9.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”

[COM(2020) 57 final]

dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent”

[COM(2020) 641 final]

u dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE”

[COM(2020) 660 final]

(2021/C 220/14)

Relatur:

Andrej ZORKO

Korelatur:

Ionuţ SIBIAN

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 11.11.2020

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

3.3.2021

Adottata fil-plenarja

24.3.2021

Sessjoni plenarja Nru

559

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

243/1/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni adottati fl-2020 b’rabta mat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-Balkani tal-Punent (1) u jaqbel li l-integrazzjoni tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent fl-UE tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku fil-paċi, l-istabbiltà, is-sigurtà u t-tkabbir ekonomiku tal-kontinent kollu.

1.2.

Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tas-Summit ta’ Zagreb (2), li fih il-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tal-UE biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mar-reġjun u laqgħu l-impenn tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa b’mod komprensiv u deċiżiv. Il-Balkani tal-Punent huma parti integrali tal-Ewropa u prijorità ġeostrateġika għall-UE.

1.3.

Il-KESE huwa konvint li, fl-indirizzar tal-isfidi u l-problemi komuni li mhumiex biss politiċi iżda wkoll ekonomiċi u soċjali, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (3) oħrajn għandu jkollhom rwol akbar fil-proċess tat-tkabbir kollu kemm hu, u jkunu involuti b’mod aktar attiv fih. Il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi b’mod aktar ċar il-kunċett ta’ “partijiet interessati ewlenin”. Wara kollox, is-soċjetà ċivili organizzata hija l-pont bejn il-politika u n-nies, u tgħin biex tissorvelja jekk prinċipji fundamentali bħal-libertà tal-kelma, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-midja, it-trattament ugwali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni humiex fil-fatt implimentati fil-prattika.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-metodoloġija riveduta tat-tkabbir adottata mill-Kummissjoni fl-2020 (4). Peress li l-għan tar-reviżjoni kien li l-proċess isir aktar kredibbli, prevedibbli u politiku, il-Kummissjoni għandha timplimentaha għall-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq, malli l-Kunsill tal-UE jadotta l-oqfsa ta’ negozjar tiegħu, u għandha tiċċara malajr kif se jiġi adattat ukoll għall-Montenegro u s-Serbja, li diġà esprimew ir-rieda li jadottawh.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kapitoli tan-negozjati se jiġu organizzati fi gruppi tematiċi u li n-negozjati dwar kull grupp se jinfetħu b’mod ġenerali. L-idea li jiġi applikat sett ta’ kundizzjonijiet stretti b’mod tanġibbli se tagħmilha aktar faċli għall-pajjiżi kandidati tal-UE biex jagħmlu progress fit-triq tar-riforma. Il-KESE huwa sodisfatt ukoll b’mod partikolari bl-enfasi li saret fuq l-importanza tar-raggruppament Fundamentali u l-fatt li l-progress hawnhekk se jiddetermina l-pass ġenerali tan-negozjati.

1.6.

Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-proċess ta’ adeżjoni u d-“dawl aħdar” tal-Kunsill għall-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-Albanija u l-Maċedonja ta’ Fuq (5), iżda jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-proċess ġie mblukkat għal darb’oħra u jitlob lill-UE taġixxi bħala msieħeb kredibbli u tneħħi l-ostakli li qed jimpedixxu l-bidu tan-negozjati malajr kemm jista’ jkun.

1.7.

Il-KESE japprezza l-mod li bih il-Kummissjoni qed tagħti importanza kbira lill-bini tal-fiduċja fost il-partijiet interessati kollha u qed tiżgura li, sabiex il-proċess ta’ adeżjoni jerġa’ jikseb il-kredibbiltà fuq iż-żewġ naħat u jrendi l-potenzjal sħiħ tiegħu, ikun bbażat fuq fiduċja reċiproka u impenji ċari u konġunti.

1.8.

Minħabba d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri biex jilħqu l-unanimità dwar it-tkabbir, il-KESE jqis li l-Kunsill għandu jirrevedi l-possibbiltà li jintroduċi votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, għall-inqas għall-istadji intermedjarji kollha tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE (6). Dan jagħti lill-Istati Membri rwol politiku qawwi, kif inhi l-intenzjoni tal-metodoloġija l-ġdida, iżda wkoll jimpedixxi lill-Istati Membri milli jxekklu l-proċess waqt li jkun għaddej, li huwa preċiżament dak li bħalissa qed idgħajjef il-fiduċja fit-tkabbir u l-qawwa trasformattiva tal-politika.

1.9.

Biex terġa’ tinbena l-fiduċja fit-tkabbir u jissaħħu l-modi li bihom l-UE tilħaq lill-alleati naturali tagħha fir-reġjun, il-KESE huwa konvint li l-UE għandha tippermetti lill-mexxejja politiċi u liċ-ċittadini mill-Balkani tal-Punent jingħaqdu fl-attivitajiet u d-diskussjonijiet li jsiru fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, fuq bażi konsultattiva. B’hekk, l-UE tibni fuq il-preċedent tal-Konvenzjoni Ewropea tal-bidu tas-snin 2000 (7).

1.10.

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tinvesti wkoll fl-iżvilupp ta’ strutturi orizzontali tas-soċjetà ċivili billi tipprovdi lill-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn mill-Balkani tal-Punent b’għarfien espert, appoġġ tekniku, u opportunitajiet ta’ networking reġjonali u internazzjonali, mhux l-inqas sabiex jiġi żgurat li jkollhom rwol aktar attiv fil-proċess tat-tkabbir. Sabiex jinżamm kontroll fuq it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-eliti politiċi tal-Balkani tal-Punent, l-UE għandha tikkummissjona rapporti paralleli regolari dwar l-istat tad-demokrazija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun (8).

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-bini tal-kapaċità nazzjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni reġjonali, kif ukoll l-iskambju ta’ għarfien espert, għandhom jinżammu fost il-prijoritajiet tal-UE u tal-finanzjament nazzjonali. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku u l-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn huma essenzjali biex jiġu llivellati f’termini tal-isfidi mqajma mill-aġenda tar-riforma fir-reġjun u l-progress tal-proċess tat-tkabbir tal-UE.

