9.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1676

tal-15 ta' Ottubru 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Singapore, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-23 ta' April 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) mal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN). Dik l-awtorizzazzjoni pprevediet il-possibbiltà ta' negozjati bilaterali.

(2)

Fit-22 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tmexxi negozjati bilaterali għal FTA ma' Stati Membri individwali tal-ASEAN, li jibdew b'Singapore, li kellhom isiru skont id-direttivi attwali ta' negozjar.

(3)

Fit-12 ta' Settembru 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex testendi in-negozjati li għaddejjin ma' Singapore sabiex dawn ikopri wkoll il-protezzjoni tal-investiment.

(4)

In-negozjati għal Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Singapore, min-naħa l-oħra (il-Ftehim) ġew konklużi u l-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għat-twettiq tal-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Singapore, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-15 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. KÖSTINGER


(1)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.