|
21.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 486/172 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027”
(COM(2022) 57 final — 2022/0039 (COD))
kif ukoll dwar
“Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Approċċ tal-UE għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju — Kontribuzzjoni tal-UE li tindirizza sfida globali”
(JOIN(2022) 4 final)
(2022/C 486/24)
|
Rapporteur: |
Pierre Jean COULON |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022 |
|
Bażi legali |
Artikoli 189(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
7.9.2022 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
21.9.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
572 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
222/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni u l-proposta, li jimmarkaw il-bidu tal-iżvilupp ta’ pakkett dwar l-ispazju Ewropew, huma meħtieġa u indispensabbli fil-perjodu attwali. Huwa jirrakkomanda li l-Komunikazzjoni konġunta għandha tippromovi bil-qawwa, permezz ta’ diplomazija attiva, immaniġjar multilaterali tat-traffiku fl-ispazjufil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari fi ħdan il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu Paċifiku tal-Ispazju (COPUOS) u l-Konferenza dwar id-Diżarm, peress li m’għandniex biżżejjed regoli f’dan il-qasam. |
|
1.2. |
Il-prijorità assoluta tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, inkluż il-materjal skartat, teħtieġ li jitqiesu, fil-livell Ewropew, l-atturi kollha. Kif wieħed jista’ jara mill-Komunikazzjoni konġunta u kif turi din l-Opinjoni, il-problema ewlenija marbuta mal-elementi varji tal-programmi ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju hija n-nuqqas ta’ standardizzazzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, huwa ċar li jeħtieġ li jitfasslu standards, linji gwida u prattiki internazzjonali eżemplari. |
|
1.3. |
Il-KESE jappella biex issir implimentazzjoni konkreta ta’ sistema ta’ sorveljanza spazjali sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà fit-tul tal-ispazju għall-Istati Membri kollha.
Fil-fatt, it-tieni prinċipju ewlieni tal-liġi tal-ispazju huwa r-responsabbiltà tal-atturi differenti għall-attivitajiet spazjali tagħhom. Din tippreżenta ruħha bħala responsabbiltà internazzjonali għall-kontroll tal-attivitajiet u responsabbiltà għall-ħsara kkawżata minn dawn l-attivitajiet fl-ispazju ekstratmosferiku. Din il-Komunikazzjoni konġunta hija inkorporata fl-ambitu tar-responsabbiltà internazzjonali għall-kontroll tal-attivitajiet. |
|
1.4. |
Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ standardizzazzjoni internazzjonali u jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ standards, inkluż għall-ġestjoni tar-residwi tas-satelliti, u linji gwida fil-livell Ewropew li jinvolvu s-soċjetà ċivili organizzata.
Il-kunflitt bejn l-atturi spazjali li s’issa kienu essenzjalment statali u dawk li jaspiraw li jkunu atturi ewlenin, privati jew pubbliċi, jitlob riforma fil-livell tal-istandards internazzjonali li kienu ġew adottati fi żmien meta l-ispazju kien għadu jikkonċerna grupp limitat ta’ poteri teknoloġiċi u industrijali. |
|
1.5. |
Kif ġie enfasizzat fl-Opinjoni komplementari CCMI/196 dwar “Spazju Ġdid”:
|
2. Sfond
|
2.1. |
Illum il-ġurnata l-ispazju huwa, minn bosta perspettivi, territorju ekonomiku supplimentari. L-aċċellerazzjoni tal-investimenti pubbliċi u privati tiġġenera densifikazzjoni tal-attivitajiet spazjali u tittrasforma l-ispazju fi kwistjoni ġeostrateġika maġġuri. Il-kompetizzjoni fil-qasam tat-teknoloġija, il-bidu ta’ start-ups iddedikati għas-settur spazjali, il-ftuħ ta’ swieq u servizzi ġodda u r-rieda tal-Istati Membri u tal-operaturi privati li jsaħħu l-attivitajiet fl-orbita jintensifikaw l-isfruttament tal-qasam spazjali. |
|
2.2. |
Minkejja l-firxa strateġika tal-ispazju, la teżisti awtorità dinjija, la hemm liġijiet vinkolanti applikabbli fl-orbita baxxa u ġeostazzjonarja, u lanqas ma teżisti regolamentazzjoni jew sistema ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, u dan minkejja li n-numru ta’ satelliti fl-orbita qed jikber. |
|
2.3. |
S’issa, l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju jistrieħ biss fuq il-prattiki tajbin volontarji u mhux vinkolanti, li mhux dejjem huma ġestiti jew applikati tajjeb u li huma maħsuba biex jillimitaw ir-riskji statistiċi tal-kolliżjonijiet bejn is-satelliti u l-iskart. Dawn jipprevedu li m’għandux jiġi prodott skart fl-orbita b’mod intenzjonali u jappellaw għall-passivazzjoni ta’ satelliti li waslu fi tmiem ħajjithom billi jiġi kkonsmat il-karburant residwu, għar-rispett tar-“regola ta’ 25 sena” għas-satelliti fl-orbita baxxa (is-satelliti li waslu fi tmiem il-ħajja operazzjonali tagħhom iridu jerġgħu jidħlu fl-atmosfera fi żmien 25 sena) u biex is-satelliti ġeostazzjonarji mhux użati jitqiegħdu f’“orbita ċimiterju”. Iżda dawn ir-regoli mhumiex suffiċjenti biex jillimitaw ir-riskji ta’ kolliżjoni. |
|
2.4. |
Ma’ dan hemm l-emerġenza ta’ kunċetti operazzjonali ġodda: is-sorveljanza u l-insegwiment ta’ oġġetti fl-ispazju (Space Surveillance and Tracking jew SST), il-koordinazzjoni tat-traffiku spazjali (Space Traffic Coordination jew STC), il-koordinazzjoni u l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju (Space Traffic Coordination and Management jew STCM) (1). |
|
2.5. |
Leġiżlazzjoni kompluta dwar l-attivitajiet spazjali u t-traffiku tas-satelliti biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fit-tul tal-ispazju hija għaldaqstant kemm urġenti kif ukoll strateġika, bħalma hu r-rikors għall-intelliġenza artifiċjali biex jevitaw ir-riskji ta’ kolliżjoni. |
|
2.6. |
Fil-bidu tas-sena, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għall-proġett Spaceways li għandu l-għan li jsawwar sistema ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju bil-għan li “jiddefinixxi kodiċi tar-rotta u [li] jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom ikunu jistgħu jingħataw il-liċenzji u l-awtorizzazzjoni għat-titjir”. |
|
2.7. |
L-objettiv tal-proġetti Spaceways u EUSTM, dan tal-aħħar imniedi f’Jannar 2021, huwa li, minn issa sa Ġunju u Awwissu 2022 rispettivament, jipprovdu rakkomandazzjonijiet u orjentazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar “L-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, kif ukoll evalwazzjoni legali, politika u ekonomika flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet finali u linji gwida għall-implimentazzjoni” (2). |
|
2.8. |
Il-Komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-rappreżentant għoli tirrikonixxi l-ħtieġa ta’ approċċ tal-Unjoni u tipprevedi konsultazzjoni, diskussjonijiet u djalogi regolari mal-partijiet ikkonċernati kollha fl-Unjoni, ċivili u militari fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari l-avjazzjoni, u l-industrija spazjali Ewropea, u dan filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet mil-lat ta’ difiża u sigurtà, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża. Il-KESE jixtieq li l-komunità soċjali kollha, mhux biss l-industrija, tkun involuta f’dan il-proċess. |
|
2.9. |
Il-Komunikazzjoni tipprevedi l-użu tal-konsorzju tal-SST tal-UE (3) biex tiġi żviluppata l-kapaċità operattiva essenzjali għall-Immaniġġjar tat-Traffiku Spazjali tal-UE fil-ġejjieni. Dan jinvolvi t-titjib tal-prestazzjoni tagħha, l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ sorveljanza u insegwiment ta’ oġġetti fl-ispazju (SST) u teknoloġiji ġodda li jużaw l-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġiji kwantistiċi, l-appoġġ għat-tnaqqis tar-residwi u l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni fl-orbita, u l-istabbiliment ta’ sinerġiji ta’ finanzjament bejn l-UE, il-fondi nazzjonali, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), Orizzont Ewropa u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP). |
|
2.10. |
It-titjib tal-kopertura spazjali barra mill-kontinent Ewropew huwa punt ewlieni tal-Programm tal-Unjoni għal Konnettività Sigura għall-perjodu 2023-2027. L-Unjoni se jkollha tistrieħ b’mod partikolari fuq l-entitajiet internazzjonali, b’mod partikolari l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Spazjali (UNOOSA), u dawk nazzjonali biex tiżviluppa l-istandards li se jkunu applikabbli għall-ġestjoni tat-territorju spazjali, u dan filwaqt li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ standards komuni fil-kuntest ta’ forum speċifiku, u tippromovi approċċ integrat fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ standardizzazzjoni. |
|
2.11. |
L-ambizzjonijiet imħabbrin jimplikaw li f’terminu qasir l-industrija tadotta ċerti obbligi, u f’terminu medju, li l-Istati Membri jfasslu proposta leġiżlattiva biex tinstab soluzzjoni għall-frammentazzjoni li teżisti fost l-approċċi nazzjonali u tevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni mal-operaturi stabbiliti ’l barra mill-Unjoni billi timponi l-prinċipju ta’ trattament indaqs bejn l-operaturi. Huma previsti wkoll miżuri mhux vinkolanti bħalma huma l-linji gwidi.
