9.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/36


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1687

tas-7 ta' Novembru 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2007/25/KE fir-rigward ta' ċerti miżuri ta' ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità, fir-rigward tal-perjodu tagħha ta' applikazzjoni

(notifikata bid-dokument C(2018) 7240)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(1),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE (2) tistabbilixxi ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-influwenza tat-tjur b'patoġeniċità għolja (HPAI) u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li jkunu akkumpanjati minn sidhom fl-Unjoni. Din ġiet adottata b'reazzjoni għat-tifqigħat tal-HPAI tas-sottotip H5N1 bil-ħsieb li tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u tal-bniedem fl-Unjoni. Din tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.

(2)

Tifqigħat tal-HPAI tas-sottotipi H5 differenti u oħrajn iktar rari. tas-sottotip H7, ikomplu jseħħu fid-dinja kollha fit-tjur u fi tjur ieħor mhux selvaġġ. L-HPAI saret endemika f'diversi pajjiżi terzi u laħqet pajjiżi terzi oħra għall-ewwel darba. It-theddida tal-introduzzjoni tal-vajrus tal-HPAI fl-Unjoni permezz ta' movimenti ta' għasafar domestiċi minn pajjiżi terzi tippersisti u għalhekk il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/25/KE jenħtieġ li jinżammu.

(3)

Barra minn hekk, għadd ta' atti delegati li jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw id-dħul fl-Unjoni ta' tjur u tjur ieħor mhux selvaġġ qed jitħejja bħalissa skont il-qafas tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Ir-regoli stipulati f'dawk l-atti delegati se jistabbilixxu l-approċċ li jrid jiġi adottat fir-rigward ta' ċerti riskji relatati ma' mard li jaffettwa t-tjur u tjur ieħor mhux selvaġġ, kif ukoll garanziji tas-saħħa tal-annimali meħtieġa għal għasafar miżmuma bħala annimali domestiċi. Ir-regoli stipulati f'dawk l-atti delegati se jqisu wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni Xjentifika dwar l-influwenza tat-tjur adottati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fl-14 ta' Settembru 2017 (4).

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika globali fir-rigward tal-HPAI, u sakemm jiġu adottati l-atti delegati li jikkonċernaw id-dħul fl-Unjoni ta' tjur u ta' tjur ieħor mhux selvaġġ, jenħtieġ li jittawwal il-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/25/KE sal-31 ta' Diċembru 2019.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/25/KE tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 2007/25/KE, id-data il-“31 ta' Diċembru 2018” tiġi sostitwita bil-“31 ta' Diċembru 2019”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 178, 28.6.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/25/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 fir-rigward ta' ċerti miżuri ta' ħarsien relatati mal-influwenza tat-tjur li għandha patoġeniċità għolja u l-movimenti ta' għasafar domestiċi li huma akkumpanjati mis-sid tagħhom fil-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2007, p. 29).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2017; 15(10):4991.