8.7.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 214/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn żvilupp territorjali iżjed bilanċjat fl-UE”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2014/C 214/01
Relatur: is-Sur NILSSON
Nhar id-9 ta’ Lulju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Lejn żvilupp territorjali iżjed bilanċjat fl-UE.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Frar 2014.
Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’230 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
“Ħalli tgħix l-Ewropa kollha” ġiet ipproklamata waqt l-ewwel “Parlament Rurali Ewropew” (forum għall-organizzazzjonijiet rurali Ewropej u nazzjonali), ospitat mill-KESE fit-13 ta’ Novembru 2013. Bil-politiki adatti, iż-żoni rurali jistgħu jistagħnew u jikkontribwixxu – daqs il-bliet – għall-benessri tal-Ewropa. Sar appell għal politika mmirata ġeografikament, multisettorjali u fil-livell l-iktar bażiku msejsa fuq il-parteċipazzjoni u s-sħubija. |
1.2 |
Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tilqa’ din l-isfida u titlob għal żvilupp iktar ibbilanċjat bil-għan li l-inħawi kollha tal-UE jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-għan tal-koeżjoni territorjali stipulat fit-Trattat ta’ Lisbona, fl-isfond ta’ żbilanċji territorjali li qed jiżdiedu fil-pajjiżi u r-reġjuni. |
1.3 |
Id-depopolazzjoni trid titqies bħala l-iżjed theddida serja għall-ekonomiji rurali. Bosta żoni rurali ntlaqtu b’mod gravi mid-depopolazzjoni. F’ċerti pajjiżi u żoni, iċ-ċifri reġistrati huma drammatiċi, b’depopolazzjoni ta’ madwar 1 fil-mija fis-sena, u kultant anke iktar. Madankollu, l-istampa hija varjata ħafna. Bosta żoni rurali tal-UE mhumiex qed jesperjenzaw tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom u jibqgħu postijiet attraenti għan-nies u għan-negozji. |
1.4 |
Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa b’mod urġenti azzjoni politika qawwija f’kull livell, sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-depopolazzjoni. Għandu jkun hemm enfasi fuq l-impjiegi, l-infrastruttura u s-servizzi, b’appoġġ minn politiki integrati ta’ żvilupp rurali fil-livelli kollha (dak Ewropew, nazzjonali u reġjonali) u enfasi fuq l-użu ta’ riżorsi endoġeni lokali. Għandu jsir użu sħiħ mill-programmi kollha tal-UE, mhux l-inqas il-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti tagħha għall-iżvilupp rurali u lokali, bħal-Leader u CLLD (Community Led Local Development – Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità). L-Istati Membri jridu jallokaw riżorsi finanzjarji lejn dawk iż-żoni l-iżjed milquta mid-depopolazzjoni. |
1.5 |
Kull deċiżjoni ta’ politika b’dimensjoni ġeografika għandha tiġi valutata mill-perspettiva tal-impatt territorjali tagħha. Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-valutazzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi eżistenti, u għandhom jiġu żviluppati indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi ġodda. |
1.6 |
B’mod parallel mal-iżvilupp tas-setturi primarji, hemm bżonn ta’ qafas ta’ politika għad-diversifikazzjoni u l-promozzjoni tal-intrapriżi permezz tal-investiment, l-innovazzjoni u l-għarfien. Għandhom ikunu promossi katini ta’ provvista qosra f’oqsma bħall-ikel u l-enerġija. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll inċentivi għad-deċentralizzazzjoni. |
1.7 |
Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg huwa vitali, u huwa urġenti li jkun żgurat b’mod prattiku d-dritt tal-individwu għal edukazzjoni u taħriġ permezz ta’ investiment f’faċilitajiet xierqa għall-promozzjoni tal-għarfien u t-teknoloġija. L-iżvilupp ta’ impjiegi u edukazzjoni attraenti għaż-żgħażagħ għandu jkun ta’ tħassib ewlieni. Hemm bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex tkun faċilitata l-installazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ bħala fattur ta’ stabilità f’żoni rurali. Għandu jibda jiġi sfruttat il-potenzjal tan-nisa bħala ħaddiema u intraprendituri. L-impjieg ta’ migranti regolari, jekk ikun appoġġat minn miżuri li jakkumpanjawh li jevitaw is-segregazzjoni b’mod effettiv, jista’ jkun opportunità biex il-migranti jiġu inklużi bħala atturi attivi fl-iżvilupp rurali. |
1.8 |
Investiment fl-infrastruttura fil-forma ta’ konnessjonijiet effiċjenti tat-trasport, il-komunikazzjoni (inkluż broadband ta’ veloċità għolja) u l-enerġija, huwa meħtieġ sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet ġeografiċi u biex iż-żoni rurali jsiru postijiet attraenti għan-nies u għan-negozji. |
1.9 |
Provvista adegwata ta’ servizzi – kemm servizzi kummerċjali u kif ukoll servizzi soċjali ta’ interess ġenerali – hija kundizzjoni ewlenija oħra biex iż-żoni rurali jsiru attraenti u biex jitnaqqsu l-iżbilanċji territorjali. Huwa meħtieġ b’mod urġenti investiment mhux biss f’tipi differenti ta’ ċentri tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-kura, iżda wkoll f’attivitajiet kulturali u attivitajiet oħra ta’ divertiment. |
1.10 |
Il-KESE hu tal-fehma li d-demokrazija parteċipattiva hija prerekwiżit sabiex jintloħoq bilanċ territorjali aħjar fl-Unjoni Ewropea. Dawkli jgħixu f’żoni rurali u l-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom ikunu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet ta’ koeżjoni territorjali. Il-prinċipju tas-sħubija tal-fondi strutturali tal-UE għandu jintuża b’mod effiċjenti, u jiġi estiż ukoll għal oqsma oħra ta’ politika. |
1.11 |
Fir-rwol tiegħu bħala pont istituzzjonali mas-soċjetà ċivili, il-KESE jappoġġa l-idea ta’ “Parlament Rurali Ewropew” rikorrenti – jiġifieri forum rurali Ewropew b’rappreżentazzjoni wiesgħa – li jinżamm fi sħubija mal-Kumitat. |
2. Sfond għall-opinjoni fuq inizjattiva proprja
2.1 |
L-għan aħħari ta’ din l-opinjoni tal-KESE huwa li jiġi ppreżentat il-każ favur valutazzjonijiet tal-impatt territorjali tal-politiki rilevanti tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-tnaqqis drammatiku tal-popolazzjoni f’ċerti żoni rurali. |
3. Introduzzjoni
3.1 |
Kulturi, lingwi u storja differenti – l-Unjoni Ewropea hija kkaratterizzata mid-diversità, iżda hemm prinċipji u ideali komuni li jgħaqqduna lkoll, li huma mħaddna fl-Artikolu 2 tat-Trattat (1). Xogħol diċenti, aċċess għal servizzi soċjali u ekonomiċi ta’ interess ġenerali, u standards ambjentali għoljin huma ħtiġijiet fundamentali fir-reġjuni kollha. |
3.2 |
Madankollu, il-kundizzjonijiet fl-Ewropa mhumiex l-istess kullimkien. Id-disparitajiet bejn żoni differenti jistgħu jinkludu differenzi storiċi u strutturi kulturali li jintirtu, sistemi politiċi kontrastanti, mudelli diversi ta’ żvilupp soċjoekonomiku kif ukoll firxa ta’ interrelazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija. Huwa meħtieġ għarfien iktar profond tal-fenomenu kumpless tad-differenzi ġeografiċi u l-effetti tiegħu fuq politiki u prattiki. |
3.3 |
Iż-żoni rurali jiffaċċjaw sfida komuni: il-kapaċità tagħhom li joħolqu impjiegi sostenibbli ta’ kwalità għolja qed taqa’ lura meta mqabbla ma’ dik taż-żżoni urbani (2). Id-dħul medju huwa 25-30 % inqas milli f’żoni urbani, iżda f’xi każi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jista’ jkun sa 50 % inqas. Hemm inqas opportunitajiet ta’ impjieg u dawn jinsabu f’firxa iktar dejqa ta’ attivitajiet ekonomiċi. L-infrastruttura dgħajfa, inkluż kwalità baxxa ta’ komunikazzjoni broadband, aċċessibilità baxxa għal servizzi kummerċjali u soċjali u nuqqas ta’ faċilitajiet edukattivi u ta’ taħriġ, kif ukoll ta’ servizzi kulturali u ta’ divertiment, ilkoll qed jikkontribwixxu għal ħruġ konsiderevoli tal-popolazzjonijiet rurali, b’mod partikolari taż-żgħażagħ u l-iktar tat-tfajliet. |