1.12.

Il-KESE japprezza l-fatt li sabiex l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent jiġu megħjuna jtaffu l-impatt tal-pandemija u jerġgħu jniedu l-konverġenza ekonomika u soċjali mal-UE, l-appoġġ tal-UE għandu jkun ġeneruż u għandu jinkludi ħafna aktar minn sempliċiment aċċess għall-programmi tal-UE. Il-ftuħ gradwali tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-imsieħba tal-Balkani tal-Punent (pereżempju biex jiġu appoġġjati proġetti ta’ infrastruttura), l-estensjoni tal-użu tal-mekkaniżmi ta’ stabbiltà finanzjarja tal-UE, li jippermettu lir-reġjun jipparteċipa fil-Politika Agrikola Komuni jew li jippermettu l-migrazzjoni ċirkolari, pereżempju, huma ideat li jixirqilhom kunsiderazzjoni serja (9).

1.13.

Il-KESE jilqa’ l-Patt Ekoloġiku Ewropew (10), li jinkludi objettivi speċifiċi għall-Balkani tal-Punent, kif ukoll il-Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans accompanying the Economic and Investment Plan for the Western Balkans (11) (Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ekoloġika għall-Balkani tal-Punent li takkumpanja l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent). Huwa jistieden lill-imsieħba mir-reġjun biex jaħdmu mal-UE biex jadottaw politiki ekoloġiċi sal-2030 u jiksbu n-newtralità klimatika sal-2050.

1.14.

Il-KESE jistenna li r-rapporti tal-pajjiżi li jmiss għandhom isegwu struttura ċara għall-monitoraġġ ta’ kif is-soċjetà ċivili tiġi indirizzata mill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent. Dan l-iskrutinju għandu jipprovdi l-bażi għar-rispons b’azzjonijiet politiċi, fejn ir-rigress ikollu konsegwenzi u l-progress iġib benefiċċji konkreti. Fl-aħħar mill-aħħar, dan se jsaħħaħ il-kredibbiltà u l-qawwa trasformattiva tal-politika tat-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent.

1.15.

Il-KESE għal darb’ oħra jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent biex jipprevedu t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali tal-imsieħba soċjali, filwaqt li fl-istess ħin jippreżervaw bis-sħiħ l-indipendenza tagħhom. Djalogu soċjali li jiffunzjona għandu jkun element importanti tan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE. Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali għandhom jiġu kkonsultati, b’mod aktar sistematiku u f’waqtu, dwar il-proposti leġiżlattivi rilevanti kollha u fl-istadji kollha meta jiġu żviluppati dokumenti strateġiċi (12).

1.16.

Il-KESE jitlob li jiġu organizzati Konferenzi jew Fora tas-Soċjetà Ċivili ta’ Livell Għoli eżatt qabel is-Summits regolari bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent jew bħala avvenimenti sekondarji waqthom, sabiex is-soċjetà ċivili tkun tista’ ssemma’ leħinha fuq suġġetti indirizzati fis-summits (13). Tali konsultazzjonijiet huma vitali biex jiġi żgurat monitoraġġ oġġettiv u minn isfel għal fuq tal-progress fil-proċess tan-negozjati. Il-KESE jista’ jaqdi rwol f’dawn l-avvenimenti.

1.17.

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-kontribut tas-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX) tal-KESE għas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tas-6 ta’ Mejju 2020 (14) kif ukoll fl-Opinjonijiet reċenti tal-KESE dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-Aġenda Ekoloġikal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-proċess tal-adeżjoni mal-UE, adottati fit-18 ta’ Settembru 2020 (15) (16).

1.18.

Il-KESE jitlob lill-Presidenza Portugiża attwali tal-Kunsill tal-UE, u b’mod partikolari lill-Presidenza Slovena li jmiss, biex iżżomm il-politika tat-tkabbir lejn il-Balkani tal-Punent fuq quddiem fl-aġenda tal-UE fl-2021.

2.   It-tkabbir tal-EU lejn il-Balkani tal-Punent huwa importanti

2.1.

Perspettiva kredibbli ta’ adeżjoni hija l-inċentiv ewlieni għat-trasformazzjoni fir-reġjun u l-mutur tagħha ironikament diġà enklavi ġeografika fl-UE, hekk kif inhi mdawra minn Stati Membri u b’hekk issaħħaħ is-sigurtà u l-prosperità kollettiva tagħna. Hija għodda ewlenija għall-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali, li huma wkoll il-muturi ewlenin tal-integrazzjoni ekonomika u l-ankra essenzjali għat-trawwim tar-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà reġjonali.

2.2.

Iż-żamma u t-tisħiħ ta’ din il-politika huma għalhekk indispensabbli għall-kredibbiltà, is-suċċess u l-influwenza tal-UE fir-reġjun u lil hinn minnu speċjalment fi żminijiet ta’ kompetizzjoni ġeopolitika qawwija. Li t-tkabbir jingħata pożizzjoni aktar baxxa fil-lista ta’ prijoritajiet tal-UE jew li jonqos ir-ritmu tal-proċess jistgħu jagħmluha aktar faċli għal atturi oħra, li ta’ spiss ma jaqsmux l-ambizzjonijiet demokratiċi tal-UE l-aktar ir-Russja u ċ-Ċina biex jindaħlu fil-Balkani u jintgħoġbu ma’ pajjiżi bħas-Serbja, il-Montenegro u l-Bożnija-Ħerzegovina, kif intwera wkoll matul il-pandemija li għaddejja. Tali qawwiet barranin jistgħu jxekklu l-isforzi tal-UE biex tiggarantixxi s-sigurtà tal-kontinent.

2.3.

