28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 353/23


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1415/2013

tas-17 ta’ Diċembru 2013

li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2013, ir-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal- pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 83a u l-Anness XII tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 13 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Eurostat ippreżenta rapport dwar l-eżami attwarjali ta' kull ħames snin tal-2013 tal-iskema tal-pensjonijiet, li taġġorna l-parametri msemmija f’dak l-Anness. Skont dan l-eżami, ir-rata tal-kontribuzzjoni meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarjali tal-iskema tal-pensjonijiet hija ta’ 10,3 % tas-salarju bażiku.

(2)

Fl-interess tal-bilanċ attwarjali tal-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni, ir-rata tal-kontribuzzjoni għandha għalhekk tiġi aġġustata għal 10,3 % tas-salarju bażiku.

(3)

Madankollu, fid-dawl tas-sentenzi reċenti u futuri fil-kawżi dwar l-aġġustament tas-salarji u tal-pensjonijiet tal-2011 u l-2012 u fil-kawża dwar l-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-2011, ir-riżultat ta' dan l-aġġustament jista' jkun soġġett għall-bidla. L-implimentazzjonj ta' dawk is-sentenzi jista' jkollha impatt fuq il-kalkolu tar-rati ta' kontribuzzjoni għas-snin 2012 u 2013 u għalhekk jirrikjedu lill-Kunsill li jaġġusta mill-ġdid dawn ir-rati ta' kontribuzzjoni b'effett retroattiv. Fejn applikabbli, dan jista' jwassal għall-irkupru ta' somom żejda li tħallsu mill-persunal,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’effett mill-1 ta’ Lulju 2013, ir-rata tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal hija ta' 10,3 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.