14.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 8/275


L-Erbgħa, 24 ta’ Settembru 2008
Organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri (tfassil mill-ġdid) ***II

P6_TA(2008)0448

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward ta’ adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri (tfassil mill-ġdid) (5726/2/2008 — C6-0223/2008 — 2005/0237B(COD))

2010/C 8 E/44

(Proċedura ta’ kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (5726/2/2008- C6-0223/2008) (1),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0587),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikoli 62 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0330/2008),

1.

Japprova l-pożizzjoni komuni kif emendata;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 190 E, 29.7.2008, p. 1.

(2)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 632.


L-Erbgħa, 24 ta' Settembru 2008
P6_TC2-COD(2005)0237B

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fl-24 ta' Settembru 2008 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru …/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri (Verżjoni mfassla mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi (4) ġiet emendata b'mod sinifikanti f'diversi okkażjonijiet. Ġaladarba għandhom isiru emendi ulterjuri, jeħtieġ li tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Fid-dawl tan-natura tad-dispożizzjonijet tad-Direttiva 94/57/KE jidher li jixraq li d-dispożizzjonijet tagħha jiġu mfassla mill-ġdid permezz ta' żewġ istrumenti legali Komunitarji differenti jiġifieri permezz ta' Direttiva u ta' Regolament.

(3)

L-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri għandhom ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fil-Komunità kollha u jikkompetu ma' xulxin filwaqt li jipprovdu livelli ugwali ta' sikurezza u ta' protezzjoni ambjentali. L-istandards professjonali meħtieġa għall-attivitajiet tagħhom għandhom għalhekk ikunu stabbiliti u applikati b'mod uniformi fil-Komunità kollha.

(4)

Dan l-objettiv għandu jintlaħaq permezz ta' miżuri li jkunu jorbtu adegwatament mal-ħidma u l-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u, fejn ikun xieraq, li jibnu fuqhom .

(5)

Kriterji minimi għar-rikonoxximent ta' organizzazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti bil-ħsieb tat-titjib tas-sikurezza tal-vapuri, u l-prevenzjoni tat-tniġġis minnhom. Il-kriterji minimi stabbiliti fid-Direttiva 94/57/KE għandhom għalhekk jissaħħu.

(6)

Sabiex jingħata rikonoxximent inizjali lill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jkunu awtorizzati jaħdmu f'isem l-Istati Membri, il-konformità mal-kriterji minimi stabbiliti f'dan ir-Regolament tista' tiġi evalwata b'mod aktar effettiv u b'mod armonizzat u ċentralizzat mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri li qed jitolbu r-rikonoxximent.

(7)

Ir-rikonoxximent għandu jingħata biss abbażi tar-rendiment ta' kwalità u ta' sikurezza tal-organizzazzjoni in kwistjoni . Għandu jkun żgurat li r-rikonoxximent li jingħata jkun dejjem skond il-kapaċità tal-organizzazzjoni kkonċernata. Barra minn hekk ir-rikonoxximent għandu jqis id-differenzi fl-istatus legali u fl-istruttura tal-impriża tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti filwaqt li jibqgħu jkunu żgurati l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji minimi msemmija qabel u l-effettività tal-kontrolli Komunitarji. ▐

(8)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (5).

(9)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda dan ir-Regolament sabiex tinkorpora emendi sussegwenti għall-konvenzjonijiet, protokolli, kodiċijiet u riżoluzzjonijiet internazzjonali relatati magħha, li taġġorna l-kriterji minimi fl-Anness I u li tadotta l-kriterji sabiex titkejjel l-effettività tar-regoli u l-proċeduri kif ukoll ir-rendiment tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti fir-rigward tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri kklassifikati minnhom. Billi dawk il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b' elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(10)

Huwa ta' importanza fundamentali li n-nuqqas minn organizzazzjoni rikonoxxuta li taqdi l-obbligi tagħha jkun jista' jiġi ttrattat malajr u b'mod effettiv u proporzjonat. L-objettiv ewlieni għandu jkun li jiġu kkoreġuti kwalunkwe nuqqasijiet bl-iskop li titneħħa kwalunkwe theddida potenzjali għas-sikurezza jew għall-ambjent fi stadju bikri. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata s-setgħat neċessarji sabiex tirrikjedi li l-organizzazzjoni rikonoxxuta tieħu l-azzjoni preventiva u ta' rimedju meħtieġa, u sabiex timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi bħala miżuri ta' sfurzar. Meta teżerċita dawn is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan b'mod li jkun konformi mad-drittijiet fundamentali u għandha tiżgura li l-organizzazzjoni tista' tagħmel il-fehmiet tagħha magħrufa matul il-proċedura kollha.

(11)

F'konfirmità mal-approċċ użat madwar il-Komunità, id-deċiżjoni li jiġi rtirat ir-rikonoxximent ta' organizzazzjoni li tonqos milli tissodisfa l-obbligi stabbiliti f'dan ir-Regolament jekk il-miżuri ta' hawn fuq ikunu ineffettivi jew inkella l-organizzazzjoni tippreżenta theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew l-ambjent, trid tittieħed fil-livell tal-Komunità, u għalhekk mill-Kummissjoni, abbażi ta' proċedura ta' kumitat.

(12)

Il-monitoraġġ kontinwu a posteriori tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti sabiex tiġi valutata l-konformità tagħhom ma' dan ir-Regolament jista' jitwettaq b'mod iktar effettiv jekk isir b'mod armonizzat u ċentralizzat. Għalhekk, huwa xieraq li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li qed jitlob ir-rikonoxximent, tingħata r-responsabiltà ta' dan il-kompitu f'isem il-Komunità.

