14.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/57 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2315
tal-11 ta' Diċembru 2017
li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri Parteċipanti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 46(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 10 dwar il-koperazzjoni strutturata permanenti stabbilita bl-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 42(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla, u li jkunu ħadu impenji aktar vinkolanti lejn xulxin f'dan il-qasam bil-ħsieb tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fil-qafas tal-Unjoni. |
(2) |
Fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli rċevew notifika konġunta f'konformità mal-Artikolu 46(1) TUE minn 23 Stat Membru, u fis-7 ta' Diċembru 2017 minn żewġ Stati Membri oħra, li dawk l-Istati Membri kollha għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fil-PESCO fuq il-bażi li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq u li ħadu l-impenji aktar vinkolanti ma' xulxin f'dan il-qasam kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni u fuq il-bażi tal-elementi l-oħrajn kollha fin-notifika, inkluż il-preambolu u l-prinċipji gwida tal-PESCO indikati fl-Anness I għan-notifika, li huma jibqgħu impenjati fl-intier tagħha, u tfakkar ukoll fl-Artikolu 42 tat-TUE, inkluż l-Artikolu 42(7) (1). |
(3) |
L-impenji aktar vinkolanti indikati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huma konsistenti mal-kisba tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 għat-Trattati u l-kompiti msemmija fl-Artikolu 2 ta' dak il-Protokoll. |
(4) |
Id-deċiżjoni tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO hija volontarja u fiha nnifisha ma taffettwax is-sovranità nazzjonali jew il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri. Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji aktar vinkolanti taħt il-PESCO isiru f'konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali applikabbli tagħhom. |
(5) |
Iż-żieda fil-proġetti konġunti u kollaborattivi ta' żvilupp tal-kapaċitajiet ta' difiża, hija fost l-impenji vinkolanti taħt il-PESCO. Tali proġetti jistgħu jiġu appoġġati b'kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni f'konformità mat-Trattati u skont l-istrumenti u l-programmi rilevanti tal-Unjoni. |
(6) |
L-Istati Membri parteċipanti stabbilixxew fil-Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni rispettivi tagħhom il-kapaċità tagħhom li jissodisfaw l-impenji aktar vinkolanti li ħadu lejn xulxin. |
(7) |
Ladarba l-kondizzjonijiet neċessarji ġew issodisfati, huwa għaldaqstant xieraq li l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi PESCO. |
(8) |
Kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun jixtieq li jipparteċipa aktar 'il quddiem fil-PESCO jista' jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli f'konformità mal-Artikolu 46(3) TUE. |
(9) |
Ir-Rappreżentant Għoli ser ikun involut bis-sħiħ fil-proċedimenti relatati mal-PESCO. |
(10) |
Jenħtieġ li jkun hemm konsistenza bejn l-azzjonijiet meħuda fil-qafas tal-PESCO u azzjonijiet oħrajn tal-PESK u politiki oħrajn tal-Unjoni. Il-Kunsill u, fl-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tagħhom, ir-RGħ u l-Kummissjoni, jenħtieġ li jikkooperaw sabiex jimmassimizzaw is-sinerġiji fejn applikabbli. |
(11) |
F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. Għalhekk id-Danimarka mhijiex marbuta b'din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti
Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) fil-qafas tal-Unjoni hija b'dan stabbilita bejn dawk l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla kif imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10, u li jkunu ħadu impenji lejn xulxin f'dan il-qasam kif imsemmi f'Artikolu 2 ta' dak il-Protokoll, bil-ħsieb tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi, u biex isir kontribut għall-issodisfar tal-livell ta' ambizzjoni tal-Unjoni.
Artikolu 2
Stati Membri Parteċipanti
L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO għandhom ikunu dawn li ġejjin:
— |
Belġju, |
— |
Bulgarija, |
— |
Repubblika Ċeka, |
— |
Ġermanja, |
— |
Estonja, |
— |
Irlanda, |
— |
Greċja, |
— |
Spanja, |
— |
Franza, |
— |
Kroazja, |
— |
Italja, |
— |
Ċipru, |
— |
Latvja, |
— |
Litwanja, |
— |
Lussemburgu, |
— |
Ungerija, |
— |
Netherlands, |
— |
Awstrija, |
— |
Polonja, |
— |
Portugall, |
— |
Rumanija, |
— |
Slovenja, |
— |
Slovakkja, |
— |
Finlandja, |
— |
Żvezja. |
Artikolu 3
Impenji aktar vinkolanti f'konformità mal-Protokoll Nru 10
1. Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 10 u l-kompiti msemmija fl-Artikolu 2 ta' dak il-Protokoll, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jagħmlu kontribuzzjonijiet li jissodisfaw l-impenji aktar vinkolanti li jkunu ħadu lejn xulxin kif indikat fl-Anness.
2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri parteċipanti għandhom jirrevedu annwalment, u għandhom jaġġornaw kif xieraq, il-Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni tagħhom fejn għandhom jiddeskrivu kif ser jilħqu l-impenji aktar vinkolanti, filwaqt li jispeċifikaw kif ser jissodisfaw l-objettivi aktar preċiżi li għandhom jiġu stabbiliti f'kull fażi. Il-Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni aġġornati għandhom jiġu kkomunikati annwalment lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), u għandhom ikunu disponibbli għall-Istati Membri parteċipanti kollha.
Artikolu 4
Governanza PESCO
1. Il-governanza tal-PESCO għandha tiġi organizzata:
— |
fil-livell tal-Kunsill u; |
— |
fil-qafas ta' proġetti implimentati minn gruppi ta' dawk l-Istati Membri parteċipanti li jkunu qablu bejniethom li jwettqu tali proġetti. |
2. F'konformità mal-Artikolu 46(6) TUE, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet li:
(a) |
jipprovdu direzzjoni u gwida strateġika għall-PESCO; |
(b) |
jistabbilixxu s-sekwenza tal-issodisfar tal-impenji aktar vinkolanti indikati fl-Anness matul iż-żewġ fażijiet inizjali konsekuttivi (is-snin 2018 – 2020 u 2021 – 2025) u jispeċifikaw fil-bidu ta' kull fażi l-objettivi aktar preċiżi għal-issodisfar tal-impenji aktar vinkolanti indikati fl-Anness; |
(c) |
jaġġornaw, u jsaħħu jekk neċessarju, l-impenji aktar vinkolanti indikati fl-Anness fid-dawl tal-kisbiet li jkunu saru permezz tal-PESCO, sabiex jirriflettu l-kuntest tas-sigurtà tal-Unjoni kif jevolvi. Tali deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod partikolari fi tmiem il-fażijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2, abbażi ta' proċess ta' rieżami strateġiku li jivvaluta l-issodisfar tal-impenji tal-PESCO; |
(d) |
jivvalutaw il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti biex jissodisfaw l-impenji maqbula, f'konformità mal-mekkaniżmu deskritt fl-Artikolu 6; |
(e) |
jistabbilixxu l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO, li jirriflettu kemm appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet kif ukoll il-forniment ta' appoġġ sostanzjali skont il-mezzi u l-kapaċitajiet għal operazzjonijiet u missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni; |
(f) |
jistabbilixxu sett ta' regoli ta' governanza komuni għall-proġetti, li l-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed jieħdu sehem fi proġett individwali jistgħu jadattaw bħala neċessarji għal dak il-proġett; |
(g) |
jistabbilixxu, fi żmien debitu, f'konformità mal-Artikolu 9(1), il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b'mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali; u li jiddeterminaw f'konformità mal-Artikolu 9(2) jekk Stat terz partikolari jissodisfax dawn il-kondizzjonijiet; u |
(h) |
jipprevedu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex tkompli tiġi implimentata din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 5
Proġetti PESCO
1. Wara proposti mill-Istati Membri parteċipanti li biħsiebhom jieħdu sehem fi proġett individwali, ir-Rappreżentant Għoli jista' jagħmel rakkomandazzjoni rigward l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' proġetti PESCO, abbażi ta' valutazzjonijiet mogħtija f'konformità mal-Artikolu 7, għal deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li għandhom jiġu adottati f'konformità mal-Artikolu 4(2)(e), wara parir militari mill-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC).
