31.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 161/84 |
Il-Ħamis 20 ta’ Mejju 2010
Ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini
P7_TA(2010)0186
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini (2010/2011(INI))
2011/C 161 E/14
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew dwar “l-Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” COM(2010)2020),
wara li kkunsidra r-rapport mill-Professur Mario Monti lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tas-suq waħdieni (1),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Aġenda taċ-ċittadin – il-kisba tar-riżultati għall-Ewropa ” (COM(2006)0211),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Suq waħdieni għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li hemm miegħu bit-titlu “ Is-Suq Waħdieni – reviżjoni tal-kisbiet”(SEC(2007)1521), ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar ir-reviżjoni tas-suq waħdieni (2) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni bit-titlu “Ir-reviżjoni tas-suq waħdieni – wara sena” (SEC(2008)3064),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà – lejn viżjoni soċjali ġdida għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0726) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” (COM(2007)0725) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta’ Settembru 2006 dwar il-white paper tal-Kummissjoni dwar servizzi ta’ interess ġenerali (3),
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq waħdieni (4) u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-direttivi li jaffettwaw is-suq intern (5),
wara li kkunsidra t-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern ta’ Lulju 2009 (SEC(2009)1007) u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tad-9 ta’ Marzu 2010 (6) u tat-23 ta’ Settembru 2008 (7) dwar it-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern,
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titlu “Strateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013 – Aktar poteri lill-konsumaturi, tisħiħ tal-benesseri tagħhom, għal ħarsien effettiv tagħhom” (COM(2007)0099) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Politika tal-Konsumatur 2007-2013’ (8),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2009 bit-titlu “Il-Monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni – It-Tieni edizzjoni tat-Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (COM(2009)0025) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li hemm miegħu bit-titlu “It-Tieni Tabella tal-Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (SEC(2009)0076),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar “l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur” (COM(2009)0330) u r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonli responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur (ir-“Regolament dwar kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur”) (COM(2009)0336),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-ħarsien tal-konsumatur (9),
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE” (COM(2009)0557),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni għas-Suq Waħdieni, Produzzjoni u Konsum, dwar “Tfixkil għas-Suq Waħdieni Ewropew 2008” (10),
wara li kkunsidra r-rapport annwali 2008 tas-SOLVIT dwar l-iżvilupp u l-eżekuzzjoni tan-netwerk tas-SOLVIT (SEC(2009)0142), id-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar pjan ta’ azzjoni dwar approċċ integrat għall-provvediment ta’ servizzi ta’ għajnuna fis-suq waħdieni u liċ-ċittadini u n-negozji (SEC(2008)1882) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar SOLVIT (11),
wara li kkunsidra r-Regolament (KE) No 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, li jimmira biex joħloq qafas ġenerali ta’ regoli u prinċipji b’relazzjoni mal-akkreditament u s-sorveljanza tas-suq,
wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE), li jistipula li “s-suq intern għandu jikkomprendi zona bla fruntiei interni li fiha jkun assigurat il-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”,
wara li kkunsidra l-Artikolu 3(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE), li jorbot l-Unjoni biex taħdem għal ekonomija ta’ suq soċjali kompetittiv ħafna, bil-mira li jintlaħqu impjieg totali u progress soċjali, u livell għoli ta’ protezzjoni u titjib fil-kwalità tal-ambjent’,
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inhuma inkorporati fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-TUE,
wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat FUE, li jistipula li “għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra ħtiġijiet marbutin mal-promozzjoni għal livell għoli ta’ impjiegi, għal garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, għal ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u għal livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem”,
wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tat-Trattat FUE, li jistipula li “r-rekwiżiti għall-ħarsien tal-ambjent iridu jkunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli”,
wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-Trattat FUE, li jistipula li “r-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu kkunsidraw fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni”,
wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tat-Trattat FUE u l-Protokol 26 tiegħu dwar servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali,
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0132/2010),
A. |
billi jeżistu ħafna ostakli, riżultat ta’ nuqqas ta’ informazzjoni dwar drittijiet u opportunitajiet, regolamenti frammentati, nuqqas ta’ inizjattivi leġiżlattivi f’għadd ta’ oqsma ewlenin, traspożizzjoni li mhix tajba biżżejjed, applikazzjoni u infurzar inadegwati ta’ regoli, u nuqqas ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni, li jfixklu liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lill-SMEs li jkunu jixtiequ jiċċaqalqu, jixtru, jbigħu jew jinnegozjaw f’pajjiżi oħra bl-istess sens ta’ sigurtà u kunfidenza li huma jgawdu fl-Istati Membri tagħhom stess, |