(13)

Bħala parti mill-operazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, huwa kruċjali li l-ispetturi tal-Kummissjoni jkollhom aċċess għall-vapuri u għall-fajls tal-vapuri tkun xi tkun il-bandiera tal-vapur sabiex ikun żgurat jekk l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti ikunux jikkonformaw mal-kriterji minimi stabbiliti f'dan ir-Regolament fir-rigward tal-vapuri kollha fil-klassijiet rispettivi tagħhom.

(14)

Il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jidentifikaw malajr u jikkoreġu nuqqasijiet fir-regoli, proċeduri u verifiki interni tagħhom hija kritika għas-sikurezza tal-vapuri li huma jispezzjonaw u jiċċertifikaw. Dik il-kapaċità għandha titjieb permezz ta' kumitat ta' valutazzjoni indipendenti, li jkun jista' jipproponi azzjoni ▐ għat-titjib sostnut tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha u tiġi żgurata interazzjoni produttiva mal-Kummissjoni.

(15)

Ir-regoli u l-proċeduri ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti jikkostitwixxu fattur ewlieni sabiex tiżdied is-sikurezza u sabiex jiġu pprevenuti l-inċidenti u t-tniġġis. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti bdew il-proċess li għandu jwassal għall-armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri tagħhom. Dan il-proċess għandu jiġi inkoraġġit u appoġġat mil-leġislazzjoni Komunitarja, billi għandu jkollu impatt pożittiv fuq is-sikurezza marittima kif ukoll fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri.

(16)

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom ikunu obbligati li jaġġornaw -istandards tekniċi tagħhom u jinfurzawhom b'mod konsistenti sabiex jarmonizzaw ir-regoli tas-sikurezza u jiżguraw implimentazzjoni uniformi tar-regoli internazzjonali fil-Komunità. Meta l-istandards tekniċi tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti jkunu identiċi jew simili ħafna, għandu jitqies ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati għal materjali, tagħmir u komponenti f'każijiet xierqa, billi l-iktar standards esiġenti u rigorużi jittieħdu bħala r-referenza.

(17)

Billi t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-partijiet interessati, kif ukoll id-dritt pubbliku ta' aċċess għall-informazzjoni, huma għodod fundamentali għall-prevenzjoni tal-inċidenti fil-baħar, l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jipprovdu l-informazzjoni statutorja rilevanti kollha dwar il-kondizzjonijiet tal-vapuri fil-klassi tagħhom lill-awtoritajiet ta' kontroll tal-Istat tal-port, liema informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

(18)

Biex il-vapuri ma jitħallewx jibdlu l-klassi biex jevitaw li jagħmlu tiswijiet li tkun talbithom jagħmlu l-organizzazzjoni rikonoxxuta fl-ispezzjoni tagħha, għandhom isiru arranġamenti minn qabel għall-iskambju tal- informazzjoni kollha rilevanti mill-organizzazzjonjiet rikonoxxuti bejniethom dwar il-kondizzjonijiet tal-vapuri li għalihom tkun qed tipprova tinbidel il-klassi u għandhom jinvolvu lill-Istat tal-bandiera meta jkun meħtieġ.

(19)

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà Marittima (EMSA) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 (6) għandha tagħti l-assistenza meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(20)

Billi l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' miżuri li għandhom jiġu segwiti mill-organizzazzjonijiet fdati bl-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri li joperaw fil-Komunità, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(21)

Il-miżuri li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fir-relazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri huma stabbiliti fid-Direttiva …/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' … (7) [dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera u dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi]  (8) ║,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri li jridu jiġu segwiti mill-organizzazzjonijiet fdati bl-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-vapuri għall-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar, filwaqt li jmexxi 'l quddiem l-objettiv tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Dan jinkludi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' sikurezza għall-buq, il-makkinarju, u l-istallazzjonijiet elettriċi u tal-kontroll tal-vapuri li jidħlu fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali.

Artikolu 2

Għall-fini ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

“vapur” tfisser vapur li jidħol fl-ambitu tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

b)

“konvenzjonijiet internazzjonali” tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sikurezza tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta' Novembru 1974 (SOLAS 74) bl-eċċezzjoni tal-kapitolu XI-2 tal-Anness għaliha, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-5 ta' April 1966 u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Vapuri tat-2 ta' Novembru 1973 (Marpol), flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet ta' status mandatorju relatati magħhom fl-Istati Membri kollha, fil-verżjoni aġġornata tagħhom;

c)

“organizzazzjoni” tfisser entità legali, is-sussidjarji tagħha u kwalunkwe entità oħra taħt il-kontroll tagħha, li flimkien jew separatament iwettqu kompiti li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament;

d)

“kontroll” tfisser, għall-fini tal-punt (c), drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor, fil-liġi jew fil-fatt, li, separatament jew flimkien jikkonferixxu l-possibiltà li tkun eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità legali jew jippermettu lil dik l-entità twettaq il-kompiti li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament;

e)

“organizzazzjoni rikonoxxuta” tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skond dan ir-Regolament;

f)

“awtorizzazzjoni” tfisser att li bih Stat Membru jagħti awtorizzazzjoni jew jiddelega setgħat lil organizzazzjoni rikonoxxuta;

g)

“ċertifikat statutorju” tfisser ċertifikat maħruġ minn jew f'isem Stat tal-bandiera skond il-konvenzjonijiet internazzjonali;

h)

“regoli u proċeduri” tfisser ir-rekwiżiti ta' organizzazzjoni rikonoxxuta għad-disinn, il-kostruzzjoni, it-tagħmir, il-manutenzjoni u l-perizja tal-vapuri;

i)

“ċertifikat tal-klassi” tfisser dokument maħruġ minn organizzazzjoni rikonoxxuta li jiċċertifika li vapur ikun adatt għal użu jew servizz partikolari skond ir-regoli u r-regolamenti stabbiliti u magħmula pubbliċi minn dik l-organizzazzjoni rikonoxxuta;

j)

pajjiż tas-sede ” tfisser l-Istat fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali ta' organizzazzjoni rikonoxxuta .