Sfidi tal-lum bħall-globalizzazzjoni, soċjetajiet li qed jixjieħu, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, id-disparitajiet soċjali, it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata, l-attakki ċibernetiċi u l-COVID-19 juru li l-UE u r-reġjun tal-Balkani tal-Punent mhux biss għandhom interessi simili iżda aktar u aktar l-istess problemi wkoll. F’termini strateġiċi, politiċi u ekonomiċi, l-UE u l-Balkani tal-Punent għalhekk jinsabu fl-istess ilma. Din l-interdipendenza titlob azzjoni konġunta biex jinnavigaw id-dinja kumplessa u imprevedibbli tal-lum b’suċċess (17).

3.   L-influwenza tal-UE tiddependi mill-kredibbiltà tagħha

3.1.

Stħarriġ tal-Ipsos li sar fl-2020 (18) juri li l-opinjoni pubblika fir-reġjun għadha fil-parti l-kbira tagħha favur is-sħubija fl-UE (medja ta’ 82,5 %). Huwa probabbli li n-nies fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għadhom jappoġġjaw l-integrazzjoni tal-UE għaliex iqisuha opportunità għal bidla ferm meħtieġa fil-kwalità tal-governanza u l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiżi tagħhom. In-nies jevalwaw b’mod pożittiv ir-rwol tal-UE fir-riformi politiċi nazzjonali (39,7 %) u ekonomiċi (40,3 %). Barra minn hekk, huwa possibbli li l-pubbliku tal-Balkani tal-Punent jassoċja lill-UE mal-libertà li wieħed jaħdem u jivvjaġġa iżda wkoll mal-paċi u s-sigurtà.

3.2.

Il-KESE jesprimi sodisfazzjon fir-rigward tas-solidarjetà bla preċedent li l-UE wriet lejn il-Balkani tal-Punent matul il-pandemija tal-COVID-19, inkluż billi tagħti aċċess u tippermetti parteċipazzjoni fl-istrumenti u l-pjattaformi tal-UE li ssoltu huma riżervati biss għall-Istati Membri tal-UE (bħall-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (HSC), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt). Huwa jesprimi t-tama li tali inklużjoni fil-politiki u l-istrumenti tal-UE ser tkompli wkoll fil-perjodu ta’ wara l-pandemija. Min-naħa l-oħra, il-KESE jinsab imħasseb li d-dewmien fil-kapaċità tal-UE li tipprovdi lill-Balkani tal-Punent bil-vaċċini tal-COVID-19 meħtieġa b’mod urġenti jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-immaġni tal-UE fl-opinjoni pubblika tar-reġjun.

3.3.

Madankollu, skont l-istess stħarriġ tal-Ipsos (2020), 52,1 % tar-rispondenti madwar ir-reġjun mhumiex sodisfatti bil-progress ta’ pajjiżhom lejn l-adeżjoni mal-UE u, b’mod partikolari, bil-pass kajman tal-proċess. Għadd dejjem akbar ta’ ċittadini fil-Balkani tal-Punent jaħsbu li l-pajjiżi tagħhom qatt m’huma se jissieħbu fl-UE u huma mħassba li “l-UE ma tridniex”. Aktar minn 44,9 % tar-rispondenti fil-Bożnija-Ħerzegovina, 42 % fis-Serbja, 40,5 % fil-Maċedonja ta’ Fuq, u 36,8 % fl-Albanija jistennew li pajjiżhom isir membru tal-UE biss wara l-2040, jew possibbilment qatt (19). Dan jissuġġerixxi li l-livell attwalment għoli ta’ appoġġ popolari għall-UE fir-reġjun probabbilment se jkun sostenibbli biss peress li l-prospett ta’ adeżjoni jagħti prova li huwa kredibbli. Għalhekk, qiegħed jasal lejn tmiemu ż-żmien meta l-UE setgħet tqis bħala fatt sentiment pro-Ewropew mifrux u komuni min-naħa tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent.

3.4.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għadd kbir ta’ pożizzjonijiet meħuda mill-partiti politiċi tal-Parlament Ewropew, mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u mill-istituzzjonijiet tal-UE mhux dejjem huma allinjati ma’ xulxin, u li dan jista’ jibgħat messaġġi inkoerenti li jħawdu lir-reġjun. Il-KESE huwa konvint li hemm bżonn ta’ koeżjoni interna akbar fost l-atturi differenti involuti fil-formulazzjoni tal-politika tat-tkabbir fi ħdan l-Istati Membri, sabiex ikunu jistgħu jitkellmu b’vuċi waħda konsistenti.

3.5.

L-istituzzjonijiet tal-UE bħall-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew (PE) għandhom jikkomunikaw aħjar u jaħdmu aktar mill-qrib mal-Istati Membri fil-proċess tal-valutazzjoni tal-progress u t-tfassil ta’ strateġiji għall-assistenza u r-rispons għall-imsieħba tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa kuntatti bilaterali aktar mill-qrib mal-Istati Membri, pereżempju billi torganizza laqgħat mal-ministeri tal-affarijiet barranin u l-parlamenti nazzjonali biex jiddiskutu t-tkabbir, u għandha tikkoordina aħjar ma’ atturi oħrajn reġjonali u fil-livell tal-UE (bħas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kunsill, il-PE, il-KESE, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kunsill tal-Kooperazzjoni Reġjonali), kif ukoll mas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, il-PE għandu jinkoraġġixxi kooperazzjoni aħjar mal-parlamenti nazzjonali u bejniethom fi ħdan l-UE bħala mezz biex titrawwem l-Ewropizzazzjoni tagħhom (20).

3.6.

Il-KESE jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni (21) li hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni lin-natura politika tal-proċess u li jiġu żgurati gwida u kooperazzjoni aktar b’saħħithom f’livell għoli mill-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jenfasizza wkoll li huwa essenzjali li tali gwida politika u kooperazzjoni aktar b’saħħithom ikunu kostruttivi u ta’ benefiċċju, u li assistenza effettiva hija importanti ħafna.

3.7.

Il-KESE huwa konvint li l-appoġġ u l-impenn tal-UE għall-proċess tat-tkabbir fil-Balkani tal-Punent għandhom ikunu b’saħħithom u viżibbli. Fuq kollox, għandu jiġi żgurat li r-riżultati tar-riformi implimentati jiġu ppreżentati kif suppost u li l-impatt ta’ dawk ir-riformi jirrappreżenta titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.