Il-proposta leġiżlattiva se tkun l-ewwel stadju; l-organizzazzjonijiet Ewropej imbagħad se jkollhom jadottaw rekwiżiti tekniċi, kemm jekk ikunu standards u kemm jekk linji gwida applikabbli għal kulħadd. |
|
2.12. |
Il-Komunikazzjoni tindika li l-Unjoni se tkun qed tagħti preferenza lil approċċ multilaterali fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti, u b’hekk tiffavorixxi lid-djalogu mal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu Paċifiku tal-Ispazju (COPUOS) u l-Konferenza dwar id-Diżarm. Għalhekk hija se jkollha tidentifika dawk il-korpi kompetenti tan-NU biex dawn jimplimentaw l-azzjonijiet tagħhom għaliex jorbtu mal-ġejjieni tal-umanità, mingħajr ma tinsa l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO).
Il-metodu previst fil-Komunikazzjoni huwa “minn isfel għal fuq”: jibda mill-kontributi nazzjonali u reġjonali bil-għan li jintlaħaq kunsens bejn ir-regoli u l-istandards previsti, imbagħad jipprosegwi bl-integrazzjoni tal-komponenti reġjonali fil-ġestjoni globali, li l-governanza tagħha għad trid tiġi definita. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tivvaluta l-ħtiġijiet tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju u tipproponi approċċ Ewropew għall-użu spazjali fil-livell dinji, inkluż l-użu ċivili. L-iżvilupp ta’ attivitajiet spazjali, il-multiplikazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-atturi involuti fl-isfruttament tal-ispazju ekstratmosferiku, kif ukoll id-dipendenza tas-setturi ta’ attività kollha fir-rigward tat-teknoloġiji u s-servizzi satellitari wasslu għall-isfruttament eċċessiv progressiv tal-orbita u għal saturazzjoni tal-ispettru tal-frekwenzi, li jeħtieġu li jiġu razzjonalizzati. |
|
3.2. |
L-orbita dinjija hija meqjusa fid-dritt internazzjonali (Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni jew UIT) bħala riżorsa naturali limitata. Il-prinċipji tal-libertà u tan-nonapproprjazzjoni li jirregolaw l-użu tal-orbita dinjija jitħabtu mad-domandi ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi u mal-proliferazzjoni ta’ sistemi satellitari ta’ pajjiżi u intrapriżi li xi kultant jeżentaw lilhom infushom mir-regoli tal-UIT. |
|
3.3. |
Il-kunflitt bejn l-atturi spazjali li s’issa kienu essenzjalment statali u dawk li jaspiraw għal tali status, inklużi l-atturi privati, jitlob riforma fil-livell tal-istandards internazzjonali li kienu ġew adottati fi żmien meta l-ispazju kien għadu jikkonċerna grupp limitat ta’ poteri teknoloġiċi u industrijali. |
|
3.4. |
Lil hinn minn kwistjonijiet legali, l-użu tat-territorju spazjali jagħmel parti minn kuntest ikkaratterizzat minn ritorn ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi internazzjonali, bħalma juru l-affarijiet kurrenti: b’mod partikolari dan huwa evidenti fl-operazzjonijiet koorbitali ta’ intimidazzjoni, it-turija ta’ kapaċitajiet ta’ leapfrogging fil-qasam teknoloġiku jew l-ittestjar ta’ armi antisatellitari, li ħolqu klima ta’ sfiduċja bejn l-Istati. |
|
3.5. |
L-isfidi li nħolqu minħabba s-saturazzjoni tal-orbita u tal-ispettru tal-frekwenzi, kif ukoll it-theddida li nħolqot minħabba ż-żieda fl-iskart spazjali, wasslu lill-Istati Membri, lill-ESA u lill-konsorzju tal-EU STT (4) biex jipprevedu koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti u t-teknoloġiji ta’ sorveljanza. Il-KESE jappella għal regolamenti stretti fid-dawl tal-proliferazzjoni ta’ kostellazzjonijiet privati u ta’ żoni possibbli ta’ nuqqas ta’ liġi. |
|
3.6. |
Il-Komunikazzjoni konġunta tagħti stampa tat-tnedija mill-ġdid delikata tad-djalogu internazzjonali favur kodiċi ta’ kondotta u miżuri, inklużi dawk leġiżlattivi, intiżi biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà tal-użu tal-ispazju ekstratmosferiku. |
Kunsiderazzjonijiet legali u politiċi
|
3.7. |
Il-KESE jappoġġja l-objettivi operazzjonali mħabbra fil-Komunikazzjoni u l-proposta għal regolament, u jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-kunsiderazzjonijiet legali u politiċi li ma jistgħux jitħallew barra fid-dawl tar-riskji involuti. |
|
3.8. |
Mhuwiex faċli li wieħed jiddefinixxi l-kunċett ta’ “liġi dwar l-ispazju”. Ma jeżistix konsensus dwar il-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-ispazju, iżda madankollu hemm ammissjoni ġenerali li l-liġi tal-ispazju hija kkaratterizzata b’mod partikolari mill-prinċipji gwida tagħha. |
|
3.9. |
Minkejja li ġew adottati prinċipji sinifikanti, wara ħames trattati internazzjonali u tmien riżoluzzjonijiet internazzjonali (5), il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-liġi dwar l-ispazju għadha pendenti, peress li l-preokkupazzjoni prinċipali tal-esplorazzjoni spazjali hija qabelxejn li timpedixxi lis-setgħat spazjali ewlenin milli jiksbu l-kontroll tal-korpi ċelesti, u mhux li tiddefinixxi b’mod espliċitu l-objettiv ta’ dan id-dritt. |
|
3.10. |
Il-prinċipji tal-liġi tal-ispazju ġew stabbiliti mindu ġiet adottata r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti 1962 (XVIII) tat-13 ta’ Diċembru 1963, u mtennija fl-ewwel trattat dwar l-ispazju tal-1967.