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri li jixtiequ jagħtu awtorizzazzjoni lil xi organizzazzjoni li għadha m'hijiex rikonoxxuta għandhom iressqu talba għar-rikonoxximent lill-Kummissjoni flimkien ma' informazzjoni sħiħa dwar, u evidenza ta', konformità tal-organizzazzjoni mal-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I u dwar ir-rekwiżit u l-impenn tagħha li hija għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(4), 9, 10 u 11.

2.   Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri rispettivi li jressqu t-talba, għandha twettaq valutazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet li għalihom tkun irċeviet talba għar-rikonoxximent sabiex tivverifika li l-organizzazzjonijiet jissodisfaw u jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), għandha tirrifjuta li tirrikonoxxi organizzazzjonijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 jew li l-prestazzjoni tagħhom hija kkunsidrata bħala theddida li mhix aċċettabbli għas-sikurezza jew l-ambjent fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti bi qbil mal-Artikolu 14.

Artikolu 4

1.   Ir-rikonoxximent għandu jingħata mill-Kummissjoni skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3).

2.   Ir-rikonoxximent għandu jingħata lill-entità legali rilevanti li hija l-entità ewlenija fost l-entitajiet legali kollha li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni rikonoxxuta. Ir-rikonoxximent għandu jinkludi l-entitajiet legali kollha li jikkontribwixxu biex jiġi żgurat li dik l-organizzazzjoni tipprovdi kopertura għas-servizzi tagħhom mad-dinja kollha.

3.   Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), tista tillimita r-rikonoxximent fir-rigward tat-tipi ta' vapuri, vapuri ta' ċertu daqs, ċerti operazzjonijiet kummerċjali, jew kombinazzjoni tagħhom, skond il-kapaċità ppruvata u l-għarfien espert tal-organizzazzjoni kkonċernata. Fit-tali każ, il-Kummissjoni għandha tistqarr ir-raġunijiet għal-limitazzjoni u l-kondizzjonijiet li taħthom il-limitazzjoni għandha titneħħa jew tista' titwessa'. Il-limitazzjoni tista' tiġi riveduta fi kwalunkwe ħin.

4.   Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna regolarment lista tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skond dan l-Artikolu. Dik il-lista għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Meta l-Kummissjoni tqis li organizzazzjoni rikonoxxuta tkun naqset milli tissodisfa l-kriterji minimi stipulati fl-Anness I jew l-obbligi tagħha skond dan ir-Regolament, jew li l-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis ta' organizzazzjoni rikonoxxuta mar għall-agħar b'mod sinifikanti mingħajr, madankollu, ma dan ikun ta' theddida għas-sikurezza jew għall-ambjent, għandha tirrikjedi li l-organizazzjoni rikonoxxuta kkonċernata tieħu l-azzjoni preventiva u ta' rimedju meħtieġa fl-iskadenzi speċifikati biex tiżgura konformità sħiħa ma' dawk il-kriterji minimi u l-obbligi msemmija u, b'mod partikolari, li tneħħi kwalunkwe theddida potenzjali għas-sikurezza jew għall-ambjent, jew inkella li tindirizza l-kawżi tal-prestazzjoni li sejra għall-agħar.

L-azzjoni preventiva u ta' rimedju tista' tinkludi miżuri protettivi interim meta t-theddida potenzjali għas-sikurezza jew għall-ambjent tkun immedjata.

Madankollu, u mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni immedjata tagħhom, il-Kummissjoni għandha tavża minn qabel lill-Istati Membri kollha li jkunu taw awtorizzazzjoni lill-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata, bil-miżuri li jkollha l-ħsieb tieħu.

Artikolu 6

1.   Minbarra l-miżuri meħuda skond l-Artikolu 5, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2), timponi multi fuq organizzazzjoni rikonoxxuta:

a)

li n-nuqqas serju jew ripetut li tissodisfa l-kriterji minimi mniżżla fl-Anness I jew l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 8(4), 9, 10 u 11 jew li l-prestazzjoni tagħha li tkun sejra għall-agħar juru nuqqasijiet serji fl-istruttura, fis-sistemi, fil-proċeduri jew fil-kontrolli interni tagħha; jew

b)

li tkun ipprovdiet apposta lill-Kummissjoni informazzjoni inkorretta, mhux kompluta jew li tiżgwida matul il-valutazzjoni tagħha skond l-Artikolu 8(1) jew li tkun ostakolat b'mod ieħor din il-valutazzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, meta organizzazzjoni rikonoxxuta tonqos milli tieħu l-azzjoni preventiva u ta' rimedju rikjesta mill-Kummissjoni, jew iddum b'mod inġustifikat, il-Kummissjoni tista' timponi ħlasijiet penali perjodiċi fuq dik l-organizzazzjoni sakemm l-azzjoni rikjesta titwettaq b'mod sħiħ.

3.   Il-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu dissważivi u proporzjonati kemm mal-gravità tal-każ kif ukoll mal-kapaċità ekonomika tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata, filwaqt li jittieħed kont, b'mod partikolari, tal-punt safejn is-sikurezza jew il-protezzjoni ambjentali tkun ġiet kompromessa.

Dawn għandhom jiġu imposti biss wara li l-organizzazzjoni rikonoxxuta u l-Istati Membri kkonċernati jkunu ngħataw l-opportunità li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom.