2. L-Istati Membri Parteċipanti li jkollhom l-intenzjoni li jipproponu xi proġett individwali għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri parteċipanti l-oħra fi żmien debitu qabel ma jippreżentaw il-proposta tagħhom, sabiex jinġabar appoġġ u tingħatalhom l-opportunità li jissieħbu sabiex iressqu l-proposta b'mod kollettiv.
Il-membri ta' proġett għandhom ikunu dawk l-Istati Membri parteċipanti li jkunu ressqu l-proposta. Il-lista tal-membri ta' proġett ta' kull proġett individwali għandha tinhemeż mad-deċiżjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(2)(e).
L-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett jistgħu jaqblu bejniethom li jaċċettaw Stati Membri parteċipanti oħra li sussegwentement jixtiequ jieħdu sehem fil-proġett.
3. L-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett għandhom jaqblu bejniethom dwar l-arranġamenti għall-kooperazzjoni tagħhom u l-ambitu ta' dik il-kooperazzjoni, u l-ġestjoni ta' dak il-proġett. L-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett għandhom jinfurmaw regolarment lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-proġett, kif xieraq.
Artikolu 6
Arranġamenti dwar superviżjoni, valutazzjoni u rapportar
1. Il-Kunsill, fil-qafas tal-Artikolu 46(6) TUE, għandu jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-PESCO. Ir-Rappreżentant Għoli għandu wkoll jikkontribwixxi lejn dawk l-objettivi.
2. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun involut bis-sħiħ fil-proċedimenti relatati mal-PESCO, f'konformità mal-Protokoll Nru 10.
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta rapport annwali dwar il-PESCO lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq il-kontributi mill-EDA, skont l-Artikolu 7(3)(a), u mis-SEAE, skont l-Artikolu 7(2)(a). Ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli għandu jiddeskrivi l-istat tal-implimentazzjoni tal-PESCO, inkluż l-issodisfar, minn kull Stat Membru parteċipanti, tal-impenji tiegħu skont il-Pjan Nazzjonali ta' Implimentazzjoni tiegħu.
L-EUMC għandu jipprovdi pariri u rakkomandazzjonijiet militari lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rigward il-proċess ta' valutazzjoni annwali tal-PESCO.
Abbażi tar-rapport annwali dwar il-PESCO ippreżentat mir-Rappreżentant Għoli, il-Kunsill għandu jirrieżamina darba fis-sena jekk l-Istati Membri parteċipanti għadhomx jissodisfaw l-impenji aktar vinkolanti msemmija fl-Artikolu 3.
4. Kwalunkwe deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' Stat Membru għandha tiġi adottata f'konformità mal-Artikolu 46(4) TUE biss wara li l-Istat Membru jkun ingħata żmien iddefinit b'mod ċar għal konsultazzjoni individwali u miżuri ta' reazzjoni.
Artikolu 7
Appoġġ mis-SEAE u l-EDA
1. Taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli, ukoll fil-kapaċità tiegħu ta' Kap tal-EDA, is-SEAE, inkluż l-Istat Maġġur tal-UE (EUMS), u l-EDA għandhom jipprovdu b'mod konġunt il-funzjonijiet segretarjali neċessarji għall-PESCO ħlief fil-livell tal-Kunsill, u f'dan ir-rigward punt ta' kuntatt uniku.
2. Is-SEAE, inkluż l-EUMS, għandu jappoġġa l-funzjonament tal-PESCO b'mod partikolari billi:
(a) |
jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, fir-rapport annwali tiegħu dwar il-PESCO, tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-aspetti operazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 6. |
(b) |
jikkoordina l-valutazzjoni ta' proposti għal proġetti previsti fl-Artikolu, 5 b'mod partikolari fl-oqsma ta' disponibbiltà, interoperabbiltà, flessibbiltà u skjerament ta' forzi. B'mod partikolari, is-SEAE, inkluż l-EUMS, għandu jivvaluta l-konformità tal-proġetti proposti mal-ħtiġijiet operazzjonali u l-kontribut tiegħu għalihom. |
3. L-EDA għandha tappoġġa l-PESCO, b'mod partikolari billi:
(a) |
tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, fir-rapport annwali tiegħu, tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti, f'konformità mal-Artikolu 6, fir-rigward tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontribuzzjonijiet li jkunu saru f'konformità mal-impenji aktar vinkolanti msemmija fl-Artikolu 3. |
(b) |
tiffaċilita proġetti ta' żvilupp tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari billi tikkoordina l-valutazzjoni tal-proposti għal proġetti previsti fl-Artikolu 5, b'mod partikolari fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet. B'mod partikolari, l-EDA għandha tappoġġa lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda duplikazzjoni mhux neċessarja ma' inizjattivi eżistenti anke f'kuntesti istituzzjonali oħra. |
Artikolu 8
Finanzjament
1. L-infiq amministrattiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jiġġarrab mill-baġit tal-Unjoni. L-infiq amministrattiv tal-EDA għandu jkun soġġett għar-regoli rilevanti dwar il-finanzjament tal-EDA f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 (2).
2. L-infiq amministrattiv li jirriżulta minn proġetti mwettqa fil-qafas tal-PESCO għandu jiġi appoġġat primarjament mill-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett individwali. Kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni jistgħu jsiru lil tali proġetti f'konformità mat-Trattati u f'konformità mal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni.
