1.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/20 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2011/C 191/11
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“SCHWÄBISCHE SPÄTZLE/SCHWÄBISCHE KNÖPFLE”
Nru KE: DE-PGI-0005-0738-02.02.2009
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. It-tip ta’ prodott:
Il-kategorija 2.7 |
Għaġin |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:
Il-prodott “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” huwa tip ta’ għaġin ibbażat fuq il-bajd magħmul mill-bajd frisk b'karatteristiċi ta' prodott magħmul id-dar. Il-prodott għandu forma irregolari u għandu wiċċ aħrax u poruż. L-għaġina titpoġġa direttament fl-ilma jagħli jew fil-fwar. Fil-lingwaġġ ta’ kuljum, iż-żewġ ismijiet jirreferu għall-istess prodott magħmul mill-istess għaġina u jistgħu jintużaw wieħed flok l-ieħor. Il-forma tal-għaġin ibbażat fuq il-bajd tvarja minn ħoxna għal irqiqa u minn qasira għal twila. Bil-kemm tista’ ssir distinzjoni bejn iż-żewġ ismijiet, id-differenzi bejniethom mhumiex ċari u l-interpretazzjoni tagħhom tvarja minn reġjun għall-ieħor.
Il-kulur/id-dehra: Naturali, minn isfar lewn id-deheb għal isfar ċar.
L-għamla: prodott tal-għaġin b'forma irregolari; wiċċ aħrax u poruż; prodott tat-tip magħmul id-dar; il-forma tvarja minn ħoxna għal irqiqa u minn qasira għal twila.
Il-konsistenza: soda meta l-prodott jingidem, tajba għat-tisjir u ma twaħħalx, b'wiċċ aħrax.
Il-kwalità tal-bajd: bajd frisk, skont dak li jintuża normalment għall-għaġin.
Il-kontenut tal-bajd għal kull kilo ta' dqiq oħxon/dqiq: għall-għaġin niexef tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle”: mill-inqas żewġ bajdiet għal kull kilo ta' dqiq oħxon, imma normalment jiżdiedu 4 sa 6 bajdiet ma' kull kilo ta' dqiq oħxon;
għall-għaġin frisk tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle”: mill-inqas 8 bajdiet għal kull kilo ta' dqiq oħxon u dqiq.
Il-kwalità tad-dqiq oħxon: dqiq oħxon tal-qamħ durum jew dqiq oħxon tal-qamħ tat-tip Triticum spelta.
Il-kwalità tad-dqiq oħxon għall-għaġin frisk tat-tip “Spätzle”: dqiq oħxon tal-qamħ jew dqiq oħxon tal-qamħ tat-tip Triticum spelta.
Il-kwalità tal-ilma: ilma tax-xorb frisk.
Melħ: fakultattiv, massimu ta’ 1 %.
Ħwawar, ħxejjex aromatiċi, spinaċi: fakultattivi.
Aċidu ċitriku: fakultattiv fil-każ tal-għaġin frisk tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle”.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
L-ingredjenti użati biex isir l-għaġin (niexef) tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” huma d-dqiq oħxon, il-bajd frisk u l-ilma tax-xorb. Magħhom jistgħu jiżdiedu wkoll il-melħ (sa massimu ta' 1 %), il-ħwawar, il-ħxejjex aromatiċi u l-ispinaċi. Għall-għaġin frisk tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” jista' jiżdied l-aċidu ċitriku u flok id-dqiq oħxon kollu jew parti minnu jista' jintuża d-dqiq.