L-ammont globali tal-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi imposti m'għandux jisboq il-5 % tal-medja tad-dħul totali min-negozju tal-organizzazzjoni rikonoxxuta fit-tliet snin finanzjarji preċedenti għall-attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tirtira r-rikonoxximent tal-organizzazzjoniji:

a)

li n-nuqqas tagħha ripetut u serju li tissodifa l-kriterji minimi mniżżla fl-Anness I jew l-obbligi tagħha taħt dan ir-Regolament ikun tali li jikkostitwixxi theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent;

b)

li n-nuqqas ripetut u serju tal-prestazzjoni tagħha fis-sikurezza u l-prevenzjoni tat-tniġġis ikun tali li jikkostitwixxi theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent;

c)

li ripetutament ma tippermettix jew tostakola l-valutazzjoni tagħha mill-Kummissjoni; jew

d)

li tonqos milli tħallas il-multi u/jew il-ħlasijiet penali perjodiċi msemmija fl-Artikolu 6 (1) u (2). ║

2.   Għall-fini tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tat-tagħrif kollu disponibbli, inklużi:

a)

ir-riżultati tal-valutazzjoni tagħha stess tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata skond l-Artikolu 8(1);

b)

rapporti mressqa minn Stati Membri skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva …/…/KE (9) [dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera u dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi];

c)

analiżi tad-diżgrazzji li jinvolvu vapuri kklassifikati mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti;

d)

kwalunkwe ripetizzjoni tan-nuqqasijiet msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(1);

e)

kemm hija affettwata l-flotta fil-klassi tal-organizzazzjoni rikonoxxuta; u

f)

l-ineffettività tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 6(2).

3.   L-irtirar tar-rikonoxximenti għandu jkun deċiż mill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba minn Stat Membru, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3) u wara li l-organizzazzjoni rikonoxxuta kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha.

Artikolu 8

1.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti kollha għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni, flimkien mal-Istat Membru li jkun ippreżenta t-talba rilevanti għar-rikonoxximent, fuq bażi regolari u mill-anqas kull sentejn biex jiġi żgurat li dawn jissodisfaw l-obbligi taħt dan ir-Regolament u jissodisfaw il-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I. Il-valutazzjoni għandha tkun limitata għal dawk l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Meta tagħżel l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li ser ikunu valutati, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-organizzazzjoni rikonoxxuta, għar-rekords tad-diżgrazzji u għar-rapporti magħmula mill-Istati Membri skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva …/…/KE (10) [dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera u dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi].

3.   Il-valutazzjoni tista' tinkludi żjara lil fergħat reġjonali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta kif ukoll spezzjoni aleatorja tal-vapuri, kemm dawk li qed jintużaw kif ukoll dawk li qed jinbnew, sabiex tkun ivverifikata l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta. F'dan il-każ il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tinforma lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-fergħa reġjonali. Il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

4.   Kull sena kull organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tqiegħed ir-riżultati tar-reviżjoni tal-ġestjoni tas-sistema ta' kwalità tagħha għad-dispożizzjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 12(1).

Artikolu 9

1.    Ma tista' ssir referenza għall-ebda klawsola ta' ebda kuntratt ta' organizzazzjoni rikonoxxuta ma' parti terza jew fi ftehima ta' awtorizzazzjoni ma' Stat tal-bandiera biex ikun limitat l-aċċess tal-Kummissjoni għall-informazzjoni neċessarja għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1). ▐

2.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jiżguraw fil-kuntratti tagħhom ma' terzi għall-ħruġ ta' ċertifikati statutorji jew ta' ċertifikati tal-klassi lil vapur li tali ħruġ għandu jiddependi mill-fatt li l-partijiet ma jopponux l-aċċess lill-ispetturi Komunitarji abbord dak il-vapur għall-finijiet tal-Artikolu 8(1).

Artikolu 10

1.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkonsultaw ma' xulxin perjodikament bil-ħsieb li jżommu ekwivalenza u jiksbu l-armonizzazzjoni tar-regoli u r-regolamenti tagħhom u għall-implimentazzjoni tagħhom. Huma għandhom jikkooperaw ma' xulxin bil-ħsieb li jaslu għal interpretazzjoni konsistenti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati tal-bandiera. L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom, f'każijiet fejn dan ikun xieraq, jaqblu dwar il-kondizzjonijiet tekniċi u proċedurali li taħthom jirrikonoxxu reċiprokament iċ-ċertifikati ta' klassifikazzjoni rispettivi tagħhom abbażi ta' mudelli ekwivalenti, bl-użu tal-aktar standards eżiġenti u rigorużi bħala referenza, b'mod partikolari, filwaqt li jqisu t-tagħmir marittimu li jkollu l-marka tal-konformità, skond id-Direttiva 96/98/KE tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 1996, dwar it-tagħmir marittimu  (11).

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jirrikonoxxu, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni, ċertifikati ta' tagħmir marittimu li jkollhom il-marka ta' konformità skond id-Direttiva ║96/98/KE ║.

Huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'rapporti perjodiċi dwar il-progress bażiku fl-istandards u r-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati għal materjali, tagħmir u komponenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-… (12), ibbażat fuq studju indipendenti, fuq il-livell milħuq fil-proċess tal-armonizzazzjoni tar-regoli u r-regolamenti u fuq ir-rikonoxximent reċiproku. F'każ ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu min-naħa tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-miżuri xierqa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkooperaw mal-amministrazzjonijiet mill-Istat tal-Port tal-kontroll fejn ikun ikkonċernat vapur tal-klassi tagħhom, b'mod partikolari biex jiffaċilitaw ir-rettifika ta' nuqqasijiet irrappurtati jew diskrepanzi oħra.

4.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jipprovdu lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kollha li jkunu taw kwalunkwe waħda mill-awtorizzazzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva …/…/KE (13) [dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera u dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi] u lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-flotta kklassifikata tagħhom, it-trasferimenti, il-bidliet, is-sospensjonijiet u l-irtirar tal-klassi, irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-vapuri.