Artikolu 9
Parteċipazzjoni ta' Stati terzi fi proġetti individwali
1. Il-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' Stati terzi fi proġetti individwali għandhom jiġu speċifikati f'deċiżjoni tal-Kunsill adottata f'konformità mal-Artikolu 4(2), li tista' tinkludi mudell għal arranġamenti amministrattivi ma' Stati terzi.
2. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi f'konformità mal-Artikolu 46(6) TUE jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett ikunu jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f'dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti indikati fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.
3. Wara deċiżjoni pożittiva kif imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri parteċipanti li jieħdu sehem fi proġett jistgħu jidħlu f'arranġamenti amministrattivi mal-Istat terz ikkonċernat għall-fini tal-parteċipazzjoni tiegħu f'dak il-proġett. Tali arranġamenti għandhom jirrispettaw il-proċeduri u l-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni.
Artikolu 10
Regoli ta' sigurtà
Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3) għandhom japplikaw fil-kuntest tal-PESCO.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) In-notifika hija pubblikata flimkien ma' din id-Deċiżjoni (ara paġna ta' 65 dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU L 266, tat-13 ta' Ottubru 2015, p. 55).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
ANNESS
Lista ta' impenji komuni ambizzjużi u aktar vinkolanti meħuda mill-Istati Membri parteċipanti fil-ħames oqsma stabbiliti mill-Artikolu 2 tal-Protokoll 10
|
Abbażi tal-punti ta' riferiment kollettivi identifikati fl-2007, l-Istati Membri parteċipanti jissottoskrivu l-impenji li ġejjin:
1. |
Jiżdiedu b'mod regolari l-baġits għad-difiża f'termini reali, sabiex jintlaħqu l-objettivi maqbula. |
2. |
Żieda suċċessiva fuq terminu medju fin-nefqa tal-investiment fid-difiża sa 20 % tal-ispiża totali fid-difiża (punt ta' riferiment kollettiv) sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċitajiet strateġiċi permezz ta' parteċipazzjoni fi proġetti ta' kapaċitajiet tad-difiża f'konformità mas-CDP u mar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD). |
3. |
Jiżdiedu l-proġetti strateġiċi konġunti u “kollaborattivi” ta' kapaċitajiet tad-difiża. Jenħtieġ li tali proġetti konġunti u kollaborattivi jkunu appoġġati permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża jekk ikun meħtieġ u kif adatt. |
4. |
Jiżdied is-sehem tal-infiq allokat lir-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża bil-għan li joqrob lejn it-2 % tal-ispiża totali fid-difiża (punt ta' riferiment kollettiv). |
5. |
Jiġi stabbilit rieżami regolari ta' dawn l-impenji (bil-għan li jiġu approvati mill-Kunsill). |
|
6. |
Jinqeda rwol sostanzjali fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet fi ħdan l-UE, inkluż fil-qafas tal-CARD, sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet meħtieġa biex jintlaħaq il-livell ta' ambizzjoni fl-Ewropa. |
7. |
Impenn lejn appoġġ għall-CARD sal-ogħla livell possibbli filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura volontarja tar-rieżami u l-limitazzjonijiet individwali tal-Istati Membri parteċipanti. |
8. |
Impenn lejn l-involviment intensiv ta' Fond Ewropew għad-Difiża futur f'akkwist multinazzjonali b'valur miżjud identifikat tal-UE. |
9. |
Impenn lejn it-tfassil ta' rekwiżiti armonizzati għall-proġetti kollha ta' żvilupp tal-kapaċitajiet maqbula mill-Istati Membri parteċipanti. |
10. |
Impenn lejn il-konsiderazzjoni tal-użu konġunt ta' kapaċitajiet eżistenti sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi disponibbli u titjieb l-effikaċja ġenerali tagħhom. |
11. |
Impenn lejn l-iżgurar ta' sforzi akbar fil-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ operazzjonali. |
|
12. |
Fir-rigward tad-disponibbiltà u l-iskjerabbiltà tal-forzi, l-Istati Membri parteċipanti huma impenjati li:
|
13. |
Fir-rigward tal-interoperabbiltà tal-forzi, l-Istati Membri parteċipanti huma impenjati li:
|
14. |
L-Istati Membri parteċipanti ser jistinkaw favur approċċ ambizzjuż għall-finanzjament komuni ta' operazzjonijiet u missjonijiet militari tal-PSDK, lil hinn minn dik li ser tiġi ddefinita bħala spiża komuni skont id-deċiżjoni tal-kunsill Athena. |
|
15. |
Għajnuna biex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati taħt il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u l-CARD. Dawn il-proġetti ta' kapaċità għandhom iżidu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u jsaħħu l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB). |
16. |
Jitqies, bħala prijorità, approċċ kollaborattiv Ewropew sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati fil-livell nazzjonali u, bħala regola ġenerali, jintuża biss approċċ esklużivament nazzjonali jekk ikun twettaq diġà tali eżami. |
17. |
Parteċipazzjoni f'mill-anqas proġett wieħed taħt il-PESCO li jiżviluppa jew jipprovdi kapaċitajiet identifikati bħala strateġikament rilevanti mill-Istati Membri. |
|
18. |
Impenn li l-EDA tintuża bħala l-forum Ewropew għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet konġunti u li l-OCCAR titqies bħala l-organizzazzjoni kollaborattiva preferuta għall-ġestjoni ta' programmi. |
19. |
Jiġi żgurat li l-proġetti kollha fir-rigward tal-kapaċitajiet immexxija mill-Istati Membri parteċipanti jrendu l-industrija tad-difiża Ewropea aktar kompetittiva permezz ta' politika industrijali xierqa li tevita sovrappożizzjoni bla bżonn. |
20. |
Jiġi żgurat li l-programmi ta' kooperazzjoni - li minnhom għandhom jibbenefikaw biss entitajiet li jistgħu juru valur miżjud fuq it-territorju tal-UE - u l-istrateġiji ta' akkwist adottati mill-Istati Membri parteċipanti jkollhom impatt pożittiv fuq l-EDTIB |
TRADUZZJONI
Notifika rigward il-kooperazzjoni strutturata permanenti (pesco) lill-kunsill u lir-rappreżentant għoli tal-unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta' sigurtà
Preambolu
L-Istati Membri parteċipanti,
Filwaqt li jfakkru li l-Unjoni qed taħdem favur politika estera u ta' sigurtà komuni bbażata fuq il-kisba ta' “konverġenza dejjem akbar tal-azzjonijiet tal-Istati Membri” (Art. 24(2) TUE) u li l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) hija parti integrali mill-politika estera u ta' sigurtà komuni;