3.8.

Il-Kummissjoni għandha żżid u tiddiversifika l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħha dwar it-tkabbir fil-prattika fuq il-post fl-Istati Membri tal-UE u fir-reġjun permezz tal-uffiċċji lokali u d-delegazzjonijiet tagħha, iżda wkoll permezz ta’ inizjattivi li jinvolvu partijiet interessati lokali u msieħba soċjali. Komunikazzjoni affidabbli dwar l-appoġġ enormi tal-UE min-naħa tas-imsieħba tal-Balkani tal-Punent, kif ukoll dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-integrazzjoni Ewropea b’mod aktar ġenerali, tiddependi wkoll mill-eżistenza ta’ midja ħielsa u vijabbli fir-reġjun. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha tinsisti fuq ir-rispett tal-libertà tal-midja min-naħa tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent u għandha tinvesti fl-iżvilupp u s-sostenibbiltà tas-settur.

4.   Il-konsolidazzjoni demokratika tar-reġjun mhijiex negozjabbli

4.1.

L-istħarriġ tal-Ipsos (2020) jiżvela li l-punt fokali tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tan-nies jinsab fil-politiċi u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Rispondenti minn madwar ir-reġjun jiddubitaw li l-mexxejja tagħhom huma ġenwinament impenjati lejn l-aġenda tal-integrazzjoni tal-UE u jikkundannaw l-istituzzjonijiet tal-Istat tagħhom li huma korrotti u ma jiffunzjonawx sew (22).

4.2.

Jidher li la l-adozzjoni ta’ kostituzzjonijiet demokratiċi u lanqas il-kundizzjonalità demokratika rigoruża tal-UE ma rnexxielhom jegħlbu l-istrutturi informali tal-poter, il-manipulazzjoni tal-Istat u l-patroċinju fil-Balkani tal-Punent, iżda minflok dawn fil-fatt ġew ikkonsolidati (23). Istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfa u l-apparenza ta’ mexxejja b’saħħithom fil-Balkani tal-Punent jistgħu jnaqqsu l-istandards tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-midja f’dawn il-pajjiżi.

4.3.

L-UE ma għandhiex tagħmel konċessjonijiet għall-politiċi fir-reġjun li b’mod ċar jevitaw li jissodifaw l-impenn tagħhom lejn id-demokrazija. Il-qawwa tal-kundanna tal-“manipulazzjoni tal-istat” msemmija fl-istrateġija tal-Kummissjoni għall-2018 lejn ir-reġjun (24), jew tal-evalwazzjoni kritika tal-pajjiżi differenti fir-rapporti annwali, tonqos bil-kbir jekk l-istess retorika ma tiġix imtennija mill-uffiċjali tal-UE jew mill-politiċi tal-Istati Membri li jivvjaġġaw lejn il-Balkani tal-Punent (25). Mingħajr acquis demokratiku fuq il-monopolji tal-enerġija, l-organizzazzjoni u l-kompetizzjoni tal-partiti, jew il-prattiki informali, il-politiċi tal-Balkani tal-Punent x’aktarx mhumiex se jagħtu widen għar-rekwiżiti demokratiċi Ewropej meta l-fatt li jinjorawhom huwa preċiżament dak li jsostni l-poter tagħhom.

4.4.

L-isforzi tal-istituzzjonijiet tal-UE biex tittejjeb il-kwalità tad-demokrazija fil-Balkani tal-Punent permezz tal-proċess tal-adeżjoni jissaħħu ħafna jekk ir-riformi demokratiċi fl-Istati Membri eżistenti jiġu diskussi u indirizzati flimkien mal-pajjiżi kandidati tal-UE. Il-ħafna snin ta’ kundizzjonalità demokratika stretta applikata għall-pajjiżi aspiranti tal-Balkani tal-Punent ipproduċew ammont kbir ta’ għarfien u esperjenza prattika f’termini ta’ dak li jgħin u dak li ma jgħinx biex iwassal għal riformi ta’ governanza domestika. L-imsieħba tal-Balkani tal-Punent jistgħu għalhekk jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-istat tad-dritt tagħha, il-libertà tal-midja u s-soċjetà ċivili, bħal fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa (26).

4.5.

L-UE għandha tirrikonoxxi wkoll li l-prattika li qed tikber fil-Kunsill fejn premji mwiegħda jinżammu lura milli jingħataw minkejja l-progress tanġibbli fir-reġjun tiskoraġġixxi l-politiċi mir-reġjun milli jimplimentaw l-aġenda ta’ riforma tal-UE, bir-riskju li tfixkel anke l-mexxejja politiċi fil-Balkani tal-Punent l-aktar orjentati lejn ir-riforma u mmexxija mill-kunsens.

5.   Sitwazzjoni soċjoekonomika fraġli

5.1.

Il-KESE jilqa’ wkoll l-adozzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment (27), li għandu l-għan li jixpruna l-irkupru fit-tul, jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u jappoġġja r-riformi meħtieġa biex isir progress fil-proċess għal adeżjoni mal-UE, inkluż li l-Balkani tal-Punent jitressqu aktar qrib is-Suq Uniku tal-UE. Huwa għandu l-għan li jillibera l-potenzjal ekonomiku tar-reġjun li għadu ma ġiex sfruttat u l-ambitu sinifikanti għal żieda f’kooperazzjoni u kummerċ ekonomiċi u intrareġjonali.

5.2.

Il-KESE huwa konvint li dawn il-passi kollha meħuda mill-Kummissjoni huma pożittivi ħafna u għandhom jagħtu spinta kbira lill-politika; madankollu, fir-realtà, is-sitwazzjoni għadha ta’ sfida (l-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE u r-rapporti annwali tal-pajjiżi tagħha jirriflettu sew il-problemi persistenti (28)).

5.3.

