SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
28 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Pagamenti lill-benefiċjarji – Artikolu 75 – Terminu għall-pagament – Osservanza – Assenza – Rifjut impliċitu tal-applikazzjoni għal għajnuna”
Fil-Kawżi magħquda C‑160/21 u C‑217/21,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Frar 2021 u tad‑19 ta’ Frar 2021, li waslu rispettivament fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Marzu 2021 u fis‑6 ta’ April 2021, fil-proċeduri
“Nikopolis AD Istrum 2010” EOOD (C‑160/21)
“Agro – eko 2013” EOOD (C‑217/21)
vs
Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie”,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u V.‑S. Strasser, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kaduczak u G. Koleva, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1306/2013”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, “Nikopolis AD Istrum” EOOD (iktar ’il quddiem “Nikopolis”) u “Agro – eko 2013” EOOD (iktar ’il quddiem “Agro – eko”), kumpanniji kummerċjali ta’ produzzjoni agrikola rreġistrati bħala bdiewa, u, min-naħa l-oħra, l-Izpalnitelen direktor na Darzhaven fond “Zemedelie” (id-Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali “Agrikoltura”) — aġenzija li tagħmel il-pagamenti, iktar ’il quddiem id-“Direktor”) rigward applikazzjonijiet għal għajnuna għal finanzjament taħt il-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea, imressqa għas-snin 2018 u 2019. |
Il‑kuntest ġuridiku
Ir‑Regolament Nru 1306/2013
3 |
Il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1306/2013 hija fformulata kif ġej:
|
4 |
L-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Konformità ma’ dati ta’ skadenza għal pagamenti”, jipprevedi: “Fejn jiġu stabbiliti dati ta’ skadenza għal pagamenti bil-liġi tal-Unjoni, kwalunkwe pagament magħmul mill-aġenziji tal-pagamenti lill-benefiċjarji qabel l-aktar data bikrija ta’ pagament possibbli u wara l-aktar data tard ta’ pagament possibbli għandu jagħmel il-pagamenti ineliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni, ħlief fil-każijiet, bil-kundizzjonijiet u fil-limiti li għandhom jiġu ddeterminati billi jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità. Sabiex in-nefqa li saret qabel id-data ta' pagament l-aktar bikrija possibbli jew wara d-data ta’ pagament l-aktar tard possibbli ssir eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni, filwaqt li jiġi limitat l-impatt finanzjarju, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 115, b’deroga mir-regola fl-ewwel paragrafu.” |
5 |
L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-[Politika Agrikola Komuni (PAK)], id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġislazzjoni li tirregola skemi ta’ għajnuna mill-Unjoni bil-għan li jitnaqqas għall-minimu r-riskju ta’ ħsara finanzjarja lill-Unjoni. [...]” |
6 |
L-Artikolu 74(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Verifika ta’ kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u tnaqqis”, jipprovdi: “Skont l-Artikolu 59, l-Istati Membri, permezz tal-aġenziji tal-pagamenti jew tal-korpi li huma jkunu awtorizzaw biex jaġixxu f’isimhom, għandhom jagħmlu verifiki amministrattivi dwar l-applikazzjoni għal għajnuna biex jivverifikaw il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna. Dawk il-verifiki għandhom ikunu ssupplimentati b’verifiki fuq il-post.” |
7 |
Skont l-Artikolu 75 tal-istess regolament, intitolat “Ħlas lill-benefiċjarji”: “1. Il-pagamenti skont l-iskemi ta’ appoġġ u miżuri msemmija fl-Artikolu 67(2) għandhom isiru fil-perjodu ta’ bejn l‑1 ta’ Diċembru u t‑30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. Il-pagamenti għandhom isiru f’sa massimu ta’ żewġ pagamenti akkont f’dak il-perjodu. Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu:
Fir-rigward ta’ appoġġ mogħti fl-ambitu tal-iżvilupp rurali, kif imsemmi fl-Artikolu 67(2), l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu għandhom japplikaw fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna jew talbiet għal pagament imressqa mis-sena tat-talba 2019 ’il quddiem. 2. Il-pagamenti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx isiru qabel ma l-verifika ta’ kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li għandha ssir mill-Istati Membri skont l-Artikolu 74, tkun ġiet iffinalizzata. B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-ħlasijiet bil-quddiem għall-appoġġ mogħti taħt l-iżvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 67(2) jistgħu jsiru wara li jkunu ġew finalizzati l-verifiki amministrattivi skont l-Artikolu 59(1). 3. F’każ ta’ emerġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li huma kemm meħtieġa kif ukoll ġustifikabbli, sabiex jissolvew problemi speċifiċi b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Tali atti ta’ implimentazzjoni jistgħu jidderogaw mill-paragrafi 1 u 2, iżda biss sakemm u għal dak il-perijodu li fih ikunu strettament meħtieġa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 116(3).” |