Filwaqt li jqisu li l-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tipprovdi lill-Unjoni l-kapaċità operazzjonali abbażi ta' assi ċivili u militari u li t-tisħiħ tal-politika estera u ta' sigurtà ser jirrikjedi sforzi mill-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet;
Filwaqt li jfakkru l-impenn tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha għall-promozzjoni ta' ordni globali bbażat fuq ir-regoli bil-multilateraliżmu bħala l-prinċipju ewlieni tiegħu u n-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tiegħu;
Filwaqt li jfakkru l-Artikolu 42(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li skontu dawk “l-Istati Membri li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla u li jkunu ħadu impenji aktar vinkolanti ma' xulxin fil-qasam 'bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet l-aktar impenjattivi' għandhom jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) fil-qafas tal-Unjoni”;
Filwaqt li jqisu li l-PESCO tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jinkiseb il-Livell ta' Ambizzjoni tal-UE inkluż bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet l-aktar impenjattivi u li din tista' tiffaċilita l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Istati Membri permezz ta' involviment intensiv fi proġetti ta' akkwist multinazzjonali u ma' entitajiet industrijali adegwati, inkluż intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tad-difiża, filwaqt li jsir użu sħiħ mit-Trattati;
Filwaqt li jikkunsidraw l-objettivi ta' kooperazzjoni strutturata permanenti u l-impenji meħuda mill-Istati Membri biex jiksbuhom kif stabbilit fil-Protokoll Nru 10 dwar il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti u msemmi fl-Artikolu 46 TUE;
Filwaqt li jinnotaw li l-Kunsill Ewropew li sar fil-15 ta' Diċembru 2016 ikkonkluda li l-Ewropej għandhom jieħdu responsabbiltà akbar għas-sigurtà tagħhom u li, sabiex jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa f'ambjent ġeopolitiku mimli sfidi u biex iċ-ċittadini tagħha jiġu mħarsa aħjar, u filwaqt li kkonferma impenji preċedenti f'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal aktar ħidma, inkluż billi jiġu impenjati riżorsi addizzjonali suffiċjenti, filwaqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-impenji legali, u għall-Istati Membri li huma wkoll membri tan-NATO, linji gwida rilevanti tan-NATO dwar in-nefqa għad-difiża;
Filwaqt li jfakkru, barra minn hekk, li l-Kunsill Ewropew appella wkoll għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet meħtieġa kif ukoll għall-impenn biex dawn il-kapaċitajiet isiru disponibbli meta jkun neċessarju, u li sostna li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu kapaċi jikkontribwixxu b'mod deċiżiv għal sforzi kollettivi, kif ukoll li jaġixxu b'mod awtonomu meta u fejn ikun neċessarju u ma' sħab kull fejn ikun possibbli;
Filwaqt li jqisu li l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2017 appella li l-iżvilupp konġunt ta' proġetti ta' kapaċità maqbula b'mod komuni mill-Istati Membri biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet sinifikanti eżistenti u jiġu żviluppati t-teknoloġiji tal-ġejjieni, huwa kruċjali biex jiġi ssodisfat il-livell ta' ambizzjoni tal-UE approvat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2016; laqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Fond Ewropew għad-Difiża, magħmul minn tieqa għar-riċerka u tieqa għall-kapaċitajiet; u appella lill-Istati Membri biex jidentifikaw proġetti ta' kapaċità adatti għall-Fond Ewropew għad-Difiża u għall-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża;
Filwaqt li jfakkru b'mod partikolari li l-Kunsill Ewropew talab li r-Rappreżentant Għoli tressaq proposti fir-rigward tal-elementi u l-opzjonijiet għal Kooperazzjoni Strutturata Permanenti inklużiva abbażi ta' approċċ modulari u d-deskrizzjoni ta' proġetti potenzjali;
Filwaqt li jfakkru li l-Kunsill Affarijiet Barranin fis-6 ta' Marzu 2017 qabel dwar il-ħtieġa li titkompla l-ħidma fir-rigward tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti inklużiva abbażi ta' approċċ modulari, li għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha li huma lesti jieħdu l-impenji vinkolanti neċessarji u li jissodisfaw il-kriterji, abbażi tal-Artikoli 42(6) u 46 u l-Protokoll 10 tat-Trattat;
Determinati li jilħqu livell ġdid fit-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni kif mitlub fl-Artikolu 42(2) TUE permezz tal-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti fil-qafas tal-Unjoni; filwaqt li jieħdu kont tal-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri kollha;
Filwaqt li jfakkru l-obbligu skont l-Artikolu 42(7) TUE tal-għajnuna u l-assistenza reċiproċi;
Filwaqt li jfakkru li f'konformità mal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-impenji u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni “għandhom ikunu konsistenti mal-impenji meħuda fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li, għal dawk l-Istati Membri li huma membri tagħha, tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tagħhom u l-forum għall-implimentazzjoni tagħha”;
Filwaqt li jenfasizzaw li l-Kunsill Ewropew tat-22/23 ta' Ġunju 2017 qabel dwar il-ħtieġa għat-tnedija ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) li tkun inklużiva u ambizzjuża u b'rispons għall-mandat tal-Kunsill Ewropew biex ifasslu fi żmien tliet xhur “lista komuni ta' kriterji u impenji vinkolanti, kompletament konformi mal-Artikoli 42(6) u 46 TUE u mal-Protokoll 10 għat-Trattat - inkluż bil-ħsieb li jitwettqu l-missjonijiet l-aktar impenjattivi […], b'kalendarju preċiż u mekkaniżmi ta' valutazzjoni speċifiċi, sabiex l-Istati Membri li huma f'pożizzjoni li jagħmlu dan, ikunu jistgħu jinnotifikaw l-intenzjonijiet tagħhom li jipparteċipaw mingħajr dewmien”;
B'DAN JINNOTIFIKAW lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw f'Kooperazzjoni Strutturata Permanenti;
JAPPELLAW lill-Kunsill biex jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll 10 tat-Trattat, u abbażi tal-prinċipji speċifikati fl-Anness I, l-impenji aktar vinkolanti komuni li jinsabu fl-Anness II kif ukoll il-proposti għall-governanza li jinsabu fl-Anness III;
GĦANDHOM IRESSQU, qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-PESCO, pjan ta' implimentazzjoni nazzjonali li juri l-kapaċità tagħhom li jonoraw l-impenji l-aktar vinkolanti li jinsabu fl-Anness II.
Magħmul fi Brussell fit-tlettax-il jum ta' Novembru fis-sena elfejn u sbatax.
