7.4.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 108/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/555
tal-5 ta’ April 2022
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 168/2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1) |
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-“Aġenzija”) ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (2) biex tipprovdi lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u lill-Istati Membri b'assistenza u għarfien espert relatat mad-drittijiet fundamentali. |
(2) |
Sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Aġenzija jiġi adattat u biex jissaħħu l-governanza u l-effiċjenza tal-funzjonament tal-Aġenzija, huwa neċessarju li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 mingħajr ma jinbidlu l-objettiv u l-kompiti tal-Aġenzija. |
(3) |
Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jenħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Aġenzija jkopri wkoll il-koperazzjoni mill-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, oqsma li huma partikolarment sensittivi fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. |
(4) |
Il-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni jenħtieġ li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Aġenzija. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-għoti ta’ assistenza u għarfien espert, pereżempju attivitajiet ta' taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali, min-naħa tal-Aġenzija lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż lil dawk li jaħdmu fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni. |
(5) |
Barra minn hekk, hemm bżonn ta’ xi emendi tekniċi mmirati għar-Regolament (KE) Nru 168/2007 sabiex l-Aġenzija tkun irregolata u operata f’konformità mal-prinċipji tal-Approċċ Komuni anness mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta’ Lulju 2012 (l-“Approċċ Komuni”). L-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 mal-prinċipji stabbiliti fl-Approċċ Komuni huwa mfassal għall-ħidma u n-natura speċifiċi tal-Aġenzija u għandu l-għan li jwassal għal simplifikazzjoni, governanza aħjar u titjib fl-effiċjenza fil-funzjonament tal-Aġenzija. |
(6) |
Id-definizzjoni tal-oqsma tal-attività tal-Aġenzija jenħtieġ li tkun ibbażata fuq id-dokument ta’ programmazzjoni tal-Aġenzija biss. Jenħtieġ li l-approċċ attwali li kull ħames snin jiġi stabbilit b’mod parallel Qafas Pluriennali tematiku wiesa’ ma jitkompliex, peress li ma għadx hemm bżonnu fid-dawl tad-dokument ta’ programmazzjoni li l-Aġenzija adottat kull sena mill-2017, għal finijiet ta' konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (3), segwit mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (4). Abbażi tal-aġenda ta' politika tal-Unjoni u tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati, id-dokument ta’ programmazzjoni jistabbilixxi b’mod ċar l-oqsma u l-proġetti speċifiċi li l-Aġenzija għandha taħdem fuqhom. Dan għandu jippermetti lill-Aġenzija tippjana l-ħidma u l-enfasi tematika tagħha tul iż-żmien u tadattahom kull sena għal prijoritajiet emerġenti. |
(7) |
Jenħtieġ li l-Aġenzija tippreżenta l-abbozz tad-dokument ta’ programmazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament u lill-Kumitat Xjentifiku sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena. L-għan huwa li l-Aġenzija, filwaqt li tkompli l-kompiti tagħha b’indipendenza sħiħa, tislet ispirazzjoni mid-diskussjonijiet jew l-opinjonijiet dwar tali abbozz tad-dokument ta’ programmazzjoni sabiex tfassal l-aktar programm ta’ ħidma rilevanti biex tappoġġa lill-Unjoni u lill-Istati Membri billi tipprovdi assistenza u għarfien espert relatati mad-drittijiet fundamentali. |
(8) |
Sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni bla xkiel bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri, jenħtieġ li l-Aġenzija u l-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament jaħdmu flimkien fi spirtu ta’ kooperazzjoni reċiproka u mill-qrib. Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-Aġenzija. |
(9) |
Biex jiġu żgurati governanza u funzjonament aħjar tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija, jenħtieġ li jiġu emendati għadd ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 168/2007. |
(10) |
Fid-dawl tar-rwol importanti tal-Bord tat-Tmexxija, jenħtieġ li l-membri tiegħu jkunu indipendenti u jkollhom għarfien tajjeb fil-qasam tad-drittijiet fundamentali kif ukoll esperjenza adattata ta’ ġestjoni, inkluż ħiliet amministrattivi u baġitarji. |
(11) |
Għandu jiġi ċċarat ukoll li, filwaqt li l-mandati tal-membri u tal-membri supplenti tal-Bord tat-Tmexxija ma jistgħux jiġġeddu konsekuttivament, jenħtieġ li jkun possibbli li eks membru jew eks membru supplenti jkun jista’ jinħatar mill-ġdid għal mandat mhux konsekuttiv ieħor. Jekk, minn naħa, huwa ġustifikat li ma jitħalliex li jkun hemm tiġdid konsekuttiv biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom, min-naħa l-oħra, jekk ħatra mill-ġdid għal mandat mhux konsekuttiv ieħor tkun permessa, ikun aktar faċli għall-Istati Membri li jaħtru membri xierqa li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha. |