Tagħrif dwar trasferimenti, bidliet, sospensjonijiet, u rtirar tal-klassi, inkluż tagħrif dwar perizji li suppost saru, rakkomandazzjonijiet li suppost saru, kundizzjonijiet tal-klassi, kundizzjonijiet tal-ħidma jew limitazzjonijiet tal-ħidma maħruġa għall-vapuri klassifikati tagħhom — irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-vapuri — għandu jkun ikkomunikat ukoll b'mod elettroniku lid-database komuni ta' spezzjoni użata mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-Direttiva …/…/KE+ [dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera u dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi] fl-istess żmien li jkun irreġistrat fis-sistemi tal-organizzazzjoni rikonoxxuta stess u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara l-ġrajja li tkun qajjmet l-obbligu li jkun ikkomunikat it-tagħrif. Dak it-tagħrif, bl-eċċezzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tal-kundizzjonijiet tal-klassi li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun għadu ma skadiex, għandu jkun ippubblikat fil-website ta' dawn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

5.   L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti m'għandhomx joħorġu ċertifikati statutorji għal vapur, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, li ġie mniżżel grad jew biddel il-klassi għal raġunijiet ta' sikurezza, qabel ma jagħtu l-opportunità lill-amministrazzjoni kompetenti tal-Istat tal-bandiera tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien raġonevoli dwar jekk hemmx bżonn spezzjoni sħiħa.

6.   F'każijiet ta' trasferiment minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal oħra, l-organizzazzjoni li tkun qed titrasferixxi għandha, mingħajr dewmien tipprovdi lill-organizzazzjoni li tkun qed tirċievi bil-fajl komplut tal-istorja tal-vapur u, b'mod partikolari, tinfurmaha dwar:

a)

kwalunkwe perizja li ż-żmien għaliha jkun skada;

b)

kwalunkwe rakkomandazzjoni u kundizzjoni tal-klassi li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun skada;

c)

il-kundizzjonijiet tal-ħidma maħruġa kontra l-vapur, u

d)

il-limitazzjonijiet tal-ħidma maħruġa kontra l-vapur.

Ċertifikati ġodda għall-vapur jistgħu jinħarġu mill-organizzazzjoni li tkun qed tirċievi biss wara li jitlestew b'mod sodisfaċenti l-perizji kollha u wara li r-rakkomandazzjonijiet jew il-kundizzjonijiet tal-klassi kollha fir-rigward tal-vapur li jkunu inħarġu preċedentement u li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun skada jitlestew kif speċifikat mill-organizzazzjoni li tkun qed titrasferixxi.

Qabel ma jitlestew iċ-ċertifikati l-ġodda , l-organizzazzjoni li tkun qed tirċievi trid tavża lill-organizzazzjoni li tkun qed titrasferixxi bid-data tal-ħruġ u għal kull perizja, rakkomandazzjoni u kundizzjoni tal-klassi li ż-żmien għat-twettiq tagħhom ikun skada , tikkonferma l-azzjoni meħuda , u tispeċifika l-post u d-data tal-bidu u l-post fejn, u d-data meta, din tintemm b'mod sodisfaċenti .

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw rekwiżiti komuni xierqa dwar każijiet ta' trasferiment tal-klassi meta jkunu meħtieġa prekawzjonijiet speċjali. Bħala minimu, dawk il-każijiet għandhom jinkludu t-trasferiment tal-klassi ta' vapuri ta' 15-il sena jew aktar u t-trasferiment minn organizzazzjoni mhux rikonoxxuta għal organizzazzjoni rikonoxxuta.

L-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jikkooperaw ma' xulxin biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu b'mod xieraq.

Artikolu 11

1.    L-Istati Membri, flimkien mal- organizzazzjonijiet rikonoxxuti għandhom jistabbilixxu, sa … (14) Kumitat ta' Valutazzjoni skond l-istandards ▐ tal-kwalità EN 45012. L-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti li jaħdmu fl-industrija tal-vapuri jistgħu jipparteċipaw fil-kapaċità ta' konsulenza.

2.    Il-Kumitat ta' Evalwazzjoni għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

a)

regolamentazzjoni u valutazzjoni kontinwa tas-sistemi ta' mmaniġġar tal-kwalità ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti, f'konformità mal-kriterji tal-istandard tal-kwalità ISO 9001;

b)

iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema tal-kwalità ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti ▐;

c)

il-ħruġ ta' interpretazzjonijiet li jorbtu ta' standards ta' ġestjoni ta' kwalità rikonoxxuti internazzjonalment, b'mod partikolari biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tan-natura u tal-obbligi tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti; u

d)

l-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet individwali u kollettivi għat-titjib tar-regoli, tal-proċessi u tal-mekkaniżmi ta' kontroll intern tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti.

3.    Il-Kumitat ta' Valutazzjoni għandu jkun indipendenti , u għandu jkollu▐ l-kompetenzi neċessarji biex jaġixxi b'awtonomija mill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effettiv u bl-aktar standards professjonali għolja. Il-Kumitat ta' Valutazzjoni għandu jistabilixxi l-metodi tax-xogħol u r-regoli ta' proċedura tiegħu.

4.    Il-Kumitat ta' Valutazzjoni għandu jipprovdi lill-partijiet interessati, inkluża▐ l-Kummissjoni, l-informazzjoni sħiħa dwar il-pjan annwali ta' ħidma tiegħu kif ukoll dwar ir-riżultati li jikseb u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, partikolarment fir-rigward ta' sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li ġiet kompromessa s-sikurezza.

5.    Il-Kumitat ta' Valutazzjoni għandu jiġi verifikat perjodikament mill-Kummissjoni li, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), tista' titlob lill-Kumitat ta' Valutazzjoni biex jadotta l-miżuri li l-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa biex tkun żgurata konformità sħiħa mal-paragrafu 1 .

6.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Istati Membri dwar ir-riżultati u s-segwitu tal-valutazzjoni tagħha.

Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 (15).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5 (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 13

1.   Dan ir-Regolament jista', mingħajr ma jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, jiġi emendat skond il-proċedura regolatorju bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4), sabiex jiġu aġġornati l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet rilevanti tal-IMO.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4).

2.   L-emendi għall-konvenzjonijiet internazzjonali definiti fl-Artikolu 2(b) jistgħu jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.

Artikolu 14

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta u tippubblika:

a)

kriterji biex titkejjel l-effettività tar-regoli u tal-proċeduri kif ukoll il-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti fir-rigward tas-sikurezza, u l-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri kklassifikati tagħhom, filwaqt li tqis b'mod partikolari d-data mill-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port u/jew minn skemi simili oħra; u

b)

kriterji sabiex jiġi determinat meta tali prestazzjoni għandha titqies bħala theddida mhux aċċettabbli għas-sikurezza jew għall-ambjent, li jistgħu jieħdu kont ta' ċirkostanzi speċifiċi li jaffettwaw organizzazzjonijiet ta' daqs żgħir jew speċjalizzati ħafna.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi non-essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4).

2.   Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh li għandhom x'jaqsmu mal-Artikolu 6 u, jekk xieraq, mal-Artikolu 7 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 12(4).

3.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni immedjata tal-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness I, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), tadotta regoli dwar l-interpretazzjoni tagħhom u tista' tikkunsidra l-istabbiliment ta' objettivi għall-kriterji minimi ġenerali msemmija fil-punt 3 tal-Parti B tal-Anness I.

Artikolu 15

1.   L-organizzazzjonijiet li, mad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kienu ngħataw ir-rikonoxximent skond id-Direttiva 94/57/KE għandhom iżommu r-rikonoxximent tagħhom, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2.

2.   Bla ħsara għall-Artikoli 5 u 7, il-Kummissjoni għandha terġa' teżamina r-rikonoxximenti limitati kollha mogħtija skond id-Direttiva 94/57/KE fid-dawl tal-Artikolu 4(2) ta' dan ir-Regolament sa… (16), bil-għan li jkun deċiż, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 12(3), jekk il-limitazzjonijiet għandhomx ikunu sostitwiti b'oħrajn jew jekk għandhomx jitneħħew. Il-limitazzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni.

Artikolu 16

Matul il-valutazzjoni skond l-Artikolu 8(1), il-Kummissjoni għandha tivverifika li d-detentur tar-rikonoxximent huwa l-entità legali rilevanti fl-organizzazzjoni li għaliha għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni li temenda dak ir-rikonoxximent.

Meta l-Kummissjoni temenda r-rikonoxximent, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-ftehimiet tagħhom mal-organizzazzjoni rikonoxxuta biex jieħdu kont tal-emenda.

Artikolu 17

Il-Kummissjoni, kull sentejn, għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Ir-referenzi fil-liġi Komunitarja u dik nazzjonali għad-Direttiva 94/57/KE għandhom jinftiehmu, kif xieraq, bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

(2)  ĠU C 229, 22.09.2006, p. 38.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007 (ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 632), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2008(ĠU C 190 E, 29.7.2008, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008.

(4)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20. ║.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. ║.

(6)  ĠU L 208 5.8.2002, p. 1. ║.

(7)  ĠU: …. ║.

(8)  ĠU L …

(9)  ĠU: … ║.

(10)  ĠU: … ║.

(11)   ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25.

(12)   Tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva dan ir-Regolament.

(13)  ĠU: … ║.

(14)   Tmintax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(15)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. ║.

(16)  ║ Tnax-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

L-Erbgħa, 24 ta' Settembru 2008
ANNESS I

IL-KRITERJI MINIMI GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET

(IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3)

A.   KRITERJI MINIMI ĠENERALI

1.

Sabiex tkun eliġibbli biex tikseb jew tkompli tgawdi għarfien Komunitarju, Organizzazzjoni rikonoxxuta għandu jkollha personalità legali fl-Istat fejn ikollha s-sede. Il-kontijiet tagħha għandhom ikunu ċċertifikati minn awdituri indipendenti

2.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun kapaċi tiddokumenta esperjenza estensiva fil-valutazzjoni tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-vapuri tal-merkanzija.

3.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun komposta f'kull ħin minn persunal maniġerjali, tekniku, ta' appoġġ u ta' riċerka sinifikanti li jirrifletti d-daqs tal-flotta fil-klassi tagħha, il-kompożizzjoni tagħha u l-involviment tal-organizzazzjoni fil-kostruzzjoni u l-konverżjoni ta' vapuri. L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun tista' tagħti lil kull post tax-xogħol, meta u kif ikun hemm bżonn, mezzi u persunal li jirriflettu l-ħidmiet li għandhom jitwettqu skond il-kriterji ġenerali minimi taħt il-punti 6 u 7 u bi kriterji minimi speċifiċi taħt il-Parti B.

4.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandu jkollha u għandha tapplika sett ta' regoli komprensivi u proċeduri tagħha stess, jew l-abbiltà murija tagħha għalhekk, għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-perizja perjodika tal-vapuri tal-merkanzija, li jkollhom il-kwalità ta' standards internazzjonali rikonoxxuti. Dawn iridu jkunu ppubblikati u kontinwament aġġornati u mtejba mill-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp.

5.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tippubblika r-reġistru tagħha tal-vapuri fuq bażi annwali jew iżżomm dan ir-reġistru f'ġabra ta' data li tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

6.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta ma għandhiex tkun ikkontrollata mis-sidien jew mill-bennejja tal-vapuri, jew minn oħrajn involuti b'mod kummerċjali fil-manifattura, it-tagħmir, it-tiswija jew l-operazzjoni tal-vapuri. L-organizzazzjoni rikonoxxuta ma tkunx sostanzjalment dipendenti fuq impriża kummerċjali waħda għad-dħul tagħha. L-organizzazzjoni rikonoxxuta ma twettaqx xogħol tal-klassi jew statutorju jekk tkun identika ma' jew ikollha rabtiet tan-negozju, personali jew tal-familja ma' sid il-vapur jew mal-operatur. Din l-inkompatibilità għandha tapplika wkoll għall-periti impjegati mill-organizzazzjoni rikonoxxuta.