3.4 |
Madankollu l-istampa globali mhix daqshekk ħażina. Bħala medja, fl-għaxar snin ta’ bejn l-2000 u l-2010, iż-żoni li fil-parti l-kbira tagħhom huma rurali esperjenzaw tkabbir kemmxejn ogħla minn żoni urbani (3). Dan jirrifletti wkoll id-diversi modi interessanti li bihom il-komunitajiet rurali kienu kapaċi jiġġestixxu l-isfidi u jiksbu riżultati pożittivi billi jużaw riżorsi endoġeni u riżorsi lokali oħra (4). Matul il-kriżi reċenti, iż-żoni rurali kienu inqas volatili u wrew grad ogħla ta’ reżiljenza. Studju reċenti wera wkoll li, bħala riżultat tal-ispejjeż tal-konġestjoni u l-kirjiet għoljin, l-attivitajiet ekonomiċi qed jinfirxu lejn reġjuni inqas żviluppati – spiss rurali (5). |
3.5 |
Il-fatt li jeżisti żvilupp territorjali mhux bilanċjat bejn u fi ħdan Stati, reġjuni u komunitajiet rurali/urbani hija sfida ewlenija. Wara li ġie skopert mill-ġdid ir-rwol ta’ atturi territorjali responsabbli għar-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħhom matul il-proċess tal-adeżjoni fl-UE, l-iżvilupp reġjonali u lokali issa saru oqsma ewlenin ta’ interess għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. F’reġjuni Ewropej oħrajn ukoll hemm interess ġdid fl-iżvilupp lokali u reġjonali. |
3.6 |
Iż-żoni b’popolazzjoni baxxa u l-irħula abbandunati huma mifruxa fl-Ewropa kollha u din hija kwistjoni komuni anke għall-iżgħar Stati Membri. Dawn iż-żoni b’popolazzjoni baxxa għandhom karatteristiċi u ħtiġijiet speċifiċi. Madankollu, irrispettivament mid-differenzi ta' bejniethom, kollha qed jiffaċċjaw tal-inqas erba' problemi komuni: l-iżolament ġeografiku tagħhom bir-riżultat ta’ spejjeż tat-trasport għoljin, il-problemi demografiċi tal-emigrazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u rati ta’ fertilità baxxi, l-istruttura ekonomika dgħajfa u monolotika tagħhom u fl-aħħar nett, id-dħul medju baxx tagħhom li xi kultant ikun akkumpanjat minn faqar rurali gravi. |
3.7 |
L-Opinjoni għandha l-għan li turi kif iż-żoni rurali jistgħu jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u soċjali billi jisfruttaw ir-riżorsi endoġeni fi ħdan politika ta’ żvilupp integrata, biex b’hekk tingħeleb il-kriżi ekonomika, jinżammu u jinħolqu l-impjiegi, u għall-ħarsien tal-ambjent. Is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel agrikolu jaqdu rwol predominanti f’għadd ta’ reġjuni. Madankollu, hija meħtieġa d-diversifikazzjoni. Is-setturi kollha jkunu jistgħu ikkontribwixxu jekk ikunu appoġġati minn miżuri ta’ politika mmirati. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 Sfidi għal dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika fl-UE
4.1.1 |
Il-miżuri dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fl-Artikoli 174 sa 178 tat-Trattat ta’ Lisbona jipprevedu l-iżvilupp armonjuż fl-UE, għandhom l-għan li jnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp, jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni milqutin minn żvantaġġi naturali jew demografiċi u jitolbu lill-Istati Membri jwettqu u jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom sabiex jiksbu l-għanijiet imsemmija hawn fuq. |
4.1.2 |
Skont il-Kummissjoni tal-UE, il-koeżjoni territorjali tikkonsisti fl-iżgurar tal-iżvilupp armonjuż tal-Ewropa kollha kemm hi, u l-iżgurar li l-Ewropej ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-karatteristiċi inerenti tar-reġjuni differenti tagħha. Għalhekk, il-koeżjoni territorjali hija mezz ta’ kif id-diversità tista’ tinbidel f’vantaġġ li jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-UE kollha (6). |
