14.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/36


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2310

tat-13 ta' Diċembru 2017

li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2018 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta' ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti prodotti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 u (KE) Nru 614/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/859/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja fuq il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 2 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta' Mejju 1973 (3) (“il-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja”) u l-Protokoll 3 tal-Ftehim ŻEE (4) jiddeterminaw l-arranġamenti kummerċjali għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati bejn il-Partijiet Kontraenti.

(2)

Il-Protokoll 3 għall-Ftehim ŻEE jipprevedi dazju b'rata żero għall-ilmijiet li jkollhom iz-zokkor jew materjal ta' taħlil ieħor miżjud magħhom jew li jkunu mogħtija t-togħma, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2202 10 00, u għal xarbiet mhux alkoħoliċi oħrajn, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2202 91 00 u 2202 99 li ma fihomx prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404 jew xaħam miksub minn prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 0401 sa 0404.

(3)

Id-dazju b'rata żero għal dawk l-ilmijiet u għal dawk ix-xarbiet l-oħra ġie sospiż temporanjament għan-Norveġja għal perjodu ta' żmien illimitat permezz tal-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-Protokoll 2 għall-Ftehim Bilaterali dwar il-Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (5) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri”), li ġie approvat bid-Deċiżjoni 2004/859/KE. F'konformità mal-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri, l-importazzjonijiet bla dazju ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2202 10 00, ex 2202 91 00 u ex 2202 99 li joriġinaw fin-Norveġja għandhom jiġu permessi biss fil-limiti ta' kwota bla dazju. Għandu jitħallas dazju fuq l-importazzjonijiet li jaqbżu l-allokazzjoni tal-kwota.

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2034 (6) fetaħ kwota tariffarja għall-2017 għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' oġġetti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2202 10 00, ex 2202 91 00 u ex 2202 99 li joriġinaw min-Norveġja.

(5)

Il-Ftehim fl-għamla ta' Skambju ta' Ittri jeżiġi li jekk il-kwota tariffarja msemmija hawn fuq tkun ġiet eżawrita sal-31 ta' Ottubru 2017, il-kwota tariffarja applikabbli mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara tiżdied b'10 %. Skont id-dejta mogħtija lill-Kummissjoni, il-kwota annwali għall-2017 għall-ilmijiet u x-xarbiet ikkonċernati miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2034, ġiet eżawrita fil-5 ta' Settembru 2017.

(6)

Għalhekk, għandha tinfetaħ kwota tariffarja miżjuda għall-ilmijiet u x-xarbiet ikkonċernati mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2018, skont il-Ftehim fl-Għamla ta' Skambju ta' Ittri. Il-kwota annwali miftuħa għall-2017 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2034 kellha volum ta' 17,303 miljun litru. Għalhekk, il-kwota għall-2018 se tkun miftuħa b'volum 10 % ogħla ta' 19,033 miljun litru.

(7)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7) jistipula r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Il-kwota tariffarja miftuħa b'dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ġestita skont dawk ir-regoli.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-kwistjonijiet orizzontali dwar il-kummerċ ta' prodotti agrikoli pproċessati li mhumiex elenkati fl-Anness I,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2018, il-kwota tariffarja bla dazju stipulata fl-Anness se tkun miftuħa għall-oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li huma elenkati f'dak l-Anness, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fih.

2.   Ir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll 3 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tal-14 ta' Mejju 1973 għandhom japplikaw għall-oġġetti elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

3.   Għall-kwantitajiet importati li jaqbżu l-volum tal-kwota stabbilit fl-Anness, għandu japplika dazju preferenzjali ta' EUR 0,047 għal kull litru.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja bla dazju msemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 150, 20.5.2014, p. 1.

(2)   ĠU L 370, 17.12.2004, p. 70.

(3)   ĠU L 171, 27.6.1973, p. 2.

(4)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(5)   ĠU L 370, 17.12.2004, p. 72.

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2034 tal-21 ta' Novembru 2016 li jiftaħ il-kwota tariffarja għall-2017 għall-importazzjoni, fl-Unjoni Ewropea, ta' ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja li ġejjin mill-ipproċessar ta' prodotti agrikoli koperti mir-Regolament (UE) Nru 510/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 314, 21.11.2016, p. 4).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

Kwota tariffarja bla dazju għall-2018 li tapplika għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti oġġetti li joriġinaw min-Norveġja

Nru tal-Ordni

Kodiċi NM

Kodiċi TARIC

Deskrizzjoni tal-prodotti

Volum tal-Kwota

09.0709

2202 10 00

 

Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawwrin

19,033 miljun litru

ex 2202 91 00

10

Birra mhux alkoħolika li fiha z-zokkor

ex 2202 99 11

11

19

Xarbiet ibbażati fuq is-sojja b'kontenut ta' proteina ta' 2,8 % jew aktar skont il-piż, li fihom iz-zokkor (is-sukrożju jew iz-zokkor invertit)

ex 2202 99 15

11

19

Xarbiet ibbażati fuq is-sojja b'kontenut ta' proteina inqas minn 2,8 % skont il-piż; xarbiet ibbażati fuq il-ġewż tal-Kapitolu 8, ċereali tal-Kapitolu 10 jew żerriegħa tal-Kapitolu 12 li fihom iz-zokkor (is-sukrożju jew iz-zokkor invertit)

ex 2202 99 19

11

19

Xarbiet mhux alkoħoliċi oħrajn li fihom iz-zokkor (is-sukrożju jew iz-zokkor invertit)