Il-pandemija tal-COVID-19 ċertament ikkawżat xokkijiet kbar f’termini ta’ provvista u domanda għal prodotti u servizzi, tnaqqis fil-produzzjoni, żieda fil-qgħad u żieda fid-diffikultajiet soċjali. Madankollu, il-gwaj ekonomiku tar-reġjun jippreċedi l-kriżi tal-Coronavirus. Mill-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali tal-2008 ’l hawn, il-proċess ta’ konverġenza ekonomika u soċjali mal-UE f’termini ta’ PDG per capita għaddej bil-mod ħafna jew ma jeżistix. Peress li ma setgħux jaċċelleraw l-iżvilupp ekonomiku billi jikkoreġu problemi strutturali, bħal nuqqas ta’ investiment pubbliku u privat jew popolazzjoni li qed tixjieħ b’mod rapidu, iċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent qed iħabbtu wiċċhom ma’ futur fejn jiġu mċaħħdin bla heda. Il-pandemija kompliet taggrava dawn il-problemi soċjoekonomiċi, bir-riskju li tinħoloq enklavi de facto ta’ sottożvilupp f’nofs l-Ewropa (29).

5.4.

Il-KESE jenfasizza li kooperazzjoni ekonomika msaħħa u kummerċ intrareġjonali għandhom jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, sikuri u ta’ kwalità u għat-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali, u m’għandhomx ikunu bbażati fuq kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali. F’dan is-sens, l-UE għandha tipprovdi aktar appoġġ finanzjarju u tekniku għaż-Żona Ekonomika Reġjonali u l-Aġenda tal-Konnettività għall-Balkani tal-Punent, biex tħeġġeġ il-liberalizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-kummerċ fir-reġjun (30), kif ukoll biex tipprevjeni li r-reġjun isir dipendenti fuq setgħat mhux tal-UE.

5.5.

Il-Balkani tal-Punent għandhom potenzjal ekonomiku sinifikanti li għadu ma ġiex sfruttat u ambitu sostanzjali għal kooperazzjoni u kummerċ ekonomiċi intrareġjonali akbar. Minkejja xi aċċellerazzjoni fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u żidiet fl-introjtu f’dawn l-aħħar snin, il-pajjiżi għadhom lura fir-riforma tal-istrutturi ekonomiċi tagħhom u fit-titjib tal-kompetittività. Għadhom qed jiffaċċjaw rati għoljin ta’ qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, nuqqas sinifikanti ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet, ekonomiji informali persistenti, eżodu ta’ mħuħ, parteċipazzjoni baxxa fis-suq tax-xogħol tan-nisa u livelli baxxi ta’ innovazzjoni (31). Il-KESE jissuġġerixxi li għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibbiltà li jiġu applikati l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali waqt il-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għas-sħubija fl-UE (32).

5.6.

Il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li jittejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fir-reġjun, u li huwa essenzjali li jissaħħu r-rabtiet bejn min iħaddem u l-istituzzjonijiet edukattivi.

5.7.

Il-klima tal-investiment għadha fil-biċċa l-kbira l-istess u hija kkaratterizzata minn stat tad-dritt dgħajjef, infurzar inadegwat tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ekonomija griża b’għeruq sodi, ftit aċċess għall-finanzi għan-negozji u livelli baxxi ta’ integrazzjoni u konnettività reġjonali. L-interferenza tal-Istat fl-ekonomija tippersisti. Hemm ħtieġa reali li tiġi aġġornata l-infrastruttura, u l-investiment għandu jsir permezz ta’ sensiela ta’ proġetti uniċi u għandu jkun konsistenti mal-prijoritajiet miftiehma mal-UE.

5.8.

Il-KESE jfakkar li l-Balkani tal-Punent huma sensittivi ħafna għall-impatti tat-tibdil fil-klima li jirriżultaw fi ħsara għas-saħħa ġenerali u għall-ekonomija, u jeħtieġu azzjoni urġenti biex itejbu l-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini tagħhom, speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ, permezz ta’ tranżizzjoni ġusta lejn mudell aktar ekoloġiku, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” (33). Hemm bosta xejriet inkwetanti fir-rigward tat-tibdil fil-klima fil-Balkani tal-Punent, bħad-dipendenza għolja fuq karburanti fossili solidi. Iżda hemm ukoll ħafna opportunitajiet, bħall-potenzjal ta’ enerġija rinnovabbli u l-bijodiversità rikka. L-importanza u l-ħtieġa li l-Balkani tal-Punent jiġu inklużi fil-Patt Ekoloġiku mhijiex biss minħabba li t-tibdil fil-klima ma jagħtix kas fruntieri nazzjonali jew fiżiċi, iżda wkoll għaliex huwa importanti għall-benesseri u s-saħħa tan-nies u jipprovdi benefiċċju tanġibbli mill-UE għaċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent (34).

5.9.

L-UE għandha tidentifika u tinvesti fis-setturi ewlenin li jmexxu l-ekonomiji tal-imsieħba tal-Balkani tal-Punent, inkluż fl-SMEs u s-settur agroalimentari. L-UE għandha tiżgura wkoll li l-istandards meħtieġa tar-reġjun ma joħonqux l-iżvilupp ta’ dawn is-setturi b’miżuri li bħalissa huma restrittivi wisq għall-Balkani tal-Punent. Minflok, l-aspettattivi għandhom jiġu aġġustati skont il-progress li jsir f’dawn il-pajjiżi u b’tali mod li jippermettu li jseħħ it-tkabbir.

5.10.

Filwaqt li l-KESE jilqa’ l-pakkett finanzjarju ta’ EUR 3,3 biljun mobilizzat mill-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji fil-Balkani tal-Punent, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn il-flus jintużaw kif suppost u li l-benefiċċji tal-investiment jilħqu lin-nies, b’konformità mar-raġunament warajh. Il-KESE jemmen li l-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 għandu jippromovi l-koeżjoni ekonomika u soċjali tar-reġjun, kif ukoll politiki ekoloġiċi, u li t-tranżizzjoni ekoloġika għandha tkun parti integrali minn pjan ta’ rkupru komprensiv u li jħares ’il quddiem fil-Balkani tal-Punent.

5.11.