* |
L-Irlanda, fis-7 ta' Diċembru 2017, innotifikat lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-PESCO u assoċjat ruħha ma' din in-Notifika konġunta. |
* |
Ir-Repubblika Portugiża, fis-7 ta' Diċembru 2017, innotifikat lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-PESCO u assoċjat ruħha ma' din in-Notifika konġunta. |
ANNESS I - PRINĊIPJI TAL-PESCO
Il-“Kooperazzjoni Strutturata Permanenti” hija prevista fl-Artikoli 42 u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 10 tat-Trattat. Din tista' tiġi attivata darba biss u hija stabbilita permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tiġi adottata b'maġġoranza kwalifikata, sabiex iġġib flimkien l-Istati Membri kollha li lesti jipparteċipaw fil-qasam tad-difiża, “li l-kapaċitajiet militari tagħhom jissodisfaw kriterji ogħla” u li jkunu ħadu “impenji aktar vinkolanti bil-ħsieb tat-twettiq tal-missjonijiet” u l-operazzjonijiet “l-aktar impenjattivi”.
Il-PESCO hija qafas legali Ewropew ambizzjuż, vinkolanti u inklużiv għal investimenti fis-sigurtà u d-difiża tat-territorju tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Il-PESCO tipprevedi wkoll qafas politiku kruċjali għall-Istati Membri kollha biex itejbu l-assi militari u l-kapaċitajiet ta' difiża rispettivi tagħhom permezz ta' inizjattivi kkoordinati tajjeb u proġetti konkreti bbażati fuq impenji aktar vinkolanti. Kapaċitajiet ta' difiża msaħħa tal-Istati Membri tal-UE ser ikunu wkoll ta' benefiċċju għan-NATO. Huma ser isaħħu l-pilastru Ewropew fi ħdan l-Alleanza u ser iwieġbu talbiet ripetuti għal kondiviżjoni transatlantika msaħħa tal-piżijiet.
Il-PESCO hija pass kruċjali lejn it-tisħiħ tal-politika ta' difiża komuni. Tista' tkun element ta' żvilupp possibbli lejn difiża komuni, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk b'vot unanimu (kif stipulat fl-Artikolu 42(2) TUE). Viżjoni fit-tul għall-PESCO tista' tkun il-kisba ta' pakkett koerenti ta' forzi fuq medda sħiħa - f'komplementarjetà man-NATO, li ser tibqa' s-sies tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha.
Aħna nqisu PESCO inklużiv bħala l-aktar strument importanti biex titrawwem politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni f'qasam fejn huma meħtieġa aktar koerenza, kontinwità, koordinazzjoni u kollaborazzjoni. Jenħtieġ li l-isforzi Ewropej għal dan il-għan ikunu magħquda, ikkoordinati, u sinifikanti u għandhom ikunu bbażati fuq il-linji gwida politiċi miftiehma b'mod komuni.
Il-PESCO toffri qafas legali affidabbli u vinkolanti fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-UE. L-Istati Membri parteċipanti ser jonoraw l-impenji vinkolanti tagħhom, u b'hekk jikkonfermaw li l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti ser jitwettqu f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tat-TUE u l-protokolli tiegħu u fir-rispett tad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri.
In-natura vinkolanti tal-impenji tal-PESCO ser tiġi żgurata permezz ta' valutazzjoni regolari annwali mwettqa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u appoġġata, b'mod partikolari, mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), għall-aspetti tal-iżvilupp tal-kapaċità (notevolment deskritti fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 10), u s-SEAE, inkluż l-EUMS u strutturi oħra tal-PSDK, għall-aspetti operazzjonali tal-PESCO. Permezz tal-PESCO, l-Unjoni tista' taħdem lejn pakkett koerenti ta' forzi fuq medda sħiħa minħabba li l-PESCO għandha żżid il-koordinazzjoni u l-gwida dixxendenti għal strutturi u linji ta' sforz axxendenti eżistenti jew futuri.
Il-PESCO għandha tipprovdi opportunitajiet biex l-Istati Membri jtejbu l-kapaċitajiet ta' difiża permezz tal-parteċipazzjoni f'inizjattivi kkoordinati tajjeb u proġetti komuni konkreti, potenzjalment li jisfruttaw raggruppamenti reġjonali eżistenti. Il-parteċipazzjoni fil-PESCO hija volontarja u tħalli is-sovranità nazzjonali mhux mittiefsa.
PESCO inklużiva hija sinjal politiku qawwi għaċ-ċittadini tagħna u d-dinja esterna: gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE qed jieħdu s-sigurtà u d-difiża komuni bis-serjetà u jippromwovuhom. Għaċ-ċittadini tal-UE dan ifisser aktar sigurtà u sinjal ċar tar-rieda tal-Istati Membri kollha biex irawmu s-sigurtà u d-difiża komuni biex jilħqu l-miri stipulati mill-Istrateġija Globali tal-UE.
Il-PESCO ser tkun orjentata lejn ir-riżultati u għandha tippermetti li jintlaħaq progress tanġibbli fil-livell ta' infiq għall-investiment fuq tagħmir għad-difiża, fil-miri kollaborattivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u d-disponibbiltà ta' kapaċitajiet ta' difiża li jistgħu jiġu skjerati għal missjonijiet u operazzjonijiet kombinati b'rikonoxximent tal-prinċipju ta' ġabra waħda ta' forzi. L-ixprun ewlieni tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-PESCO ser ikun l-issodisfar tan-nuqqasijiet fil-kapaċità relatati mal-Livell ta' Ambizzjoni tal-UE u l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni.
In-natura “inklużiva” u “modulari” tal-PESCO, kif deskritta mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2016, ma għandhiex twassal biex jitbaxxa l-livell tal-kooperazzjoni. L-objettiv ta' PESCO “ambizzjuż” jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha li jipparteċipaw fil-PESCO jkunu konformi ma' lista komuni ta' objettivi u impenji. Kif imfakkar mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2017, il-PESCO hija “inklużiva u ambizzjuża”.
Il-lista ta' impenji li ġejja għandha tgħin biex jintlaħaq il-livell ta' ambizzjoni tal-UE kif definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2016, approvati mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2016, u b'hekk issaħħaħ l-awtonomija strateġika kemm taċ-ċittadini Ewropej kif ukoll tal-UE.