Dawn il-prinċipji jinkludu:
|
|
3.11. |
Żewġ prinċipji oħrajn tal-liġi dwar l-ispazju jikkonfermaw l-orjentazzjoni paċifika tiegħu.
L-ewwel wieħed huwa l-obbligu tal-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka imposti fuq l-Istati kollha involuti fl-esplorazzjoni u fl-użu tal-ispazju ekstratmosferiku. Dan jimplika djalogu effettiv u trasparenti bejn is-setgħat spazjali bil-għan li jiġu żgurati s-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-attivitajiet imwettqa. Illum, dan id-djalogu huwa partikolarment immirat lejn il-kwistjoni tal-iskart spazjali, kif turi l-Komunikazzjoni. |
|
3.12. |
It-tieni prinċipju ewlieni tal-liġi tal-ispazju huwa r-responsabbiltà tal-Istati u tal-atturi l-ġodda għall-attivitajiet spazjali tagħhom. Dan il-prinċipju jikkonsisti fir-responsabbiltà internazzjonali għall-kontroll tal-attivitajiet u responsabbiltà għall-ħsara kkawżata minn dawn l-attivitajiet fl-ispazju ekstratmosferiku. Din il-Komunikazzjoni konġunta hija inkorporata fl-ambitu tar-responsabbiltà internazzjonali għall-kontroll tal-attivitajiet. |
|
3.13. |
Waqt it-tfassil tat-Trattati ewlenin dwar l-ispazju, is-suġġett tal-iskart spazjali u dak tas-saturazzjoni tal-orbita u tal-frekwenzi ma kinux fuq l-aġenda, iżda llum, id-dipendenza tas-soċjetajiet tagħna mir-riżorsi satellitari wasslet għal żieda qawwija ta’ llanċjar ta’ oġġetti fl-ispazju, sal-punt li l-kwistjoni tal-orbita u l-allokazzjonijiet tal-frekwenzi saret kwistjoni tassew strateġika. |
|
3.14. |
Għaldaqstant, wara sittin sena ta’ sfruttament spazjali, rajna żieda mingħajr preċedent ta’ kwistjonijiet ta’ sigurtà marbuta mal-orbita. Mindu sar it-test ASAT min-naħa taċ-Ċina f’Jannar 2007, it-turija tas-saħħa fl-ispazju żdiedet bil-kbir u ħadet diversi suriet. Hawnhekk tfeġġ ukoll il-problema tar-riskju tal-adattament tal-ispazju għall-użu fil-gwerra.
Fid-dritt internazzjonali, din il-kwistjoni hija fil-qalba ta’ żona griża peress li għadha ma teżisti ebda definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi mezz ta’ attakk fl-ispazju, u lanqas ta’ dak li jikkostitwixxi aggressjoni, minkejja li l-metodi ta’ attakk fl-ispazju huma diversi u varjati; dawn jinkludu attakki bil-missili, raġġi tal-laser li kapaċi jagħmu, attakki ċibernetiċi fuq in-networks tal-komunikazzjoni, il-manuvri koorbitali, eċċ. |
|
3.15. |
L-orbita ġeostazzjonarja min-naħa tagħha qed tħabbat wiċċha ma’ diffikultà ta’ naturi differenti: il-konġestjoni tal-frekwenzi u r-riskji ta’ interferenzi. L-orbita ġeostazzjonarja tirrappreżenta żona kritika għall-kontinwità tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni għall-Istati kollha tal-pjaneta. Dan l-iżvilupp ġab miegħu ċertu numru ta’ diffikultajiet legali, minħabba li l-iżvilupp tal-orbita ġeostazzjonarja wassal għall-ħolqien ta’ suq ekonomiku, u anke għall-bidu tal-ispekulazzjoni. |
|
3.16. |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-KESE huwa tal-fehma għalhekk li l-Komunikazzjoni konġunta trid tippromovi bil-qawwa, permezz ta’ diplomazija attiva, l-immaniġjar multilaterali tat-traffiku tal-ispazju fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari fi ħdan il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Użu Paċifiku tal-Ispazju (COPUOS) u l-Konferenza dwar id-Diżarm, peress li m’għandniex biżżejjed regoli f’dan il-qasam. |
L-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju — kwistjoni ta’ governanza Ewropea
|
3.17. |
L-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju mhuwiex kunċett ġdid. Minkejja dan, minħabba n-natura u l-importanza tal-isfidi għas-sigurtà, is-sikurezza u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet spazjali, l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju kiseb grad ta’ prijorità mingħajr preċedent fost l-atturi tal-ispazju u l-Istati konxji mid-dipendenza tagħhom f’dak li jikkonċerna l-beni spazjali. Madankollu, huma biss dawk l-Istati li għandhom il-kapaċitajiet teknoloġiċi li diġà għandhom fis-seħħ programmi ta’ sorveljanza u insegwiment ta’ oġġetti fl-ispazju (SST) u ta’ sorveljanza spazjali (Għarfien tas-Sitwazzjoni fl-Ispazju jew SSA). |
|
3.18. |
Id-dipartiment tad-difiża tal-Istati Uniti attwalment juża l-aktar sistema avvanzata. L-iSpace Surveillance Network (SSN) tagħhom, ibbażat fuq ir-radars terrestri u spazjali, jagħti lill-Istati Uniti kapaċità unika ta’ detezzjoni u identifikazzjoni, li huma jużaw ukoll bħala strument ta’ influwenza f’għajnejn l-alleati u l-imsieħba tagħhom.
Stati oħra bħar-Russja, iċ-Ċina, il-Ġappun, l-Indja u ċerti pajjiżi Ewropej (Franza, il-Ġermanja) ukoll elaboraw programmi ta’ sorveljanza spazjali. Filwaqt li titqies il-funzjoni strateġika tagħhom, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-programmi taqa’ taħt il-kontroll militari, bl-appoġġ tal-aġenziji spazjali. Fl-UE, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja ħolqu l-konsorzju EU SST biex jevalwaw mingħajr ħlas ir-riskji ta’ kolliżjonijiet fl-orbita u ta’ dħul mill-ġdid mhux ikkontrollat tal-iskart spazjali fl-atmosfera terrestri, u jidentifikaw l-frammentazzjonijiet fl-orbita. Fl-2023, l-EU SST se jsir sħubija li tinvolvi aktar Stati Membri intiża biex tipprovdi servizz ta’ valutazzjoni tar-riskju ta’ kolliżjoni lill-operaturi satellitari Ewropej u globali. Ċerti intrapriżi privati għandhom ukoll is-sistemi SST/SSA tagħhom stess bil-għan li jipprovdu data u servizzi kummerċjali. |
|
3.19. |
Kif wieħed jista’ jara mill-Komunikazzjoni konġunta u kif joħroġ ċar minn din l-Opinjoni, il-problema ewlenija marbuta mal-elementi varji tal-programmi ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju hija n-nuqqas ta’ standardizzazzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, huwa ċar li jeħtieġ li jitfasslu standards, linji gwida u prattiki internazzjonali eżemplari. |
|
3.20. |
L-inizjattivi u d-deċiżjonijiet fil-livell globali li jikkonċernaw l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju jaf joħolqu ambjent diffiċli għall-Ewropa u l-atturi spazjali tagħha. Il-politika Amerikana ħadet azzjoni billi ħabbret li l-Istati Uniti jridu juru t-triq lill-bqija tad-dinja billi jelaboraw l-aqwa standards b’rabta mal-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali u d-data relatata, ifasslu sett ta’ tekniki standardizzati biex jimmitigaw ir-riskji ta’ kolliżjoni u jippromovu fil-livell internazzjonali firxa ta’ standards tekniċi, prattiki u standards b’rabta mas-sigurtà tal-operazzjonijiet fl-ispazju. |
|
3.21. |
L-Unjoni saret konxja mid-dimensjonijiet strateġiċi, kummerċjali u ġeopolitiċi tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, li mhumiex limitatia għas-sostenibbiltà tal-ispazju ekstratmosferiku iżda jirrelataw ukoll mal-futur tal-awtonomija tal-Ewropa f’dak li jikkonċerna l-aċċess u l-użu tal-ispazju.