Il-KESE jemmen li l-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-imsieħba soċjali, inkluż permezz tal-inkoraġġiment tan-negozjar kollettiv, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħrajn fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ riformi ekonomiċi, soċjali u oħrajn, tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tiżdied il-konverġenza ekonomika u soċjali, speċjalment wara l-pandemija tal-COVID-19.

5.12.

It-talba tal-Kummissjoni għal aktar trasparenza fl-użu tal-fondi u l-implimentazzjoni tar-riformi hija milqugħa, iżda mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni tikkunsidrax lis-soċjetà ċivili bħala parti mill-“partijiet interessati ewlenin”. Fil-fatt, is-soċjetà ċivili sfortunatament bilkemm tissemma fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-Balkani tal-Punent.

6.   Kooperazzjoni reġjonali

6.1.

Il-KESE jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali hija fattur ewlieni biex jittejbu l-livelli ta’ għajxien fil-Balkani tal-Punent.

6.2.

Kemm is-Summit tal-Balkani tal-Punent f’Poznań fl-2019 kif ukoll is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Zagreb f’Mejju tal-2020 kienu opportunitajiet għall-mexxejja tar-reġjun biex jaqblu li jwettqu trasformazzjoni ekoloġika u diġitali ambizzjuża u biex ikomplu jiżviluppaw il-konnettività fid-dimensjonijiet kollha tagħha: dik tat-trasport, dik tal-enerġija, dik diġitali u dik ta’ bejn in-nies.

6.3.

Il-KESE jaqbel li l-Aġenda Ekoloġika, il-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment, l-isforzi għar-ristrutturar ekonomiku, l-investiment fit-turiżmu u l-enerġija u t-trasformazzjoni diġitali huma importanti ħafna għall-iżvilupp u l-istabbiltà tar-reġjun. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu pprovduti impjiegi ta’ kwalità u diċenti li jippermettu lill-ħaddiema jaħdmu b’mod sikur, jiżguraw is-sigurtà ekonomika u soċjali tal-ħaddiema u jġibu benefiċċji għan-nies.

6.4.

Il-KESE jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kompetittività, it-tkabbir inklużiv, l-istandards tal-għajxien, l-iżvilupp sostenibbli, il-konnettività u t-tranżizzjoni diġitali fil-Balkani tal-Punent. Il-kapaċità intraprenditorjali u l-innovazzjoni huma wkoll essenzjali għall-irkupru tar-reġjun u l-ekonomiji lokali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jsir użu akbar mill-fondi tal-UE ta’ qabel l-adeżjoni għall-appoġġ ta’ negozji ġodda, l-iffaċilitar tat-taħriġ għall-intraprenditorija u t-tisħiħ tal-istrateġiji ekonomiċi intelliġenti fir-reġjun, kif ukoll għall-investiment fl-infrastruttura meħtieġa.

6.5.

Fil-qasam tal-politika ambjentali, l-UE tiffoka fuq it-tneħħija gradwali ta’ sorsi tal-enerġija bbażati fuq il-fossili u s-sostituzzjoni tagħhom b’sorsi rinnovabbli. B’kuntrast ma’ dan, l-imsieħba tal-Balkani tal-Punent, speċjalment is-Serbja, qed jaċċettaw self miċ-Ċina biex jibnu impjanti termali ġodda li jaħdmu b’faħam irħis u ineffiċjenti, mingħajr ma jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (35). B’riżultat ta’ dan, Belgrad, Skopje u Sarajevo jikkompetu b’mod kostanti għall-pożizzjoni tal-belt l-aktar imniġġsa fid-dinja matul ix-xhur kesħin tax-xitwa, meta jiżdied il-konsum tal-enerġija (36). Wieħed jista’ jassumi mingħajr tlaqliq li jekk ir-reġjun għandu jkun involut fl-isforz tal-UE, inkluż matul il-proċess tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, biex titfassal tranżizzjoni ekoloġika, proġetti bħal dawn ma jkunux konċepibbli (37).

6.6.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Dikjarazzjoni dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki tal-Edukazzjoni Għolja ġiet approvata fis-Summit tal-Balkani tal-Punent ta’ Poznań, li tistabbilixxi mudell għar-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja u perjodi ta’ studju barra l-pajjiż, madankollu, iqis li huwa neċessarju li jiżdiedu l-isforzi biex isir progress fir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali sabiex jinħoloq suq tax-xogħol aktar integrat u biex jiġu offruti opportunitajiet ferm meħtieġa għaż-żgħażagħ fir-reġjun.

6.7.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu promossi aktar kooperazzjoni u sħubija transfruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE u l-imsieħba mill-Balkani tal-Punent, mhux biss fil-livell tal-gvernijiet, iżda wkoll fil-livell reġjonali u lokali, kif ukoll dak tas-soċjetà ċivili organizzata (38).

7.   Is-soċjetà ċivili taqdi rwol ewlieni fil-proċess tal-adeżjoni u dak leġiżlattiv

7.1.

Il-KESE jitlob li s-soċjetà ċivili organizzata tiġi rikonoxxuta aħjar fil-kuntest tal-metodoloġija riveduta. Filwaqt li l-KESE jilqa’ l-fatt li l-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mhux se jonqos fil-każ ta’ nuqqas ta’ progress f’pajjiż partikolari, jinnota b’dispjaċir li s-soċjetà ċivili mhijiex rikonoxxuta biżżejjed fil-Komunikazzjoni (39), speċjalment fid-dawl tal-kuntesti politiċi, ekonomiċi u soċjali speċifiċi fil-Balkani tal-Punent, fejn ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-riformi demokratiċi għandu jissaħħaħ.

7.2.

Il-KESE jappoġġja b’mod speċjali l-approċċ ta’ raggruppamenti fil-metodoloġija l-ġdida u jisħaq fuq l-importanza vitali tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-raggruppamenti kollha, b’enfasi partikolari fuq ir-raggruppamenti Fundamentali u tal-Aġenda Ekoloġika u l-Konnettività Sostenibbli.

7.3.