B. |
billi fl-istess ħin, l-isforzi biex tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni sabiex jingħelbu dawn l-ostakli, xi drabi wasslu għal regolamentazzjoni żejda b’effetti negattivi fuq il-maġġoranza tal-SMEs, b'mod partikolari l-mikroentitajiet li ma jixtiqux joperaw fil-livell tas-suq Ewropew imma jippreferu jibqgħu attivi lokalment, kif ukoll korpi tal-gvern lokali, u għalhekk huwa mitlub li ssir regolamentazzjoni aħjar b’piżijiet amministrattivi mill-anqas, |
C. |
billi perċentwal żgħir biss ta’ ħaddiema, fornituri ta’ servizzi u professjonisti jiddeċiedu li jiċċaqalqu għal Stat Membru ieħor, inter alia minħabba li l-burokrazija involuta u r-riskju li jitilfu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali jagħmluha kkomplikata u għalja wisq biex jagħmlu hekk, |
D. |
billi ftit huma l-intraprendituri u l-SMEs li joffru l-merkanzija u s-servizzi tagħhom barra s-swieq domestiċi tagħhom, minħabba ostakli tal-lingwa, nuqqas ta’ ċertezza rigward investimenti, ħlasijiet u obbligi u minħabba differenzi fit-tradizzjonijiet legali, amministrattivi, soċjali u kulturali tal-Istati Membri differenti, |
E. |
billi s-suq waħdieni ma jistax jitiqies b’mod iżolat minn oqsma oħra ta’ politika orizzontali, b’mod partikolari s-saħħa, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, il-liġi tax-xogħol, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-politiki esterni, |
F. |
billi l-Istrateġija UE 2020 għandha tistabbilixxi miri realistiċi biex tinkiseb ekonomija soċjali tas-suq ekoloġika u bbażata fuq l-għarfien u tkabbir sostenibbli sal-2020, kif ukoll biex jinħolqu impjiegi, inkluż fis-settur ambjentali; billi l-bażi tal-Istrateġija UE 2020 għandha tkun is-suq waħdieni Ewropew, bl-isfidi ta’ ġustizzja soċjali u tkabbir ekonomiku u li tiffoka fuq il-benefiċċji għaċ-ċittadini, il-ħarsien tal-konsumatur u l-SMEs, |
G. |
billi, kulma jmur, il-kwistjonijiet tas-suq waħdieni u tal-kummerċ internazzjonali aktar qed isiru interdipendenti u aktar qed jaffettwaw lil xulxin, |
H. |
billi ħafna ċittadini Ewropej mhumiex konxji mill-benefiċċji prattiċi tas-suq waħdieni li jgawdu minnhom huma stess, peress li hemm ftit wisq tagħrif disponibbli dwar is-suq waħdieni u dan l-anqas m’hu spjegat kif għandu jkun, |
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. |
Iqis li l-Unjoni qed tħabbat wiċċha ma’ żmien partikularment problematiku fl-istorja tal-integrazzjoni tas-suq waħdieni Ewropew; hu tal-opinjoni li l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni jridu jiġu indirizzati b’koerenza, determinazzjoni, impenn u qawwa, inevitabilment imsieħba mas-sensitività u l-prattiċità, fi spirtu ta’ kooperazzjoni u solidarjetà; jenfasizza li dan il-proċess se joħloq il-ħtieġa ta’ awtorità soda u inizjattiva konsiderevoli min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, u impenn politiku mill-Kunsill, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew; |
2. |
Jenfasizza li s-suq waħdieni mhuwiex biss struttura ekonomika, u l-leġiżlazzjoni tas-suq waħdieni tħares u tippreserva drittijiet fundamentali speċifiċi taċ-ċittadini, bħal ma huma s-sigurtà u l-privatezza, u li għal din ir-raġuni suq waħdieni li jiffunzjona bla intoppi jkun fl-aħjar interessi taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs Ewropej, meta wieħed iqis il-ħafna sfidi ekonomiċi u oħrajn li bħalissa qed taffaċċja l-UE; |
3. |
Jenfasizza li, minkejja d-dgħufijiet teknoloġiċi u leġislattivi fl-istruttura tiegħu, is-suq waħdieni Ewropew, flimkien maż-żona euro, juri aħjar it-tifsira vera tal-integrazzjoni u l-unità ekonomika tal-UE, u ċertament huwa s-suċċess l-aktar viżibbli tal-integrazzjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-UE; |
4. |
Jenfasizza li s-suq waħdieni għandu jiftaħ orizzonti ġodda fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jkun qed jagħmel aktar biex jippromwovi l-iżvilupp ta’ merkanzija u servizzi, b’enfasi fuq l-għarfien u t-teknoloġija, li jikkostitwixxu forza li tmexxi ’l quddiem l-iżvilupp ekonomiku ġejjieni; |
5. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li “terġa” tpoġġi fil-qalba tas-suq intern lil dawk li jgħixu fih u jużawh kuljum’ kif ukoll l-impenn tagħha li tkun difensur sod tas-suq waħdieni permezz tal-użu sħiħ tal-poteri ta’ infurzar tagħha u li toħroġ b’viżjoni soċjali u ambjentali tas-suq waħdieni bbażata fuq l-obbligi tat-Trattat ta’ Liżbona; |
Il-proċess ta’ integrazzjoni tas-suq waħdieni mhux irreversibbli
6. |
Jenfasizza li l-integrazzjoni fis-suq waħdieni mhijiex proċess irreversibbli u li m’għandniex inserrħu moħħna mill-eżistenza kontinwa tas-suq waħdieni; |
7. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu li jekk jerġa’ jitfaċċa l-protezzjoniżmu ekonomiku dan x’aktarx iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq waħdieni u għalhekk jeħtieġ li jiġi evitat; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-falliment ekonomiku u finanzjarju attwali jista’ jintuża biex jiġġustifika li jerġgħu jitqajmu miżuri ta’ protezzjoniżmu f’diversi Stati Membri, filwaqt li, minflok hekk, it-tnaqqis fl-attività ekonomika jitlob mekkaniżmi ta’ salvagwardja komuni; |
8. |
Iqis li l-kriżi għamlet ħafna ħsara lill-proċess ta’ integrazzjoni tas-suq waħdieni u li l-antagoniżmu u n-nuqqas ta’ fiduċja fir-rigward tas-suq waħdieni kibru b’riżultat tad-difetti u l-inugwaljanzi li ħarġu mis-sistemi ekonomiċi tal-Istati Membri; |
9. |