L-atturi spazjali Ewropej diġà żviluppaw ċerti politiki u inizjattivi intiżi biex jindirizzaw direttament jew indirettament il-preokkupazzjonijiet relatati mal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju. Madankollu, id-dewmien min-naħa tal-Ewropa meta tiġi biex tindirizza l-kwistjoni permezz ta’ proġetti komuni għandu l-konsegwenzi. |
|
3.22. |
Fil-fatt, il-kompetittività futura tal-fabbrikazzjoni Ewropea tas-satelliti jaf tkun mhedda jekk l-intrapriżi jkollhom jirrikorru għal data tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju Amerikan jew jirreġistraw liċenzja tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju Amerikan, bil-possibbiltà li din tiġi rifjutata lilhom. Jeżistu riskji konsiderevoli anki għal fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ llanċjar.
Ħafna atturi Ewropej jiddependu ħafna mill-ftehimiet ta’ kondiviżjoni tad-data ffirmati mal-Istati Uniti fir-rigward tas-sistema l-ġdida Ewropea ta’ sorveljanza spazjali tal-2021 (Għarfien tas-Sitwazzjoni Spazjali jew SSA (Space Situational Awareness)). Fost dawn huma inklużi l-ministeri u l-armati (6), l-organizzazzjonijiet intergovernamentali Ewropej (ESA, EUMETSAT), l-operaturi kummerċjali tas-satelliti u l-fornituri ta’ servizzi ta’ llanċjar. |
|
3.23. |
Skont il-KESE, l-Unjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet intiżi biex jiggarantixxu mhux biss livell ta’ prestazzjoni ċċertifikat, iżda wkoll id-disponibbiltà fit-tul ta’ servizzi bbażati fl-ispazju. Barra minn hekk, fi żmien meta l-Ewropa qed tipprova timplimenta politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni kredibbli li fiha jikkontribwixxu b’mod essenzjali, u tabilħaqq vitali, il-beni spazjali, hija għandha tissodisfa rekwiżiti mill-aktar stretti b’rabta mas-sikurezza u s-sigurtà għall-utenti governattivi u tad-difiża. |
|
3.24. |
Il-KESE josserva li minkejja li l-approċċ tal-UE fl-imgħoddi kien prinċipalment orjentat lejn il-protezzjoni fiżika tal-beni spazjali, li tiddependi fuq strateġija riġida u l-inizjattivi riċenti tal-Unjoni jissuġġerixxu tranżizzjoni lejn approċċ aktar iffokat fuq ir-reżiljenza. Illum l-Unjoni hija favur strateġija ta’ antiċipazzjoni f’dak li jikkonċerna s-sigurtà tal-infrastrutturi spazjali. Għal dan il-għan, hija tat bidu għal żewġ inizjattivi importanti: il-proposta għall-istabbiliment ta’ kodiċi internazzjonali għall-attivitajiet spazjali u l-programm Ewropew ta’ sorveljanza spazjali. |
|
3.25. |
Madankollu, il-KESE jiddeplora l-ewwel insuffiċjenza, jiġifieri d-diffikultà li jiġu koordinati l-kapaċitajiet ta’ ċerti Stati Membri li għandhom il-mezzi ta’ sorveljanza u kontroll tagħhom stess. Illum il-ġurnata, huwa diffiċli li jintlaħaq kunsens dwar l-objettivi li għandhom jintlaħqu fil-qafas ta’ programm Ewropew għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju. Il-kwistjoni tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, eżempju perfett tad-diffikultà li tinħoloq governanza Ewropea ġenwina fis-settur spazjali, minkejja li l-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà spazjali u s-sigurtà tal-ispazju ekstratmosferiku huma komuni għall-Istati Membri kollha, kemm għax jużaw il-kapaċitajiet spazjali kif ukoll għax jużaw ir-riżorsi spazjali. |
|
3.26. |
Dawn id-diffikultajiet huma wħud mill-ostakli għall-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea fil-livell internazzjonali. Fit-tul, l-assenza ta’ standards stabbiliti mill-Ewropa u l-kompatibbiltà ma’ standards oħra jistgħu jikkompromettu l-libertà ta’ aċċess għall-ispazju. Li jkollna l-kapaċità ta’ llanċjar tagħna stess mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ ukoll li jkunu jistgħu jiġu skjerati satelliti indipendentement mill-istandards definiti barra mill-Ewropa sabiex tinżamm il-kompetittività spazjali Ewropea, kif muri fit-22 ta’ Ġunju 2022 mis-suċċess tal-ewwel missjoni ta’ Ariane 5, li l-għan tagħha kien li tpoġġi f’orbita żewġ satelliti, wieħed Malasjan u wieħed Indjan. Barra minn hekk, Ariane 6, il-pass li jmiss, mhux se ddum qabel ma ssir realtà; l-ewwel titjira tagħha hija ppjanata għall-2023, u hija aktar flessibbli u orħos minn Ariane 5 (u għalhekk aktar kompetittiva quddiem il-kompetizzjoni minn SpaceX fl-Istati Uniti). |
|
3.27. |
Il-KESE jieħu l-opportunità ta’ din il-Komunikazzjoni biex ifakkar:
|
|
3.28. |
Minkejja li l-eżistenza ta’ regoli u standards elaborati fil-livell nazzjonali bejn ċerti Stati Membri tista’ tkun utli għall-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet komuni, se jkun madankollu imperattiv li l-Ewropa timponi ruħha bħala arbitru finali tal-miżuri ta’ standardizzazzjoni. Dan jeħtieġ li l-Istati Membri tal-UE u tal-ESA jiftiehmu dwar l-objettivi u l-prinċipji tal-isforzi Ewropej fil-qasam tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, li jiddefinixxu l-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni u koordinazzjoni, u li jiddeterminaw delimitazzjoni ċara tar-rwoli, biex b’hekk ikun hemm kondiviżjoni mingħajr ekwivoku tar-responsabbiltajiet u tqassim trasparenti tal-attivitajiet bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati Ewropej, u dan mingħajr ebda inkonsistenza mas-sistemi eżistenti f’pajjiżi oħra. |
|
3.29. |
Skont il-KESE, il-Komunikazzjoni konġunta hija rikonoxximent tardiv, iżda xorta waħda milqugħ, tal-importanza li jiġu identifikati l-isfidi fid-diversi livelli li se ġġib magħha ż-żieda fl-attivitajiet spazjali, li fl-assenza ta’ qafas vinkolanti toħloq ir-riskju li tikkomprometti l-ekwilibriju globali. |
Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) JOIN(2022) 4 final.
(2) Il-proġett Spaceways, iffinanzjat mill-Programm Qafas tal-Unjoni Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020”, huwa magħmul minn 13-il attur Ewropew ewlieni: manifatturi u lanċjaturi tas-satelliti, operaturi u fornituri tas-servizzi, kif ukoll ċentri u istituzzjonijiet ta’ riċerka fil-qasam politiku u dak legali.