Is-soċjetà ċivili għadha tiġi vvalutata separatament fi ħdan il-kriterji politiċi bħala waħda mill-erba’ pilastri tad-demokrazija; madankollu simili ħafna ta’ rapporti preċedenti il-profondità tal-valutazzjoni tvarja bejn il-pajjiżi u ma hemm l-ebda referenza konsistenti u sistematika għall-Guidelines for EU Support to Civil Society in Enlargement Countries (2014-2020) (40) (Linji Gwida għall-Appoġġ tal-UE lis-Soċjetà Ċivili fil-Pajjiżi tat-Tkabbir), anke jekk tirrappreżenta għodda ta’ monitoraġġ iddettaljata. Fin-nuqqas ta’ koerenza strateġika, qafas ċar ta’ monitoraġġ u impenn politiku biex tkompli tiġi appoġġjata s-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi involuti fil-proċess tat-tkabbir, l-UE qed tonqos milli tagħti l-appoġġ politiku li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tant għandhom bżonn, minbarra wkoll gwida ċara għall-gvernijiet nazzjonali (41).

7.4.

Il-KESE jemmen li l-mertu fattwali f’approċċ ibbażat fuq il-mertu ma jistax jiġi ddeterminat jew jitqies komplut mingħajr il-parteċipazzjoni akkumulata mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-monitoraġġ oġġettiv tagħhom tal-kuntesti politiċi speċifiċi li kull wieħed mill-imsieħba tar-reġjun qed jesperjenza.

7.5.

Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li l-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni għall-finanzjament tal-UE għandhom jipprovdu bażi ċara għad-difiża tal-ispazju ċiviku u għar-rispons għal theddid immedjat għalih. Investiment fl-edukazzjoni ċivika, ambjent aktar favorevoli, l-infrastruttura tas-soċjetà ċivili u l-azzjoni konġunta jkunu kruċjali biex dan jinkiseb. Rispons effettiv għat-tnaqqis tal-ispazju ċiviku jista’ jiġi pprovdut permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prestazzjoni introdott riċentament biex jappoġġja l-azzjoni tas-soċjetà ċivili. Minflok sempliċiment jiġu rtirati l-allokazzjonijiet minn pajjiżi li jaqgħu lura fl-iżvilupp demokratiku tagħhom, il-fondi jistgħu jiġu allokati mill-ġdid bħala appoġġ tas-soċjetà ċivili mmirat lejn l-indirizzar tar-rigress demokratiku fl-istess pajjiż (42).

7.6.

L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jużaw ir-riżorsi tas-soċjetà ċivili lokali u jiksbu l-għajnuna tad-delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun biex jimmobilizzaw liċ-ċittadini fl-imsieħba tal-Balkani tal-Punent, u b’hekk jagħtuhom l-opportunità li jissieħbu fil-pjattaformi li fuqhom iċ-ċittadini tal-UE se jkollhom skambji matul il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Li ż-żgħażagħ u/jew iċ-ċittadini ordinarji mill-Balkani tal-Punent ikunu jistgħu jattendu l-avvenimenti taċ-ċittadini tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa mal-UE kollha jkun investiment sinifikanti fil-kapital soċjali tar-reġjun, u b’hekk jinħoloq għarfien akbar fuq il-post fil-Balkani tal-Punent dwar affarijiet tal-UE u r-rilevanza tagħhom għall-pajjiżi rispettivi tagħhom. Din tibni wkoll kuntatti bejn in-nies bejn l-UE u r-reġjun u ttejjeb il-kapaċità ta’ dawn iċ-ċittadini infurmati aħjar biex iżommu l-eliti politiċi tagħhom taħt kontroll fuq kwistjonijiet marbuta mal-proċess ta’ integrazzjoni tal-UE (43).

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  COM(2020) 57 final (5.2.2020) It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent; COM(2020) 641 final (6.10.2020).Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent; COM(2020) 660 final {SWD(2020) 350 final} – {SWD(2020) 351 final} – {SWD(2020) 352 final} – {SWD(2020) 353 final} – {SWD(2020) 354 final} – {SWD(2020) 355 final} – {SWD(2020) 356 final} (6.10.2020) Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE.

(2)  Dikjarazzjoni ta' Zagreb, 6 ta’ Mejju 2020.

(3)  F’konformità mat-terminoloġija stabbilita tal-KESE, il-kunċetti ta’ “soċjetà ċivili” u “organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili” f’din l-Opinjoni jinkludu l-imsieħba soċjali (jiġifieri min iħaddem u t-trade unions) u kwalunkwe attur mhux statali ieħor (ara l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent — sfidi u prijoritajiet (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 15).

(4)  COM(2020) 57 final (5.2.2020).

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni – ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u r-Repubblika tal-Albanija, 25.3.2020.

(6)  Cvijic, Srdjan, Kirchner, Marie Jelenka, Kirova, Iskra u Nechev, Zoran (2019), From enlargement to the unification of Europe: Why the European Union needs a Directorate General Europe for future Members and Association Countries (Mit-tkabbir għall-unifikazzjoni tal-Ewropa: Għaliex l-Unjoni Ewropea teħtieġ Direttorat Ġenerali tal-Ewropa għal Membri u Pajjiżi tal-Assoċjazzjoni futuri), Open Society Foundations.

(7)  Stratulat, Corina u Lazarevic, Milena (2020), The Conference on the Future of Europe: Is the EU still serious about the Balkans? (Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa: l-UE għadha serja dwar il-Balkani?), Dokument ta’ diskussjoni tal-EPC, Brussell: European Policy Centre.

(8)  Stratulat et al. (2019), op. cit., p. 113.

(9)  Stratulat and Lazarević (2019), op. cit.

(10)  COM(2019) 640 final (11.12.2019) Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(11)  SWD(2020) 223 final {COM(2020) 641 final} (6.10.2020) Guidelines for the Implementation of the Green Agenda for the Western Balkans accompanying the Economic and Investment Plan for the Western Balkans (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  Dikjarazzjoni finali tas-7 Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent – 16.-17.4.2019., Tirana, l-Albanija.

(13)  Konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali fil-Balkani tal-Punent – 15.5.2018, Sofija, il-Bulgarija

(14)  Il-Kontribut tal-KESE għas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent fis-6 ta' Mejju 2020 (ippubblikat fit-28.4.2020).