Ifakkar li l-politiki biex tiġi affrontata l-kriżi ma għandhomx inaqqsu l-proċess ta’ integrazzjoni tas-suq waħdieni, imma minflok għandhom jipprovdu żmien ta’ opportunità biex tiġi riformata, ikkonsolidata u mtejba l-istruttura preżenti tas-suq waħdieni, fejn jiġi realizzat il-potenzjal ta’ ħolqien tal-impjiegi ta’ ekonomija ħadra u terġa’ tinkiseb il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini, speċjalment tal-konsumaturi u l-SMEs; |
10. |
Jenfasizza li t-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni ma tridx tkun iddettata kompletament mit-tnaqqis fir-ritmu finanzjarju ta’ dan l-aħħar u li l-qawmien mill-ġdid irid imur lil hinn mil-lezzjonijiet fundamentali li ttieħdu mill-kriżi; |
11. |
Jenfasizza li t-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni għandha tilħaq miri konkreti, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, relevanti u b’kalendarju definit, li jridu jintlaħqu permezz ta’ strumenti ta’ politika adattati u effikaċi, ibbażati fuq l-erba’ libertajiet tal-moviment disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; |
12. |
Jenfasizza l-fatt li s-suq waħdieni Ewropew jinsab fi bżonn urġenti ta’ imbottatura ġdida, u li hemm bżonn ta’ tmexxija qawwija mill-istituzzjonijiet Ewropej, speċjalment mill-Kummissjoni, u sjieda politika mill-Istati Membri biex jerġgħu jitnisslu l-kredibilità u l-fiduċja fis-suq waħdieni; |
Il-bżonn ta’ approċċ olistiku u komuni għas-suq waħdieni
13. |
Hu tal-fehma li l-idea antika tas-suq waħdieni għandha tiġi ssupplementata sabiex issir iktar inklussiva; jenfasizza li dawk kollha involuti fil-formazzjoni u l-implimentazzjoni tas-suq waħdieni għandhom bżonn jadottaw approċċ aktar olistiku, li jintegra bis-sħiħ it-tħassib taċ-ċittadini; |
14. |
Jenfasizza li suq waħdieni aktar b’saħħtu, aktar profond u mwessa’ huwa ta’ importanza vitali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; |
15. |
Jenfasizza li s-suq waħdieni għandu jkun ċentrali biex tintlaħaq il-mira ta’ ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u kompetittiva ħafna fil-kuntest tal-viżjoni ta’ terminu twil tal-Istrateġija UE 2020; |
16. |
Jemmen li s-suq waħdieni huwa prerekwiżit importanti ħafna għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020; jipproponi għalhekk li kull strateġija u politika mmirati biex jerġgħu jqajmu mill-ġdid is-suq waħdieni Ewropew għandhom ikunu kkoordinati mill-istituzzjonijiet Ewropej u bbażati fuq ftehim pragmatiku, komprensiv u wiesa’ appoġġjat mill-Istati Membri kollha u ffukat prinċipalment fuq prijoritajiet li l-Istati Membri jagħmlu tabilħaqq tagħhom u jimplimentawhom b’mod effikaċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; |
17. |
Jenfasizza li s-suq waħdieni għandu jipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi f’termini ta’ kwalità aħjar, varjetà akbar, prezzijiet raġonevoli u sikurezza tal-merkanzija u s-servizzi; |
18. |
Jitlob li jkun hemm mudell ġdid ta’ fehma politika, li tkun tiffoka fuq iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs fit-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni Ewropew; huwa tal-fehma li dan jista’ jintlaħaq billi ċ-ċittadin Ewropew jitqiegħed fil-qalba tat-tiswir tal-politika tal-Unjoni Ewropea; |
19. |
Isostni li t-tiġdid tas-suq waħdieni jeħtieġ implimentazzjoni effikaċi ta’ kontrolli u bilanċi aktar adegwati, u aktar djalogu, sabiex jiġi garantit li l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi jitqiesu b’mod adegwat; iqis li approċċ ibbażat fuq l-evidenza u fuq iċ-ċittadin se jgħin lill-Unjoni tirbaħ lura l-fiduċja popolari fis-suq waħdieni Ewropew u ssib il-formula tajba biex jiġu adottati inizjattivi li jagħtu lill-Unjoni l-vantaġġ kompetittiv li għandha bżonn, bla ħsara għad-dimensjoni soċjali; |
20. |
Itenni li evalwazzjoni sinifikanti tal-impatti soċjali, tal-konsumaturi, ambjentali u ekonomiċi tas-suq waħdieni – li għandha tidher fil-proposti kollha għal suq waħdieni – hija kruċjali biex tintrebaħ il-fiduċja pubblika u tiġi assigurata wkoll l-integrazzjoni realistika ta’ miri soċjali, tal-protezzjoni tal-konsumatur, ambjentali u ekonomiċi; |
21. |
Jemmen li l-abolizzjoni tal-fruntieri fis-suq waħdieni kompliet issaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa f’dinja globalizzata; |
22. |
Jenfasizza li l-funzjonament kif suppost tas-suq intern ma jistax jinfired mir-rwol li trid twettaq l-Ewropa bħala attur ekonomiku globali; hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea trid tipproteġi l-mudell soċjali u ambjentali tagħha billi tinforza b’mod strett ir-regoli tagħha fuq s-servizzi u l-prodotti importati u billi tiddefendi bis-sod l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli, inkluż b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ korpi multilaterali u fil-kuntest tal-proċeduri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; |
23. |
Jenfasizza li s-suq intern u l-munita komuni servew ta’ tarka ta’ protezzjoni fl-Ewropa biex tnaqqas l-impatt negattiv tal-kriżi finanzjarja fuq in-negozji u ċ-ċittadini fl-Ewropa; |
Sfidi u opportunitajiet li jridu jitqiesu fil-politika tas-suq waħdieni
24. |
Hu tal-fehma li l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-Unjoni hija biex jinstab bilanċ bejn ekonomija miftuħa, li kapaċi tistimula tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi u tipprovdi reazzjoni integrata għall-isfidi maġġuri tal-ġejjieni (bħalma huma l-kompetittività, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-politika industrijali, il-kwistjonijiet demografiċi, l-ambjent u t-teknoloġiji l-ġodda), u sistema ekonomika bil-kapaċità ugwali li toffri protezzjoni lill-konsumatur u s-salvagwardji soċjali u ambjentali li jeħtieġu ċ-ċittadini; |
25. |
Jenfasizza li l-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq waħdieni għadha waħda irregolari, peress li n-netwerks tas-suq mhumiex interkonnessi b’mod suffiċjenti, li jfisser li kemm l-intrapriżi u kemm iċ-ċittadini jridu jiffaċċjaw ir-realtà ta’ kuljum ta’ diffikultajiet li persistenti fl-attivitajiet transkonfinali tagħhom, li għandhom mnejn jinvolvu 27 sistema legali differenti għal transazzjoni waħda; |
