30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/15


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kapaċità fiskali u l-istabbilizzaturi awtomatiċi fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

(2017/C 207/04)

Relatur:

Carl Fredrik Graf (SE/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Halmstad

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

II.   INTRODUZZJONI

1.

jirrikonoxxi li l-euro kien maħsub biex jipproteġi kontra l-fluttwazzjoni tar-rata tal-kambju u nħoloq bħala għodda biex jiżgura tkabbir aħjar fit-tul. Madankollu, il-ħolqien tal-euro elimina l-għażliet ta’ politika kontra l-iskossi asimmetriċi, inkluża l-iżvalutazzjoni tar-rata tal-kambju;

2.

jiddispjaċih mill-fatt li kien hemm nuqqasijiet fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) sa minn meta ġiet stabbilita fit-Trattat ta’ Maastricht, fejn il-politika monetarja tingħata lill-UE, filwaqt li l-politika fiskali tibqa’ l-kompetenza tal-Istati Membri u hija koperta biss minn dispożizzjonijiet għal koordinazzjoni relattivament sempliċi tal-politiki nazzjonali;

3.

huwa tal-fehma li l-UEM żvelat il-vulnerabbiltà tagħha matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali meta, fil-kuntest ta’ livelli ta’ dejn pubbliku u privat eċċessiv, l-iżbilanċi insostenibbli wasslu għal kriżi ta’ dejn sovran fejn l-ispejjeż tas-self tal-gvernijiet żdiedu b’mod drammatiku f’ċerti Stati Membri u dan, fin-nuqqas ta’ xibka ta’ sigurtà fiskali, ipperikola l-eżistenza nnifisha taż-żona tal-euro;

4.

jirrikonoxxi r-riżultati miksuba minn mindu faqqgħet il-kriżi f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tar-riskji u l-għadd kbir ta’ miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet tal-UE għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali;

5.

itenni li, minkejja dawn l-isforzi u rati ta’ tkabbir li reġgħu pożittivi f’diversi reġjuni tal-UE marbuta fil-biċċa l-kbira ma’ fatturi esterni, is-sempliċi koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali la saħħet il-kapaċità nazzjonali li tassorbi l-iskossi ekonomiċi, u lanqas ma evitat l-emerġenza ta’ lakuni fl-investiment jew iż-żieda fl-inugwaljanzi fi ħdan l-UEM (1), u li l-politiki kienu insuffiċjenti sabiex jinkisbu riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati li jwasslu għat-tkabbir;

6.

jirrikonoxxi li l-BĊE żgura l-istabbilizzazzjoni taċ-ċiklu ekonomiku sa mill-bidu nett tal-kriżi. Il-President tal-BĊE talab għal istituzzjonijiet integrati u politika fiskali aktar b’saħħitha u aktar proattiva fil-livell taż-żona tal-euro u appella lill-Istati Membri taż-żona tal-euro biex jimplimentaw riformi strutturali. Filwaqt li jwissili l-politika monetarja waħidha ma tistax tistimula l-ekonomija, jenfasizza li r-rati attwalibaxxi tal-imgħax jiffavorixxu s-self u l-investimenti; Ir-riformi strutturali fundamentali u s-sjieda tagħhom fl-eqreb livell taċ-ċittadin flimkien mar-responsabbiltà fiskali huma t-triq li twassal lura għal tkabbir sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien;

7.

josserva li r-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar “Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, jindika li hemm bżonn ta’ kapaċità għall-assorbiment tal-iskossi fil-livell taż-żona tal-euro sabiex jiġu kkomplementati l-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali, meta u fejn dan ikun meħtieġ;

8.

josserva li, sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja, jeħtieġ li l-euro jissodisfa l-aspettattivi tal-istabbiltà, il-konverġenza, it-tkabbir u l-impjieg. Kapaċità fiskali tista’ tgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Is-solidarjetà hija relatata mill-qrib mar-responsabbiltà u tiddependi minnha, li jfisser li l-appoġġ finanzjarju addizzjonali fil-livell taż-żona tal-euro għandu jiġu pprovdut biss fil-preżenza kontinwa tar-responsabbiltà fiskali kif ukoll tar-riformi strutturali;

9.

itenni li kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iżvilupp tal-UEM, bħall-introduzzjoni ta’ kapaċità fiskali u l-istabbilizzaturi awtomatiċi, ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli għandu jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u jissaħħaħ kull fejn ikun possibbli, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali u r-riformi strutturali, il-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għan-negozji biex jiġi ffaċilitat il-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-investiment;