4.1.3 |
Ir-reġjuni jħaddnu kemm żoni dinamiċi kif ukoll problematiċi. Huwa diffiċli li jintlaħaq bilanċ bejn il-koerenza politika u l-koeżjoni territorjali, peress li r-reġjuni huma, min-natura tagħhom, eteroġenji. Konsegwentement, hemm bżonn ta' perspettiva politika msejsa fuq il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-koordinazzjoni bejn il-politiki settorjali differenti fi sħubija mal-atturi territorjali. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa fattur ewlieni wkoll ta’ kwalunkwe approċċ ta’ politika reġjonali, peress li dejjem huwa preferibbli li problemi speċifiċi relatati mal-komunità jiġu indirizzati fil-livell lokali. |
4.1.4 |
F’termini ta’ politika tal-UE, il-Politika Agrikola Komuni hija l-għodda l-iktar importanti għall-iżvilupp agrikolu u rurali. Madankollu, din ma għandhiex tkun l-unika għodda – fl-iżvilupp tal-programmi operattivi tal-fondi l-oħra, l-Istati Membri għandhom jiffukaw ukoll fuq is-sostenibilità taż-żoni rurali. |
4.2 Depopolazzjoni
4.2.1 |
L-istatistika tal-UE (7) turi li fl-2008 u fl-2009 r-reġjuni rurali fl-Ewropa esperjenzaw tkabbir limitat fil-popolazzjoni (0,1-0,2 %). Fl-2010 u fl-2011, il-popolazzjoni staġnat filwaqt li r-reġjuni urbani kibru b’madwar 0,5 % matul dawk is-snin. Madankollu, l-istampa hija varjata ħafna. F’ħafna żoni rurali l-popolazzjoni kibret matul dawn l-aħħar ħames snin. Fl-2011 il-popolazzjoni rurali medja żdiedet fi 8 pajjiżi minn 27. Bil-kontra, għall-istess sena ġew reġistrati ċifri negattivi ħafna b’mod partikolari għal-Latvja u l-Litwanja, fejn il-popolazzjoni rurali naqset bi 2 %, segwiti mill-Bulgarija (-1 %), filwaqt li l-Portugall, il-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Ungerija kienu kollha fuq livell ta’ tnaqqis ta’ madwar - 0,5 %. |
4.2.2 |
Meta ssir analiżi minn reġjun għal reġjun (NUTS 3), iċ-ċifri huma drammatiċi. Madwar 100 minn 1 300 minn dawn iż-żoni esperjenzaw tnaqqis ta’ 5 % (u f'xi każi tnaqqis ikbar) fil-popolazzjoni tagħhom matul is-snin 2007-2011. Dawn jinsabu l-iżjed fil-pajjiżi msemmija hawn fuq. Il-Bulgarija, il-Litwanja u l-Latvja jispikkaw mix-xejra ġenerali, b’depopolazzjoni ġeneralizzata għolja. Fil-Ġermanja huma kkonċentrati fin-naħa tal-Lvant, filwaqt li fil-Portugall fil-parti interna tal-pajjiż. |
4.2.3 |
L-istatistika turi wkoll li l-firxa tal-popolazzjoni fl-UE hija żbilanċjata ferm, u dan iwassal għal differenzi enormi bejn id-densitajiet medji fir-reġjuni differenti u bejn iż-żoni urbani u rurali. Iżda, forsi l-iżjed aspett li jikkawża ansjetà f’dak li jirrigwarda d-demografija huwa d-densità tal-popolazzjoni inkredibbilment baxxa f’ċerti reġjuni meta nqabbluha mad-densità ta’ 50 sa 100 sena ilu. Id-depopolazzjoni trid titqies bħala l-iżjed theddida serja għall-ekonomiji lokali, mhux biss għax tillimita l-opportunitajiet tat-tkabbir, toħloq problemi ambjentali, taffettwa strutturi soċjali u tikkumplika l-forniment tas-servizzi pubbliċi, iżda wkoll għax tista’ tipperikola l-eżistenza nnifisha tal-bliet żgħar u l-irħula bħala sistemazzjonijiet abitati. |
4.2.4 |
Ix-xejra għadha għaddejja s’issa. L-espansjoni rapida tal-bliet minħabba l-postijiet fejn huma bbażati l-industrija u s-servizzi qed tiġbed il-forza tax-xogħol minn żoni rurali. Ir-ristrutturar tal-attivitajiet agrikoli jinkoraġġixxi aktar migrazzjoni minn żoni rurali għal dawk urbani. L-investimenti kbar fl-infrastruttura jistgħu jikkawżaw ċaqliq ukoll. Il-proċessi tad-depopolazzjoni rurali jolqtu r-reġjuni fejn l-esodu rurali jkun ikbar mit-tkabbir naturali, u dawn il-proċessi jnaqqsu l-għadd totali tal-abitanti sa livell kritiku u jikkawżaw it-tixjiħ tal-istrutturi demografiċi. |