L-EUSTM huwa magħmul minn 20 attur Ewropew ewlieni.
(3) Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja.
(4) https://www.eusst.eu
(5) I. Chalaye, Le statut des orbites terrestres et leur utilisation à la lumière des principes du droit spatial, Istitut tal-Istudji Ġeopolitiċi Applikati (IEGA), Pariġi, Ottubru 2021.
(6) https://www.esa.int/Safety_Security/SSA_Programme_overview
ANNESS
L-Opinjoni komplementari tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali — CCMI/196 — Spazju Ġdid — EESC-2022-01498-00-00-AS-TRA) jinsab fil-paġni li ġejjin:
“Opinjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali dwar ‘Konnettività sigura bbażata fl-ispazju u spazju ġdid: perkors industrijali Ewropew lejn is-sovranità u l-innovazzjoni’
(Opinjoni komplementari għal TEN/775)
|
Relatur: |
Maurizio MENSI |
|
Korelatur: |
Franck UHLIG |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
22.2.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 56(1) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
|
Opinjoni komplementari |
|
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
24.6.2022 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
21/0/1 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar konnettività sigura bbażata fl-ispazju u ‘spazju ġdid’ biex tissaħħaħ is-sovranità industrijali u operazzjonali tal-Istati Membri. L-iżgurar tal-awtonomija huwa kruċjali mhux biss għall-kompetittività industrijali futura, iżda wkoll biex jiġu żgurati n-nondipendenza u r-reżiljenza strateġiċi (1) , kif intwera dan l-aħħar min-nuqqas ta’ komponenti elettroniċi, b’mod partikolari wara l-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, li affettwaw serjament l-industrija spazjali Ewropea. |
|
1.2. |
Il-KESE jemmen li konnettività sigura, aċċessibbli u affordabbli mhijiex biss għodda essenzjali għall-funzjonament tad-demokrazija parteċipattiva iżda wkoll prerekwiżit għall-implimentazzjoni kif imiss tad-drittijiet fundamentali u opportunità għat-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili. |
|
1.3. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-ispazju għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna, kif ukoll ir-rilevanza strateġika tiegħu mill-perspettiva tas-sigurtà u d-difiża, kif uriet il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Barra minn hekk, is-sigurtà fiżika u ċ-ċibersigurtà tal-infrastrutturi kemm tal-art kif ukoll tal-ispazju, flimkien mad-data relatata, huma essenzjali biex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz u l-funzjonament tajjeb tas-sistemi. |
|
1.4. |
Il-KESE jemmen li l-istimulazzjoni tal-ekosistema spazjali Ewropea hija essenzjali biex titmexxa ’l quddiem it-tranżizzjoni doppja u jiġu indirizzati sfidi globali ewlenin, bħat-tibdil fil-klima. Jirrikonoxxi wkoll il-vantaġġi potenzjali tal-involviment ta’ negozji ġodda u SMEs relatati mal-ispazju fil-programmi spazjali tal-UE, inkluż il-kontribut tagħhom għar-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-UE. |
|
1.5. |
Il-KESE jemmen bil-qawwa li peress li l-governanza ta’ sistema ta’ konnettività sigura u awtonoma bbażata fl-ispazju (‘il-Programm’) teħtieġ li diversi korpi jaħdmu flimkien, għandu jiġi garantit livell effiċjenti u adatt ta’ koordinazzjoni. |
|
1.6. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-programm qafas Orizzont Ewropa, li huwa diġà fis-seħħ, għandu jintuża biex jistimula s-suq spazjali, jappoġġja l-ħolqien ta’ soluzzjonijiet kummerċjali innovattivi għas-setturi spazjali downstream u upstream tal-UE u jaċċelera d-disponibbiltà tat-teknoloġiji ewlenin meħtieġa għall-Programm flimkien mal-inizjattivi EuroQCI (2) u ENTRUSTED (3). B’mod partikolari, sistema ta’ komponenti, sistemi u sottosistemi bbażata fuq l-Ewropa tkun teħtieġ sforzi kbar u fit-tul biex terġa’ tinkiseb industrija Ewropea b’saħħitha. |
|
1.7. |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġu żviluppati sinerġiji mal-Fond Ewropew għad-Difiża u permezz tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-interazzjonijiet bejn l-industriji ċivili, spazjali u tad-difiża. |
|
1.8. |
Il-KESE jemmen li sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea, l-inizjattivi tal-Kummissjoni għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ħiliet avvanzati f’oqsma relatati mal-ispazju u għandhom jappoġġjaw attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ taċ-ċittadini tal-Unjoni f’dan il-qasam. Dan itejjeb id-dimensjoni soċjali importanti tal-Programm. |
|
1.9. |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-kapaċitajiet spazjali kollha għall-modernizzazzjoni tal-assi spazjali eżistenti (Galileo (4), Copernicus (5)) kif ukoll għall-iżvilupp ta’ kostellazzjonijiet u servizzi futuri. Dan se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-assi spazjali tal-UE u jrawwem il-kompetittività tal-industrija tagħha. L-assenjazzjoni ta’ responsabbiltajiet fuq il-bażi ta’ evidenza ta’ kompetenza għandha tiżgura t-twettiq effettiv tal-programm. |
|
1.10. |
Il-KESE jemmen li jeħtieġ li l-UE tħeġġeġ il-progress xjentifiku u tekniku u tappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tas-settur spazjali, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, in-negozji ġodda u n-negozji innovattivi, biex b’hekk tistimula attivitajiet ekonomiċi upstream u downstream. Fil-fatt, il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni jaqdu rwol fundamentali fiż-żieda tal-kapaċitajiet teknoloġiċi tal-Unjoni u tal-membri tagħha. |
2. Kuntest tal-Opinjoni, inkluża l-proposta leġiżlattiva kkonċernata
|
2.1. |
Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tiżviluppa programm għall-provvista ta’ komunikazzjoni garantita u reżiljenti bis-satellita. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li trawwem l-innovazzjoni fis-settur spazjali u tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ekosistema b’saħħitha fil-livell tal-UE msejħa ‘Spazju Ġdid’, wara li inkludietha fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Programm Spazjali tagħha. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni nediet l-inizjattiva CASSINI (6). B’mod partikolari, din l-ekosistema tiżgura d-disponibbiltà fit-tul għall-utenti governattivi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni affidabbli, sigura u kosteffettiva bis-satellita fid-dinja kollha, li jappoġġjaw il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, is-sorveljanza, l-azzjonijiet esterni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u b’hekk tiżdied ir-reżiljenza tal-Istati Membri. |
|
2.2. |
L-inizjattiva suppost tibbenefika mill-għarfien espert tal-industrija spazjali industrijali Ewropea, kemm mill-atturi industrijali stabbiliti sew kif ukoll mill-ekosistema tal-Ispazju l-Ġdid. Għalhekk, il-konnettività globali bis-satellita issa saret assi strateġiku għas-sigurtà, għas-sikurezza u għar-reżiljenza tal-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Proposta għandha l-għan ukoll li tippermetti disponibbiltà kummerċjali tal-broadband b’veloċità għolja fl-Ewropa kollha, tneħħi baned artifiċjali tar-rispons tal-frekwenza (deadzones) u tiżgura koeżjoni fit-territorji tal-Istati Membri, u tipprovdi konnettività fuq żoni ġeografiċi ta’ interess strateġiku, bħall-Afrika u r-Reġjun tal-Artiku. Wara Galileo u Copernicus, it-tielet kostellazzjoni proposta se tiddependi minn tliet differenzjaturi ġodda: sigurtà sa mit-tfassil (permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-kwantum) għal komunikazzjoni sensittiva (difiża); kostellazzjoni multiorbitali u arkitettura bbażata fuq sħubijiet pubbliċi-privati (biex tingħata spinta akbar lid-dimensjoni kummerċjali). |