(12) |
Fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ membri tal-Bord tat-Tmexxija jew ta' membri supplenti, jenħtieġ li jiġi ċċarat li fil-każijiet kollha fejn il-mandat jiġi tterminat qabel ma jagħlaq il-perijodu ta’ ħames snin, mhux biss f’każ ta’ telf ta’ indipendenza, iżda wkoll f’każijiet oħra bħal fil-każ ta’ riżenja jew mewt, il-mandat tal-membru l-ġdid jew ta' membru supplenti ikompli l-mandat ta’ ħames snin tal-predeċessur tiegħu, sakemm il-mandat li jifdal ma jkunx inqas minn sentejn; f’dak il-każ jista' jerġa' jibda mandat ġdid ta’ ħames snin. |
(13) |
Biex ikun hemm allinjament mas-sitwazzjoni fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija jingħata s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra. Għajr għall-ħatra tad-Direttur, jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu ddelegati lid-Direttur. Jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jeżerċita setgħat tal-awtorità tal-ħatra fil-konfront tal-persunal tal-Aġenzija f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. |
(14) |
Sabiex jiġi evitat staġnar u jiġu ssimplifikati l-proċedimenti tal-votazzjoni għall-elezzjoni tal-membri tal-Bord Eżekuttiv, jenħtieġ li jkun previst li l-Bord tat-Tmexxija jeleġġihom b’maġġoranza tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija bid-drittijiet tal-vot. |
(15) |
Biex ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 jiġi allinjat ulterjorment mal-Approċċ Komuni u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Bord tat-Tmexxija li jissorvelja l-ġestjoni amministrattiva, operazzjonali u baġitarja tal-Aġenzija, huwa meħtieġ li jiġu attribwiti kompiti addizzjonali lill-Bord tat-Tmexxija u li jiġu speċifikati ulterjorment il-kompiti attribwiti lill-Bord Eżekuttiv. Jenħtieġ li l-kompiti addizzjonali tal-Bord tat-Tmexxija jinkludu l-adozzjoni ta’ strateġija ta’ sigurtà, inkluż regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE, strateġija ta’ komunikazzjoni, u regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu u ta' dawk tal-Kumitat Xjentifiku. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-kompitu tal-Bord Eżekuttiv li jissorvelja l-ħidma preparatorja għad-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija jinvolvi l-iskrutinju ta’ kwistjonijiet baġitarji u tar-riżorsi umani. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Bord Eżekuttiv jingħata l-kompitu li jadotta l-istrateġija kontra l-frodi mħejjija mid-Direttur u li jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet tal-awditjar u għall-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun previst li, fejn ikun neċessarju, f’każ ta’ urġenza, il-Bord Eżekuttiv ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet proviżorji f’isem il-Bord tat-Tmexxija. |
(16) |
Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura eżistenti ta’ sostituzzjoni tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku, jenħtieġ li l-Bord tat-Tmexxija jitħalla jaħtar lill-persuna li jkun imiss fil-lista ta’ riżerva għall-bqija tal-mandat meta jkun hemm bżonn li membru jiġi sostitwit qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu. |
(17) |
Minħabba li l-proċedura tal-ħatra hija selettiva ħafna u minħabba l-fatt li l-għadd ta’ kandidati li potenzjalment jissodisfaw il-kriterji tal-għażla spiss ikun żgħir, jenħtieġ li l-mandat tad-Direttur tal-Aġenzija jkun jista’ jiġi estiż darba sa ħames snin oħra, b'kont meħud b'mod partikolari tal-prestazzjoni tiegħu, u d-dmirijiet u r-rekwiżiti tal-Aġenzija fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk, minħabba l-importanza tal-kariga u l-proċedura dettaljata li tinvolvi l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, jenħtieġ li din il-proċedura tibda matul it-12-il xahar qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur. |
(18) |
Barra minn hekk, biex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-mandat tad-Direttur u b’hekk dik tal-funzjonament tal-Aġenzija, jenħtieġ li l-maġġoranza meħtieġa biex tiġi proposta t-tkeċċija tiegħu tiżdied mit-terz attwali għal maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija. Fl-aħħar nett, biex tiġi speċifikata r-responsabbiltà globali tad-Direttur għall-ġestjoni amministrattiva tal-Aġenzija, jenħtieġ li jiġi previst li hija r-responsabbiltà tad-Direttur li jimplimenta d-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija, li jħejji strateġija kontra l-frodi għall-Aġenzija, u li jħejji pjan ta’ azzjoni biex ikun hemm segwitu għar-rapporti ta’ awditjar interni jew esterni u l-investigazzjonijiet tal-OLAF jew tal-UPPE. |
(19) |
Biex ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 jiġi allinjat mal-Approċċ Komuni, huwa neċessarju li tiġi prevista l-ħtieġa li l-Kummissjoni tikkummissjona l-evalwazzjoni tal-Aġenzija kull ħames snin. |
(20) |
Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 168/2007
Ir-Regolament (KE) Nru 168/2007 huwa emendat kif ġej:
(1) |
