28.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1085/2011

tas-27 ta’ Ottubru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 501/2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 (2) jipprovdi regoli għat-tfassil, l-għażla, l-implimentazzjoni, il-finanzjament u l-ivverifikar ta’ programmi msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 3/2008.

(2)

Sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-iskema, organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali għandhom jingħataw l-opportunità li jippreżentaw programmi li ser jiġu implimentati darbtejn fis-sena fis-suq intern u f’pajjiżi terzi. L-iskeda tal-preżentazzjoni u l-għażla għandha tiġi aġġustata sabiex jingħata ċans ieħor lil programmi li ma ġewx aċċettati qabel. Sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni għall-iskeda l-ġdida tal-preżentazzjoni u l-għażla, għandu jkun stipulat illi l-iskeda għall-ewwel preżentazzjoni tal-programmi fl-2012 ma għandhiex tkun affettwata mit-tibdil fl-iskeda.

(3)

Sabiex jitnaqqas il-piż ammistrattiv bla bżonn, għandu jitneħħa r-rekwiżit biex jintbagħtu għadd ta’ dokumenti lill-Kummissjoni (kopja tal-kuntratt konkluż mal-organizzazzjonijiet li qed jipproponu, u prova li ngħatat garanzija għall-eżekuzzjoni; kopja tal-kuntratt iffirmat mal-korp ta’ implimentazzjoni; kopja ta’ kull applikazzjoni għal ħlas bil-quddiem u prova li ngħatat il-garanzija korrispondenti; u għandhom jitwaqqfu r-rapporti ta’ kull tliet xhur dwar l-implimentazzjoni tal-kuntratt), ħlief meta l-Kummissjoni titlobhom speċifikament.

(4)

Għandu jiġi speċifikat li l-messaġġi li jirreferu għall-impatt ta’ prodott fuq is-saħħa għandhom jiġu aċċettati mill-awtorità nazzjonali responsabbli għas-saħħa pubblika u li l-materjal approvat mill-Istat Membru għandu jintbagħat lill-Kummissjoni.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 501/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 501/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Il-messaġġi li jsemmu effetti ta’ din ix-xorta għandhom jiġu aċċettati mill-awtorità nazzjonali responsabbli mis-saħħa pubblika.”

(2)

Fl-Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru (‘l-ewwel preżentazzjoni ta’ programmi’) u sal-15 ta’ April (‘it-tieni preżentazzjoni ta’ programmi’) ta’ kull sena l-organizzazzjonijiet professjonali u interprofessjonali fl-Unjoni li jirrappreżentaw is-setturi konċernati (minn hawn ’il quddiem msejħa “organizzazzjonijiet li jipproponu”) għandhom iressqu l-programmi tagħhom lill-Istat Membru. Għall-2012 l-ewwel preżentazzjoni ta’ programmi tista’ sseħħ sat-30 ta’ Novembru 2011.”

(3)

L-Artikolu 11 qed jiġi emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-lista msemmija fl-Artikolu 9(1) inkluż, jekk applikabbli, il-lista tal-korpi ta’ implimentazzjoni magħżula minnhom, jekk dawn ikunu diġà ntgħażlu skont l-Artikolu 8(3), u kopja ta’ kull programm. Din għandha tinbagħat kemm b’mod elettroniku kif ukoll bil-posta u trid tasal għand il-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru għall-ewwel preżentazzjoni tal-programmi u l-15 ta’ Ġunju għat-tieni preżentazzjoni tal-programmi.”

(b)

Il-paragrafu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri konċernati mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar rigward l-ewwel preżentazzjoni tal-programmi u mis-16 ta’ Awwissu rigward it-tieni preżentazzjoni tal-programmi, jekk issib li l-programm ippreżentat kollu kemm hu, jew parti minnu, ma jkunx konformi:

(a)

mar-regoli tal-Unjoni; jew

(b)

mal-linji gwida, għal dak li għandu x’jaqsam mas-suq intern; jew

(c)

mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 9(2), għal dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi terzi.”

(c)

Fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Wara verifika tal-programmi emendati, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, mhux iktar tard mit-30 ta’ April rigward l-ewwel preżentazzjoni ta’ programmi u, il-15 ta’ Novembru rigward it-tieni preżentazzjoni ta’ programmi, liema programmi tista’ tikkofinanzja skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2), tar-Regolament (KE) Nru 3/2008.”

(d)

jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, id-dati tal-iskadenza li ġejjin huma stipulati għall-ewwel preżentazzjoni tal-programmi fl-2012:

(a)

il-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata mill-Istati Membri u għandha tasal għand il-Kummissjoni mhux iżjed tard mill-15 ta’ Frar 2012;

(b)

il-Kummissjoni għandha tibgħat l-informazzjoni provduta fil-paragrafu 2 lill-Istati Membri sas-26 ta’ April 2012, u

(c)

il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2012 liema programmi tista’ tikkofinanzja.”

(4)

Fl-Artikolu 16(5) jinbidel b’dan li ġej:

“5.   L-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, hekk kif din titlobha u fi żmien 10 ġranet ta’ xogħol, kopja tal-kuntratt u prova li l-garanzija [għall-eżekuzzjoni] ingħatat.

L-Istat Membru għandu jibgħat ukoll lill-Kummissjoni, hekk kif din titlobha u fi żmien 10 ġranet ta’ xogħol, kopja tal-kuntratt konkluż mill-organizzazzjoni proponenti magħżula mal-korp ta’ implimentazzjoni. Dan il-kuntratt għandu jipprevedi l-obbligu li l-korp ta’ implimentazzjoni jaċċetta li jsirulu l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 25.”

(5)

Fl-Artikolu 17(3), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-ħlas bil-quddiem għandu jsir bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni li ħadet il-kuntratt tagħti lill-Istat Membru garanzija li għandha tlaħħaq il-110 % ta’ dan il-ħlas bil-quddiem, skont it-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85. L-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, hekk kif din titlobha u fi żmien 10 ġranet ta’ xogħol, kopja ta’ kull applikazzjoni għal ħlas bil-quddiem u prova li l-garanzija korrispondenti ngħatat.”

(6)

Fl-Artikolu 22(3) jinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, hekk kif din titlobha u fi żmien 10 ġranet ta’ xogħol, kopja tar-rapporti ta’ kull tliet xhur meħtieġa għall-ħlasijiet intermedjarji skont l-Artikolu 18.”

(7)

Fl-Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“Għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-materjal approvat.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1.

(2)   ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3.