26. |
Jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit suq waħdieni aħdar għal teknoloġiji, servizzi u prodotti emerġenti ambjentali u b’emissjonijiet tal-karbonju baxxi, billi jiġu żviluppati standards għall-UE kollha għall-emissjonijiet tal-karbonju; jinnota li t-tikkettar u l-istandards ċari għall-prodotti effiċjenti f’sens ta’ enerġija jridu jsiru, progressivament, mandatorji fl-Unjoni kollha; jinnota li għandhom jitqiesu l-metodoloġiji u l-istandards eżistenti meta jkunu qed jiġu żviluppati standards ġodda għall-marki tal-karbonju; jenfasizza li dawn l-istandards ma għandhomx joħolqu rekwiżiti li jkunu ta’ piż esaġerat b’mod partikolari għall-SMEs; |
27. |
Jinsisti li, fl-era diġitali, l-Unjoni għandha tirrealizza bis-sħiħ il-potenzjal u l-opportunitajiet offruti permezz tal-Internet, il-kummerċ elettroniku u d-diffużjoni tal-ICTs fl-SMEs u fl-amministrazzjoni pubblika għall-iżvilupp ulterjuri tas-suq waħdieni, filwaqt li tagħmilhom disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda jrid jagħti kas il-bżonn li jiġu protetti ċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs u dawk li jinsabu f’qagħda vulnerabbli; |
28. |
Jenfasizza kemm hu importanti li jiġu stabbiliti mudelli kummerċjali ġodda fejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jkunu rimunerati kif għandu jkun mingħajr ma jinħolqu limiti bla bżonn fir-rigward tal-aċċess tal-konsumaturi għal kontenut kreattiv onlajn; |
29. |
Japprova l-inizjattivi meħudin mill-Kummissjoni biex ir-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni jingħataw prijorità f’kull strateġija futura; jistenna li jiġu allokati fondi suffiċjenti fil-baġits suċċessivi tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet kruċjali; ifakkar, f’dan il-kuntest, il-ħtieġa urġenti li tiġi riżolta l-kwistjoni pendenti tal-privattiva Komunitarja; jipproponi li l-Kummissjoni tibda teżamina modi possibbli li bihom jistgħu jinstabu punti ta’ riferiment konkreti bil-għan li jitkejjel is-suċċess fl-oqsma tar-riċerka, l-għarfien u l-innovazzjoni; |
30. |
Japprova l-isforzi tal-Kummissjoni biex tippromwovi s-sikurezza tal-oġġetti manifatturati permezz tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti; |
Iċ-ċittadini u l-konsumaturi fis-suq waħdieni
31. |
Hu konvint li l-perċezzjoni, il-fehim u l-għarfien taċ-ċittadin Ewropej fir-rigward tas-suq waħdieni huma baxxi, ma jeżistux, konfużi jew saħansitra negattivi, parzjalment minħabba nuqqas ta’ impenn politiku u informazzjoni u minħabba livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni pubblika; huwa tal-fehma li trid tittieħed azzjoni deċiżiva biex ikun żgurat li l-politika ġejjiena tal-Unjoni Ewropea dwar is-suq waħdieni tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadini, speċjalment tal-konsumaturi u tal-SMEs, u tipprovdilhom riżultati tanġibbli; |
32. |
Jenfasizza li, sabiex jiġu żgurati l-appoġġ soċjali u ekonomiku u l-kooperazzjoni taċ-ċittadini Ewropej, l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jippromwovu b’mod intensiv il-possibilitajiet li joħorġu mill-integrazzjoni ekonomika Ewropea u jbiddlu l-perċezzjonijiet popolari tas-suq waħdieni billi jagħmlu n-nies konxji tiegħu u kapaċi jifhmu l-benefiċċji li joffrilhom u l-mezzi biex jitlobu b’mod effikaċi d-drittijiet tagħhom; għalhekk, jemm li huwa importanti li s-setturi b’impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tal-konsumatur għandhom ikunu fiċ-ċentru tas-suq waħdieni; |
33. |
Iqis li wħud mill-problemi l-aktar evidenti li jiltaqgħu magħhom il-konsumaturi, speċjalment fis-settur tas-servizzi, u li jeħtieġ li tittieħed azzjoni dwarhom bħala prijorità sabiex jinkisbu riżultati ta’ malajr huma: (1) aċċess għal prodotti sikuri u servizzi ta’ kwalità; (2) aċċess għal informazzjoni affidabbli, komparabbli u objettiva, inkluż it-tqabbil tal-prezzijiet; (3) sigurtà u ċarezza legali akbar fir-relazzjonijiet kuntrattwali; (4) sigurtà akbar dwar ħlas; (5) aċċess għal sistemi ta’ rimedju adegwati, għall-but ta’ kulħadd u effikaċi, u (6) għarfien aħjar u fiduċja akbar fir-rigward tas-sistema; |
34. |
Isostni li ċ-ċittadini mhux qed jingħataw informazzjoni biżżejjed dwar il-leġislazzjoni tas-suq waħdieni u d-disponibilità u l-infurzar tad-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-bżonn li jiġu organizzati l-websajts relevanti, is-SOLVIT u l-punti ta’ kuntatt b’mod iktar effikaċi; jemmen li hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u komunikazzjoni aħjar ta’ tali inizjattivi, minħabba li s’issa ma rnexxilhomx jilħqu l-udjenza indirizzata tagħhom; jenfasizza r-rwol tal-portal tal-Kummissjoni “L-Ewropa Tiegħek” li jagħti tagħrif kemm liċ-ċittadini u kemm lin-negozji dwar aspetti ta’ opportunitajiet ta’ għajxien, xogħol u negozju fl-Unjoni Ewropea; jipproponi li l-offerti eżistenti jissaħħu minflok ma jinħolqu punti ta’ kuntatt ġodda; |
35. |
Jemmen li approċċ responsabbli mid-dinja tan-negozju, b’rispett għall-prinċipju tar-responsabilità tal-kumpaniji, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi se jgħin biex inissel fiduċja fil-konsumaturi, u dan hu l-minimu meħtieġ jekk għandu jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumaturi; |
36. |
Isostni li l-inizjattivi għal integrazzjoni ekonomika jirnexxilhom isseħħu aħjar jekk iċ-ċittadini jkunu konvinti li d-drittijiet soċjali tagħhom qed ikunu salvagwardjati u li l-politiki tas-suq intern se jkollhom impatt pożittiv fuq il-politiki soċjali; |
37. |