|
2.3. |
Il-Proposta hija konsistenti ma’ għadd ta’ politiki oħra tal-UE u inizjattivi leġiżlattivi li għadhom għaddejjin dwar id-data (bħad-Direttiva Inspire (7) u d-Direttiva dwar id-Data Miftuħa (8)), il-cloud computing u ċ-ċibersigurtà. B’mod partikolari, il-provvista ta’ servizzi governattivi tiżgura aktar koeżjoni f’konformità mal-istrateġiji diġitali u taċ-ċibersigurtà tal-UE billi tiżgura l-integrità u r-reżiljenza tal-infrastrutturi, in-networks, il-komunikazzjoni u d-data Ewropej. Il-Proposta se tappoġġja wkoll il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industriji tas-settur spazjali fl-Unjoni u tikkontribwixxi bil-kbir biex jiġi żgurat l-aċċess awtonomu u affordabbli tal-Ewropa għall-ispazju fis-snin li ġejjin, filwaqt li tħalli impatt pożittiv kritiku u profond fuq il-kompetittività tal-mudelli ta’ sfruttar tal-lanċjaturi Ewropej (9). |
|
2.4. |
Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21-22 ta’ Marzu 2019 enfasizzaw li l-Unjoni teħtieġ tkompli tiżviluppa ekonomija diġitali kompetittiva, sigura, inklużiva u etika b’konnettività ta’ klassi mondjali (10). B’mod partikolari, il-Pjan ta’ azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Frar 2021 jgħid li għandu l-għan li jippermetti l-aċċess għal konnettività b’veloċità għolja għal kulħadd fl-Ewropa, u se jipprovdi sistema ta’ konnettività reżiljenti li permezz tagħha l-Ewropa tibqa’ konnessa irrispettivament minn x’jiġri (11). |
|
2.5. |
Il-Programm jikkomplementa l-arranġamenti eżistenti tal-GOVSATCOM tal-UE (12) dwar il-ġbir flimkien u l-kondiviżjoni tal-kapaċità eżistenti tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita. Minħabba t-tul ta’ ħajja limitat ta’ satellita, għadd mill-infrastrutturi li huma proprjetà tal-gvern li se jikkostitwixxu parti mill-ġbir flimkien u l-kondiviżjoni tal-GOVSATCOM se jkollhom bżonn jiġu rikostitwiti fl-għaxar snin li ġejjin (13) |
|
2.6. |
Il-livelli dejjem jiżdiedu ta’ theddid ibridu u ċibernetiku u l-propensità ta’ diżastri naturali jixprunaw il-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu tal-atturi governattivi lejn sigurtà, affidabbiltà u disponibbiltà ogħla ta’ soluzzjonijiet adatti b’rabta mal-komunikazzjoni bis-satellita. Barra minn hekk, iż-żieda tal-kompjuters kwantistiċi żżid theddida addizzjonali peress li dawn il-kompjuters se jkunu jistgħu jiddeċifraw il-kontenut li bħalissa huwa kriptat. |
|
2.7. |
Fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina u fir-Russja tfaċċaw diversi megakostellazzjonijiet mhux tal-UE appoġġjati mill-pubbliku jew issussidjati. Flimkien man-nuqqas ta’ applikazzjonijiet għal frekwenzi u slots orbitali disponibbli u t-tul ta’ ħajja limitat tal-kapaċità tal-GOVSATCOM, dan joħloq urġenza għal sistema ta’ konnettività sigura tal-UE bbażata fl-ispazju. Il-Programm ikopri n-nuqqasijiet, f’termini ta’ kapaċità u mezzi, għas-servizzi tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita. |
|
2.8. |
Il-Programm għandu jippermetti wkoll il-provvista ta’ servizzi tal-komunikazzjoni kummerċjali bis-satellita mis-settur privat. Sħubija pubblika-privata ġiet ivvalutata fil-valutazzjoni tal-impatt bħala l-aktar mudell ta’ implimentazzjoni adatt biex jiġi żgurat li l-objettivi tal-Programm ikunu jistgħu jiġu segwiti. B’mod partikolari tali sħubija tistimula b’mod notevoli l-innovazzjoni fil-komponenti kollha tal-industrija spazjali Ewropea (integraturi ta’ sistemi kbar, mid-caps[kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja] indipendenti, SMEs u negozji ġodda). |
|
2.9. |
Hekk kif il-gvernijiet, iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE qegħdin isiru dejjem aktar dipendenti mill-konnettività, il-ħtiġijiet tagħhom jeħtieġu soluzzjonijiet ta’ sigurtà ogħla, latenza baxxa (14) u wisa’ tal-banda ogħla, u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm aċċess garantit għal soluzzjonijiet reżiljenti permezz ta’ teknoloġija innovattiva, u xejriet u approċċi industrijali ġodda. Is-sistema prevista, għalhekk, se tkun dik li tissettja t-teknoloġija, kif enfasizzat fil-Proposta. |
|
2.10. |
Sabiex ikun kosteffettiv u biex jikkapitalizza fuq l-ekonomiji ta’ skala, il-Programm għandu jottimizza l-konkordanza bejn il-provvista u d-domanda tas-servizzi governattivi. |
|
2.11. |
Fil-fatt, il-komunikazzjoni bis-satellita tipprovdi kopertura kullimkien, u tikkomplementa n-networks terrestri. Dawn qed jiġu ttrattati dejjem aktar bħala assi strateġiku, li jenfasizza l-ħtieġa globali dejjem tikber għal servizzi governattivi li jiżguraw konnettività reżiljenti mhux biss biex jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta’ sigurtà tagħhom, iżda wkoll biex jikkollegaw l-infrastrutturi kritiċi, jiffaċilitaw l-interazzjoni transfruntiera jew transsettorjali elettronika effiċjenti u effettiva bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej, jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ amministrazzjoni elettronika aktar effettiva, issemplifikata u faċli għall-utenti fil-livelli ta’ amministrazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali (15), u jiġġestixxu l-kriżijiet, kif ukoll jappoġġjaw is-sorveljanza tal-fruntieri u dik marittima. |
|
2.12. |
L-istabbiliment tal-Programm se jsegwi approċċ gradwali li jimmira għall-kwalità. L-iżvilupp u l-iskjerament inizjali jistgħu jibdew fl-2023; il-provvista ta’ servizzi inizjali u test fl-orbita tal-kriptografija kwantistika sal-2025; u skjerament sħiħ bil-kriptografija kwantistika integrata li tippermetti servizzi sħaħ sal-2028. L-ispiża totali tagħha hija stmata għal EUR 6 biljun u l-finanzjament se jiġi minn sorsi differenti tas-settur pubbliku (baġit tal-UE, kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u tal-ESA) u investimenti tas-settur privat. Rigward il-finanzjament tal-UE, dan ma jikkompromettix l-implimentazzjoni tal-komponenti spazjali eżistenti tar-Regolament tal-UE dwar l-Ispazju, notevolment Galileo u Copernicus. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jemmen li fid-dinja diġitali tal-lum, il-konnettività bbażata fl-ispazju hija assi kritiku u strateġiku għas-soċjetajiet moderni. Hija tippermetti l-poter ekonomika, it-tmexxija diġitali u s-sovranità teknoloġika, il-kompetittività ekonomika u l-progress tas-soċjetà. Billi jagħti rwol aktar prominenti lill-atturi spazjali, il-Programm għandu l-għan li jiżgura data u servizzi ta’ kwalità għolja u siguri relatati mal-ispazju, li jistgħu joħolqu benefiċċji soċjoekonomiċi għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa, itejbu s-sigurtà u l-awtonomija tal-UE, u jsaħħu r-rwol tal-UE bħala preżenza fuq quddiem nett fis-settur spazjali, li jippermettilha tikkompeti ma’ ekonomiji spazjali ewlenin oħra, u nazzjonijiet emerġenti li jwettqu attivitajiet fl-ispazju. Barra minn hekk, hija wkoll għodda teknika importanti li tippermetti l-libertà tal-kelma u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-ideat. |
|
3.2. |