ANNESS II - LISTA TA' IMPENJI KOMUNI AMBIZZJUŻI U AKTAR VINKOLANTI FIL-ĦAMES OQSMA STABBILITI MILL-ARTIKOLU 2 TAL-PROTOKOLL NRU 10
|
Abbażi tal-punti ta' riferiment kollettivi identifikati fl-2007, l-Istati Membri parteċipanti jaqblu mal-impenji li ġejjin:
1. |
Jiżdiedu b'mod regolari l-baġits għad-difiża f'termini reali, sabiex jintlaħqu l-objettivi maqbula. |
2. |
Żieda suċċessiva fuq terminu medju fin-nefqa tal-investiment fid-difiża sa 20 % tal-ispiża totali fid-difiża (punt ta' riferiment kollettiv) sabiex jiġu indirizzati l-lakuni fil-kapaċitajiet strateġiċi permezz ta' parteċipazzjoni fi proġetti ta' kapaċitajiet tad-difiża f'konformità mas-CDP u mar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD). |
3. |
Jiżdiedu l-proġetti strateġiċi konġunti u “kollaborattivi” ta' kapaċitajiet tad-difiża. Jenħtieġ li tali proġetti konġunti u kollaborattivi jkunu appoġġati permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża jekk ikun meħtieġ u kif adatt. |
4. |
Jiżdied is-sehem tal-infiq allokat lir-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tad-difiża bil-għan li joqrob lejn it-2 % tal-ispiża totali fid-difiża (punt ta' riferiment kollettiv). |
5. |
Jiġi stabbilit rieżami regolari ta' dawn l-impenji (bil-għan li jiġu approvati mill-Kunsill). |
|
6. |
Jinqeda rwol sostanzjali fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet fi ħdan l-UE, inkluż fi ħdan il-qafas tal-CARD, sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-kapaċitajiet meħtieġa biex jintlaħaq il-livell ta' ambizzjoni fl-Ewropa. |
7. |
Impenn lejn appoġġ għall-CARD sal-ogħla livell possibbli filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura volontarja tar-rieżami u l-limitazzjonijiet individwali tal-Istati Membri parteċipanti. |
8. |
Impenn lejn l-involviment intensiv ta' Fond Ewropew għad-Difiża futur f'akkwist multinazzjonali b'valur miżjud identifikat tal-UE. |
9. |
Impenn lejn it-tfassil ta' rekwiżiti armonizzati għall-proġetti kollha ta' żvilupp tal-kapaċitajiet maqbula mill-Istati Membri parteċipanti. |
10. |
Impenn lejn il-konsiderazzjoni tal-użu konġunt ta' kapaċitajiet eżistenti sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi disponibbli u titjieb l-effikaċja ġenerali tagħhom. |
11. |
Impenn lejn l-iżgurar ta' sforzi akbar fil-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża, bħall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ operazzjonali. |
|
12. |
Fir-rigward tad-disponibbiltà u l-iskjerabbiltà tal-forzi, l-Istati Membri parteċipanti huma impenjati li:
|
13. |
Fir-rigward tal-interoperabbiltà tal-forzi, l-Istati Membri parteċipanti huma impenjati li:
|
14. |
L-Istati Membri parteċipanti ser jistinkaw favur approċċ ambizzjuż għall-finanzjament komuni ta' operazzjonijiet u missjonijiet militari tal-PSDK, lil hinn minn dik li ser tiġi ddefinita bħala spiża komuni skont id-deċiżjoni Athena tal-kunsill. |
|
15. |
Għajnuna biex jingħelbu n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati taħt il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u l-CARD. Dawn il-proġetti ta' kapaċità għandhom iżidu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u jsaħħu l-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB). |
16. |
Jitqies, bħala prijorità, approċċ kollaborattiv Ewropew sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet identifikati fil-livell nazzjonali u, bħala regola ġenerali, jintuża biss approċċ esklużivament nazzjonali jekk ikun twettaq diġà tali eżami. |
17. |
Parteċipazzjoni f'mill-anqas proġett wieħed taħt il-PESCO li jiżviluppa jew jipprovdi kapaċitajiet identifikati bħala strateġikament rilevanti mill-Istati Membri. |
|
18. |
Impenn li l-EDA tintuża bħala l-forum Ewropew għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet konġunti u li l-OCCAR titqies bħala l-organizzazzjoni kollaborattiva preferuta għall-ġestjoni ta' programmi. |
19. |
Jiġi żgurat li l-proġetti kollha fir-rigward tal-kapaċitajiet immexxija mill-Istati Membri parteċipanti jrendu l-industrija tad-difiża Ewropea aktar kompetittiva permezz ta' politika industrijali xierqa li tevita sovrapożizzjoni bla bżonn. |
20. |
Jiġi żgurat li l-programmi ta' kooperazzjoni - li minnhom għandhom jibbenefikaw biss entitajiet li jistgħu juru valur miżjud fuq it-territorju tal-UE - u l-istrateġiji ta' akkwist adottati mill-Istati Membri parteċipanti jkollhom impatt pożittiv fuq l-EDTIB. |
ANNESS III – GOVERNANZA
1. L-Istati Membri parteċipanti jibqgħu fil-qalba tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li jkun hemm koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli
Il-PESCO hija qafas immexxi mill-Istati Membri parteċipanti u tibqa' primarjament kompetenza tagħhom. It-trasparenza hija żgurata għall-Istati Membri tal-UE mhux parteċipanti.
Sabiex tkun żgurata koordinazzjoni xierqa mal-politika ġenerali ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK), li tagħha hija parti integrali, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ser tkun involuta bis-sħiħ fil-proċedimenti marbuta mal-PESCO. Ir-Rappreżentant Għoli ser tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-valutazzjoni annwali mitluba mill-Kunsill Ewropew spjegata fil-parti 4 hawn taħt. Is-SEAE, inkluż l-Istat Maġġuri tal-UE (EUMS), u l-EDA ser jiżguraw is-Segretarjat tal-PESCO f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Viċi Segretarju Ġenerali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-PSDK u r-Reazzjoni għall-Kriżijiet.
F'konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 10 TUE u mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża, l-EDA ser tappoġġa lir-Rappreżentant Għoli f'dak li għandu x'jaqsam mal-aspetti tal-iżvilupp tal-kapaċità. Is-SEAE ser jappoġġa r-Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari dwar l-aspetti operazzjonali tal-PESCO, inkluż permezz tal-Istat Maġġuri tal-UE u strutturi oħra tal-PSDK.
Qed tinġibed l-attenzjoni għall-Artikolu 41(1) TUE li skontu l-“ispiża amministrattiva li tinqala' minħabba l-implimentazzjoni ta' dan il-Kapitolu għall-istituzzjonijiet għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni”.
2. Il-governanza hija magħmula minn żewġ livelli, b'livell sovrastanti responsabbli miż-żamma tal-koerenza u tal-ambizzjoni tal-PESCO, ikkomplementat minn proċeduri speċifiċi għall-proġetti tal-PESCO
2.1. Il-livell sovrastanti ser ikun responsabbli mill-koerenza u l-implimentazzjoni kredibbli tal-PESCO.
Huwa ser ikun ibbażat fuq strutturi eżistenti. Meta jiltaqgħu f'laqgħa konġunta tal-Kunsill Affarijiet Barranin/Difiża (normalment darbtejn fis-sena), il-Ministri għall-Affarijiet Barranin u għad-Difiża tal-UE jistgħu jittrattaw il-kwistjonijiet tal-PESCO. Meta l-Kunsill jiltaqa' biex jittratta kwistjonijiet tal-PESCO, id-drittijiet tal-vot huma riservati għar-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti. F'din l-okkażjoni, l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jadottaw proġetti ġodda b'unanimità (f'konformità mal-Artikolu 46(6) TUE), jirċievu valutazzjonijiet tal-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti, speċjalment dawk li jidhru fid-dettall fil-parti 3 ta' dan l-Anness, u jistgħu jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta' Stat Membru ieħor b'maġġoranza kwalifikata wara li jikkonsultaw mar-Rappreżentant Għoli, f'konformità mal-Artikolu 46(3) TUE.