Jiddeplora l-fatt li perċentwal żgħir biss ta’ ċittadini, konsumaturi u SMEs huma konxji mill-mekkaniżmi eżistenti ta’ rimedju alternattiv, jew jafu kif jirreġistraw ilment mal-Kummissjoni; jinnota li jeħtieġ li s-sistemi eżistenti għas-soluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini u n-negozji bħalma hu s-SOLVIT jissaħħu skont ir-rapport tal-Parlament dwar is-SOLVIT tat-2 ta’ Marzu 2010 (2009/2138(INI)); jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proċedura mħaffa ta’ ksur tat-Trattat jekk ilment tas-SOLVIT li ma jkunx ġie solvut juri, a prima facie, ksur tal-liġi Komunitarja; iħoss li hu ta’ dispjaċir li, minkejja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-mekkaniżmi alternattivi għar-riżoluzzjoni tal-konflitti għadhom ma ġewx stabbiliti b’mod korrett jew għadhom mhumiex joperaw b’mod sodisfaċenti; |
38. |
Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni ta’ tagħrif lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, meta jappoġġaw lill–konsumaturi fit-tilwim tal-konsumatur, u meta jippromwovu l-interessi tal-konsumatur fil-kostruzzjoni tas-suq intern; |
Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-suq waħdieni
39. |
Jafferma li l-SMEs jifformaw parti essenzjali mis-sinsla tal-ekonomija Ewropea u huma l-fatturi ewlenin għall-ħolqien ta’ impjiegi, it-tkabbir ekonomiku, iċ-ċaqliqa lejn ekonomija ħadra u l-koeżjoni soċjali fl-Ewropa; isostni li l-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-UE mkabbra hija essenzjali biex is-suq waħdieni jsir aktar innovattiv u kompetittiv, u jenfasizza li jridu jsiru sforzi akbar biex jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għas-suq waħdieni, biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tagħhom u biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-potenzjal intraprenditorjali tagħhom; |
40. |
Iqis li għandhom jitneħħew iktar ostakli li jwaqqfu lill-SMEs milli jkollhom aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku bil-għan li tkompli tingħata spinta lill-kompetittività fis-suq waħdieni, speċjalment billi jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-SMEs fis-sejħiet għall-offerti tal-awtoritajiet kontraenti; |
41. |
Jinkoraġġixxi inizjattivi konġunti futuri mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex: (1) jgħinu n-negozji ż-żgħar li joperaw minn naħa għal oħra tal-fruntieri madwar l-UE; (2) iġibu tnaqqis tanġibbli fil-piżijiet amministrattivi, finanzjarji u regolatorji, partikolarment it-tfixkil amministrattiv li jiffaċċjaw l-SMEs, irrispettivament minn jekk joperawx lokalment, nazzjonalment jew fil-livell Ewropew, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità; f’dan ir-rigward jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw u japplikaw strettament il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” kif spjegat b’mod ġenerali fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar; |
42. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tgħin lill-SMEs jegħelbu s-separazzjoni lingwistika li spiss iżżommhom milli jagħmlu negozju fi Stati Membri għajr tagħhom stess, billi toffri t-tagħrif u s-servizzi kollha dwar is-suq waħdieni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea; |
43. |
Jibqa’ impenjat li jnaqqas il-“gold plating” fil-leġiżlazzjoni l-ġdida tas-suq waħdieni u jistieden lill-Istati Membri, u b’mod partikolari lill-parlamenti tagħhom, biex jibqgħu impenjati għall-ġlieda kontra l-“gold plating” meta jkunu qed jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE, peress li dawn il-piżijiet żejda huma partikolarment diffiċli għall-SMEs; |
44. |
Jaqbel li l-implimentazzjoni xierqa tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, b’mod partikolari fir-rigward ta’ applikazzjoni stretta tat-test tal-SME mill-Kummissjoni meta tkun qed tipproponi miżuri leġiżlattivi ġodda tas-suq intern u l-introduzzjoni ta’ statut Ewropew għal kumpanija privata se jiggarantixxi l-integrazzjoni prattika tal-SMEs f’sistema Ewropea waħda relevanti u vijabbli; |
45. |
Jappoġġa bil-qawwa r-regolament li jirregola r-rekwiżiti tat-traduzzjoni għall-privattiva futura tal-UE, li sa fl-aħħar se tagħmel il-Privattiva tal-UE realtà u se ssaħħaħ lill-Ewropa bħala forza li tmexxi l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni fid-dinja; barra minn hekk jappoġġa l-eżami mill-ġdid tas-sistema tat-Trade Mark Komunitarja biex jinkisbu kwalità ogħla u perspetti aħjar għal din is-sistema; |
46. |
Jinnota li l-problema l-aktar importanti għall-SMEs fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika hija l-aċċess tagħhom għall-finanzjament; iħoss li hu ta’ dispjaċir li b’riżultat tal-irtirar ta’ banek kbar minn żoni rurali u b’popolazzjoni baxxa jew li huma ekonomikament dgħajfa inħolqot problema maġġuri għall-SMEs fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol importanti tal-banek tat-tfaddil u d-diversi movimenti kooperattivi fir-rigward tal-finanzjament tal-ekonomija reġjonali, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-ekonomija soċjali tas-suq fil-forma tal-promozzjoni li jagħmlu ta’ proġetti etiċi u soċjali; |
47. |
Jaqbel li l-proċedura ta’ notifika li ddaħħlet bid-Direttiva 98/34/KE hija għodda effiċjenti ħafna biex tittejjeb il-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq naħa waħda u biex jiġu evitati l-ostakli fis-suq waħdieni, b’mod partikolari għall-SMEs fuq in-naħa l-oħra; jemmen li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmu billi tagħti bidu għal proċedura ta’ infrazzjoni li ssir aktar malajr mis-soltu jekk Stat Membru ma jikkonformax ma’ opinjoni dettaljata maħruġa mill-Kummissjoni jew jekk ma jirreaġixxix għal opinjoni dettaljata maħruġa minn Stat Membru; |
48. |
Jemmen li politiki ekonomiċi u soċjali differenti bħalma huma l-politiki tal-baġit, tat-taxxa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka għandhom jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE; |
Sjieda u infurzar tal-leġislazzjoni tas-suq waħdieni u regolamentazzjoni aħjar
49. |
Jasserixxi li, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, parti sustanzjali tar-responsabilità amministrattiva u legali għas-suq waħdieni tinsab f’idejn l-Istati Membri u, fejn xieraq, f’idejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, li flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, għandhom għalhekk jieħdu sjieda reali is-suq waħdieni Ewropew u l-ġestjoni tiegħu; |