III.   PRINĊIPJI ĠENERALI

10.

itenni t-twemmin tiegħu li, fuq perjodu qasir ta’ żmien, l-ikkompletar tal-unjoni bankarja huwa l-aktar strument effettiv fil-ħidma biex jiġu evitati kriżijiet fis-sistema finanzjarja u jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli l-effetti negattivi tal-iskossi ekonomiċi (2);

11.

huwa tal-fehma li l-Unjoni Bankarja trendi iżjed kredibbli l-prinċipju tal-BĊE li jgħid li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tas-sistemi bankarji nazzjonali m’għandhomx ikunu marbutin mal-baġits pubbliċi nazzjonali u li kriżi f’pajjiż partikolari ma għandhiex twassal għal kriżi bankarja fl-Unjoni kollha;

12.

jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll l-imsieħba ekonomiċi u soċjali għandhom jiġu inklużi u involuti fid-diskussjoni dwar l-introduzzjoni ta’ strumenti ġodda, bħall-istabbilizzaturi awtomatiċi bil-għan li jtaffu l-effetti tal-iskossi asimmetriċi;

13.

jemmen li d-dimensjoni soċjali tal-UEM għandha tiġi żviluppata billi jsir monitoraġġ tal-indikaturi tal-iżvilupp fir-reġjuni u pajjiżi individwali, b’enfasi fuq is-segwitu tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-indikaturi soċjali strutturali. L-imsieħba soċjali — fil-livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE — għandhom ikunu involuti fis-segwitu tal-indikaturi;

14.

jieħu nota tal-konvinzjoni tiegħu li hemm bżonn ta’ kapaċità fiskali sabiex l-UEM ikollha mekkaniżmu temporanju ta’ assorbiment tal-iskossi (3). Kapaċità fiskali potenzjali ma għandhiex tirdoppja l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni, iżda tikkomplementahom;

15.

iqis, madankollu, li kapaċità fiskali potenzjali fil-livell tal-UE ma għandhiex tiġi żviluppata b’tali mod li ġġib magħha r-riskju ta’ trasferimenti permanenti, u b’hekk iddgħajjef l-inċentivi għal teħid ta’ deċiżjonijiet ekonomiċi u soċjali sodi u l-implimentazzjoni tal-politika fil-livell nazzjonali jew reġjonali, jew l-inċentivi sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali nazzjonali jew reġjonali. Għalhekk, u sabiex jiġi evitat il-periklu morali, għandha tkun marbuta mill-qrib mal-konformità mal-qafas ta’ governanza globali tal-UE u l-progress fil-proċess ta’ konverġenza;

16.

jitlob li l-Istati Membri jiġu obbligati jagħtu xhieda ta’ politika ekonomika responsabbli sabiex jiksbu aċċess għal strumenti Ewropej maħsuba biex jistabbilizzaw l-ekonomija. L-użu ta’ dawn l-istrumenti għandu jimxi id f’id mal-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi strutturali, bil-għan li jkun hemm livell ogħla ta’ konverġenza, koordinazzjoni u integrazzjoni, u jitlob li l-għajnuna, taħt l-ebda ċirkustanza, ma tirriżulta fi trasferimenti permanenti bejn il-pajjiżi f’direzzjoni waħda (4). Din l-għajnuna għandha tkun definita fil-livell Ewropew, u jeħtieġ li tkun temporanja u bi skeda ċara;

17.

jinsisti li għandu jiġi rispettat il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, kif speċifikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ flessibbiltà fil-kuntest tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir ta’ Jannar 2015, u jenfasizza l-importanza li kull Stat Membru jkollu ekonomija soda u finanzi pubbliċi stabbli peress li dan huwa prerekwiżit għall-investiment pubbliku meħtieġ kemm fuq perjodu qasir ta’ żmien kif ukoll fit-tul;

18.

jemmen, barra minn hekk, li sabiex jiġi żgurat marġni suffiċjenti ta’ mezzi ta’ investiment filwaqt li jiġu rispettati r-regoli fiskali jeħtieġ li l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) ta’ trażżin tad-dejn f’każ ta’ defiċit strutturali jiġi komplementat bl-identifikazzjoni ta’ defiċit reali stabbilit sew għall-investimenti pubbliċi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