4.2.5 |
Id-depopolazzjoni rurali tikkawża firxa ta’ tipi ta’ impatt ambjentali. Pereżempju, meta n-nies jitilqu minn żona partikolari, jiġri li ħabitat dominanti wieħed jissupera l-firxa varjata tal-pajsaġġi mantnuti mill-bniedem. Din l-“omoġenizzazzjoni ekoloġika” tista' twassal għal tnaqqis fil-bijodiversità fil-livell lokali. Fost l-impatti ekoloġiċi oħra nsibu d-degradazzjoni tal-ħamrija minħabba manutenzjoni inadegwata tal-artijiet kultivati mtarrġa f’żoni muntanjużi, kif inhu l-każ f’partijiet kbar tal-Mediterran u x-Xlokk tal-Ewropa. |
4.2.6 |
Tqajjem ukoll tħassib ieħor fir-rigward tad-depopolazzjoni rurali, inkluż il-ġestjoni tal-foresti u r-riskji ta’ nirien fiż-żoni tal-Mediterran, u l-problemi potenzjali għas-sikurezza tul il-fruntieri esterni tal-UE. |
4.3 Ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata
4.3.1 |
IL-KESE enfasizza li: “[d-]demokrazija parteċipattiva, li hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni” hija kundizzjoni essenzjali għall-ksib ta' bilanċ territorjali aħjar fl-Unjoni Ewropea" (8). Is-soċjetà ċivili organizzata għandha tingħata l-opportunità li tipparteċipa b’mod responsabbli u trasparenti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-koeżjoni territorjali. Il-prinċipju tas-sħubija tal-fondi strutturali tal-UE għandu jintuża b’mod effiċjenti, u jiġi estiż ukoll għal oqsma oħra ta’ politika li jaffetwaw iż-żoni rurali. |
4.3.2 |
Minn naħa, l-imsieħba soċjali tradizzjonali u l-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali għandhom rwol ewlieni xi jwettqu fl-amministrazzjoni tal-iżbilanċji territorjali li dejjem jikbru, billi jippromwovu impjiegi u negozji li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien. |
4.3.3 |
Minn naħa oħra, hemm moviment tal-komunitajiet rurali li qed jikber madwar l-Ewropa. F’xi pajjiżi dan il-moviment huwa reċenti, filwaqt li f’oħrajn ilu stabbilit għal ħafna snin. (Dawk fl-avangwardja jinsabu l-iżjed fit-tramuntana tal-Ewropa.) Fil-livell nazzjonali, dawn il-movimenti qed jiġu organizzati f’federazzjonijiet u netwerks, inklużi kemm organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali tradizzjonali kif ukoll inizjattivi ġodda fil-livell l-iżjed bażiku. Dawn jagħtu leħen lil dawk in-nies li jgħixu f’żoni rurali b’approċċ minn isfel għal fuq, kif ukoll jippromovu intrapriża ġdida u l-organizzazzjoni ta’ produzzjoni u servizzi lokali. |
4.3.4 |
F’Novembru 2013 il-KESE ospita dak li ġie msejjaħ l-ewwel “Parlament Rurali Ewropew” (9), forum għal organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej involuti fi kwistjonijiet rurali li għandu l-għan li jsaħħaħ u jipprovdi vuċi komuni għall-moviment rurali fl-Ewropa. L-għan prinċipali tiegħu huwa li jinfluwenza l-politika rurali Ewropea, itejjeb id-djalogu bejn dawk li jfasslu l-politika u l-livell lokali u li tiġi skambjata prattika tajba. |
4.3.5 |
Fir-rwol tiegħu ta’ pont istituzzjonali lejn is-soċjetà ċivili, il-KESE jista’ jippermetti li nies li jgħixu f’żoni rurali u l-organizzazzjonijiet tagħhom jaqdu rwol ewlieni fil-proċess tat-tiswir u l-implimentazzjoni tal-politiki rurali. Il-Kumitat għalhekk jappoġġa l-idea ta’ Parlament Rurali Ewropew rikorrenti – jiġifieri forum rurali Ewropew estiż ukoll għal organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali u msieħba soċjali – li jinżamm fi sħubija mal-Kumitat u li jista’ jservi wkoll bħala konnessjoni għall-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu. |
4.4 Valutazzjoni tal-impatt territorjali
4.4.1 |
