15.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 294/3 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2238
tat-22 ta’ Awwissu 2022
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għaċ-ċertifikati ta’ spezzjoni u l-estratti tagħhom u fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għaċ-ċertifikati ta’ spezzjoni maħruġa fl-Ukrajna
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(8), il-punt (a)(ii), l-Artikolu 46(7), il-punt (b), u l-Artikolu 57(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 (2) jistabbilixxi regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni. |
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, u 6(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni għandu jinħareġ u jiġi approvat fis-Sistema ta’ Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti (TRACES) u jrid ikollu siġill elettroniku kwalifikat. L-Artikoli 6(6) u 7(4) ta’ dak ir-Regolament jipprevedu rispettivament l-approvazzjoni ta’ parti minn konsenja bħala organika u l-approvazzjoni ta’ estratti taċ-ċertifikati ta’ spezzjoni fi TRACES permezz ta’ siġill elettroniku kwalifikat. |
(3) |
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 11, il-paragrafi (1) u (2), tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 diġà jipprevedu li, sat-30 ta’ Ġunju 2022, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni jista’ jinħareġ fuq karta wara li jimtela fi TRACES u jiġi stampat u, jekk jinħareġ fuq karta, jenħtieġ li dan iċ-ċertifikat jiġi approvat fuq karta. F’każ li ċ-ċertifikat ta’ spezzjoni jinħareġ fi TRACES u jkollu siġill elettroniku kwalifikat, jista’ jiġi approvat fuq karta. |
(4) |
Id-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 11(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 jipprevedu li, sat-30 ta’ Ġunju 2022, l-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni wkoll jista’ jiġi approvat fuq karta wara li jimtela fi TRACES u jiġi stampat. |
(5) |
Il-proċess għar-reġistrazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi kif ukoll tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll għas-siġill elettroniku kwalifikat għadu għaddej. Il-proċess ta’ reġistrazzjoni ħa aktar fit-tul milli kien mistenni u ma ġiex iffinalizzat qabel it-30 ta’ Ġunju 2022. |
(6) |
Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tranżitorji għaċ-ċertifikati ta’ spezzjoni stampati u l-estratti tagħhom previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 jeħtieġ jiġu estiżi sabiex l-atturi kollha kkonċernati jkunu jistgħu jiffinalizzaw ir-reġistrazzjoni għas-siġill elettroniku kwalifikat. |
(7) |
L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022 tikkostitwixxi sfida eċċezzjonali u bla preċedent għall-awtoritajiet ta’ kontroll u għall-korpi ta’ kontroll li ġew rikonoxxuti għall-iskop tal-esportazzjoni ta’ prodotti organiċi u ta’ dawk fil-fażi ta’ konverżjoni mill-Ukrajna lejn l-Unjoni. Fl-Ukrajna, is-servizzi postali wkoll ġew imfixkla. |
(8) |
F’konformità mal-Artikolu 11(1a) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306, u b’deroga mill-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament, sat-30 ta’ Ġunju 2022, persuna awtorizzata li tinsab fl-Ukrajna, ta’ awtorità ta’ kontroll jew ta’ korp ta’ kontroll li mhix mgħammra b’siġill elettroniku kwalifikat, tista’ tipproduċi u tissottometti fi TRACES iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni f’format elettroniku mingħajr l-applikazzjoni ta’ siġill elettroniku kwalifikat fil-kaxxa 18 tiegħu. Fid-dawl tat-tul imprevedibbli tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, jeħtieġ ukoll li dik id-deroga tiġi estiża. |
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 jiġi emendat skont dan. |
(10) |
Minħabba l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali għaċ-ċertifikati stampati u tad-deroga għall-Ukrajna fit-30 ta’ Ġunju 2022, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Lulju 2022, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2306 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fil-paragrafu 1, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej: “B’deroga mill-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, sat-30 ta’ Novembru 2022, iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni jista’ jinħareġ fuq karta wara li jimtela fi TRACES u jiġi stampat. Dak iċ-ċertifikat stampat għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:”; |
(2) |
il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej: “1a. B’deroga mill-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, sat-30 ta’ Novembru 2022, persuna awtorizzata li tinsab fl-Ukrajna, ta’ awtorità ta’ kontroll jew ta’ korp ta’ kontroll li mhix mgħammra b’siġill elettroniku kwalifikat, tista’ tipproduċi u tissottometti fi TRACES iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni f’format elettroniku mingħajr l-applikazzjoni ta’ siġill elettroniku kwalifikat fil-kaxxa 18 tiegħu. Dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ qabel ma l-konsenja korrispondenti tħalli l-Ukrajna.”; |
(3) |
fil-paragrafu 2, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej: “B’deroga mill-Artikolu 6(3), sat-30 ta’ Novembru 2022, għandu japplika dan li ġej:”; |
(4) |
fil-paragrafu 5, il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej: “B’deroga mill-Artikoli 6(6) u 7(4), sat-30 ta’ Novembru 2022, l-estratt taċ-ċertifikat ta’ spezzjoni jista’ jiġi approvat fuq karta, wara li jimtela fi TRACES u jiġi stampat. Dak l-estratt stampat taċ-ċertifikat għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2306 tal-21 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-konsenji ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi tal-konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni u dwar iċ-ċertifikat ta’ spezzjoni (ĠU L 461, 27.12.2021, p. 13).