l-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 2 Objettiv L-objettiv tal-Aġenzija għandu jkun li, waqt l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, tipprovdi lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u lill-Istati Membri b'assistenza u għarfien espert relatati mad-drittijiet fundamentali sabiex tappoġġahom meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta' azzjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali."; |
(2) |
l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 3 Kamp ta’ applikazzjoni 1. L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha għall-finijiet li tilħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2 fi ħdan il-kompetenzi tal-Unjoni. 2. Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tirreferi għad-drittijiet fundamentali kif imsemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). 3. L-Aġenzija għandha tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni u fl-Istati Membri meta timplimenta l-liġi tal-Unjoni, ħlief għal atti jew attivitajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri b'rabta mal-politika estera u ta' sigurtà komuni jew fil-qafas tagħha."; |
(3) |
l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
l-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 5 Oqsma ta' attività L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fuq il-bażi tal-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tagħha, li għandhom ikunu f'konformità mar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-tweġibiet tal-Aġenzija għal talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(1), il-punti (c) u (d) 'il barra mill-oqsma determinati mill-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali, dment li r-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jippermettu dan."; |
(5) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: "Artikolu 5a Programmazzjoni annwali u pluriennali 1. Kull sena d-Direttur għandu jfassal abbozz ta' dokument ta' programmazzjoni, li jkun fih b'mod partikolari l-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali, f'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (*1). 2. Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-Bord ta' Tmexxija. Id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena, kif approvat mill-Bord tat-Tmexxija. Fil-Kunsill, il-korp preparatorju kompetenti tal-Kunsill għandu jiddiskuti l-abbozz tal-programm ta' ħidma pluriennali u jista' jistieden lill-Aġenzija tippreżenta dak l-abbozz. 3. Id-Direttur għandu jippreżenta wkoll l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament imsemmija fl-Artikolu 8(1) u lill-Kumitat Xjentifiku sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena bil-ħsieb li l-Istati Membri rilevanti u l-Kumitat Xjentifiku jkunu jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-abbozz. 4. Fid-dawl tal-eżitu tad-diskussjoni fi ħdan il-korp preparatorju kompetenti tal-Kunsill u tal-opinjonijiet li jaslu mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Kumitat Xjentifiku, id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni. Id-Direttur għandu jippreżenta d-dokument ta’ programmazzjoni adottat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-uffiċjali nazzjonali ta’ kollegament imsemmija fl-Artikolu 8(1). (*1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).";" |
(6) |
fl-Artikolu 6(2), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(7) |
l-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 7 Relazzjonijiet mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni L-Aġenzija għandha tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni xierqa mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. It-termini tal-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti f'memoranda ta' qbil fejn xieraq."; |
(8) |
l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
(9) |
l-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 9 Kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa Sabiex tevita d-duplikazzjoni u sabiex tiżgura komplementarjetà u valur miżjud, l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari rigward il-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali tagħha u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili f'konformità mal-Artikolu 10. Għal dak l-għan, l-Unjoni għandha, f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-TFUE, tidħol fi ftehim mal-Kunsill tal-Ewropa biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejnu u l-Aġenzija. Dak il-ftehim għandu jinkludi l-ħatra min-naħa tal-Kunsill tal-Ewropa ta' persuna indipendenti biex tkun fuq il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija u fuq il-Bord Eżekuttiv tagħha, f’konformità mal-Artikoli 12 u 13.”; |
(10) |
fl-Artikolu 10(4), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(11) |
l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:
|
(12) |