50. |
Jargumenta li t-Tabelli tal-Valutazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabelli tal-Valutazzjoni tal-Konsumatur jikxfu b’mod ċar li l-Istati Membri għad ma rnexxilhomx jilħqu l-objettivi tagħhom biex jitrasponu, japplikaw u jinfurzaw il-leġislazzjoni tas-suq waħdieni b’mod korrett u li hemm dewmien fit-traspożizzjoni tal-liġijiet Ewropej, u dan idgħajjef is-sitwazzjoni ta’ kondizzjonijiet indaqs għal kulħadd li huma essenzjali għal suq intern li jiffunzjona tajjeb, speċjalment fis-settur tas-servizzi; |
51. |
Jinnota li l-frammentazzjoni gradwali tar-regoli u l-inkonsistenzi fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni fl-UE qegħdin juru dejjem iżjed li huma ta’ ħsara biex jitlesta s-suq waħdieni; jinnota li l-UE għad trid tadotta sett ta’ politiki koerenti b’mod intern maħsuba biex ineħħu ostakli diretti u indiretti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern; |
52. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal “regolamentazzjoni aħjar” li ssaħħaħ l-effettività tar-regoli u l-applikazzjoni xierqa tagħhom mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli żżomm l-impetu tagħha hawnhekk, minħabba li l-implimentazzjoni mgħaġġla ta’ din l-istrateġija tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-suċċess tat-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni; |
53. |
Jieħu nota tal-kunċett il-ġdid ta’ “regolamentazzjoni intelliġenti”, kif introdott fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-UE 2020; |
Kisbiet
Rwol istituzzjonali aktar b’saħħtu biex jiġu stabbiliti u implimentati r-regoli tas-suq waħdieni
54. |
Jipproponi li, bil-ħsieb li jittejbu t-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni tas-suq waħdieni, il-Kummissjoni toħloq sħubija bejn il-partijiet interessati kollha involuti fil-formazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ tali leġiżlazzjoni, permezz tal-użu ta’ mekkaniżmi ġodda bħalma huwa l-forum annwali propost għas-suq waħdieni; |
55. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tassigura implimentazzjoni u traspożizzjoni xierqa permezz ta’ monitoraġġ aktar sistematiku u indipendenti sabiex jitħaffu u jitmexxew ’il quddiem il-proċedimenti ta’ ksur; issostni li d-dewmien biex jitranġaw il-proċedimenti ta’ ksur se jkollu effett negattiv fuq l-interessi taċ-ċittadini fis-suq waħdieni; |
56. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa modi ġodda, minbarra l-proċeduri formali rigward ksur, biex jittejbu t-traspożizzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-suq waħdieni; f’dan il-kuntest, jitlobha tqis mekkaniżmi innovattivi, bħalma hi l-proċedura ta’ valutazzjoni reċiproka prevista fid-Direttiva tas-Servizzi, biex jiġu inkuraġġiti r-reviżjoni mill-pari u s-sjieda tal-Istati Membri, kif ukoll biex ittejjeb mekkaniżmi informali għas-soluzzjoni tal-problemi bħalma huma s-SOLVIT u l-EU-PILOT li jkunu ta’ benefiċċju sinifikanti għaċ-ċittadini li kuljum jiffaċċjaw frustrazzjonijiet fis-suq waħdieni; |
57. |
Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni akbar fir-rigward tal-evalwazzjoni u s-simplifikazzjoni sistematiċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq waħdieni, filwaqt li tneħħi l-burokrazija kulfejn ikun fattibbli, u dan ikun ta’ benefiċċju kemm għaċ-ċittadini u kemm għall-intrapriżi; |
58. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura koordinazzjoni xierqa u taħdem f’kollaborazzjoni mal-Parlament u l-Istati Membri, kif ukoll ma’ sħab kummerċjali maġġuri u ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozji u tal-konsumaturi, fis-sorveljanza tas-suq tal-oġġetti u fl-infurzar transkonfinali tal-liġi tal-ħarsien tal-konsumatur u biex tinforma lill-konsumaturi u ċ-ċittadini Ewropej b’mod iktar effikaċi; |
59. |
Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel eżerċizzju indipendenti biex tidentifika l-aktar 20 kawża ta’ skuntentizza u frustrazzjoni relatati mas-suq waħdieni li jiltaqgħu magħhom kuljum iċ-ċittadini, b’mod partikolari fis-suq tax-xogħol, fir-rigward tal-kummerċ elettroniku, il-kura medika transkonfinali, ix-xiri u l-kiri ta’ vetturi, it-trasferiment tal-pensjoniiet, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali, il-kustodja, l-adozzjoni, il-manteniment u l-allowances tat-tfal; |
60. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti ħalli jinħoloq mekkaniżmu aħjar għar-reviżjoni ta’ kif ir-regoli tas-suq waħdieni japplikaw fil-prattika fil-livelli kollha fl-Stati Membri differenti, u kif iċ-ċittadini u n-negozji huma mogħtija s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq waħdieni; |
61. |
Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti aktar għajnuna lill-Istati Membri, u fejn xieraq, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom ħalli tiġi faċilitata konformità xierqa mal-istandards tal-UE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE b’mod ġenerali jridu jissikkaw ir-regoli u jinkuraġġixxu lill-Istati Membri biex itejbu t-traspożizzjoni tal-liġijiet b’mod korrett u f’waqtu, sabiex jiġi żgurat li l-istess regoli japplikaw fl-Unjoni kollha; |
62. |
Jappella biex ir-rwol tal-Parlament jissaħħaħ fl-oqsma tal-applikazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-leġislazzjoni tas-suq waħdieni; iqis li r-rwol imtejjeb tal-PE u tal-parlamenti nazzjonali skont it-Trattat ta’ Liżbona jrid iġib miegħu sinerġiżmu aħjar bejn iż-żewġ livelli parlamentari; |
63. |
Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw koordinazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki aħjar fis-suq waħdieni, b’mod partikolari permezz tas-sistema ta’ tagħrif tas-suq intern u t-taħriġ ta’ speċjalisti tas-suq waħdieni u l-ħarsien tal-konsumatur fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; |