Il-KESE huwa tal-fehma li konnettività sigura, aċċessibbli u affordabbli mhijiex biss prerekwiżit għall-funzjonament tad-demokrazija parteċipattiva iżda wkoll prekundizzjoni għall-implimentazzjoni reżiljenti tad-drittijiet fundamentali u opportunità għat-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili. Iċ-ċittadini Ewropej qed jiddependu dejjem aktar minn teknoloġija, data u servizzi spazjali. Dan jinvolvi, b’mod partikolari, konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Barra minn hekk, l-ispazju jaqdi rwol dejjem akbar fit-tkabbir ekonomiku, is-sigurtà u l-importanza ġeopolitika tal-UE. F’dan ir-rigward, konnettività affidabbli u sigura tista’ titqies bħala ben pubbliku għall-gvernijiet u ċ-ċittadini. |
|
3.3. |
Il-KESE jħeġġeġ l-użu ta’ sħubija pubblika-privata bħala mudell ta’ implimentazzjoni adatt biex jiġi żgurat li l-objettivi tal-Programm ikunu jistgħu jiġu segwiti. L-involviment dirett tas-settur privat joħloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp ulterjuri tal-broadband b’veloċità għolja u l-konnettività bla xkiel fl-Ewropa. Dan isir billi jitneħħew il-baned artifiċjali tar-rispons tal-frekwenza b’rabta mal-komunikazzjoni, u tiġi żgurata l-koeżjoni fost it-territorji tal-Istati Membri, kif ukoll tiġi pprovduta konnettività f’żoni ġeografiċi ta’ interess strateġiku. |
|
3.4. |
Permezz ta’ proċess ta’ akkwist kompetittiv, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi kuntratt ta’ konċessjoni biex tipprovdi s-soluzzjoni meħtieġa u tipproteġi l-interessi tal-Unjoni u tal-Istati Membri. L-involviment tal-industrija permezz ta’ konċessjoni simili għandu jippermetti lill-imsieħeb privat jikkomplementa l-infrastruttura tal-Programm b’kapaċitajiet addizzjonali permezz ta’ investimenti proprji addizzjonali. |
|
3.5. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza li r-rwol tas-settur pubbliku għandu jkun rifless b’mod adegwat fil-governanza futura tal-Programm, b’attenzjoni speċjali għas-sigurtà tal-infrastruttura u b’kontroll bir-reqqa tal-ispiża, l-iskeda u l-prestazzjoni. Il-Kummissjoni se tkun il-maniġer tal-programm għall-istabbiliment u s-superviżjoni tal-konċessjoni. L-aġenzija tal-UE tal-Programm Spazjali se tiġi fdata bil-provvista tas-servizzi governattivi, u l-Aġenzija Spazjali Ewropea se tiġi fdata bis-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ żvilupp u validazzjoni. Il-KESE jemmen li l-SMEs huma wkoll kruċjali għall-innovazzjoni u l-ekosistema fl-ekonomija spazjali ġdida emerġenti. Bħala tali, għandhom jiġu mħeġġa b'mod attiv l-iżvilupp tas-servizzi spazjali tal-SMEs u anke l-akkwist tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi u mis-settur privat. Dan jgħin biex jinħolqu l-impjiegi, jittejbu l-ħiliet teknoloġiċi u tingħata spinta lill-kompetittività tal-Ewropa, li huma dejjem aktar importanti għat-tranżizzjoni doppja tal-UE għal ekonomija sostenibbli u diġitali. Dan jiżgura kompetizzjoni effettiva u trasparenti li ssaħħaħ l-awtonomija teknoloġika tal-UE permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi relatati mas-sigurtà, il-kontinwità tas-servizz u l-affidabbiltà. |
|
3.6. |
Il-KESE jemmen li, fil-proċedura ta’ akkwist, għandhom jiġu żviluppati kriterji speċifiċi għall-għoti tal-konċessjoni li jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ negozji ġodda u SMEs tul il-katina kollha tal-valur tal-konċessjoni, u b’hekk jiġi inċentivat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi u fixkiela. F’każijiet meta l-impjieg ta’ fornituri mhux tal-UE jista’ jqajjem kwistjonijiet minn perspettiva ta’ sigurtà u dik strateġika, għandhom jiġu stabbiliti regoli ta’ parteċipazzjoni adatta. |
|
3.7. |
Il-KESE jemmen li l-SMEs għandhom jiġu mħeġġa jieħdu vantaġġ mill-għodod multipli ta’ finanzjament li għandha l-UE għat-tisħiħ tal-ekosistema spazjali, peress li dan jgħin biex jinħolqu l-impjiegi, jittejbu l-ħiliet teknoloġiċi, u tingħata spinta lill-kompetittività industrijali tal-Ewropa. |
4. Kummenti speċifiċi
|
4.1. |
Il-KESE jemmen li s-sovranità strateġika tal-UE u tal-Istati Membri hija bbażata prinċipalment fuq l-awtonomija teknoloġika u l-kapaċità tal-industrija Ewropea u fuq is-sigurtà tal-komunikazzjoni bis-satellita, speċjalment f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qegħdin jikbru. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bil-qawwa inizjattivi biex tissaħħaħ is-sovranità industrijali u teknoloġika tal-Istati Membri tal-UE. |
|
4.2. |
Il-KESE jappoġġja l-Proposta u jqis is-sinerġiji potenzjali bejn l-attivitajiet governattivi u l-attivitajiet ċivili kummerċjali bħala opportunità importanti mil-lat ekonomiku, anke għas-servizzi addizzjonali offruti liċ-ċittadini Ewropej, fil-kuntest ta’ żieda dinjija ta’ investimenti pubbliċi u privati tal-attivitajiet fl-ispazju. |
|
4.3. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lill-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industriji tas-settur spazjali fl-Unjoni. Dan jikkontribwixxi bil-kbir biex jiġi żgurat l-aċċess awtonomu u affordabbli tal-Ewropa għall-ispazju fis-snin li ġejjin, filwaqt li jħalli impatt pożittiv kritiku u profond fuq il-kompetittività tal-mudelli ta’ sfruttar tal-lanċjaturi Ewropej. |
|
4.4. |
Il-KESE jenfasizza li l-Programm għandu jippermetti lill-operaturi tat-telekomunikazzjoni jibbenefikaw minn kapaċità akbar u servizzi affidabbli u siguri. Barra minn hekk, id-dimensjoni kummerċjali tippermetti li s-servizzi tal-bejgħ bl-imnut jilħqu aktar utenti privati Fl-UE kollha. |
|
4.5. |
Fir-rigward tal-governanza tal-Programm (Kapitolu V tal-Proposta għal Regolament), huwa ċar li r-rwoli ewlenin fil-Programm se jaqduhom erba’ atturi ewlenin, jiġifieri l-Kummissjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (‘l-Aġenzija’), l-Istati Membri, u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). |
|
4.6. |
F’dan ir-rigward, il-KESE jemmen bil-qawwa li huwa fundamentali li jkun hemm diviżjoni ċara tal-kompiti, tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet, flimkien ma’ koordinazzjoni kif imiss tad-diversi atturi, għall-funzjonament kif imiss tal-Programm. Għalhekk, allokazzjoni preċiża tar-responsabbiltajiet, fuq il-bażi ta’ evidenza tal-kompetenza tagħhom, għandha tiżgura wkoll l-eżekuzzjoni effiċjenti tal-Programm f’termini ta’ spejjeż u skadenzi. Il-ġestjoni effiċjenti tat-traffiku spazjali hija essenzjali wkoll biex tittejjeb is-sikurezza, minħabba l-ammont dejjem jikber ta’ skart spazjali. |
|
4.7. |
Il-KESE jenfasizza li ċ-ċibersigurtà kemm tal-infrastrutturi tal-art kif ukoll tal-ispazju hija essenzjali biex jiġu żgurati l-operat u r-reżiljenza tas-sistemi. |
|
4.8. |
Il-KESE jenfasizza li sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea, il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ ħiliet avvanzati f’oqsma relatati mal-ispazju u għandu jappoġġja attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, u jippromovi l-opportunitajiet indaqs, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ taċ-ċittadini tal-Unjoni f’dan il-qasam. |
|
4.9. |
Il-KESE jenfasizza li l-istabbiliment u t-titjib tal-infrastrutturi jistgħu jinvolvu ħafna atturi industrijali f’diversi pajjiżi, li x-xogħol tagħhom irid jiġi kkoordinat b’mod effettiv sabiex jiġu żviluppati sistemi li huma affidabbli u integrati bis-sħiħ, b’referenza partikolari għas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà. |
Brussell, l-24 ta’ Ġunju 2022.