l-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 13 Bord Eżekuttiv 1. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jissorvelja l-ħidma preparatorja meħtieġa biex id-deċiżjonijiet jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija. B’mod partikolari, huwa għandu jiskrutinizza kwistjonijiet baġitarji u ta’ riżorsi umani. 2. Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu wkoll:
3. Meta jkun meħtieġ, għal raġunijiet ta’ urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista' jieħu deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord tat-Tmexxija, fosthom dwar is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra, f'konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(7a) u (7b) u dwar kwistjonijiet baġitarji. 4. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u mill-Viċi President tal-Bord tat-Tmexxija, żewġ membri oħra tal-Bord tat-Tmexxija eletti mill-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 12(5) u wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord tat-Tmexxija. Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa fil-Bord tat-Tmexxija tista' tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv. 5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jitlaqqa’ mill-President. Huwa jista’ jitlaqqa’ wkoll fuq it-talba ta’ wieħed mill-membri tiegħu. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri preżenti. Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa tista’ tivvota fuq punti relatati mad-deċiżjonijiet li jkollha d-dritt li tivvota fuqhom fil-Bord tat-Tmexxija f’konformità mal-Artikolu 12(8). 6. Id-Direttur għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, mingħajr ma jkollu dritt jivvota."; |
(13) |
l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:
|
(14) |
l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:
|
(15) |
fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej: "3. Fejn l-Aġenzija tieħu deċiżjonijiet skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jista' jitressaq ilment lill-Ombudsman jew tista' titressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja), kif previst fl-Artikoli 228 u 263 tat-TFUE rispettivament."; |
(16) |
L-Artikolu 19 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 19 Rieżami mill-Ombudsman L-operazzjonijiet tal-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni tal-Ombudsman f'konformità mal-Artikolu 228 TFUE."; |
(17) |
L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:
|
(18) |
L-Artikolu 24 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 24 Persunal 1. Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal tal-Aġenzija u għad-Direttur tagħha. 2. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jadotta dispożizzjonijiet biex esperti nazzjonali mill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati fl-Aġenzija fuq sekondament."; |
(19) |
l-Artikolu 26 huwa sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 26 Privileġġi u immunitajiet Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, għandu japplika għall-Aġenzija."; |
(20) |
fl-Artikolu 27, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej: "3. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'azzjonijiet miġjuba kontra l-Aġenzija taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 263 u 265 tat-TFUE."; |
(21) |
fl-Artikolu 28, il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej: "2. Il-parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u l-modalitajiet rilevanti għandhom jiġu ddeterminati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rilevanti, b'kont meħud tal-istatus speċifiku ta' kull pajjiż. Id-deċiżjoni għandha tindika b'mod partikolari n-natura, sa fejn u l-mod li bih dawk il-pajjiżi ser jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija, fi ħdan il-qafas stipulat fl-Artikoli 4 u 5, inkluż dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni f'inizjattivi meħuda mill-Aġenzija, dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja u dwar il-persunal. Id-deċiżjoni għandha tkun konformi ma' dan ir-Regolament u mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg . Id-deċiżjoni għandha tipprevedi li l-pajjiż parteċipanti jista' jaħtar persuna indipendenti li tissodisfa l-kwalifiki għal persuni li jissemmew fl-Artikolu 12(1), il-punt (a) bħala osservatur għall-Bord tat-Tmexxija mingħajr id-dritt tal-vot. Fuq deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, l-Aġenzija tista' tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) fil-pajjiż rilevanti, sa fejn ikun meħtieġ għall-allinjament gradwali mal-liġi tal-Unjoni tal-pajjiż ikkonċernat. 3. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jistieden pajjiż li miegħu jkun ġie konkluż Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Unjoni biex jipparteċipa fl-Aġenzija bħala osservatur. Jekk jagħmel hekk, il-paragrafu 2 għandu japplika kif meħtieġ."; |
(22) |
L-Artikolu 29 jitħassar. |
(23) |
l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:
|
(24) |
L-Artikolu 31 jitħassar. |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ April 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
B. LE MAIRE
(1) Approvazzjoni tas-6 ta’ Lulju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).