19.

itenni l-appell tiegħu għal aktar konverġenza ekonomika u soċjali u t-tisħiħ ta’ governanza tajba, peress li dan huwa essenzjali għall-prevenzjoni ta’ trasferimenti permanenti u l-periklu morali, u jenfasizza l-ħtieġa għal iżjed konverġenza;

20.

fl-istess ħin, jenfasizza li d-disparitajiet soċjali, ekonomiċi u territorjali, kemm fi ħdan kif ukoll bejn l-Istati Membri, jistgħu jitnaqqsu biss permezz ta’ kunċett li jħaddan dimensjoni territorjali; Il-kunċett ta’ responsabbiltà fiskali m’għandux ikun limitat għall-applikazzjoni ċentralizzata ta’ regoli komuni. Aktar ma jiżdiedu d-deċentralizzazzjoni u l-lokalizzazzjoni fl-infiq pubbliku, aktar ikun hemm inċentivi u kundizzjonijiet għar-responsabbiltà fiskali, ir-riformi u l-attraenza tal-investimenti;

21.

jemmen li jeħtieġ li d-disparitajiet reġjonali jiġu indirizzati sabiex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi soċjali, tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u jittejbu l-kompetittività u l-koeżjoni fi ħdan l-UEM u fl-UE, u jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu bħala impjegaturi, investituri, fornituri ta’ servizzi, pjanifikaturi, xpruni għat-tibdil u regolaturi tiegħu u msieħba fl-investiment;

22.

josserva li livell għoli ta’ sjieda tar-riformi strutturali fil-livell lokali mill-awtoritajiet lokali u reġjonali rilevanti huwa kruċjali għas-suċċess tagħhom, u jenfasizza d-dimensjoni territorjali tas-Semestru Ewropew; Il-Kumitat itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Parlament biex jadottaw kodiċi ta’ kondotta li jiggarantixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod strutturat fis-Semestru Ewropew, li huwa wkoll mezz għat-tħejjija tar-riformi strutturali (5);

23.

jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li tippermetti l-flussi transkonfinali tal-kapital mingħajr theddid għall-istabbiltà ta’ reġjuni u pajjiżi differenti, u li tgħin lin-negozji, speċjalment lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs, jiksbu aċċess għal firxa wiesgħa ta’ sorsi ta’ finanzjament, u b’hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-iskossi ekonomiċi (6);

IV.   ASPETTI BAĠITARJI

24.

josserva li l-euro ġie introdott mingħajr l-ebda struttura ta’ appoġġ fiskali sabiex jindirizza l-iżbilanċi fiż-żona tal-euro u, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-baġit tal-UE mhuwiex adattat biex jimmobilizza l-finanzjament malajr fejn meħtieġ biex jiġu stabbilizzati s-swieq, jiġu ffinanzjati mill-ġdid il-banek u jiġu ttrattati l-kriżijiet fil-bilanċ tal-pagamenti;

25.

jistieden lill-Kummissjoni, meta tfassal politiki ekonomiċi u finanzjarji Ewropej futuri, li tikkunsidra l-possibbiltà li jintużaw indikaturi ekonomiċi għal kull reġjun li jidentifikaw l-istat tas-saħħa tiegħu mil-lat tad-dejn pubbliku u l-kontribut tiegħu għat-tkabbir tal-PDG Ewropew;

26.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu diskussi b’mod intensiv l-istruttura u l-organizzazzjoni tal-kapaċità fiskali u li tinstab soluzzjoni li tkun konsistenti mar-rekwiżiti dwar it-trasparenza u l-kontroll demokratiku kif ukoll mal-klawżola li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju (“no bail-out”) tal-Artikolu 125 tat-TFUE (7);

V.   KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-KAPAĊITÀ FISKALI

27.

huwa tal-fehma li jistgħu jiġu ssodisfati żewġ funzjonijiet: l-ewwel nett, wieħed jista’ jfittex li jipprovdi inċentivi għar-riformi strutturali fl-Istati Membri fi żminijiet ekonomiċi tajbin, sabiex titħeġġeġ il-konverġenza ekonomika u soċjali fiż-żona tal-euro u tittejjeb il-kompetittività u r-reżiljenza ekonomika tagħha. It-tieni nett, id-differenzi bejn iċ-ċikli ekonomiċi tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li huma marbutin mal-fatturi strutturali jistgħu jittaffew permezz tat-twaqqif ta’ strument biex jindirizza l-iskossi asimmetriċi;