Aktar kmieni l-KESE ppropona li l-leġislazzjoni, il-politiki u l-programmi tal-UE għandhom ikunu analizzati mill-perspettiva tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-koeżjoni territorjali. Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari f’din l-evalwazzjoni tal-impatt, li għandha tinvolvi mill-qrib l-atturi kollha kkonċernati (10). |
4.4.2 |
Din il-proposta ġiet imtennija reċentement mill-Kumitat tar-Reġjuni, li appella biex “jiġu eżaminati sa mill-bidu nett id-dimensjoni territorjali tal-miżuri tal-politiki settorjali flimkien mal-konsegwenzi ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali tagħhom” u ħeġġeġ biex ikun hemm “kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali bil-għan li l-konsultazzjoni titmexxa lejn il-partijiet interessati u milqutin” (11). |
4.4.3 |
Il-kunċett ta’ valutazzjonijiet tal-impatt diġà jeżisti f’diversi klawżoli orizzontali fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 8 sa 12). Dawn il-klawżoli jiddikjaraw li fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mad-dimensjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent, il-ħarsien tal-konsumatur, u n-nondiskriminazzjoni. |
4.4.4 |
Meta jkunu qed jieħdu kwalunkwe deċiżjoni, dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika jkollhom jistaqsu lilhom innifishom mistoqsija waħda biss: x'inhu l-impatt previst ta' dan l-att, li jinġiebu iżjed nies fil-bliet jew li jinżammu fiż-żoni rurali? Minn dan l-eżami jgħaddu immedjatament dawk il-politiki li jtejbu l-bilanċ territorjali globali jew li tal-inqas iżommuh l-istess. Kull deċiżjoni li tagħmel ħsara lil dan il-bilanċ, billi żżid il-konċentrazzjoni urbana, għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt li tagħti prova li l-benefiċċji tagħha huma ikbar minn dan l-iżvantaġġ. |
4.4.5 |
Għandu jiġu valutat l-impatt territorjali ta’ politiki settorjali, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport, l-ICT, l-enerġija, l-ambjent, l-agrikoltura, il-kummerċ, il-kompetizzjoni u r-riċerka (12). |
4.4.6 |
Sabiex dan isir, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tingħata attenzjoni xierqa lid-dimensjoni territorjali fil-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) (13) u lil-linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Madankollu, iridu jiġu żviluppati wkoll indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi oħra, mhux biss f’termini soċjoekonomiċi u ambjentali iżda wkoll f’dimensjonijiet oħrajn li ma jistgħux jitkejlu daqstant, bħat-telf ta’ ħiliet tradizzjonali. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Żvilupp territorjali bbilanċjat tajjeb ifisser użu iżjed bilanċjat u sostenibbli tar-riżorsi naturali li jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi minħabba tnaqqis fil-konġestjoni u inqas spejjeż. Fiż-żoni rurali, il-prosperità ser tiddependi mill-kapaċità li jiġu mobilizzati l-persuni u r-riżorsi lokali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żviluppati l-fatturi tal-lokalità li jagħmlu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u dawk ekonomiċi aktar attraenti għan-nies u għan-negozji. Id-diżekonomiji u l-esternalitajiet negattivi tal-agglomerazzjoni urbana jmorru kontra l-prospett ta’ kwalità tal-ħajja tajba għal kulħadd. |
5.2 |
Ħafna żoni rurali b’potenzjal għall-iżvilupp li għadu ma ġiex sfruttat jeżistu spalla ma’ spalla ma’ żoni urbani u periurbani sfruttati żżejjed. F'żoni remoti ’l bogħod mill-bliet il-kbar, il-bliet żgħar u ta’ daqs medju jaqdu rwol ewlieni biex jagħtu aċċess għas-servizzi, u b’hekk jiżguraw li dawn iż-żoni jibqgħu postijiet attraenti fejn wieħed jgħix. Iż-żamma ta’ dawn iċ-ċentri rurali ser tkun ta’ importanza kbira biex jiġi ffaċċjat l-għeluq ta’ servizzi u l-influssi ta’ nies minn villaġġi iżgħar fiż-żona tal-madwar, sakemm jiġi organizzat trasport pubbliku effiċjenti. |