64. |
Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura: skrutinju indipendenti tal-proposti regolatorji fir-rigward tal-kwalità tagħhom; l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi ex-ante u ex-post biex tiġi aċċertata l-effikaċja tal-leġislazzjoni; l-użu ta’ punti ta’ riferiment marbuta mal-aħjar prattiki internazzjonali; l-użu ta’ valutazzjoni tal-konformità biex jitkejjel l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali; |
Miżuri meħtieġa biex iċ-ċittadini u l-SMEs ikunu informati u mogħtija s-setgħa b’mod aktar effikaċi fis-suq waħdieni
65. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġija ta’ komunikazzjoni mmirata li tiffoka fuq il-problemi ta’ kuljum li ċ-ċittadini jiltaqgħu magħhom meta jmorru joqogħdu u jibdew impjieg fi Stat Membru ieħor, speċjalment meta jagħmlu transazzjonijiet transkonfinali, jiċċaqalqu, jixtru jew ibigħu minn fruntiera għal oħra, u l-istandards soċjali, ta’ saħħa, ta’ ħarsien tal-konsumatur u protezzjoni ambjentali li jistgħu jserrħu fuqhom; iqis li din l-istrateġija ta’ komunikazzjoni għandha tinkludi espressivament metodi għas-soluzzjoni ta’ problemi bħalma hu s-Solvit; |
66. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-istandards użati għall-prodotti fi ħdan is-suq waħdieni jsiru l-istandard globali prinċipali, u b’hekk ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-kumpaniji Ewropej, u b’mod partikolari l-SMEs, li jkunu jixtiequ joperaw lil hinn mis-suq waħdieni; |
67. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tippjana l-attivitajiet annwali tagħha, tiffoka fuq il-prijoritizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni relatata mas-suq waħdieni li tkun “favur il-konsumatur” u li tagħmel differenza fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej; jemmen li din il-prijoritizzazzjoni trid tiġi segwita b’kampanji ta’ tagħrif adegwati sabiex jissaħħu l-perċezzjonijiet taċ-ċittadini dwar is-suq waħdieni; |
68. |
Itenni li huwa importanti li paripassu mal-attivitajiet emblematiċi tal-istil ta’ “kampanja ta’ pubbliċità” tal-istituzzjonijiet tal-UE jew ir-relazzjonijiet pubbliċi deċentralizzati tal-Istati Membri, jitmexxew miżuri li jassoċjaw b’mod aħjar il-partijiet interessati lokali u l-midja nazzjonali, reġjonali u lokali (filwaqt li jiġu enfasizzati b’mod speċjali l-midja lokali), li huma aktar iffokati fuq il-problemi ta’ kuljum li jesperjenzaw il-konsumaturi fis-suq waħdieni (eżempji ta’ tariffi bankarji fi Stat Membru ieħor, studju dwar il-possibilitajiet ta’ tibdil tal-operatur, paraguni tal-ispejjeż tat-telefonija, eċċ.); |
69. |
Jistieden lill-Kummissjoni tniedi serje regolari ta’ studji li jesploraw ir-relazzjoni bejn is-suq waħdieni u ċ-ċittadin Ewropew medju, li jkunu jiffokaw b’mod partikolari fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji li joħorġu minn din ir-relazzjoni, kif ukoll l-isfidi ta’ kuljum li huma jiffaċċjaw; |
70. |
Jistieden lill-Istati Membri, biex bl-għajnuna tal-Kummissjoni jtejbu l-kapaċità ta’ mekkaniżmi li jsovu l-problemi, b’mod partikolari s-SOLVIT, billi jallokaw aktar riżorsi finanzjarji u umani u billi jeżaminaw mill-ġdid il-mandat tagħhom sabiex jiżguraw li dawn il-mekkaniżmi jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod effikaċi l-firxa wiesgħa ta’ problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji; jistieden lill-Kummissjoni biex tlesti l-proġett tas-servizzi ta’ assistenza għas-suq waħdieni bħala kwistjoni ta’ prijorità, sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess faċli għat-tagħrif u l-iggwidar li jeħtieġu, filwaqt jsibu soluzzjonijiet għall-problemi li jiffaċċjaw; |
71. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex jibqgħu għaddejjin bl-isforzi tagħhom u jżiduhom, permezz ta’ kampanji ta’ tagħrif u kontrolli aktar stretti, fit-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-marka tas-CE, għodda fundamentali biex ikunu żgurati d-drittijiet tal-konsumatur u l-istandards ta’ kwalità fis-suq waħdieni; |
72. |
Jenfasizza r-rwol ewlieni li jwettaq l-“Enterprise Europe Network” billi jagħmilha possibbli għall-SMEs li jagħmlu użu tal-opportunitajiet offruti mis-suq waħdieni; jenfasizza li l-obbligi burokratiċi jirrikjedu riżorsi importanti u minħabba f’hekk iżommu milli jkun hemm fokus aktar qawwi fuq il-ħidma ewlenija tal-“Enterprise Europe Network” li jipprovdi appoġġ imfassal apposta għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar użu tal-“Enterprise Europe Network” għad-distribuzzjoni ta’ tagħrif b’miri speċifiċi u biex tnaqqas il-burokrazija għas-sħab tal-“Enterprise Europe Network”; |
Rapporti u proposti strateġiċi
73. |
Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li l-istrateġija għas-suq waħdieni għandu jkollha erba’ stadji: l-ewwel li tinkludi valutazzjoni jew kontroll tas-saħħa tas-sitwazzjoni attwali biex jiġi eżaminat il-grad ta’ tgħawwiġ u pressjoni li d-diversi partijiet li għandhom interess fis-suq waħdieni sofrew, notevolment minħabba l-kriżi; it-tieni biex tara t-tnedija ta’ proċess ta’ konsolidazzjoni li jorbot it-truf maħlula; it-tielet biex iġġib żvilupp u titjib tas-suq waħdieni; u r-raba’ biex tikkonċentra fuq viżjoni iktar fit-tul tas-suq (l-Istrateġija UE 2020); |
74. |
Jemmen li kemm is-servizzi finanzjarji kif ukoll l-aċċess għall-finanzjament iridu jkunu parti mill-istrateġija UE 2020. |
75. |
Jissuġġerixxi li fl-ewwel stadju tal-kontroll tas-saħħa msemmi hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tmexxi verifika finanzjarja tal-baġit tal-UE u talloka bħala prijorità aktar fondi bħala investimenti fl-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka; jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-istess prijoritajiet fl-infieq tal-baġit tagħhom; |
76. |