28.

jisħaq li jinħtieġ progress sinifikanti fir-riformi strutturali sostenibbli biex jitrawmu l-konverġenza, it-tkabbir, l-impjiegi, il-kompetittività u l-mudell soċjali Ewropew sabiex b’mod effettiv jimpedixxu l-iskossi asimmetriċi;

29.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw aktar awtonomija fiskali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala mod biex jinħoloq sens ta’ sjieda, u tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar, tar-riformi strutturali;

30.

huwa tal-fehma li, għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali li jkun intlaħaq qbil dwarhom fl-Istati Membri, l-appoġġ finanzjarju fil-livell tal-UE, minbarra l-istrumenti eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni, għandu jiġi ttrattat b’attenzjoni. Kwalunkwe appoġġ addizzjonali m’għandux jirdoppja iżda pjuttost jikkomplementa l-istrumenti eżistenti;

31.

huwa tal-fehma li l-appoġġ finanzjarju għandu jintrabat mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali, li huwa maħsub biex jipprovdi appoġġ tekniku lill-awtoritajiet nazzjonali, jista’ jkun żviluppat aktar bħala kontribut għall-funzjoni ta’ riforma strutturali tal-kapaċità fiskali;

32.

jikkunsidra li jkun utli li jiġi analizzat jekk għodda addizzjonali għall-promozzjoni tar-riformi strutturali, fil-forma ta’ self għall-finanzjament ta’ strateġija ta’ investiment pubbliku, tistax tkun effettiva. Din tista’ tagħmilha possibbli li tiġi identifikata ġabra ta’ sorsi ta’ finanzjament u proġetti ta’ investiment meħtieġa biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;

33.

huwa tal-fehma li, irrispettivament mill-isforzi li qed isiru bħalissa fil-livell tal-konverġenza u r-riformi strutturali sostenibbli, l-iskossi asimmetriċi li jaffettwaw l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi ma jistgħux jiġu eliminati għalkollox, minħabba l-integrazzjoni qawwija tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għalhekk, jinħtieġ strument li jista’ jwassal għal effett immedjat ta’ stabbilizzazzjoni f’każ ta’ emerġenza;

34.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’ċerti pajjiżi jistgħu jkunu aktar suxxettibbli għall-impatt tal-iskossi asimmetriċi, minħabba r-rwol importanti li jaqdu fis-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri;

35.

jitlob li l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) għandu jkompli jiġi żviluppat u jinbidel f’Fond Monetarju Ewropew b’kapaċità biżżejjed għall-għoti u t-teħid b’self u mandat definit b’mod ċar, inkluż il-kontribut possibbli tiegħu għall-kapaċità fiskali għaż-żona tal-euro;

36.

huwa tal-fehma li l-kapaċità fiskali għandha tkun suġġetta għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni b’mod konġunt fil-livell tal-UEM, iżda għandha tkun miftuħa wkoll għall-Istati Membri barra miż-żona tal-euro fuq bażi volontarja;

VI.   KUMMENTI TAL-GĦELUQ

37.

itenni t-talba tiegħu li jkun involut fit-tħejjija tal-White Paper dwar it-tranżizzjoni bejn l-ewwel u t-tieni fażi tar-riforma tal-UEM;

38.

jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-isforzi biex tiġi approfondita l-unjoni monetarja jqisu wkoll l-implikazzjonijiet għall-pajjiżi barra ż-żona tal-euro;

39.

jinsisti li kwalunkwe miżura li taffettwa l-ikkompletar tal-UEM tiġi implimentata bl-iżjed mod trasparenti possibbli, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-leġittimità demokratika tal-unjoni monetarja.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Ara “Annual review of Employment and Social Developments in Europe”, ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Diċembru 2016.

(2)  L-Opinjoni ta’ Paul Lindquist dwar “Segwitu għar-rapport tal-ħames presidenti: nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa”, adottata fs-7 ta’ April 2016, COR-2015-05112, punt 24.

(3)  L-Opinjoni ta’ Lindquist, punt 35.

(4)  L-Opinjoni ta’ Lindquist, punt 33.

(5)  COR-2016-05386-00-00-DT.

(6)  Opinjoni ta’ Lindquist, punt 30.

(7)  Riżoluzzjoni dwar “Futur sostenibbli għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (UEM)”, punt 21.