5.3 |
Jekk il-forzi tas-suq jitħallew għal rajhom, dawn ma jipprovdux l-inċentivi meħtieġa biex tinstab soluzzjoni għat-tendenza attwali. Għaldaqstant, hija meħtieġa b’mod urġenti azzjoni politika qawwija f’kull livell sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-depopolazzjoni u biex iż-żoni rurali jsiru attraenti għan-nies u għan-negozju. Hija meħtieġa sensiela ta’ inċentivi bbilanċjata tajjeb sabiex jiġu stimolati l-investimenti, l-innovazzjoni u l-għarfien, u sabiex jinżammu u jinħolqu l-opportunitajiet għall-għajxien u x-xogħol f’żoni rurali. Għandu jkun hemm enfasi fuq l-impjiegi, l-infrastruttura u s-servizzi appoġġata minn politiki integrati ta’ żvilupp rurali fil-livelli kollha (dak Ewropew, nazzjonali, u reġjonali). |
5.4 |
Għandu jsir użu sħiħ mill-programmi kollha tal-UE, mhux l-inqas il-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti tagħha għall-iżvilupp rurali u lokali, bħal-Leader u CLLD (Community Led Local Development – Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità). L-Istati Membri jridu jallokaw riżorsi finanzjarji lejn dawk iż-żoni l-iżjed milquta mid-depopolazzjoni. |
5.5 |
Il-liġi tal-kompetizzjoni għandha tiġi adattata b’mod li tagħmel tajjeb għall-eżenzjonijiet meħtieġa. Jekk il-bidliet proposti jaffettwaw l-ispejjeż tal-pagi, iridu jiġu ttrattati fid-djalogu soċjali normali bejn l-imsieħba soċjali. |
5.6 |
L-aktar espressjoni prattika importanti ta’ koeżjoni territorjali huwa l-iżgurar li n-nies kollha tal-Ewropa jkollhom aċċess ugwali għal servizzi ta’ interess ġenerali kull fejn huma jgħixu jew jaħdmu. Biex jitnaqqsu d-disparitajiet ġeografiċi, huwa meħtieġ investiment fl-infrastruttura fil-forma ta’ konnessjonijiet effiċjenti tat-trasport, il-komunikazzjoni (inkluż broadband ta’ veloċità għolja) u l-enerġija, għall-iżvilupp tal-iktar żoni fraġli u remoti. |
5.7 |
Il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fiż-żoni rurali, inkluż dawk l-iktar żvantaġġati, iridu jittejbu permezz ta’ forniment adegwat ta’ servizzi, li huwa kundizzjoni ewlenija oħra sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċji territorjali, u dan japplika kemm għal servizzi kummerċjali kif ukoll għal servizzi soċjali ta’ interess ġenerali. L-investiment, mhux biss f’ċentri tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-kura ta’ tipi differenti, iżda wkoll f’attivitajiet kulturali u ta’ divertiment oħra jagħmel iż-żoni rurali lokalitajiet attraenti, mhux biss għan-nies iżda wkoll għan-negozji. |
5.8 |
L-isfruttar ta’ riżorsi endoġeni jfisser ukoll li jinħolqu katini tal-provvista qosra li għandhom benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali mhux biss għall-bdiewa iżda wkoll għal negozji u konsumaturi oħra u għal żoni rurali b’mod ġenerali. L-ikel u l-enerġija huma eżempji tajbin ta’ dan. Dan it-tip ta’ mudell ta’ produzzjoni jrid jiġi promoss, kif intwera mill-fatt li katini ta’ bejgħ bl-imnut transnazzjonali rari jakkwistaw prodotti minn produtturi lokali, anke meta l-qasam tal-provvista jkun organizzat tajjeb u jkun jista’ jiggarantixxi fluss ta’ produzzjoni affidabbli. |
5.9 |
Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg huwa vitali u d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ irid jkun żgurat fil-prattika. It-taħriġ vokazzjonali huwa meħtieġ b’mod urġenti sabiex jgħin lill-“ħaddiema jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet tal-mudell ġdid ta’ produzzjoni” (14). It-tnaqqis tal-ħruġ ta’ żgħażagħ miż-żoni rurali – mhux inqas ta’ tfajliet, li huma iktar suxxettibbli li jemigraw – għandu jkun ta’ tħassib ewlieni. Is-soċjetà tikseb benefiċċju nett jekk tipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg li jagħmilha possibbli li l-familji żgħażagħ jibbenefikaw mill-ambjent naturali tal-kampanja bħala post privileġġjat biex irabbu t-tfal tagħhom. Fil-passat il-KESE argumenta favur miżuri b’saħħithom sabiex jibda jiġi sfruttat il-potenzjal tan-nisa bħala ħaddiema u intraprendituri, sabiex ikunu jistgħu jsiru “muturi” ta’ żvilupp u innovazzjoni u biex ikunu mgħammra bl-għarfien u t-teknoloġija adatti (15). |
