2.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/479

tal-1 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-prodotti importati minn pajjiż terz jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi jekk ikunu koperti minn ċertifikat ta’ spezzjoni maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti, mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew mill-korpi ta’ kontroll ta’ pajjiż terz rikonoxxut jew minn awtorità ta’ kontroll rikonoxxuta jew minn korp ta’ kontroll rikonoxxut.

(2)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 u t-traċċabbiltà tal-prodotti importati matul id-distribuzzjoni, inkluż it-trasport minn pajjiżi terzi, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (2), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/25 (3), jipprovdi li ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu jinħareġ mill-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll rilevanti qabel ma l-konsenja tħalli l-pajjiż terz ta’ esportazzjoni jew oriġini. Dik l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll jeħtieġ jiffirmaw id-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat wara li tkun twettqet verifika tad-dokumenti abbażi tad-dokumenti ta’ spezzjoni rilevanti kollha, inklużi, fost l-oħrajn, id-dokumenti tat-trasport.

(3)

Jidher li, f’xi każijiet, id-dokumenti tat-trasport kompluti ma jkunux disponibbli għall-korp ta’ kontroll fi żmien xieraq biex jippermettu li l-informazzjoni kollha tat-trasport tkun inkluża fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni qabel ma l-konsenja titlaq mill-pajjiż terz. Għal dik ir-raġuni, huwa xieraq li jiġi speċifikat li l-informazzjoni li tinsab fid-dokumenti tat-trasport trid tiġi vverifikata u inkluża fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni mill-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll rilevanti fi żmien massimu ta’ 10 ijiem mill-ħruġ taċ-ċertifikat, u, fi kwalunkwe każ, qabel l-approvazzjoni taċ-ċertifikat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 jiġi emendat skont dan.

(5)

Peress li dawn l-emendi huma meħtieġa biex jiġi applikat l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/25, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika b’mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/25.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1235/2008

L-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fit-tielet subparagrafu tal-Paragrafu 2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Fin-nuqqas ta’ kopja stampata iffirmata bl-idejn taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni tal-informazzjoni relatata mad-dokumenti tat-trasport fil-kaxxi 16 u 17, u l-oqsma relevanti tal-kaxxa 13, jew fejn tali informazzjoni hija differenti minn dik disponibbli fi TRACES, l-awtoritajiet kompetenti relevanti tal-Istat Membru u l-ewwel destinatarju, għall-iskop ta’ verifikazzjoni u ta’ approvazzjoni taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni, għandhom jikkunsidraw biss l-informazzjoni disponibbli fi TRACES”;

(2)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu joħroġ biss iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat wara li jkun wettaq verifika tad-dokumenti abbażi tad-dokumenti rilevanti kollha ta’ spezzjoni, inkluż b’mod partikolari l-pjan ta’ produzzjoni għall-prodott ikkonċernat, id-dokumenti kummerċjali u, kif xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, dan ikun wettaq verifika fiżika tal-konsenja. L-informazzjoni relatata mad-dokumenti tat-trasport fil-kaxxa 13, b’mod partikolari n-numru ta’ pakketti u l-piż nett, u l-informazzjoni fil-kaxxi 16 u 17 taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni li tikkonċerna l-mezzi tat-trasport u d-dokumenti tat-trasport għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikat ta’ spezzjoni fi żmien massimu ta’ 10 ijiem mill-ħruġ taċ-ċertifikat u, fi kwalunkwe każ, qabel l-approvazzjoni taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-3 ta’ Frar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/25 tat-13 ta’ Jannar 2020 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 8, 14.1.2020, p. 18).