Jekk ma jkunx jista' jagħmel mod ieħor, il-Kunsill jista' jissospendi l-parteċipazzjoni ta' Stat Membru li ma jibqax jissodisfa l-kriterji, li minn qabel ikun ta perijodu ta' żmien definit ċar għal konsultazzjoni individwali u għal miżuri ta' reazzjoni, jew li ma jkunx jista' jew ma jridx jissodisfa aktar l-impenji u l-obbligi tal-PESCO, f'konformità mal-Artikolu 46(4) TUE.
Il-korpi preparatorji rilevanti eżistenti tal-Kunsill ser jiltaqgħu fil-“format PESCO”, jiġifieri bl-Istati Membri tal-UE kollha preżenti, iżda b'arranġament li juri l-fatt li l-Istati Membri parteċipanti biss ikollhom id-dritt tal-vot. Il-laqgħat tal-KPS fil-“format PESCO” jistgħu jitlaqqgħu biex jindirizzaw kwistjonijiet komuni ta' interess għall-Istati Membri parteċipanti, biex jippjanaw u jiddiskutu proġetti, jew biex jiddiskutu sħab ġodda fil-PESCO. Il-ħidma tiegħu ser tkun appoġġata mil-laqgħat tal-PMG fil-format PESCO. Il-Kumitat Militari tal-UE wkoll ser jitlaqqa' fil-format PESCO u b'mod partikolari jintalab jagħti pariri militari. Barra minn hekk laqgħat informali jistgħu jsiru mal-Istati Membri parteċipanti biss.
2.2. Il-governanza ta' proġetti
2.2.1. L-iskrutinju tal-proġetti PESCO ser ikun ibbażat fuq il-valutazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, b'dipendenza fuq is-SEAE, inkluż l-EUMS, u l-EDA, l-għażla ta' proġetti ser tkun teħtieġ deċiżjoni tal-Kunsill
L-Istati Membri parteċipanti huma ħielsa li jippreżentaw kwalunkwe proġett li jqisu li huwa bżonnjuż għall-iskopijiet tal-PESCO. Huma ser jippubbliċizzaw l-intenzjoni tagħhom sabiex jiksbu l-appoġġ u jippreżentaw il-proġetti b'mod kollettiv lis-Segretarjat tal-PESCO, u fl-istess ħin jaqsmuhom mal-Istati Membri parteċipanti l-oħra kollha.
Il-proġetti għandhom jgħinu jissodisfaw l-impenji msemmija fl-Anness II tan-notifika, li ħafna minnhom jappellaw għall-iżvilupp, jew il-forniment, ta' ħiliet identifikati mill-Istati Membri bħala strateġikament rilevanti u b'valur miżjud tal-UE maqbul minn kulħadd, kif ukoll jitolbu li jingħataw appoġġ sostanzjali bil-mezzi u l-kapaċitajiet tal-operazzjonijiet (EUFOR) u l-missjonijiet tal-PSDK (pereżempju l-missjonijiet ta' taħriġ tal-UE) f'konformità mal-Artikolu 42(6) TUE.
Biex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-proġetti varji tal-PESCO, aħna nissuġġerixxu għadd limitat ta' proġetti b'attenzjoni speċifika fuq il-missjoni u l-operazzjoni f'konformità mal-livell ta' ambizzjoni tal-UE. Proġetti oħra ser jappoġġaw dawn il-proġetti billi jaqdu rwol ta' faċilitaturi għalihom u permezz tagħhom ikunu jistgħu jsiru. Il-proġetti għandhom jinġabru skont dan.
Is-Segretarjat tal-PESCO ser jikkoordinaw il-valutazzjoni tal-proġetti proposti. Fir-rigward ta' proġetti ta' żvilupp ta' kapaċitajiet, l-EDA ser tiżgura li ma jkunx hemm duplikazzjoni ma' inizjattivi eżistenti wkoll f'kuntesti istituzzjonali oħra. Għall-proġetti b'attenzjoni fuq l-operazzjoni u l-missjoni, il-EUMS ser jivvaluta kemm dawn jikkonformaw u jikkontribwixxu għall-ħtiġijiet operazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Fuq din il-bażi, ir-Rappreżentant Għoli ser tagħti rakkomandazzjoni li tidentifika dawk il-proposti għall-proġetti li huma l-aktar ambizzjużi, li jikkontribwixxu għal-livell ta' ambizzjoni tal-UE u li huma l-aħjar biex imexxu 'l quddiem l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Il-portafoll ta' proġetti għandu jirrifletti bilanċ xieraq bejn proġetti li huma aktar fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet u dawk li huma aktar fil-qasam tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet.
Ir-rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli ser tikkontribwixxi biex, fil-qafas tal-PESCO, il-Kunsill jiddeċiedi dwar il-lista ta' proġetti tal-PESCO wara l-parir militari tal-EUMC fil-format PESCO u permezz tal-KPS fil-format PESCO. Il-Kunsill għandu jiddeċiedu b'unanimità, kif magħmula mill-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti, f'konformità mal-Artikolu 46(6) TUE.
L-Istati Membri mhux parteċipanti tal-UE jistgħu dejjem jindikaw l-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw fi proġetti billi jwiegħdu l-impenn tagħhom u jingħaqdu mal-PESCO.
Stati Terzi jistgħu eċċezzjonalment jiġu mistiedna mill-parteċipanti tal-proġetti, skont l-arranġamenti ġenerali li għandha tittieħed deċiżjoni dwarhom fiż-żmien dovut mill-Kunsill skont l-Artikolu 46(6) TUE. Ikun jeħtieġ li jipprovdu valur miżjud sostanzjali għall-proġett, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-PESCO u l-PSDK u jissodisfaw impenji aktar diffiċli. Dan mhux ser jagħti setgħat ta' deċiżjoni lil Stati Terzi bħal dawn fil-governanza tal-PESCO. Barra minn hekk, il-Kunsill f'format tal-PESCO ser jiddeċiedi jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-arranġamenti ġenerali jkunux ġew issodisfati minn kull Stat Terz mistieden mill-parteċipanti tal-proġett rispettivi.
2.2.2. Il-governanza tal-proġetti hija qabel xejn f'idejn l-Istati Membri parteċipanti
Meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar il-lista tal-proġetti tal-PESCO mill-Kunsill, trid tinhemeż il-lista tal-Istati Membri parteċipanti assoċjati mal-proġett. Dawk l-Istati Membri parteċipanti fi proġett ser ikunu ppreżentaw il-proġett minn qabel b'mod kollettiv.