5.10 |
L-impjiegi ta’ kwalità tajba f’industriji avvanzati u kreattivi jistgħu jibdew ċirku virtuż, billi jiġbdu lejhom mhux biss attività ekonomika iżda wkoll inizjattivi kulturali u tipi oħra ta’ servizzi li jagħmlu l-ħajja iżjed interessanti għall-ħaddiema żgħażagħ fiż-żoni rurali u jiddiswaduhom milli jitilqu. |
5.11 |
Sabiex jinħolqu impjiegi ġodda f’dawk iż-żoni rurali l-iżjed affettwati mid-depopolazzjoni huma meħtiġin miżuri radikali ta’ diversifikazzjoni u deċentralizzazzjoni (16). Għalhekk, iridu jiġu implimentati programmi għal dawk iż-żoni b’finanzjament speċifiku. Għandhom ikunu disseminati l-esperjenzi tajbin ta’ żoni rurali li rnexxielhom jiġġestixxu l-isfida tad-depopolazzjoni u jibqgħu lokalità tajba għan-nies u għan-negozju. |
5.12 |
Is-suq intern u d-dritt ta’ moviment ħieles jippermettu lill-bdiewa jibdew attività tal-biedja fi Stati Membri oħra fejn l-opportunitajiet huma aħjar milli fil-pajjiż tagħhom; każ wieħed huwa li l-bdiewa Olandiżi li jittraslokaw għar-Rumanija. Madankollu, dawn l-opportunitajiet għall-mobilità u l-akkwist tal-art m’għandhomx ikunu ta’ żvantaġġ għas-sistema attwali tal-biedja u għas-sidien iż-żgħar. |
5.13 |
Il-KESE appella għal trattament ugwali għall-ħaddiema migranti f’żoni rurali billi jiġu implimentati standards minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja, kif ukoll jiġu involuti l-imsieħba soċjali f’dan il-proċess (17). Proċess ta’ integrazzjoni, appoġġat minn miżuri li jakkumpanjawh li jevitaw b’mod effettiv is-segregazzjoni, jista’ jkun opportunità biex il-migranti regolari jsiru sors ta’ żvilupp rurali. |
Brussell, 26 ta' Frar 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) L-Artikolu 2 jiddikjara li l-UE hija “bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”. L-Istati Membri għandhom inkomuni “soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.
(2) Ara pereżempju r-rapport ta' informazzjoni tal-KESE CESE 425/2011 (relatur: is-Sur Narro), ĠU C 376, 22.12.2011, p. 25-31
(3) Il-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
(4) ĠU C 132, 3.5.2011, p. 82-86
(5) ESPON 2013 Program CAEE – il-każ għall-ekonomiji agglomerati fil-Proġett Ewropa 2013/2/1.
(6) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali, 2008.
(7) Rural development in Yearbook on Regional statistics. Paġni 238 'il quddiem: Sors: Eurostat.
(8) ĠU C 228, 22.9.2009, p. 123-129
(9) Il-Parlament Rurali Ewropew huwa msejjes fuq il-kunċett tal-Parlament Rurali Svediż li ilu jeżisti ’l fuq minn 20 sena. Dan huwa forum biannwali li huwa magħmul minn naħa minn organizzazzjonijiet rurali nazzjonali, kemm soċjoprofessjonali kif ukoll oħrajn, u minn naħa oħra minn gruppi komunitarji fil-livell l-iktar bażiku.
(10) ĠU C 228, 22.9.2009, p. 123-129
(11) ĠU C 280, 27.9.2013, p. 13-18
(12) ĠU C 376, 22.12.2011, p. 15-18
(13) Edizzjoni Speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali: Kapitolu 13 Volum 24 p. 239-248
(14) ĠU C 347, 18.12.2010, p. 41-47
(15) ĠU C 299, 4.10.2012, p.29-33
(16) Bħala eżempju eċċellenti ta’ deċentralizzazzjoni, nistgħu nsemmu ċ-ċentru l-ġdid tad-dejta tal-Portugal Telecom viċin Covilhã, fir-reġjun muntanjuż ta’ Serra da Estrela.
(17) ĠU C 120, 16.5.2008, p. 25