14.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/79


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2317

tat-13 ta' Diċembru 2017

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema volontarja msejħa “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet” biex tintwera l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà mogħtija fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (1), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (2), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili tas-sostenibbiltà għall-bijofjuwils u għall-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi ma' dawk il-kriterji.

(2)

Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu konformi mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta' dik id-Direttiva.

(3)

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għall-produzzjoni tal-prodotti tal-bijomassa fihom dejta preċiża għall-iskopijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u/jew juru li l-konsenji tal-bijofjuwils jew tal-bijolikwidi jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li ebda materjal ma ġie modifikat jew imwarrab intenzjonalment sabiex il-kunsinna jew parti minnha tkun tista' taqa' taħt l-Anness IX. Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi dejta miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, Stat Membru ma jistax jitlob lill-fornitur jipprovdi aktar evidenza ta' konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà.

(4)

It-talba biex jiġi rikonoxxut li l-iskema volontarja msejħa “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet” turi li l-konsenji tal-bijofjuwils jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tressqet lill-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 2017. L-iskema li hija bbażata f'5-11 Lavington Street, Londra SE1 0NZ, ir-Renju Unit, tkopri ċ-ċereali, iż-żrieragħ taż-żejt u l-pitravi taz-zokkor, prodotti fir-Renju Unit sal-ewwel punt tal-kunsinna ta' dawn l-għelejjel. Jenħtieġ li d-dokumenti tal-iskema rikonoxxuta jkunu disponibbli fil-pjattaforma ta' trasparenza stabbilita skont id-Direttiva 2009/28/KE.

(5)

Hija u tivvaluta l-iskema volontarja msejħa “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet”, il-Kummissjoni sabet li din tkopri kif xieraq il-kriterji kollha ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, u wkoll li din tapplika metodoloġija ta' bilanċ tal-massa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.

(6)

Mill-valutazzjoni tal-iskema volontarja msejħa “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet” irriżulta li din tilħaq standards xierqa ta' affidabbiltà, ta' trasparenza u ta' awditjar indipendenti, u wkoll li hija tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u tal-Bijolikwidi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema volontarja msejħa “Red Tractor Farm Assurance Combinable Crops & Sugar Beet” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-iskema”), li tressqet lill-Kummissjoni fis-27 ta' Settembru 2017 għar-rikonoxximent, turi li l-konsenji taċ-ċereali, taż-żrieragħ taż-żejt u tal-pitravi taz-zokkor prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema jikkonformaw mal-kriterji tas-sostenibbiltà kif stabbiliti fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE.

L-iskema fiha wkoll dejta preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet annwalizzati mill-bidliet fil-ħażniet tal-karbonju kkawżati minn tibdil fl-użu tal-art (e l ), imsemmija fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fil-punt 1 tal-parti C tal-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE, li hija turi li huma ugwali għal żero.

Artikolu 2

Jekk il-kontenut tal-iskema, kif imressaq lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent fis-27 ta' Settembru 2017, jinbidel b'tali mod li jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat biex tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri kif xieraq il-kriterji tas-sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni, fost l-oħrajn, fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi meqjusa bħala deċiżivi għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur serju u strutturali ta' dawk l-elementi;

(b)

jekk l-iskema ma tibgħatx rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE;

(c)

jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards tal-awditjar indipendenti speċifikati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew ma ttejjibx l-elementi l-oħrajn tal-iskema meqjusa bħala deċiżivi għall-issuktar tar-rikonoxximent.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sal-15 ta' Diċembru 2022.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.