14.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 320/41 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2451
tat-8 ta’ Diċembru 2022
dwar l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni tal-2011, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 tal-Kroazja jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen mhux imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dak l-Att għandhom japplikaw biss fil-Kroazja wara deċiżjoni tal-Kunsill għal dak l-għan, wara verifika, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli, li l-Kroazja ssodisfat il-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis rilevanti, inkluż l-applikazzjoni effettiva tar-regoli kollha ta’ Schengen f’konformità mal-istandards komuni maqbula u mal-prinċipji fundamentali. |
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni tiegħu (UE) 2017/733 (2), il-Kunsill, wara li vverifika li l-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-parti tal-protezzjoni tad-data tal-acquis ta’ Schengen ikkonċernata kienu ġew issodisfati mill-Kroazja, għamel id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) applikabbli għall-Kroazja mis-27 ta’ Ġunju 2017. |
(3) |
Twettqu evalwazzjonijiet biex jiġi vverifikat li l-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen kienu ġew issodisfati fl-oqsma l-oħra kollha li fadal tal-acquis ta’ Schengen,jiġifieri l-ġestjoni tal-fruntieri esterni, il-kooperazzjoni tal-pulizija, is-SIS, ir-ritorn, il-viżi, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-armi tan-nar, fil-Kroazja, f’konformità mal-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli dak iż-żmien kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (3). |
(4) |
Fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2019 dwar il-verifika tal-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Kroazja, il-Kummissjoni kkonkludiet li tikkunsidra li l-Kroazja ħadet il-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis ta’ Schengen kienu ssodisfati. Barra minn hekk, innutat li l-Kroazja tkun meħtieġa tkompli taħdem b’mod konsistenti fuq l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha li għaddejjin, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, biex tiżgura li dawk il-kundizzjonijiet ikomplu jiġu ssodisfati. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-Kroazja kompliet tissodisfa l-impenji marbuta mal-acquis ta’ Schengen kif impenjat ruħha għalihom fin-negozjati ta’ adeżjoni tagħha. |
(5) |
Fid-9 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill ikkonkluda li l-Kroazja ssodisfat il-kondizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-partijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen. |
(6) |
Għaldaqstant, huwa possibbli li jiġu stabbiliti d-dati għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Kroazja, li minnhom jenħtieġ li jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni mal-Kroazja. |
(7) |
Ir-restrizzjonijiet dwar l-użu tas-SIS, previsti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/733, jenħtieġ li jitneħħew sa mill-aktar data bikrija stabbilita għall-applikazzjoni sħiħa tal-acquis ta’ Schengen mill-Kroazja. |
(8) |
Ir-reġim simplifikat għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġa mill-Kroazja għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tagħha li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, introdott bid-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li jinżamm sabiex jiġi evitat li l-ivvjaġġar isir aktar diffiċli għal ċerti kategoriji ta’ persuni. Konsegwentement, ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkomplu japplikaw għal perjodu tranżitorju limitat. |
(9) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
(10) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
(11) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (9) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti B, C, D u F, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Mill-1 ta’ Jannar 2023, għandhom jitneħħew il-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-art u tal-baħar mal-Kroazja u d-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen imsemmija fl-Anness għandhom japplikaw għall-Kroazja fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana,, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja malu r-Renju tal-Iżvezja, kif ukoll l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera.
2. Fir-rigward ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-ajru, dawn għandhom jitneħħew mis-26 ta’ Marzu 2023 u d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, sa fejn jirregolaw it-tneħħija ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni tal-ajru, għandhom japplikaw minn dik id-data.
3. Ir-restrizzjonijiet kollha dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mill-Kroazja għandhom jitneħħew mill-1 ta’ Jannar 2023.
Artikolu 2
Il-viżi nazzjonali għal soġġorn qasir maħruġin mill-Kroazja qabel l-1 ta’ Jannar 2023 għandhom jibqgħu validi matul il-perjodu ta’ validità tagħhom, għall-fini ta’ tranżitu mit-territorju ta’ Stati Membri oħra jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, sa fejn huma jkunu rrikonoxxew tali viżi għal soġġorn qasir għal dawk il-finijiet, f’konformità mad-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE. Għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
V. RAKUŠAN
(1) Opinjoni tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).
(4) Id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 23).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
ANNESS
Lista tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011 li għandhom isiru applikabbli għall-Kroazja fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati Membri li japplikaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schengen, kif ukoll l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera
A. |
Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19): L-Artikolu 1 sa fejn jirrelata ma’ dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan il-punt, l-Artikolu 18, l-Artikolu 19(1), (3) u (4), l-Artikoli 20, 21 u 22, l-Artikoli 40 sa 43, u l-Artikoli 126 sa 130 sa fejn ikunu jirrelataw ma’ dispożizzjonijiet oħra msemmija f’dan il-punt; |
B. |
L-atti legali tal-Unjoni l-oħrajn li ġejjin, flimkien mal-atti li jimplimentawhom:
|