(15)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 114.

(16)  Ara wkoll l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent — sfidi u prijoritajiet (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 15) u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU C 110, 22.3.2019, p. 156).

(17)  Stratulat et al. (2019), op. cit.

(18)  Stħarriġ ikkummissjonat mill-Fond Ewropew għall-Balkani f’Ottubru 2020, bħala riżorsa għall-Grupp Konsultattiv għall-Politika tal-Balkani fl-Ewropa (BiEPAG) u mwettaq fis-sitt pajjiżi kollha tar-reġjun, abbażi ta’ kampjun rappreżentattiv fil-livell nazzjonali li jikkonsisti f’minimu ta’ 1 000 rispondent li għandhom aktar minn 18-il sena, permezz ta’ intervisti bit-telefon u online.

(19)  Stratulat, Corina, Kmezić, Marko, Tziakis, Nikolaos, Bonomi, Matteo, u Nechev, Zoran (2020), Between a rock and a hard place: Public opinion on integration in the Western Balkans (Għażla bejn żewġ sitwazzjonijiet diffiċli: L-opinjoni pubblika dwar l-integrazzjoni fil-Balkani tal-Punent), il-Grupp Konsultattiv għall-Politika tal-Balkani fl-Ewropa (BiEPAG).

(20)  Balfour, Rosa u Strutulat, Corina (2015) (ed.), EU member states and enlargement towards the Balkans (L-Istati Membri tal-UE u t-tkabbir lejn il-Balkani), Dokument ta’ Analiżi tal-EPC Nru 79, Brussell: European Policy Centre, p. 234.

(21)  COM(2018) 65 final (6.2.2018) Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent.

(22)  Stratulat et al. (2020), op. cit., p. 5.

(23)  Richter, Solveig u Wunsch, Natasha (2020), Money, power, glory: the linkages between EU conditionality and state capture in the Western Balkans (Flus, poter, glorja: ir-rabtiet bejn il-kundizzjonalità tal-UE u l-manipulazzjoni tal-Istat fil-Balkani tal-Punent), Journal of European Public Policy (27)1, pp. 41-62.

(24)  COM(2018) 65 final (6.2.2018).

(25)  Stratulat et al. (2020), op. cit., p. 7.

(26)  Stratulat u Lazarević (2019), op. cit.

(27)  COM(2020) 641 final (6.10.2020) Pjan Ekonomiku u ta' Investiment għall-Balkani tal-Punent.

(28)  COM(2020) 660 final {SWD(2020) 350 final} – {SWD(2020) 351 final} – {SWD(2020) 352 final} – {SWD(2020) 353 final} – {SWD(2020) 354 final} – {SWD(2020) 355 final} – {SWD(2020) 356 final} (6.10.2020) Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE.

(29)  Bonomi, Matteo u Reljić, Dušan (2017), The EU and the Western Balkans: so near and yet so far (L-UE u l-Balkani tal-Punent: qrib ħafna ta’ xulxin iżda fl-istess ħin ’il bogħod minn xulxin), Kummentarju tas-Stiftung Wissenschaft und Politik (SWP), SWP.

(30)  Stratulat et al. (2019), op. cit., p. 113., u Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-Aġenda Ekoloġika u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Balkani tal-Punent bħala parti mill-proċess tal-adeżjoni mal-UE (Opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 114).

(31)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrazzjoni Ewropea tal-Balkani tal-Punent – sfidi u prijoritajiet (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 15).

(32)  Idem.

(33)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 114.

(34)  Idem.

(35)  Matkovic Puljic, Vlatka; Dave Jones; Charles Moore; Lauri Myllyvirta; Rosa Gierens; Igor Kalaba; Ioana Ciuta; Pippa Gallop; u Sonja Risteska (2019), Chronic coal pollution EU action on the Western Balkans will improve health and economies across Europe (Tniġġis kroniku tal-faħam; Azzjoni tal-UE fir-rigward tal-Balkani tal-Punent se ttejjeb is-saħħa u l-ekonomiji madwar l-Ewropa), Brussell: Health and Environment Alliance, p. 18.

(36)  Ara, pereżempju, European Western Balkans, Sarajevo and Belgrade among the most polluted world capitals (Sarajevo u Belgrad fost l-aktar bliet kapitali mniġġsa tad-dinja), 13 ta’ Jannar 2020; Bateman, Jessica, The young people fighting the worst smog in Europe (Iż-żgħażagħ jiġġieldu l-agħar smogg fl-Ewropa), BBC, 2 ta’ Lulju 2020.

(37)  Straulat u Lazarević (2019), op. cit.

(38)  Fost ħafna oħrajn, xi eżempji tajbin ta’ kooperazzjoni bħal din jidhru fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR), l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR), CIVINET Slo-Cro-SEE, in-Network għall-Iżvilupp Rurali tal-Balkani (BRDN), il-Forum ta’ Investiment tal-Kamra tal-Balkani tal-Punent 6 (WB6 CIF) u l-Kunsill Reġjonali tat-Trade Unions Solidarnost

(39)  COM(2020) 57 final (5.2.2020) It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent

(40)  Guidelines for EU Support to Civil Society in Enlargement Countries (2014-2020) (Linji Gwida għall-Appoġġ tal-UE lis-Soċjetà Ċvili fil-Pajjiżi tat-Tkabbir (2014-2020)

(41)  BCSDN Background Analysis of the Enlargement Package 2020: Should Civil Society Be Satisfied with Just Being Acknowledged? (Analiżi ta’ Sfond tal-BCSDN tal-Pakkett tat-Tkabbir 2020: Is-Soċjetà Ċivili għandha tkun Sodisfatta bil-Fatt li hija Rikonoxxuta Biss?), Ottubru 2020.

(42)  BCSDN Feedback on the Consultation of CSOs in the Preparation of IPA III (Feedback tal-BCSDN dwar il-Konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-Tħejjija tal-IPA III), 22 ta’ April 2020.

(43)  Stratulat u Lazarević (2020), op.cit., p. 7.