|
Sommarju Eżekuttiv |
|
Il-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għas-sorsi tad-dawl u tagħmir ta’ kontroll separat u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 244/2009, (KE) Nru 245/2009 u (UE) Nru 1194/2012 1 u r-Regolament li jistabbilixxi tikketta tal-enerġija għas-sorsi tad-dawl u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 874/2012 2 |
|
A. Il-ħtieġa għall-azzjoni |
|
Għaliex? X’inhi problema li qiegħda tiġi indirizzata? |
|
Il-prodotti tat-tidwil għadhom wieħed mill-ikbar konsumaturi tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea (madwar 12 % tal-produzzjoni grossa tal-elettriku kollu fl-UE28). L-iffrankar tal-elettriku b’riżultat tar-rekwiżiti eżistenti kien mistenni li jilħaq il-110 TWh fl-2020, iżda skont l-aħħar estimi, l-iffrankar se jkun limitat għal 70 TWh. Wara l-evalwazzjoni fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-impatt, l-iffrankar mistenni jista’ ma jintlaħaqx minħabba: (1)rekwiżiti skaduti f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza enerġetika; (2)implimentazzjoni u sorveljanza onerużi, minħabba: a) leġiżlazzjoni kumplessa; b) kamp tal-applikazzjoni u eżenzjonijiet vagi u ambigwi; c) varjetà kbira wisq ta’ parametri li jridu jiġu vverifikati mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u ttestjar ta’ verifika għali/twil wisq; (3)l-apparenza riċenti fis-suq ta’ “luminarji kompletament integrati” (li s-sors tad-dawl ma jistax jitneħħa minnhom għall-finijiet ta’ verifika): hemm nuqqas ta’ ċarezza dwar jekk dawn il-prodotti tat-tidwil jaqgħux fil-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u dwar ir-regoli għall-verifika tal-konformità. Jeżisti r-riskju li l-iffrankar tal-enerġija minn dawn il-prodotti tat-tidwil ikun limitat. |
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva? |
|
Rekwiżiti aġġornati tal-effiċjenza enerġetika u l-aġġornament tat-tikketta tal-enerġija mistennija jtejbu l-kompetittività tal-industrija tal-UE, itejbu l-komunikazzjoni lill-konsumaturi dwar prodotti effiċjenti u jwasslu għal aktar iffrankar tal-enerġija. Leġiżlazzjoni simplifikata, kamp tal-applikazzjoni definit mill-ġdid, eżenzjonijiet aktar ċari u testijiet issimplifikati mistennija jagħlqu l-lakuni potenzjali, u b’hekk joħolqu ambjent ekwu għall-industrija u jiffaċilitaw il-konformità u l-infurzar. |
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? |
|
Huwa ċar li hemm valur miżjud f’rekwiżiti ta’ livelli minimi tal-effiċjenza enerġetika u tikketta tal-enerġija fil-livell tal-UE. Mingħajr rekwiżiti armonizzati fil-livell tal-UE, l-Istati Membri jistabbilixxu rekwiżiti nazzjonali minimi tal-effiċjenza enerġetika, speċifiċi għal prodotti individwali fil-qafas tal-politiki tagħhom dwar l-ambjent u l-enerġija. Dan jista’ jdgħajjef il-moviment liberu tal-prodotti. Qabel ma ġew implimentati l-miżuri tal-ekodisinn u tat-tikketta tal-enerġija fil-livell tal-UE, dan kien fil-fatt il-każ għal ħafna prodotti. |
|
B. Is-Soluzzjonijiet |
|
Liema għażliet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ta’ politika ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? |
|
Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet ta' politika: 1.Xenarju bażi: l-ebda azzjoni 2.Tikketta tal-enerġija biss (ELOnly): L-Għażla 2, b’metrika tat-tikketta tal-enerġija u limiti tal-klassifikazzjoni ġodda, kamp tal-applikazzjoni u eżenzjonijiet iddefiniti mill-ġdid, u t-tikketta riklassifikata minn A sa G. Din kieku tapplika minn Settembru 2021. Il-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn tibqa’ l-istess. 3.It-tikketta tal-enerġija u l-ekodisinn fl-2021 (ECOEL2021): L-Għażla 3, b’reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn, flimkien ma’ rekwiżiti ġodda u funzjonali tal-effiċjenza enerġetika, u flimkien ma’ kamp tal-applikazzjoni u eżenzjonijiet definiti mill-ġdid. Din hija l-għażla preferuta. 4.It-tikketta tal-enerġija u l-ekodisinn fl-2021-23 (ECOEL2tiers): L-għażla 4, bl-applikazzjoni ta’ rekwiżiti għal bozoz fluworexxenti lineari T8 posposta għal Settembru 2023. |
|
Min jappoġġa liema għażla? |
|