L-Istati Membri parteċipanti assoċjati ma' proġett ser jaqblu b'unanimità bejniethom dwar il-modalitajiet u l-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom, inkluż il-kontribuzzjoni meħtieġa biex jingħaqdu mal-proġett. Huma ser jistabbilixxu r-regoli tal-governanza tal-proġett u ser jiddeċiedu dwar l-ammissjoni ta' Stati Membri parteċipanti oħra matul iċ-ċiklu tal-proġett, bi status ta' parteċipant jew osservatur. Madankollu, jenħtieġ li jiġi żviluppat sett komuni ta' regoli ta' governanza li jkun jista' jiġi adattat fi proġetti individwali. Dan ser jiżgura forma ta' standardizzazzjoni fil-governanza fost il-proġetti kollha u jħaffef il-bidu tagħhom. Għal proġetti ta' żvilupp ta' kapaċitajiet b'mod partikolari, il-ġestjoni tal-proġetti (l-ispeċifikazzjonijiet, l-istrateġija tal-akkwist, l-għażla tal-aġenzija eżekuttiva, l-għażla tal-kumpanniji industrijali, eċċ) ser tibqa' responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri parteċipanti assoċjati mal-proġett.
L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri mhux parteċipanti dwar il-proġetti kif xieraq.
3. Approċċ f'fażijiet preċiżi b'objettivi realistiċi u vinkolanti għal kull fażi
L-impenji meħuda mill-Istati Membri parteċipanti ser jiġu ssodisfati permezz ta' sforzi nazzjonali, u proġetti konkreti.
Approċċ realistiku f'fażijiet huwa essenzjali biex tiġi ppreservata l-parteċipazzjoni ta' Stati Membri minn ta' quddiem fil-PESCO u b'hekk, jitħarsu l-prinċipji ta' ambizzjoni u inklużività. Filwaqt li l-Istati Membri parteċipanti ser jaħdmu biex jiksbu l-impenji kollha tagħhom malli PESCO jitnieda uffiċjalment, ċerti impenji jistgħu jinkisbu qabel l-oħrajn. Għal dak il-għan, approċċ f'fażijiet għandu jkun maqbul mill-Istati Membri parteċipanti.
Il-fażijiet ser iqisu elementi oħra eżistenti fuq il-kalendarju (bħall-implimentazzjoni tal-EDAP, it-tnedija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss fl-2021, u l-impenji diġà meħuda mill-Istati Membri f'oqfsa oħra). Żewġ fażijiet rispettivi (2018-2021 u 2021-2025) ser jippermettu s-sekwenza fl-impenji. Wara l-2025, ser ikun hemm proċess ta' rieżami. Għal dak l-għan, l-Istati Membri parteċipanti ser jivvalutaw li l-impenji kollha ġew issodisfati u ser jiddeċiedu dwar impenji ġodda, bil-ħsieb li jvaraw fażi ġdida għas-sigurtà Ewropea u l-integrazzjoni tad-difiża.
4. Il-Governanza tal-PESCO teħtieġ mekkaniżmu ta' valutazzjoni ambizzjuż u mfassal sew imsejjes fuq pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali
L-Istati Membri parteċipanti kollha huma garanti u r-Rappreżentant Għoli ser tirrapporta dwar l-issodisfar tal-impenji, f'konformità mal-prinċipju tal-valutazzjoni regolari stipulat mill-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 10. In-natura vinkolanti u l-kredibbiltà tal-impenji miftiehma ser tkun żgurata permezz ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni fuq żewġ livelli:
4.1. Il-“Pjan ta' Implimentazzjoni Nazzjonali”
Sabiex tintwera l-kapaċità u r-rieda ta' kull Stat Membru parteċipanti li jissodisfa l-impenji miftiehma, kull Stat Membri parteċipanti ser jieħu l-impenn li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-PESCO, jippreżenta Pjan ta' Implimentazzjoni nazzjonali li jiddeskrivi l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw l-impenji vinkolanti. Għall-finijiet ta' trasparenza, l-aċċess għal dawk il-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni ser jingħata lill-Istati Membri parteċipanti kollha.
Il-valutazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Istati Membri parteċipanti li jissodisfaw l-impenji miftiehma ser issir kull sena abbażi tal-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni nazzjonali, permezz tas-Segretarjat tal-PESCO taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli (appoġġata mill-EDA fir-rigward tal-investimenti fid-difiża u l-iżvilupp tal-kapaċità u mis-SEAE, inkluż l-EUMS, fir-rigward tal-aspetti operazzjonali). Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, din il-valutazzjoni għandha tintbagħat lill-KPS (fil-format PESCO) kif ukoll lill-EUMC (fil-format PESCO) għal parir tiegħu.
Dawk li jivvalutaw ser jiffokaw fuq il-kredibbiltà tal-impenji tal-PESCO billi jiskrinjaw il-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet fattwali u l-kontribuzzjonijiet għall-proġetti.
Wara t-tnedija tal-PESCO, l-Istati Membri parteċipanti ser jaġġornaw il-Pjanijiet ta' Implimentazzjoni nazzjonali tagħhom kif xieraq skont ir-rekwiżit ta' approċċ f'fażijiet.
Fil-bidu ta' kull fażi, l-impenji ser jiġu ddettaljati permezz ta' objettivi aktar preċiżi stabbiliti minn fost l-Istati Membri parteċipanti sabiex il-proċess ta' valutazzjoni jkun eħfef.
4.2. Rieżami Strateġiku annwali fi tmiem kull fażi
Mill-inqas darba fis-sena, il-Kunsill konġunt Affarijiet Barranin/Difiża ser jirċievi rapport mir-Rappreżentant Għoli, ibbażat fuq il-kontributi tal-EDA (f'konformità mal-Artikolu tal-Protokoll Nru 10) u tas-SEAE, inkluż l-EUMS. Dan ir-rapport ser jiddeskrivi fid-dettall l-istatus tal-implimentazzjoni tal-PESCO, inkluż ir-rispett tal-impenji li jkun ħa kull Stat Membri parteċipanti, f'koerenza mal-Pjan ta' Implimentazzjoni nazzjonali tiegħu. Dan ir-rapport, wara l-parir tal-EUMC, ser iservi ta' bażi għar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati f'konformità mal-Artikolu 46 TUE.
Fi tmiem kull fażi (2021; 2025) ser isir eżerċizzju ta' Rieżami Strateġiku li jivvaluta r-rispett għall-impenji previsti bħala ssodisfati matul dik il-fażi, jiddeċiedi dwar it-tnedija tal-fażi li jmiss u, jekk meħtieġ, jaġġorna l-impenji għall-fażi li jmiss.