7.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid topera skond id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness għar-Riżoluzzjoni A.789(19) tal-IMO dwar speċifikazzjonijiet dwar il-funzjoni ta' perizja u ta' ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet rikonoxxuti li jaġixxu f'isem l-amministrazzjoni, sakemm ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-qasam ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

B.   KRITERJI MINIMI SPEĊIFIĊI

1.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tipprovdi kopertura dinjija permezz tal-persunal tekniku esklussiv tagħha jew, f'każijiet ▐ debitament ġustifikati, permezz tal-persunal tekniku esklussiv ta' organizzazzjonijiet oħra ▐.

2.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun irregolata b'kodiċi ta' etika.

3.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tkun ġestita u amministrata b'mod li jiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif meħtieġ mill-amministrazzjoni.

4.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tipprovdi t-tagħrif relevanti lill-amministrazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati.

5.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta, il-periti u l-persunal tekniku tagħha għandhom iwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr ma bl-ebda mod jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tat-tarznari, tal-fornituri tat-tagħmir u tal-proprjetarji tal-vapuri, inklużi l-brevetti, il-liċenzji, l-għerf tas-sengħa, jew kull xorta ta' għarfien li l-użu tiegħu huwa legalment protett fuq livell Komunitarju jew nazzjonali. ║Mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' valutazzjoni tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni u b'mod partikolari taħt l-Artikolu 9, l-organizzazzjoni rikonoxxuta u l-periti u l-persunal tekniku tagħha, li hija timpjega, ma jistgħux, taħt l-ebda ċirkostanza, jgħaddu jew jiżvelaw data kummerċjalment rilevanti miksuba waqt ix-xogħol tagħhom ta' spezzjoni, kontroll, u monitoraġġ tal-vapuri taħt kostruzzjoni jew għat-tiswija.

6.

L-amministrazzjoni tal-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tiddefinixxi u tiddokumenta l-politika u l-objettivi tagħha għal, u l-impenn tagħha favur, il-kwalità u trid tiżgura li din il-politika tkun mifhuma, implimentata u miżmuma fil-livelli kollha fl-organizzazzjoni rikonoxxuta. Il-politika tal-organizzazzjoni rikonoxxuta trid tirreferi għall-miri u l-indikaturi tal-prestazzjoni tas-sikurezza u tal-prevenzjoni tat-tniġġis.

7.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta tiżgura li:

a)

ir-regoli u l-proċeduri tagħha jkunu stabbiliti u miżmuma b'mod sistematiku;

b)

ir-regoli u l-proċeduri tagħha jkunu segwiti u titwaqqaf sistema interna biex titkejjel il-kwalità tas-servizz b'rabta ma' dawn ir-regoli u proċeduri;

c)

il-ħtiġiet tax-xogħol statutorju li għalih hija awtorizzata l-organizzazzjoni rikonoxxuta jkunu sodisfatti u titwaqqaf sistema interna biex titkejjel il-kwalità tas-servizz b'rabta mal-konformità mal-istandards internazzjonali;

d)

ir-responsabilitajiet, is-setgħat u l-interrelazzjoni tal-persunal li x-xogħol tagħhom jaffettwa l-kwalità tas-servizzi tal-organizzazzjoni rikonoxxuta jkunu ddefiniti u ddokumentati;

e)

ix-xogħol kollu jitwettaq f'konformità ma' kundizzjonijiet ikkontrollati;

f)

tkun teżisti sistema ta' sorveljanza li timmonitorja l-azzjonijiet u x-xogħol imwettqa mill-periti u l-persunal tekniku u amministrattiv impjegati mill-organizzazzjoni rikonoxxuta;

g)

il-periti għandhom għarfien kbir tat-tip ta' vapur partikulari li fuqu jwettqu x-xogħol tagħhom kif meħtieġ għall-perizja partikulari li tkun ser issir u skond ir-rekwiżiti applikabbli;

h)

tkun implimentata sistema għall-kwalifikazzjoni ta' periti u l-aġġornament kontinwu tal-għarfien tagħhom;

i)

jinżammu reġistri, li juru l-kisba tal-istandards meħtieġa fl-oġġetti koperti mis-servizzi mwettqa, kif ukoll l-operazzjoni effettiva tas-sistema tal-kwalità;

j)

tinżamm sistema komprensiva ta' verifiki interni ppjanati u ddokumentati li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet tal-kwalità fil-postijiet kollha;

k)

il-perizji u l-ispezzjonijiet statutorji rikjesti mis-Sistema Armonizzata tal-Perizji u ċ-Ċertifikazzjoni li għalihom l-organizzazzjoni rikonoxxuta tkun awtorizzata jitwettqu skond id-dispożizzjoni stipulata fl-Anness u fl-Appendiċi għar-Riżoluzzjoni A.948(23) tal-IMO dwar Linji Gwida għall-Perizji skond is-Sistema Armonizzata tal-Perizji u ċ-Ċertifikazzjoni;

l)

jiġu stabbiliti linji ta' responsabiltà u ta' kontroll ċari u diretti bejn l-uffiċċji ċentrali u reġjonali tal-organizzazzjoni rikonoxxuta u bejn l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti u l-periti tagħhom.

8.

L-organizzazzjoni ▐ għandha tkun żviluppat, implimentat u għandha żżomm sistema effettiva ta' kwalità interna bbażata fuq partijiet xierqa ta' standards ta' kwalità rikonoxxuti internazzjonalment u f'konformità ma' EN ISO/IEC 17020:2004 (korpi ta' spezzjoni) u ma' EN ISO 9001:2000 ▐ kif interpretati u ċċertifikati mill-Kumitat ta' Valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 11(1).