Il-partijiet ikkonċernati kollha jappoġġjaw ir-rieżami kemm tar-rekwiżiti dwar it-tikketta tal-enerġija kif ukoll dawk tal-ekodisinn għall-prodotti tat-tidwil. Tikketta tal-enerġija riveduta biss ma tilħaqx ċerti partijiet importanti tas-suq; skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, ikun hemm iffrankar mitluf u telf ta’ kompetittività minħabba d-dumping. Il-partijiet ikkonċernati jappoġġaw ukoll l-introduzzjoni ta’ LEDs ta’ kwalità tajba, is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, ir-reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u aktar kjarifika tal-eżenzjonijiet. L-iskedar għat-tneħħija gradwali tal-lampi fluworexxenti T8 huwa l-aktar punt sensittiv, peress li xi partijiet interessati (parti mill-industrija u minoranza ta’ Stati Membri) jiddubitaw kemm se jkunu disponibbli prodotti sostituti tal-LED għall-applikazzjonijiet kollha li jużaw T8 f’Settembru 2021 u jappoġġjaw l-eliminazzjoni gradwali ftit snin wara. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jappoġġaw it-tneħħija gradwali bikrija tal-lampi T8 flimkien ma’ eżenzjonijiet immirati għal setturi problematiċi. L-NGOs u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi jopponu t-tneħħija gradwali aktar tard tal-lampi T8. |
|
C. L-impatti tal-għażla ppreferuta |
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? |
|
Sal-2030, l-għażla 3 — ECOEL2021 se jkollha dawn il-benefiċċji: ·Iffrankar addizzjonali tal-enerġija ta’ 41,9 TWh/sena u ffrankar ta’ emissjonijiet tal-GHG ta’ 14,3 MtCO2eq./sena, jiġifieri 2,88 % tal-mira tal-Kummissjoni għall-2030 għall-iffrankar fil-konsum finali tal-enerġija u 1,34 % tal-mira tal-Kummissjoni għall-2030 għall-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ GHG; ·Aktar iffrankar fuq in-nefqa annwali tal-utent finali ta’ EUR 7,7 biljun u dħul kummerċjali addizzjonali ta’ EUR 1,1 biljun fis-sena; ·Allinjament mal-progress teknoloġiku u rekwiżiti minimi tal-effiċjenza enerġetika globali f’ekonomiji oħra; ·L-iżgurar tal-kompetittività tal-industrija tal-UE u rwol minn ta’ quddiem bħala manifatturi ta’ kwalità għolja; ·Salvagwardja tal-SMEs Ewropej. |
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? |
|
Il-kostijiet huma stmati kif ġej: ·Konsumaturi: EUR 1,1 biljun addizzjonali fl-2030 għal kostijiet tal-akkwiżizzjoni (iżda n-nefqa totali, inkluża n-nefqa tal-konsum tal-enerġija tonqos b’ 7,7 biljun); ·Installaturi: EUR 0,2 biljun għal dħul imnaqqas fl-2030 (iżda d-dħul totali tan-negozju jiżdied); ·Fornituri: EUR 0,03 biljun ta’ darba għat-tikkettar mill-ġdid fl-2022; ·Negozjanti: EUR 0,004 biljun ta’ darba għat-tikkettar mill-ġdid fl-2022. Il-kostijiet għan-negozjanti u l-fornituri huma konsegwenza tal-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Qafas dwar it-Tikkettar tal-Enerġija l-ġdid. |
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? |
|
Kumplessivament, id-dħul totali tan-negozju se jiżdied, speċjalment għall-industrija, għall-bejjiegħ bl-ingrossa u bl-imnut u s-servizzi ta’ manutenzjoni. Fis-settur tat-tidwil, il-manifatturi Ażjatiċi qed jespandu b’mod mgħaġġel is-sehem tagħhom fis-suq globali, bl-użu tal-prezzijiet bħala l-aktar punt vantaġġuż tal-bejgħ. It-tikketta tal-enerġija u r-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom rwol kruċjali għall-industrija tal-UE, u jippermettulha tiddistingwi ruħha abbażi tal-kwalità u tal-innovazzjoni. Skala tat-tikkettar ġdida se tistimula l-innovazzjoni industrijali biex jiġu żviluppati LEDs li jilħqu l-ogħla klassijiet ġodda. Il-manifatturi tal-luminarji, li huma fil-biċċa l-kbira SMEs Ewropej, se jibbenefikaw mill-waqfien tat-tikketta tal-enerġija dedikata speċifikament għal-luminarji peress li l-piż amministrattiv se jonqsilhom. |
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? |
|
M’hemm l-ebda impatti addizzjonali fuq il-baġits/amministrazzjonijiet nazzjonali minbarra dawk imsemmija hawn fuq. |
|
Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? |
|
Iva, huwa mistenni li l-għażla ppreferuta se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-UE. |
|
D. Segwitu |
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika? |
|
Se tkun inkluża klawżola li tipprevedi rieżami 5 snin wara l-adozzjoni. |