3.4. L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:
Biex tiġi garantita l-awtentiċità ta' dan il-prodott tradizzjonali li huwa tipiku tar-reġjun tiegħu, u biex tkun żgurata kwalità li tkun dejjem tajba, l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” għandu jiġi prodott fiż-żona ġeografika identifikata. L-istadji tal-produzzjoni tal-għaġin frisk u niexef huma l-istess sal-punti tat-tkessiħ u t-tnixxif. Tradizzjonalment, l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” jsir bl-idejn. Kien biss fil-bidu tas-seklu 20 li beda jiġi prodott bil-magni. L-ingredjenti jitħalltu flimkien u l-għaġina tibqa' tingħaġen sa ma tikseb il-konsistenza li suppost ikollha. Minn meta ġew introdotti l-impastatriċijiet, dan il-proċess sar mekkanizzat ħafna. L-għaġina tingħata l-forma u titpoġġa fl-ilma jagħli jew fil-fwar. Il-konsistenza tal-għaġina u t-temperatura u l-ħin tajbin tat-tisjir jeħtieġu għerf u esperjenza li mhux faċli jiġu standardizzati. Is-snajja' tal-produtturi u l-għarfien espert reġjonali dwar l-ipproċessar għandhom rwol importanti f’dan il-proċess. Fil-każ tal-għaġin niexef, l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” li jiġi prodott jitnixxef minn qabel u mbagħad jitnixxef fl-aħħar. Fil-każ tal-għaġin frisk, il-prodott jitkessaħ jekk ikun meħtieġ, jiġi ppasturizzat u mbagħad jerġa' jitkessaħ għal 2 sa 7 °C.
3.6. Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:
—
3.7. Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:
—
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Iż-żona ġeografika ta’ Schwaben tinkludi r-reġjun kollu ta' Baden-Württemberg kif ukoll id-distrett amministrattiv kollu ta’ Schwaben fir-reġjun tal-Bavarja.
5. Ir-rabta maż-żona ġeografika:
5.1. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:
L-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” ilu sekli sħaħ jiġi prodott fiż-żona ġeografika u għandu rwol importanti ħafna fit-tisjir tipiku ta' Schwaben. Is-snajja' tal-produtturi u l-għarfien espert reġjonali dwar l-ipproċessar għandhom rwol importanti f’dan il-proċess. Tradizzjonalment, l-għaġina tal-għaġin tat-tip “Spätzle” tinqata' bl-idejn u, sal-lum il-ġurnata, il-qtugħ bl-idejn tal-għaġina fuq mejda huwa kkunsidrat bħala simbolu speċjali tal-kwalità. Minħabba raġunijiet ekonomiċi, il-produzzjoni tal-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” b'karatteristiċi ta' prodott magħmul id-dar, jiġifieri daqslikieku l-għaġina tinqata’ bl-idejn, bdiet issir bil-magni mill-bidu tas-seklu 20. L-ewwel privattivi bbażati fuq il-prattika ġew irreġistrati biex iżommu l-awtentiċità tal-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” u l-karattru tiegħu ta' prodott magħmul id-dar (ara, pereżempju, id-“Deutsches Reichpatent” 471046). Diversi wirjiet juru l-għarfien tradizzjonali dwar il-produzzjoni li kien jeżisti fir-reġjun ta' Schwaben sa minn żmien imbiegħed u li għadu jeżisti sal-ġurnata tal-lum (ara l-wirja msejħa “Spätzle und Knöpfle — Geschichte(n) rund um das Leibgericht der Schwaben”, b'mod speċjali l-parti msejħa “Alte Zeiten, Ofterdingen”; u dik imsejħa “Spätzle — Schaben, pressen, hobeln” li tinsab fil-“Freilichtmuseum” (mużew li jinsab barra) f’Beuren). Għadd kbir ta' kompetizzjonijiet tat-tisjir u diversi rekords dinjin fit-tqattigħ tal-għaġina tal-għaġin tat-tip “Spätzle” juru l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika b’rabta mal-fatturi umani. L-għarfien espert tan-nies ta’ din iż-żona dwar kif issir l-għaġina ntiret minn ġenerazzjoni għall-oħra u għandu rwol importanti għall-karatteristiċi sussegwenti tal-prodott. It-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-għaġin tat-tip “Spätzle” fi Schwaben tmur lura sas-seklu 18. Fl-1725, Rosino Lentilio, kunsillier u tabib minn Württemberg, ikkonkluda li l-kliem “Knöpflein” u “Spazen” kienu jirreferu għal “kull ħaġa li ssir mid-dqiq”. Dak iż-żmien, il-qamħ tat-tip Triticum spelta kien jitkabbar ħafna fiż-żona ta' Schwaben alemanna. Dawn iċ-ċereali jikbru f'ħamrija fqira u kienu popolari ħafna f’dan ir-reġjun, fejn kien hemm ħafna ażjendi agrikoli żgħar u n-nies kienu foqra ħafna. Minħabba li d-dqiq oħxon tal-qamħ tat-tip Triticum spelta fih livelli għoljin ta' glutina, fi żminijiet ta' faqar kbir l-għaġina setgħet issir mingħajr ma jiżdied magħha l-bajd u, għalhekk, għall-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” kien jintuża primarjament il-qamħ tat-tip Triticum spelta. Dan il-prodott kiseb il-fama fiż-żona ta' Münsinger Alb. Meta bdiet l-industrijalizzazzjoni u żdiedet il-prosperità, l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” nbidel minn ikel ordinarju ta' kuljum għal speċjalità kulinarja li tittiekel fil-jiem ta' festi. F’deskrizzjoni ta' raħal tal-bdiewa fi Schwaben li nkitbet fl-1937 l-għaġin tat-tip “Spätzle” ġie deskritt bħala ikel tal-festi. Sena qabel, il-poeta lokali Sebastian Blau kien sejjaħ lill-għaġin tat-tip “Spätzle” s-simbolu tal-identità reġjonali ta' Schwaben: “… l-għaġin tat-tip ‘Spätzle’ huwa l-bażi tal-kċina tagħna, l-fama ta' pajjiżna, … l-alfa u l-omega tal-menu ta' Schwaben, …”. F'postijiet fiż-żona ġeografika li fihom in-natura ma toffrix daqshekk vantaġġi, il-metodu tradizzjonali, reġjonali tal-produzzjoni tal-għaġin tat-tip “Spätzle”, flimkien mal-ħiliet tas-sengħa li huma żviluppati ħafna, ippermettew li dan isir prodott ta' valur għoli. Illum il-ġurnata, fi Schwaben l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” jiġi prodott mill-produtturi kważi kollha tal-prodotti tal-għaġin u jintuża mir-ristoranti kważi kollha, u dan il-prodott ilu mis-snin tmenin jiġi esportat b'suċċess. Għan-nies li jgħixu fiż-żona ġeografika, il-prodott sar simbolu tal-identità tagħhom. Ir-rwol importanti li l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” għandu fit-tisjir tipiku ta' Schwaben tidher, fost l-oħrajn, min-novella li ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fl-1827 bl-isem “Die Geschichte von den Sieben Schwaben” (“L-istorja tas-seba’ ‘Schwaben’ ”). Skont din in-novella, it-tradizzjoni fir-reġjun ta’ Schwaben hija “li tiekol ħames darbiet kuljum, ħames darbiet soppa u darbtejn ‘Knöpfle’ jew ‘Spätzle’ ”. Fl-1892, Elise Henle kitbet li huwa xieraq li mara fi Schwaben tkun taf issajjar l-għaġin tat-tip “Spätzle”. Hija kitbet: “Mara ma tkunx mara vera minn Schwaben jekk ma tkunx taf issajjar l-għaġin tat-tip ‘Spätzle’ ”. Dan l-aħħar, fil-ktieb tiegħu tat-tisjir imsejjaħ “Schwäbische Spätzleküche” (“Il-kċina tal-għaġin tat-tip ‘Spätzle’ tar-reġjun ta’ Schwaben”), l-awtur minn Schwaben Siegfried Ruoss elenka iktar minn 50 riċetta differenti mir-reġjun ta’ Schwaben li fihom jintuża l-għaġin tat-tip “Spätzle”.
5.2. L-ispeċifiċità tal-prodott:
Għall-kuntrarju ta’ tipi oħra ta’ għaġin, l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” huwa tip ta’ għaġin ibbażat fuq il-bajd magħmul mill-bajd frisk b'karatteristiċi ta' prodott magħmul id-dar. Il-prodott għandu forma irregolari u għandu wiċċ aħrax u poruż. L-għaġina titpoġġa direttament fl-ilma jagħli jew fil-fwar. Il-forma tiegħu tista' tkun irqiqa jew ħoxna u tawwalija jew qasira. Dan huwa l-uniku tip ta’ għaġin li jitgħalla għall-ewwel darba waqt li jkun qed jiġi prodott. L-għaġina niedja jew tingħadda minn ġo pjanċi mtaqqbin jew titħalla toqtor minn ġo fihom għal ġo reċipjent bl-ilma sħun. Jekk ikun xieraq, l-għaġina tinqata' matul dan il-proċess.
5.3. Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):
Ir-rabta każwali bejn il-karatteristiċi speċjali tal-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” u l-oriġini ġeografika tiegħu ġejja mill-istima li għandu l-prodott fid-dawl tal-oriġini tiegħu. Il-prodott huwa speċjalità tal-għaġin li għandu tradizzjoni twila ħafna u li huwa tipiku ta’ dan ir-reġjun ta’ Schwaben, li huwa magħruf sew u għandu stima tajba b'mod partikolari fir-reġjun, iżda wkoll lil hinn minnu. Dan huwa kkonfermat mill-maġġoranza tal-kummenti li waslu għand l-awtorità nazzjonali u minn stħarriġ tal-konsumaturi li sar fl-2002.
Barra minn hekk, jeżistu għadd ta' referenzi fil-letteratura, fl-artikli tal-istampa u f'kotba reġjonali tat-tisjir li lkoll jikkonfermaw ir-rwol fundamentali tal-għaġin tat-tip “Spätzle”/“Knöpfle” fit-tisjir tipiku ta' Schwaben u l-istima għolja li tingħata lil dan il-prodott bħala l-“platt nazzjonali ta' Schwaben”.
Illum il-ġurnata, fi Schwaben l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” jiġi prodott mill-produtturi kważi kollha tal-prodotti tal-għaġin u jintuża mir-ristoranti kważi kollha, u dan il-prodott ilu mis-snin tmenin tas-seklu li għadda jiġi esportat b'suċċess. Il-fama li jgawdi minnha l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” ġejja l-aktar mill-metodu tradizzjonali, reġjonali tal-produzzjoni tal-għaġin tat-tip “Spätzle”, flimkien mal-ħiliet tas-sengħa marbutin ma’ din il-produzzjoni, li huma żviluppati ħafna f’dan ir-reġjun, u l-għaġin tat-tip “Spätzle” maqtugħ bl-idejn igawdi minn stima tassew għolja. Il-produzzjoni bil-magni wkoll teħtieġ għerf u esperjenza, u b'hekk is-snajja u l-għarfien espert reġjonali tal-produtturi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar ukoll għandhom rwol importanti. Għalhekk, wieħed jista’ jissoponi li l-fama tal-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” hija assoċjata mill-qrib mar-reġjun tal-produzzjoni.
L-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” huwa magħruf ħafna mal-konsumaturi u, minħabba l-oriġini reġjonali tiegħu, għandu fama tajba bbażata fuq it-tradizzjoni twila tiegħu bħala speċjalità tar-reġjun ta' Schwaben u fuq il-ħiliet tas-sengħa li ġew żviluppati hemmhekk marbutin mal-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ għaġin, u l-għaġin tat-tip “Spätzle” maqtugħ bl-idejn jitqies bħala għaġin ta’ kwalità tassew tajba. Sa mill-1965, meta kien sar stħarriġ fuq skala nazzjonali mill-koperattiva tal-konsumaturi ta’ Stuttgart imsejħa “Konsumgenossenschaft Stuttgart e.G.” għar-reġjuni ta' Stuttgart u Reutlingen, intwera li l-għaġin tat-tip “Spätzle” jgawdi minn stima tajba ħafna. Il-letteratura ta' Schwaben hija rikka wkoll bil-poeżiji dwar l-ikel favorit ta' Schwaben, bħall-poeżija ppubblikata fl-1838 fil-gazzetta “Schwarzwälder Boten” bl-isem ta’ “Das Lob der Schwabenknöpfle”, il-poeżija “Schwäbische Leibspeisa” jew dik imsejħa “Spätzles-Lied”. Barra minn hekk, insibu għadd ta' festi u drawwiet li fihom jissemma l-għaġin tat-tip “Schwäbiche Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle”. Il-prodott jiġi kkummerċjalizzat ukoll fl-industrija tat-turiżmu permezz ta’ ġimgħat iddedikati lill-ispeċjalitajiet tal-ikel, korsijiet, seminars u kompetizzjonijiet dwar kif għandu jinqata' l-għaġin tat-tip “Spätzle”. Dan l-aħħar, l-għaġin tat-tip “Schwäbische Spätzle”/“Schwäbische Knöpfle” ingħata r-rwol ta' ambaxxatur kulinari fir-reġjun ta' Schwaben.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006)
Fit-taqsima 7a-aa tal-volum 21 tal-“Markenblatt” tat-23 ta’ Mejju 2008, p. 33858
(http://www.register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/127)
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.