Pietro Francesco DE LOTTO”
Il-President tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali
(1) L-Ewropa għandha t-tieni l-akbar industrija spazjali fid-dinja, li timpjega aktar minn 231 000 professjonist u hija stmata li tiswa EUR 53-62 biljun, Studju dwar l-‘iSpace Market’, Parlament Ewropew, Novembru 2021.
(2) L-inizjattiva għall-Infrastruttura Ewropea ta’ Komunikazzjoni Kwantistika (EuroQCI).
(3) Proġett ta’ riċerka fil-qasam tal-komunikazzjoni sigura bis-satellita (SatCom) għall-atturi governattivi tal-UE. ENTRUSTED: European Networking for satellite Telecommunication Roadmap for the governmental Users requiring Secure, inTeroperable, innovativE and standardiseD services [‘Pjan direzzjonali għan-networking Ewropew għat-telekomunikazzjoni bis-satellita għall-utenti governattivi li jeħtieġu servizzi siguri, interoperabbli, innovativi u standardizzati’].
(4) Is-sistema globali Ewropea tan-navigazzjoni bis-satellita, li ilha topera minn Diċembru 2016, meta bdiet toffri servizzi lill-awtoritajiet pubbliċi, lin-negozji u liċ-ċittadini.
(5) Il-Programm Ewropew ta’ Osservazzjoni tad-Dinja, fornitur ta’ data ta’ osservazzjoni tad-dinja, li jintuża għall-fornituri tas-servizzi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
(6) Competitive Space Start-ups for Innovation [Negozji Ġodda Spazjali kompetittivi għall-Innovazzjoni] hija l-inizjattiva ta’ intraprenditorija spazjali tal-Kummissjoni Ewropea li l-għan ewlieni tagħha huwa li tappoġġja negozji ġodda u SMEs fi stadji differenti tat-tkabbir tagħhom b’sett ta’ għodod u fondi.
(7) Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għal Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4. 2007, p. 1).
(8) Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6. 2019, p. 56).
(9) L-UE, li għandha 18-il satellita attwalment fl-orbita u aktar minn 30 ippjanati bejn l-10 u l-15-il sena li ġejjin, hija wkoll l-akbar klijent istituzzjonali għas-servizzi ta’ llanċjar fl-Ewropa. Il-lanċjaturi huma t-tieni l-akbar qasam ta’ attività tal-manifattura spazjali fl-Ewropa wara s-satelliti kummerċjali, u jagħtu spinta lill-industrija Ewropea. Il-Kummissjoni se taggrega l-ħtiġijiet tas-servizzi ta’ llanċjar tal-programmi tal-UE u taġixxi bħala klijent intelliġenti ta’ soluzzjonijiet ta’ llanċjar Ewropej affidabbli u kosteffettivi. Huwa kruċjali li l-Ewropa jibqa’ jkollha faċilitajiet infrastrutturali ta’ llanċjar li jkunu moderni, effiċjenti u flessibbli.
(10) F’Ġunju 2019, l-Istati Membri ffirmaw id-Dikjarazzjoni dwar l-Infrastruttura tal-Komunikazzjoni Kwantistika Ewropea (EuroQCI), u qablu li jaħdmu flimkien, mal-Kummissjoni u bl-appoġġ tal-ESA, lejn l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjoni kwantistika li tkopri l-UE kollha.
(11) COM(2021) 70 final.
(12) L-UE adottat il-komponent GOVSATCOM tar-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 biex tiżgura d-disponibbiltà fit-tul ta’ servizzi tal-komunikazzjoni affidabbli, sigura u kosteffettiva bis-satellita għall-utenti ta’ GOVSATCOM. Ir-Regolament (UE) 2021/696 jipprevedi li fl-ewwel fażi tal-komponent GOVSATCOM sa madwar l-2025, tintuża l-kapaċità eżistenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li takkwista kapaċitajiet ta’ GOVSATCOM mill-Istati Membri b’sistemi nazzjonali u kapaċitajiet spazjali u minn komunikazzjoni bis-satellita kummerċjali jew mill-fornituri tas-servizzi, abbażi tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni.
(13) Fil-fatt GOVSATCOM hija assi strateġiku — marbut mill-qrib mas-sigurtà nazzjonali — użat mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. L-utenti pubbliċi għandhom it-tendenza li jippreferu soluzzjonijiet li huma proprjetà tal-gvern (is-sidien tas-servizzi ta’ komunikazzjoni governattiva bis-satellita jinkludu lil Franza, lill-Ġermanja, lill-Greċja, lill-Italja, lil-Lussemburgu, lil Spanja) jew pubbliċi-privati (bħal Satcom BW tal-Ġermanja jew GovSat tal-Lussemburgu) jew jagħmlu użu minn fornituri privati akkreditati speċifiċi. GOVSATCOM ġiet identifikata sa mill-2013 (Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19/tal-20 ta’ Diċembru 2013) bħala qasam promettenti, bil-possibbiltà li tikkontribwixxi b’mod tanġibbli għall-objettivi għal Unjoni Ewropea b’saħħitha, sigura u reżiljenti. Issa hija parti integrali mill-istrateġija spazjali għall-Ewropa (Strateġija Spazjali għall-Ewropa COM(2016) 705 final), il-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża (Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża COM(2016) 950 final) u l-istrateġija globali tal-Unjoni Ewropea.
(14) Latenza baxxa tirreferi għal dewmien minimu fl-ipproċessar tad-data tal-kompjuter fuq konnessjoni ta’ network. Aktar ma tkun baxxa l-latenza tal-ipproċessar, aktar toqrob lejn l-aċċess f’ħin reali. Konnessjoni ta’ network b’latenza aktar baxxa hija waħda li tesperjenza ħinijiet ta’ dewmien qosra ħafna.
(15) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Riżultati tal-evalwazzjoni interim tal-programm ISA (soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej), 23 ta’ Settembru 2019, COM(2019) 615 final.