Il-Kumitat ta' Valutazzjoni għandu jaġixxi b'mod indipendenti, u għaldaqstant, għandu jkollu aċċess għall-mezzi kollha meħtieġa sabiex jiffunzjona b'mod korrett u biex iwettaq ħidma kompluta u konsistenti. . Għandu jkollu ħiliet tekniċi speċjalizzati u estensivi ħafna u kodiċi ta' mġiba li jiggarantixxi l-indipendenza tal-ħidma tal-awdituri.

9.

Ir-regoli u r-regolamenti ta' l-organizzazzjonijiet għandhom jiġu implimentati b'tali mod li dawn jibqgħu f'pożizzjoni li skond il-ġudizzju tagħhom u l-għarfien proprju u dirett tagħhom, ikunu jistgħu dejjem jagħmlu dikjarazzjoni affidabbli u oġġettiva dwar is-sikurezza tal-vapuri kkonċernati permezz ta' ċertifikati tal-klassi li fuq il-bażi tagħhom jistgħu jinħarġu ċertifikati statutorji.

10.

L-organizzazzjoni irid ikollha l-mezzi meħtieġa biex tevalwa, bl-użu ta' persunal professjonali kkwalifikat u skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għar-Riżoluzzjoni A.913(22) tal-IMO dwar Linji Gwida għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Immaniġġar tas-Sikurezza (ISM) mill-amministrazzjonijiet, l-applikazzjoni u ż-żamma tas-sistema tal-immaniġġar tas-sikurezza, kemm ta' mal-kosta kif ukoll fuq il-vapuri, maħsuba li tkun koperta fiċ-ċertifikazzjoni.

11.

L-organizzazzjoni rikonoxxuta għandha tippermetti l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tar-regoli u l-proċeduri tagħha mir-rappreżentanti tal-amministrazzjoni u tal-partijiet l-oħra kkonċernati.

L-Erbgħa, 24 ta' Settembru 2008
ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Direttiva 94/57/KE

Direttiva …/…KE (1) [dwar konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera u dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet tal-ispezzjoni u tal-perizji tal-vapuri u għall-attivitajiet rilevanti tal-amministrazzjonijet marittimi]

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(a)

Artikolu 2(a)

Artikolu 2(a)

Artikolu 2(b)

Artikolu 2(b)

-

Artikolu 2(c)

Artikolu 2(c)

-

Artikolu 2(d)

Artikolu 2(d)

Artikolu 2(b)

Artikolu 2(e)

Artikolu 2(g)

Artikolu 2(c)

-

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(d)

Artikolu 2(f)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2(e)

Artikolu 2(g)

Artikolu 2(j)

Artikolu 2(f)

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(k)

Artikolu 2(g)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2(m)

Artikolu 2(i)

-

Artikolu 2(j)

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(j)

Artikolu 2(n)

-

Artikolu 2(k)

-

Artikolu 2(j)

Artikolu 3

Artikolu 3

-

Artikolu 4(1) l-ewwel frażi

-

Artikolu 3(1)

Artikolu 4(1) it-tieni frażi

-

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(1) it-tielet frażi

-

-

Artikolu 4(1) ir-raba' frażi

-

Artikolu 4(1)

-

-

Artikolu 3(3)

-

-

Artikolu 4(2),(3),(4)

-

-

Artikolu 5

-

-

Artikolu 6

-

-

Artikolu 7

Artikolu 5(1)

Artikolu 8(1)

-

Artikolu 5(3)

Artikolu 8(2)

-

Artikolu 6(1), (2), (3), (4)

Artikolu 9(1), (2), (3), (4)

-

Artikolu 6(5)

-

-

Artikolu 7

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 8(1) l-ewwel inċiż

Artikolu 11(1) punt (a) tal-ewwel subparagrafu

-

Artikolu 8(1) it-tieni inċiż

-

Artikolu 13(1)

Artikolu 8(1) it-tielet inċiż

Artikolu 11(1) punt (b) tal-ewwel subparagrafu

-

-

Artikolu 11(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1) (it-tieni subparagrafu)

Artikolu 8(2)

Artikolu 11(2)

-

Artikolu 8(2) it-tieni subparagrafu

-

Artikolu 13(2)

Artikolu 9(1)

-

-

Artikolu 9(2)

-

-

Artikolu 10(1) kliem introduttorju

Artikolu 12

-

Artikolu 10(1)(a), (b), (c), (2),(3), (4)

-

-

Artikolu 11(1),(2)

Artikolu 13(1),(2)

-

Artikolu 11(3),(4)

-

Artikolu 8(1)(2)

Artikolu 12

Artikolu 14

-

Artikolu 13

-

-

Artikolu 14

Artikolu 15(1), (2)

-

-

Artikolu 15(3)

-

-

Artikolu 16

-

-

 

Artikolu 9

Artikolu 15(1)

 

 

 

 

Artikolu 10(1), (2)

Artikolu 15(2)

 

Artikolu 10(3)

Artikolu 15(3)

-

Artikolu 10(4)

Artikolu 15(4)

 

Artikolu 10(5)

Artikolu 15(5)

 

Artikolu 10(6) l-ewwel, it-tieni, it-tielet, il-ħames subparagrafi

-

 

Artikolu 10(6) ir-raba' subparagrafu

Artikolu 16

Artikolu 17

-

Artikolu 17

Artikolu 20

-

-

Artikolu 18

-

-

Artikolu 19

-

 

 

Artikolu 11

 

 

Artikolu 14

 

 

Artikolu 15

 

 

Artikolu 16

 

 

Artikolu 17

 

 

Artikolu 18

 

 

Artikolu 19

Anness

 

Anness I

 

Anness I

 

 

Anness II

Anness II


(1)  ĠU: … ║ .