagħha f'dan l-Anness. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(*) Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta’ l-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ evalwazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm