52012PC0227

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri /* COM/2012/0227 final - 2012/0114 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ("ir-Regolament Bażiku"), fil-proċediment tar-reviżjoni interim dwar id-dazju antidumping fis-seħħ fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("RPĊ").

· Kuntest Ġenerali

Din il-proposta qiegħda ssir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta' investigazzjoni li saret b'konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku.

· Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ġie impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-RPĊ għall-ewwel darba bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 95/95[2], u reġa' ġie kkonfermat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2722/1999[3], (KE) Nru 639/2005[4] u (UE) Nru 453/2011[5].

· Konsistenza ma' politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati milquta mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

· Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm ħtieġa ta' esperti esterni.

· Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda jinkludi lista eżawrjenti ta' kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Fil-5 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni ħabbret reviżjoni interim tad-dazju antidumping fis-seħħ għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-RPĊ permezz ta' notifika ("notifika ta' bidu") ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Fin-nuqqas tal-koperazzjoni mill-partijiet, l-investigazzjoni tar-reviżjoni sabet evidenza li l-industrija tal-Unjoni ma saritilhiex ħsara matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni u li din is-sitwazzjoni kienet ta' natura permanenti. L-investigazzjoni sabet ukoll li t-twaqqif tal-miżuri jkun fl-interess tal-Unjoni.

Għalhekk, qed jiġi suġġerit li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament sabiex itemm il-miżuri eżistenti, li għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-4 ta' Lulju 2012.

· Il-bażi legali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma ta' azzjoni hija deskritta fir-Regolament bażiku u ma tħalli ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta' kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jitnaqqas kemm jista' jkun u jkun proporzjonat mal-għan tal-proposta, mhix applikabbli.

· L-Għażla tal-Istrumenti

L-istrumenti proposti: regolament.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa minħabba r-raġuni li ġejja:

Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Għalkemm il-proposta tneħħi dazju li bħalissa qiegħed fis-seħħ, mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-Unjoni billi bħalissa l-importazzjonijiet kollha jsiru bis-sistema ta' pproċessar attiv.

2012/0114 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[6] ("ir-Regolament bażiku") u b'mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.        Il-PROĊEDURA

1.           Il-miżuri fis-seħħ

(1)       Fl-1995, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 95/95[7], impona dazju antidumping definittiv fil-forma ta' dazju speċifiku fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("RPĊ" jew "il-pajjiż ikkonċernat") ("il-miżuri antidumping oriġinali"). Ir-rata speċifika ta' dazju ġiet stabbilita għal EUR 352 kull tunnellata.

(2)       Wara reviżjoni interim li ngħatat bidu f'Mejju 1997 fuq talba ta' esportatur Ċiniż, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2722/1999[8], il-miżuri nżammu għal perjodu ieħor ta' erba' snin.

(3)       F'April 2005, il-Kunsill, wara reviżjoni tal-iskadenza, estenda l-miżuri għal perjodu ieħor ta' ħames snin permezz tar-Regolament (KE) Nru 639/2005[9].

(4)       F'Mejju 2011, wara reviżjoni oħra tal-iskadenza, il-Kunsill estenda l-miżuri għal perjodu ieħor ta' ħames snin, permezz tar-Regolament (UE) Nru 453/2011[10]. Ir-rata speċifika tad-dazju kienet stabbilita fl-istess livell bħal fil-miżuri antidumping oriġinali, jiġifieri EUR 352 kull tunnellata.

2.           Bidu ta' reviżjoni interim

(5)       Il-premessa (84) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 453/2011 tgħid li l-Kunsill qies li kien xieraq li jiġi vvalutat jekk il-livell tad-dazju kienx għadu relevanti, billi d-dazju speċifiku kien ġie stabbilit fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali fl-1995 u qatt ma ġie rivedut. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra tagħti bidu ex officio għal reviżjoni interim konformi mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(6)       Wara li ddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tagħha għall-bidu ta' reviżjoni interim ex officio, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ħabbret fil-5 ta' Lulju 2011, f'notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[11] ("in-notifika ta' bidu"), il-bidu ta' reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

3.           L-Investigazzjoni

3.1.        Il-perjodu tal-investigazzjoni

(7)       L-investigazzjoni dwar id-dumping kopriet il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011 ("il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni" jew "il-PIR"). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2008 u tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni ("il-perjodu kkunsidrat").

3.2.        Il-partijiet ikkonċernati minn din l-investigazzjoni

(8)       Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-industrija tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, lill-importaturi, lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar il-bidu tar-reviżjoni interim.

(9)       Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta' smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fin-notifika ta' bidu.

3.3.        It-teħid ta' kampjun tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(10)     Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, tqies xieraq li jiġi eżaminat jekk għandux jittieħed kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex jintgħażel kampjun, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ intalbu jagħtu d-dettalji tagħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-notifika ta' bidu. Billi l-ebda produttur esportatur ma ppreżenta ruħu biex jikkopera, ma kienx hemm bżonn jittieħed kampjun.

3.4.        It-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-verifiki

(11)     Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati. L-ebda parti oħra ma ppreżentat ruħha qabel l-iskadenzi stipulati fin-notifika ta' bidu.

(12)     Ma waslu l-ebda tweġibiet tal-kwestjonarji la miż-żewġ produtturi tal-Unjoni, la mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u lanqas minn importaturi jew utenti. Produttur wieħed fil-pajjiż analogu, l-Arġentina, wieġeb il-kwestjonarju.

(13)     Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-partijiet, ma sarux żjarat ta' verifika.

B.        IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.           Il-prodott ikkonċernat

(14)     Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u r-reviżjonijiet li ġejjin imsemmijin hawn fuq, jiġifieri l-furfuraldeid li joriġina mir-RPĊ, u li bħalissa għandu l-kodiċi NM 2932 12 00 ("il-prodott ikkonċernat"). Il-furfuraldeid huwa magħruf ukoll bħala 2-furaldeid jew furfural.

(15)     Il-furfuraldeid huwa likwidu isfar ċar b'riħa punġenti karatteristika li jinkiseb bl-ipproċessar ta' tipi differenti ta' skart tal-agrikoltura. Il-furfuraldeid għandu żewġ applikazzjonijiet ewlenin: bħala solvent selettiv fir-raffinar taż-żejt mhux maħdum għall-produzzjoni taż-żjut lubrifikanti u bħala materja prima għall-ipproċessar fl-alkoħol furfuril, li jintuża biex issir reżina sintetika għall-forom li jintużaw fil-funderiji.

2.           Il-prodott simili

(16)     Bħalma seħħ fl-investigazzjonijiet ta' qabel, tqies li l-furfuraldeid prodott fir-RPĊ u esportat lejn l-UE, il-furfuraldeid prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu: l-Arġentina, u l-furfuraldeid immanifatturat u mibjugħ fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, u l-istess użi bażiċi. Għalhekk, tqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.        DUMPING

1.           Ġenerali

(17)     L-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkopera fl-investigazzjoni u l-ebda wieħed ma bagħat informazzjoni. Għaldaqstant, is-sejbiet dwar id-dumping stipulati hawn taħt kellhom jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b'mod partikolari d-dejta tal-Eurostat, l-istatistika uffiċjali dwar l-esportazzjonijiet tar-RPĊ u l-informazzjoni mibgħuta mill-pajjiż analogu, l-Arġentina.

2.           Il-pajjiż analogu

(18)     Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie ddeterminat skont il-prezz jew il-valur kostrutt miksub f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xierqa ("il-pajjiż analogu"), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li kieku jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b'mod xieraq jekk ikun meħtieġ biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli.

(19)     Bħalma seħħ fl-investigazzjoni oriġinali, fin-notifika ta' bidu ġiet proposta l-Arġentina bħala l-pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta' bidu, ma wasal l-ebda kumment li jikkonċerna l-pajjiż analogu propost.

(20)     Produttur wieħed tal-furfuraldeid fl-Arġentina kkopera mal-investigazzjoni billi wieġeb kwestjonarju. L-investigazzjoni wriet li l-Arġentina għandha suq kompetittiv għall-furfuraldeid b'madwar 90 % tas-suq fornut bi produzzjoni lokali u l-bqija fornuta bl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Il-volum tal-produzzjoni fl-Arġentina jirrappreżenta aktar minn 70 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lill-UE għall-ipproċessar attiv. Għalhekk is-suq Arġentin tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali għar-RPĊ.

(21)     Għaldaqstant ġie konkluż, bħal fl-investigazzjonijiet ta' qabel, li l-Arġentina hija pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

3.           Id-dumping ta' importazzjonijiet matul il-PIR

3.1.        Il-valur normali

(22)     Il-valur normali ġie stabbilit skont l-informazzjoni mressqa mill-produttur li qed jikkopera fil-pajjiż analogu, jiġifieri skont il-prezz imħallas jew li kieku jitħallas fis-suq domestiku tal-Arġentina minn klijenti li mhumiex relatati, peress li dan il-bejgħ instab li jsir fl-andament normali tal-kummerċ.

(23)     B'riżultat ta' dan, il-valur normali ġie stabbilit bħala l-prezz tal-bejgħ domestiku medju peżat lil klijenti li mhumiex relatati mill-produttur li kkopera fl-Arġentina.

(24)     L-ewwel ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv f'konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk kienx jirrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni. Il-bejgħ domestiku tal-produttur li kkopera fl-Arġentina kien rappreżentattiv biżżejjed tul il-PIR.

(25)     Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies li qed jinbiegħ fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għall-prodott simili mibjugħ fis-suq tal-Arġentina, ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti matul il-PIR. Billi l-bejgħ kollu tal-prodott simili tul il-PIR sar bi profitt, il-valur normali kien imsejjes fuq il-medja peżata tal-bejgħ domestiku kollu.

3.2.        Il-prezz tal-esportazzjoni

(26)     Minħabba li l-ebda esportatur Ċiniż lejn l-UE ma kkopera fl-investigazzjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti skont il-fatti disponibbli. Il-bażi l-aktar xierqa nstabet li kienet l-informazzjoni mogħtija mid-dejta tal-Eurostat fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-UE tal-prodott ikkonċernat. Għalkemm il-maġġoranza ta' dawn l-importazzjonijiet saru b'sistema ta' pproċessar attiv (il-furfuraldeid Ċiniż kompla jiġi pproċessat f'alkoħol furfuril għall-esportazzjoni), ma kien hemm l-ebda raġuni biex jitqies li ma kinux bażi raġonevoli sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni.

3.3.        Tqabbil

(27)     Għall-finijiet li jkun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, saret konċessjoni dovuta fil-forma ta' aġġustamenti fir-rigward ta' ċerti differenzi fit-trasport, il-kostijiet tal-kreditu u l-assigurazzjoni, li affettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet.

3.4.        Il-marġni tad-dumping

(28)     F'konformità mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping ġie stabbilit abbażi ta' tqabbil tal-valur normali medju differenzjat mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji differenzjati fl-istess livell ta' kummerċ. Dan it-tqabbil wera marġni ta' dumping ta' 5,6 %.

4.           In-natura permanenti taċ-ċirkostanzi mibdula

(29)     Minbarra l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping matul il-PIR, ġiet investigata l-probabbiltà tal-issoktar tad-dumping f'każ li jiġu revokati l-miżuri. Minħabba l-fatt li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkopera f'din l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet hawn taħt huma msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(30)     F'dan ir-rigward ġew analizzati l-elementi li ġejjin: id-domanda domestika u l-konsum domestiku fiċ-Ċina, u l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lill-UE bis-sistema tal-ipproċessar attiv (IPR, inward processing regime).

(31)     Skont l-informazzjoni disponibbli, mill-2007 'l hawn, il-konsum domestiku tal-furfuraldeid fir-RPĊ kien qed jiżdied b'rata iktar mgħaġġla (previżjoni tat-tkabbir annwali medju għall-perjodu bejn l-2007 u l-2012 ta' madwar 9 %) mill-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża ta' dak il-prodott (madwar +6 %). Iż-żieda fil-konsum domestiku Ċiniż tal-furfural jista' jiġi spjegat fil-biċċa l-kbira mid-domanda dejjem ikbar għall-prodott ipproċessat mill-furfuraldeid, l-alkoħol furfuril. Il-produzzjoni Ċiniża tal-alkoħol furfuril kienet qed tiżdied drastikament mill-1999 'l hawn, b'mod li tirrifletti enfasi fuq il-manifattura ta' prodotti b'valur ogħla tal-furfural u domanda ikbar għar-reżina tal-furan mill-industrija tal-funderija.

(32)     Barra minn hekk, id-domanda domestika għaċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum, il-materja prima ewlenija li jużaw il-produtturi Ċiniżi tal-furfuraldeid, kienet qed tiżdied. Minżabba l-popolazzjoni globali dejjem ikbar, speċjalment fir-RPĊ u l-Indja, u l-bidla minn dieta bbażata fuq iċ-ċereali għal waħda bbażata fuq il-proteina, id-domanda globali għall-qamħirrum hija prevista li se tikber b'rata iktar mgħaġġla. Ir-RPĊ hija t-tieni l-ikbar konsumatur tal-qamħirrum fid-dinja. Barra miż-żieda fl-użi industrijali tal-qamiħirrum, id-domanda Ċiniża għall-produzzjoni tal-għalf u l-bhejjem qed tiżdied bi 3 % sa 6 % kull sena. Filwaqt li l-konsum tal-qamħirrum tar-RPĊ kien qed jikber b'mod rapidu f'dawn l-aħħar ftit snin, il-produzzjoni tiegħu ma kinitx qed tlaħħaq mad-domanda. Huwa mistenni li matul il-perjodu bejn l-2011 u l-2015, l-esportazzjonijiet tal-qamħirrum mill-Istati Uniti għar-RPĊ se jiżdiedu b'ħames darbiet. Wieħed għandu jinnota wkoll li l-produtturi Ċiniżi tal-furfural qed jiffaċċjaw dejjem iktar kompetizzjoni mill-produtturi tal-ksilożi u l-ksilitol, li jużaw l-istess materja prima (iċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum).

(33)     Dwar l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE matul il-PIR, ta' min jinnota li prattikament il-furfuraldeid kollu mill-pajjiż ikkonċernat jiġi impurtat esklużivament b'arranġamenti ta' pproċessar attiv (IPR). Din il-prassi bdiet fl-2000 u madwar 75 % tal-kwantitajiet annwali Ċiniżi ta' furfurladeid jiġu esportati lejn l-Unjoni mingħajr dazju antidumping, bil-għan li jkomplu jiġu pproċessati fl-alkoħol furfuril maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Mill-2001, l-importazzjonijiet tas-suq ħieles mill-pajjiż ikkonċernat kważi waqfu kompletament.

(34)     Il-bidliet fit-tul fid-domanda domestika għall-furfural fiċ-Ċina u s-sitwazzjoni diffiċli tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-qamħirrum fiċ-Ċina, flimkien mal-istruttura tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE kif spjegat fil-premessa preċedenti, jidhru li wasslu għal bidla fil-livell tad-dumping li jsir mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Tqabbil tal-prezzijiet Ċiniżi tal-esportazzjoni lejn l-UE mal-valur normali tal-prodott ikkonċernat, ilkoll aġġustati kif xieraq, juri tnaqqis fil-marġni tad-dumping matul il-PIR, meta mqabbel mal-investigazzjoni preċedenti tar-reviżjoni tal-iskadenza.

(35)     B'konklużjoni, l-analiżi ta' hawn fuq turi li l-bidliet fid-domanda domestika Ċiniża u l-konsum fiċ-Ċina taċ-ċifqiegħa tal-qamħirrum u l-furfuraldeid u, konsegwentement, tal-prezzijiet, huma ta' natura permanenti. Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li jekk il-miżuri antidumping jiġu revokati, l-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni mhumiex se jiżdiedu b'mod sinifikanti.

D. L-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(36)     L-industrija tal-Unjoni ("IU") tikkonsisti minn żewġ kumpaniji: Lenzing AG (l-Awstrija) u Tanin Sevnica kemicna industrija d.d (is-Slovenja), li flimkien jirrappreżentaw 100% tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili fil-PIR. Abbażi ta' dan, iż-żewġ produtturi tal-Unjoni jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ebda waħda miż-żewġ kumpaniji ma wieġbet il-kwestjonarji li ntbagħtulhom jew ikkoperat bis-sħiħ fl-investigazzjoni.

(37)     Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, id-dejta għall-eżami tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett tad-dumping mir-RPĊ ittieħdet mill-fatti disponibbli, inkluż id-dejta estrapolata mill-informazzjoni miġbura fir-reviżjoni tal-iskadenza riċenti li kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Marzu 2010. Għaldaqstant, kull sors mogħti għad-dejta fit-tabelli ta' hawn taħt jirreferi għall-perjodu bejn l-2007 u l-2009, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Nutrafur, il-produttur Spanjol li ressaq l-ilment oriġinali fl-1994 bl-isem ta' Furfural Espanol S.A., waqqaf il-produzzjoni tiegħu f'Ottubru 2008. Iċ-ċifri tal-produzzjoni ta' Nutrafur fl-2008 ġew inklużi fil-konsum fis-suq tal-Unjoni. Għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità, id-dejta dwar il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tingħata biss f'forma indiċjata.

E. IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.           Il-konsum fis-suq tal-Unjoni

(38)     Il-konsum fl-Unjoni tal-furfuraldeid għall-2008 u l-2009 ġie stabbilit skont il-volumi tal-bejgħ ivverifikati tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (inkluż il-bejgħ ta' Nutrafur sa Ottubru 2008 meta kien għadu qed jipproduċi l-furfuraldeid) flimkien mal-importazzjonijiet taħt is-Sistema ta' Pproċessar Attiv (IPR) mir-RPĊ u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra f'ċirkolazzjoni ħielsa, imsejsa fuq dejta tal-importatur International Furan Chemicals BV ("IFC") ivverifikata fl-aħħar investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza u l-Eurostat. Billi l-Eurostat ma jiżvelax l-informazzjoni kollha minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità, id-dejta tal-Eurostat intużat biss għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra għajr ir-RPĊ u r-Repubblika Dominikana, billi l-IFC huwa l-uniku importatur tal-furfuraldeid minn dawn is-sorsi.

(39)     Il-fatti disponibbli ntużaw għall-2010 u l-PIR minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni kemm tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll tal-importatur uniku u l-kunfidenzjalità ta' ammonti kbar ta' dejta li normalment ikunu disponibbli mill-Eurostat. Fin-nuqqas ta' indikazzjonijiet għall-kuntrarju, ma hemm ebda raġuni biex wieħed jemmen li kien hemm xi bidla notevoli fil-konsum tal-Unjoni mill-2009 'l hawn u dan tqies li baqa' fl-istess livelli matul l-2010 u l-PIR.

(40)     Abbażi ta' dan, matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 17 %, minn 45 738 tunnellata fl-2008 għal 38 000 tunnellata matul il-PIR.

Tabella 1 – Il-konsum tal-Unjoni

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Tunnellati || 45 738 || 38 175 || 38 000 || 38 000

Indiċi (2008=100) || 100 || 83 || 83 || 83

Xejra S/S || || -17 || 0 || 0

Sors: tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-industrija tal-Unjoni u IFC, il-Eurostat

2.           L-importazzjonijiet mir-RPĊ

2.1.        Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet

(41)     Skont l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu qed isiru bl-IPR matul il-PIR. Il-volum tal-IPR Ċiniż żdied minn 10 002 tunnellati fl-2008 għal 13 975 tunnellata fil-PIR, jiġifieri b'40 %. Matul il-perjodu kkunsidrat is-sehem Ċiniż mis-suq għall-IPR żdied minn 22 % għal 37 %, jiġifieri bi 15-il punt perċentwali.

(42)     Il-prezz tal-IPR Ċiniż żdied b'47 % minn EUR 1 014 kull TM fl-2008 għal EUR 1 488 fil-PIR. Ta' min jinnota li matul il-PIR, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b'mod rapidu u laħqu quċċata ta' iktar minn EUR 1 700 kull TM.

Tabella 2 – L-importazzjonijiet mir-RPĊ

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Tunnellati || 10 002 || 5 159 || 8 375 || 13 975

Indiċi (2008=100) || 100 || 52 || 84 || 140

Xejra S/S || || -48 || 32 || 56

Is-sehem mis-suq || 22 % || 14 % || 22 % || 37 %

Il-prezz, EUR/tunnellata || 1 014 || 690 || 1 362 || 1 488

Indiċi (2008=100) || 100 || 68 || 134 || 147

Sors: Tweġiba vverifikata tal-kwestjonarju ta' IFC, l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża

3.           Il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(43)     Ta' min jinnota li, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet mir-Repubblika Dominikana kienu kollha kemm huma konsenji minn kumpanija possedenti lis-sussidjarja Ewropea tagħha, sabiex tipproduċi l-alkoħol furfuril. Għalhekk, il-prezzijiet użati f'dawn it-tranżazzjonijiet huma prezzijiet ta' trasferiment bejn kumpaniji relatati li jistgħu ma jirriflettux il-prezzijiet reali tas-suq. Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-importatur ikkonċernat u l-kunfidenzjalità tad-dejta fil-Eurostat, ġie preżunt li l-importazzjonijiet u l-prezzijiet mir-Repubblika Dominikana baqgħu kostanti matul l-2010 u l-PIR.

Tabella 3 – L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-Repubblika Dominikana

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Tunnellati || 27 662 || 24 996 || 25 000 || 25 000

Indiċi (2008=100) || 100 || 90 || 90 || 90

Xejra S/S || || -10 || 0 || 0

Is-sehem mis-suq || 60% || 65% || 66% || 66%

Il-prezz, EUR/tunnellata || 982 || 582 || 582 || 582

Indiċi (2008=100) || 100 || 59 || 59 || 59

(44)     Skont il-Eurostat, il-volumi tal-importazzjoni tal-furfuraldeid fl-Unjoni minn pajjiżi oħra għajr ir-RPĊ, flimkien mal-prezzijiet medji tagħhom, żviluppaw kif ġej:

Tabella 4 – L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi oħra

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Tunnellati || 1 583 || 1 226 || 138 || 162

Indiċi (2008=100) || 100 || 77 || 9 || 10

Xejra S/S || || -23 || -69 || 2

Is-sehem mis-suq || 3 % || 3 % || 1 % || 1 %

Il-prezz, EUR/tunnellata || 997 || 632 || 1 473 || 1 685

Indiċi (2008=100) || 100 || 63 || 148 || 169

4.           Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-UE lejn pajjiżi terzi oħra

(45)     Matul il-perjodu meqjus, id-dejta kienet disponibbli biss għall-2008 u l-2009. Ma kinitx disponibbli statistika affidabbli biex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tas-sett ta' dejta għall-2010 u l-PIR. Fin-nuqqas tal-koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, intużaw il-fatti disponibbli u saret il-preżunzjoni li l-esportazzjonijiet mill-UE se jkomplu fl-istess livelli ta' volum bħall-2009 b'żieda fil-prezz konformi ma' dik misjuba fis-suq tal-UE.

Tabella 5 – Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-Industrija tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi oħra

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Il-kwantitajiet - Indiċi (2008=100) || 100 || 155 || 155 || 155

Xejra S/S || || 55 || 0 || 0

Il-prezzijiet - Indiċi (2008=100) || 100 || 77 || 134 || 147

Xejra S/S || || -23 || 57 || 13

5.           Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(46)     Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri ż-żewġ kumpaniji Lenzing u Tanin, qiegħda analizzata hawn taħt bid-dejta miġbura matul ir-reviżjoni tal-iskadenza flimkien mal-fatti disponibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni attwali (PIR).

5.1.        Il-produzzjoni

(47)     Il-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili żdiedet b'5 % sal-2009. Fin-nuqqas ta' dejta oħra, ġie preżunt li l-produzzjoni baqgħet stabbli fl-2010 u l-PIR.

Tabella 6 – Produzzjoni tal-Unjoni

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi (2008=100) || 100 || 105 || 105 || 105

Xejra S/S || || 5 || 0 || 0

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.2.        Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(48)     Il-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet l-istess fl-2008 u l-2009. Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-kapaċità u l-użu baqgħu l-istess fl-2010 u l-PIR.

Tabella 7 – Il-kapaċitá tal-Unjoni

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi (2008=100) || 100 || 100 || 100 || 100

L-użu tal-kapaċità || 92 % || 96 % || 96 % || 96 %

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.3.        Il-livell tal-ħażniet

(49)     Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-livelli tal-ħażniet baqgħu bħalma kienu fi tmiem l-2009.

Tabella 8 – Il-ħażniet

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi (2008=100) || 100 || 56 || 56 || 56

Xejra S/S || || -44 || 0 || 0

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.4.        L-ammont ta' bejgħ u s-sehem mis-suq

(50)     Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti li mhumiex relatati fis-suq tal-Unjoni żdied bi 12 % mill-2008 sal-2009. Fin-nuqqas ta' dejta mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-volum tal-bejgħ ma żdiedx fl-2010 jew fil-PIR.

Tabella 9 – Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-UE

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi (2008=100) || 100 || 112 || 112 || 112

Il-firxa tas-sehem mis-suq || 10-20 % || 14-24 % || 14-24 % || 14-24 %

Sors: It-tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.5.        Il-prezzijiet medji tal-bejgħ

(51)     Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezzijiet medji tal-bejgħ applikati mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdiedu sostanzjalment b'36 %. Dan kien ikkawżat minn żieda kbira fil-prezz matul l-2010 u l-PIR.

Tabella 10 – Il-prezz medju tal-bejgħ fl-UE

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi (2008=100) || 100 || 89 || 108 || 136

Xejra S/S || || -11 || 19 || 28

Sors: Tweġibiet ivverifikati tal-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni flimkien mal-fatti disponibbli għall-Kummissjoni

5.6.        Il-kost medju tal-produzzjoni

(52)     Billi l-industrija tal-Unjoni ma għamlitx disponibbli dejta tal-kostijiet tal-produzzjoni għall-2010 u d-dejta tal-PIR mir-reviżjoni preċedenti tal-iskadenza żdiedet b'6 % biex tqis l-inflazzjoni f'dak il-perjodu.

Tabella 11 – Il-kost medju tal-produzzjoni

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi (2008=100) || 100 || 100 || 102 || 106

Xejra S/S || || 0 || 2 || 4

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.7.        Il-profitabbiltà u l-fluss tal-flus

(53)     Il-kalkolu tal-profitti li għamlet l-industrija tal-Unjoni, abbażi tad-dejta tal-prezz u l-kost ta' hawn fuq, wera żieda sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat minħabba żidiet fil-prezz fis-suq tal-UE flimkien ma' nuqqas ta' evidenza ta' żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni minbarra l-inflazzjoni. Il-likwidità hija meqjusa, fin-nuqqas ta' dejta oħra, li segwiet xejra simili għall-profittabbiltà.

Tabella 12 – Il-profitabbiltà u l-fluss tal-flus

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi tal-Profitabbiltà (2008=100) || 100 || 96 || 153 || 297

Xejra S/S || || -4 || 57 || 144

Il-fluss tal-flus - Indiċi (2008=100) || 100 || 34 || 69 || 69

Xejra S/S || || +66 || 36 || 0

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.8.        L-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-ħila li jiżdied il-kapital

(54)     Fin-nuqqas ta' dejta mill-industrija tal-Unjoni, fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet fl-2010 u l-PIR, ġie preżunt li kien hemm ritorn għal-livell ta' investiment bħal dak fl-2007. Ir-redditu fuq l-investiment ġie preżunt li kellu l-istess xejra bażika bħall-profittabbiltà murija fit-Tabella 12.

(55)     Tabella 13 – L-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

Indiċi tal-investimenti (2008=100) || 100 || 3 || 163 || 163

Xejra S/S || || -97 || 160 || 0

Indiċi tar-redditu fuq l-investimenti (2008=100) || 100 || -4 || 100 || 200

Xejra S/S || || -104 || 96 || 100

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.9.        L-impjiegi u produttività

(56)     Minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni għall-2010 u l-PIR, tqies li l-impjiegi u l-produttività baqgħu kostanti matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 14 – L-impjiegi u l-produttività

Sena || 2008 || 2009 || 2010 || PIR

L-impjiegi - Indiċi || 100 || 100 || 100 || 100

Il-produttività (tunnellati/impjegati) - Indiċi || 100 || 100 || 100 || 100

Il-kostijiet tax-xogħol - Indiċi || 100 || 100 || 100 || 100

Sors: It-tweġibiet verifikati tal-kwestjonarji tal-produtturi tal-Unjoni

5.10.      Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(57)     Minkejja n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-volum u l-valur tal-importazzjonijiet ġie analizzat mill-Eurostat flimkien ma' stima tas-sehem mis-suq. Iż-żieda sinifikanti fil-prezz fl-2010 u l-2011 naqqset drammatikament il-marġni tad-dumping mir-RPĊ mill-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza 'l hawn.

5.11.      Irkupru mill-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(58)     Kif muri mill-evoluzzjoni pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi elenkati hawn fuq, matul il-perjodu kkunsidrat il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni rkuprat kollha mill-effett dannuż tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping sinifikanti li kienu identifikati fl-investigazzjoni preċedenti u li joriġinaw mir-RPĊ.

6.           Il-konklużjoni dwar il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(59)     Il-miżuri kontra r-RPĊ kellhom impatt pożittiv fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, billi l-biċċa l-kbira tal-indikaturi tal-ħsara wrew żvilupp pożittiv: il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u l-valur tal-bejgħ żdiedu bejn l-2008 u l-PIR. Madankollu, minħabba ż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet fis-suq tal-UE, l-industrija tal-Unjoni issa qed tagħmel profitti ferm ogħla minn dak immirat, li fl-investigazzjoni oriġinali ġie stabbilit bħala 5 %, sabiex ikun żgurat l-iżvilupp tagħha.

(60)     Minħabba ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR, mingħajr evidenza ta' żieda parallela fil-kostijiet, ġie konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5).

7.           Konklużjoni dwar in-natura permanenti ta' dawn iċ-ċirkostanzi mibdula

(61)     Ġie kkunsidrat jekk iż-żieda fil-prezzijiet fis-suq tal-UE hix bidla permanenti fiċ-ċirkostanzi mis-sejbiet tal-investigazzjoni preċedenti tar-reviżjoni tal-iskadenza. Id-dejta disponibbli turi li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni qed jirkupraw sewwa, u jilħqu l-livelli tal-2008 u mbagħad jaqbżu dawn l-ammonti, filwaqt li fl-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza, il-prezzijiet kienu qed jaqgħu. Barra minn hekk, bil-kontra tar-reviżjoni tal-iskadenza, ma nstabitx evidenza ta' twaqqigħ tal-prezzijiet. Fir-reviżjoni tal-iskadenza, il-profittabbiltà kellha xejra negattiva iżda d-dejta wara tmiem dik l-investigazzjoni turi li l-profittabbiltà kienet qed tirkupra sewwa, u tilħaq il-livelli tal-2008 u mbagħad taqbiżhom.

(62)     Ġie analizzat jekk il-bidla fil-prezzijiet minn tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza setgħetx tkun minħabba staġun tal-ħsad partikolarment ħażin fir-RPĊ, billi l-furfuraldeid jiġi prodott mill-iskart agrikolu. Madankollu, il-prezz ma waqax b'mod sinifikanti mill-istaġun tal-ħsad fi tmiem l-2010 u għalhekk din it-teorija ġiet skartata. Deher li kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ ikkawżati mit-tkabbir fit-tul fid-domanda domestika għall-furfuraldeid u ż-żieda fil-kostijiet tal-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat. Minħabba n-nuqqas ta' koperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, dan ma setax jiġi vverifikat, iżda l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li turi li dan ma kienx il-każ.

(63)     Fid-dawl tal-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni li tissemma hawn fuq, u n-nuqqas ta' informazzjoni li turi li ż-żidiet fil-prezzijiet imsemmija kienu temporanji, ġie konkluż li din il-bidla hija ta' natura permanenti.

F.         TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT TAL-ANTIDUMPING U TNEĦĦIJA TAL-MIŻURI ANTIDUMPING FIS-SEĦĦ

(64)     Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, qed jitqies li għandha titwaqqaf ir-reviżjoni preżenti kontra d-dumping u li għandhom jitneħħew il-miżuri antidumping fis-seħħ.

(65)     Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jitwaqqfu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Ma waslu l-ebda kummenti.

(66)     Minn dan ta' hawn fuq jista' jiġi konkluż li għandha titwaqqaf ir-reviżjoni antidumping preżenti u li għandhom jitwaqqfu l-miżuri antidumping imposti mir-Regolament (UE) Nru 453/2011 fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-RPĊ u jitneħħa d-dazju eżistenti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-reviżjoni interim tad-dazji antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' 2-furaldeid (magħruf ukoll bħala furfuraldeid jew furfural) li bħalissa għandu l-kodiċi NM 2932 12 00 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija b'dan imwaqqfa.

Artikolu 2

Ir-Regolament (UE) Nru 453/2011 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[2]               ĠU L 15, 21.1.1995, p. 11.

[3]               ĠU L 328, 22.12.1999, p. 1.

[4]               ĠU L 107, 28.4.2005, p. 1.

[5]               ĠU L 123, 12.5.2011, p. 1.

[6]               ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

[7]               ĠU L 15, 21.1.1995, p. 11.

[8]               ĠU L 328, 22.12.1999, p. 1.

[9]               ĠU L 107, 28.4.2005, p. 1.

[10]             ĠU L 123, 12.5.2011, p. 1.

[11]             ĠU C 196, 5.7.2011, p. 9.