14.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/39 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2311
tat-13 ta' Diċembru 2017
li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2292
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6e(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, mill-15 ta' Ġunju 2017, il-fornituri domestiċi ma għandhom jimponu ebda ħlas supplimentari addizzjonali mal-prezz bl-imnut domestiku fuq il-klijenti tar-roaming fi kwalunkwe Stat Membru għal kwalunkwe telefonata roaming regolata rċevuta, fil-limiti permessi minn politika ta' użu ġust. |
(2) |
Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jippermetti li l-fornituri domestiċi, wara l-15 ta' Ġunju 2017, japplikaw ħlas supplimentari flimkien mal-prezz domestiku bl-imnut, għall-konsum ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut li jaqbeż kwalunkwe limitu stipulat taħt politika ta' użu ġust. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 jillimita kwalunkwe ħlas supplimentari applikat għal telefonati tar-roaming regolati rċevuti għall-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni. |
(4) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2292 (2) jistabbilixxi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni li għandha tiġi applikata fl-2017 abbażi tal-valuri tad-data kif kienu fl-1 ta' Lulju 2016. |
(5) |
Il-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi pprovda lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata miġbura mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tal-Istati Membri dwar il-livell massimu tar-rati għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mobile li jkunu imponew, skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), f'kull suq nazzjonali għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-vuċi bl-ingrossa fuq networks individwali tal-mobile; u l-għadd totali ta' abbonati f'kull Stat Membru. |
(6) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni kkalkulat il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni billi: (i) tiġi mmultiplikata r-rata massima għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile permessa fi Stat Membru partikolari bl-għadd totali ta' abbonati f'dak l-Istat Membru; (ii) dan il-prodott jingħadd fost l-Istati Membri kollha; u (iii) issir diviżjoni tas-somma totali miksuba bl-għadd totali ta' abbonati fl-Istati Membri kollha, abbażi tal-valuri tad-data tal-1 ta' Lulju 2017. Għal Stati Membri mhux fiż-żona tal-Euro, ir-rata tal-kambju rilevanti hija l-medja tat-tieni kwart tal-2017 miksuba mill-bażi tad-dejta tal-Bank Ċentrali Ewropew. |
(7) |
Għalhekk jenħtieġ li jkun aġġornat il-valur tal-medja pponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni stabbiliti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2292. |
(8) |
Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2292 jenħtieġ li jitħassar. |
(9) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni kull sena. |
(10) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni hija stabbilita għal EUR 0,0091 kull minuta.
Artikolu 2
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/2292 jitħassar.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2292 tas-16 ta' Diċembru 2016 li jistipula l-medja ponderata tar-rati massimi għat-terminazzjoni ta' telefonati bil-mobile madwar l-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) 2015/2352 (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 77).
(3) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).
(4) Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Id-Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).