Jemmen li, biex jiġi stabbilit Suq Waħdieni effikaċi, il-Kummissjoni trid tipproduċi ġabra ċara ta’ prijoritajiet politiċi permezz tal-adozzjoni ta’ “Att dwar is-Suq Waħdieni”, li għandu jkopri kemm l-inizjattivi leġiżlattivi u kemm dawk mhux leġiżlattivi u li jkun intenzjonat biex joħloq suq soċjali u ekonomija ħadra kompetittivi ħafna; |
77. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta “l-Att” sa Mejju 2011 – ferm qabel l-20 anniversarju tal-Programm għal Suq Waħdieni tal-1992 – biex iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SMEs jitqiegħdu fil-qalba tas-suq waħdieni; jenfasizza li għandu jitqies bħala pjan dettalljat għal azzjoni fil-ġejjieni jekk għandna niksbu ekonomija tas-suq li tkun ibbażata fuq l-għerf, kompetittiva ħafna, soċjali, ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u ħadra li tiżguraw wkoll kundizzjonijiet li kredibbilment ikunu ndaqs għal kulħadd; |
78. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-“Att dwar is-Suq Waħdieni” tinkorpora miżuri speċifiċi li jkunu indirizzati biex, imma mhux limitati għal:
|
79. |
Jistieden lill-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-“Att dwar is-Suq Waħdieni”, biex tqis il-konsultazzjonijiet u r-rapporti tad-diversi istituzzjonijiet tal-UE (UE 2020, ir-rapporti Monti, Gonzales u IMCO, eċċ.), u biex tniedi konsultazzjoni pubblika estensiva addizzjonali, bil-għan li titressaq proposta għal politika koordinata għal suq waħdieni aktar koerenti u vijabbli; |
80. |
Jirrakkomanda li ssir analiżi biex jiġu identifikati l-modi u l-mezzi għall-integrazzjoni tal-interess tal-konsumatur fil-politiki relevanti tal-UE, biex b’hekk il-protezzjoni tal-konsumatur awtomatikament ikollha post prominenti fit-tfassil tal-leġislazzjoni relevanti tal-UE; |
81. |
Itenni l-importanza tad-Direttiva dwar is-Servizzi fit-tlestija tas-suq waħdieni u l-potenzjal enormi li għandha biex tipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi u l-SMEs; jenfasizza li l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ din il-leġiżlazzjoni tirrikjedi impenn u appoġġ politiċi sostnuti mill-atturi kollha fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara l-fażi ta’ implimentazzjoni, twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex tistabbilixxi jekk laħqitx l-għanijiet ewlenin tagħha; jitlob li jkun hemm involviment ċar tal-Parlament Ewropew f’din il-ħidma u jinsisti fuq il-bżonn li jiġi preżervat il-bilanċ bejn il-ħtieġa li jittejjeb is-suq waħdieni fis-servizzi waqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni soċjali; |
82. |
Jikkonsidra li implimentazzjoni xierqa tal-leġislazzjoni dwar is-suq waħdieni (eż. id-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, id-Direttiva dwar is-Servizzi u r-Regolament dwar is-Sorveljanza tas-Swieq) għandha tibqa’ l-ogħla prijorità għall-Kummissjoni l-ġdida; |
83. |
Jinnota li l-mekkaniżmi ta’ rimedju applikabbli fl-Unjoni taw riżultati limitati u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, sa Mejju 2011, tressaq proposta leġislattiva biex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rimedju kollettiv li tkun għall-but ta’ kulħadd, espedjenti u aċċessibbli fl-Ewropa kollha kemm hi; |
84. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-adozzjoni ta’ “Karta għaċ-ċittadini” li tkun tħaddan l-aspetti diversi tad-dritt li wieħed jgħix u jaħdem kullimkien fl-UE; isostni li dan id-dritt irid ikun faċilment disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; jenfasizza li fis-suq waħdieni għad fadal ċerti restrizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol għall-ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda; jistieden lill-Istati Membri biex, waqt li jqisu l-effetti pożittivi u negattivi kollha tal-ftuħ tas-swieq nazzjonali, jikkunsidraw li jneħħu r-restrizzjonijiet eżistenti; |
85. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt il-leġiżlatura parlamentari attwali, tressaq quddiem il-Parlament u l-Kunsill proposta għal regolament dwar Statut Ewropew għas-Soċjetajiet u l-Assoċjazzjonijiet Mutwi; |
86. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi li hemm bżonn biex, mill-aktar fis possibbli, tipproponi studju dwar il-fattibilità u proċess ta’ konsultazzjoni maħsuba biex iwasslu għall-introduzzjoni ta’ Statut Ewropew għas-Soċjetajiet Mutwi; |
87. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffoka aktar mill-qrib fuq il-monitoraġġ tas-suq, speċjalment fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji, l-assigurazzjoni, it-telefonija, is-servizzi bankarji u l-utilitajiet, u jemmen li l-monitoraġġ effettiv tas-swieq se jsaħħaħ il-kompetizzjoni ġusta u jżid l-effiċjenza tagħhom, biex b’hekk jibbenefikaw kemm l-ekonomija kif ukoll il-konsumaturi; |
88. |
Hu tal-fehma li l-kwalità tal-protezzjoni tal-konsumatur fis-settur tas-servizzi finanzjarji tirrikjedi titjib konsiderevoli, speċjalment fir-rigward tal-aspetti ta’ monitoraġġ u sorveljanza; |
89. |
Isostni li żvilupp sostenibbli kontinwu tas-suq intern jiddependi minn: (1) l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni rigward l-inizjattivi kollha tas-suq meħtieġa biex iqanqlu u jtejbu b’mod sinifikanti l-pożizzjoni u l-vantaġġ kompetittiv tagħna fis-suq globali; (2) l-adozzjoni ta’ qafas ġenerali biex jiġi żgurat li s-suq waħdieni tabilħaqq jagħti riżultati lill-partijiet interessati kollha; u, fundamentalment, (3) il-fatt li s-suq waħdieni jilħaq ukoll liċ-ċittadini; |
*
* *
90. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) Mistenni fApril 2010.
(2) ĠU C 187 E, 24.7.2008,p. 80.
(3) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 277.
(4) ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.
(5) ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0051.
(7) ĠU C 309 E, 4.12.2008, p. 46.
(8) ĠU C 180 E, 17.7.2008, p. 26.
(9) Testi adottati, P7_TA(2010)0046.
(10) http://www.eesc.europa.eu/smo/news/Obstacles_December-2008.pdf.
(11) Testi adottati, P7_TA(2010)0047.