Ir‑Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014
8 |
Il-premessa 4 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18), kif emendat bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/967 tas‑26 ta’ April 2018 (ĠU 2018, L 174, p. 2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Delega Nru 907/2014”), huwa fformulat b’dan il-mod: “Il-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni, għall-FAEG, tinkludi perjodi għall-ħlas tal-għajnuniet lill-benefiċjarji li għandhom jitħarsu mill-Istati Membri. Il-pagamenti kollha mwettqa barra dawk il-perjodi, għandhom jitqiesu bħala pagamenti mhux eliġibbli għall-Unjoni, u għalhekk ma jistgħux ikunu rimborzati mill-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 40 tar-[Regolament Nru 1306/2013]. L-analiżi tal-pagamenti ta’ għajnuna tardivi mill-Istati Membri wriet li għadd minn dawn saru minħabba verifiki addizzjonali mill-Istati Membri, marbutin ma’ talbiet kontroversjali, ma’ appelli u ma’ tilwimiet legali nazzjonali oħrajn. Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi stabbilit marġini fiss marbut mal-infiq, li sakemm jinżammu l-limiti tiegħu, ma għandux ikun hemm tnaqqis fil-pagamenti fix-xahar għal dawn il-każijiet. Barra minn hekk, ladarba dan il-marġini jinqabeż, biex jiġi aġġustat l-impatt finanzjarju bi proporzjon mad-dewmien imġarrab fil-pagament, għandha ssir dispożizzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista’ tnaqqas il-pagamenti proporzjonalment skont il-perjodu ta’ dewmien tal-pagament irreġistrat. Il-ħlas ta’ għajnuniet qabel l-ewwel data possibbli tal-pagament, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni, ma jistax jiġi ġġustifikat bl-istess raġunament bħall-ħlas wara l-aħħar data possibbli għall-pagament. Għaldaqstant, ma għandux ikun previst tnaqqis proporzjonali għal dawn il-pagamenti bikrin. Madankollu għandu jkun hemm stipulata eċċezzjoni għall-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni agrikola tal-Unjoni tipprevedi l-ħlas ta’ avvanz sa ċertu ammont massimu.” |
9 |
L-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 907/2014, intitolat “Nuqqas ta’ Konformità mal-aħħar skadenza tal-pagament fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija”, jipprevedi: “Rigward il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), skont l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tar-[Regolament Nru 1306/2013], u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-infiq li jsir wara l-limiti ta’ żmien għall-pagamenti għandhom ikunu eliġibbli għall-pagamenti tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 6 ta’ dan l-Artikolu.” |
10 |
L-Artikolu 5a(1) tar-Regolament ta’ Delega Nru 907/2014, intitolat “Nuqqas ta’ Konformità mal-aħħar skadenza tal-pagament fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali”, jipprevedi: “Fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), skont l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tar-[Regolament Nru 1306/2013], u b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-infiq li jkun sar wara l-iskadenza tal-pagament għandu jkun eliġibbli għall-pagamenti mill-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.” |
Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014
11 |
L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/746 tat‑18 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 125, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014”), intitolat “Prinċipji ġenerali”, jipprevedi: “1. Il-verifiki amministrattivi u l-verifiki fuq il-post previsti f’dan ir-Regolament għandhom isiru b’tali mod li jiżguraw verifika effettiva:
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew stipulati fil-liġi nazzjonali rilevanti u fid-dokumenti li fihom arranġamenti ta’ implimentazzjoni jew mill-programm tal-iżvilupp rurali tkun tista’ tiġi vverifikata skont sett ta’ indikaturi verifikabbli li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 3. Ir-riżultati tal-verifiki amministrattivi u fuq il-post għandhom jiġu vvalutati biex jiġi stabbilit jekk xi waħda mill-problemi misjuba tistax twassal b’mod ġenerali għal xi riskju għal operazzjonijiet simili oħrajn, għall-benefiċjarji jew għal korpi oħrajn. Il-valutazzjoni għandha tidentifika wkoll il-kawżi tat-tali sitwazzjonijiet, kwalunkwe analiżi ulterjuri li tista’ tkun meħtieġa u l-azzjonijiet korrettivi u preventivi meħtieġa. 4. L-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post f’każ li l-fotointerpretazzjoni ta’ ortoimmaġnijiet bis-satellita jew mill-ajru jew evidenza rilevanti oħra inkluż evidenza pprovduta mill-benefiċjarju fuq talba tal-awtorità kompetenti ma jipprovdux riżultati li jippermettu li tinħareġ konklużjoni definittiva għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti li jikkonċernaw l-eliġibbiltà jew, fejn applikabbli, id-daqs korrett taż-żona li hija soġġetta għal verifiki amministrattivi jew fuq il-post. 5. Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-verifiki kollha mwettqin skont dan ir-Regolament u mingħajr ħsara għar-regoli speċifiċi previsti fit-Titoli IV u V. Madankollu, il-paragrafu 3 ma għandux japplika għat-Titolu V.” |
12 |
L-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, intitolat “Tħabbir minn qabel tal-verifiki fuq il-post”, jipprevedi: “Il-verifiki fuq il-post jistgħu jitħabbru minn qabel, dejjem jekk dan ma jxekkilx l-iskop jew l-effettività tagħhom. Kwalunkwe tħabbira minn qabel għandha tkun strettament limitata għall-perjodu minimu taż-żmien meħtieġ u ma għandhiex issir iktar minn 14-il jum qabel. Madankollu, għall-verifiki fuq il-post li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas relatati mal-bhejjem skont miżuri ta’ appoġġ jew impenji relatati mal-annimali li jkunu nnotifikati skont l-Artikolu 14a(5), it-tħabbira ma ssirx iżjed tard minn 48 siegħa qabel, għajr f’każijiet iġġustifikati kif xieraq. Barra minn hekk, meta l-leġiżlazzjoni li tapplika għall-atti u għall-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità tkun tirrikjedi li l-verifika fuq il-post issir għall-għarrieda, dawk ir-regoli japplikaw ukoll fil-każ ta’ verifiki fuq il-post relatati mal-kundizzjonalità.” |
It‑tilwim fil‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari
Il‑Kawża C‑160/21
13 |
Nikopolis hija kumpannija kummerċjali Bulgara ta’ produzzjoni agrikola, irreġistrata bħala bidwi. |
14 |
Hija ppreżentat applikazzjoni għal għajnuna għas-sena 2019 tal-programm għall-iżvilupp rurali 2014‑2020, taħt tmien skemi ta’ għajnuna differenti. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dokumenti previsti u twettqu verifiki awtomatiċi tad-data ta’ din il-kumpannija. |
15 |
Waqt verifika fuq il-post imwettqa bejn it‑18 u l‑21 ta’ Novembru 2019 u li kienet tirrigwarda parti mill-biċċiet ta’ art operati minn Nikopolis, ġie kkonstatat li r-rekwiżiti legali kienu ġew osservati. Fit‑23 ta’ Ottubru 2019, id-direktsiya “Technicheski Inspektorat” na Darzhaven fond “Zemedelie” (id-Direttorat tal-Ispezzjoni Teknika tal-Fond Nazzjonali Agrikolu) wettaq verifika tal-kundizzjonalità fuq il-post li matulha lanqas ma ġew ikkonstatati irregolaritajiet. Skont rapport ta’ verifika taż-żoni mħejji minn espert fl-ispezzjoni teknika reġjonali ta’ Veliko Tarnovo, il-verifiki fuq il-post li jirrigwardaw iż-żoni kollha li għalihom intalbet għajnuna, imwettqa bejn is‑16 ta’ Settembru 2019 u l‑31 ta’ Ottubru 2019, żvelaw l-eżistenza biss ta’ biċċa art waħda, ta’ 0.51 ettaru, li ma kinitx eliġibbli għal din l-għajnuna. |
16 |
Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Novembru 2019, l-Izpalnitelna Agentsiya “Sertifikatsionen odit na sredstvata ot evropeyskite zemedelski fondove” (l-Aġenzija Eżekuttiva “Awditu ta’ ċertifikazzjoni tal-fondi mogħtija mill-fondi agrikoli Ewropej”) informat lid-Direktor li kienu twettqu verifiki fuq siti ta’ trobbija, fosthom sit ta’ trobbija ta’ Nikopolis, u li r-riżultati ta’ dawn il-verifiki kienu wrew l-eżistenza ta’ indizji ta’ frodi li jitolbu analiżi addizzjonali. Abbażi ta’ din l-ittra, id-Direktor bagħat, fit‑3 ta’ Diċembru 2019, nota li tordna s-sospensjoni tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet li kien hemm riferiment għalihom fl-imsemmija ittra. |
17 |
Fis‑6 ta’ Awwissu 2020, Nikopolis ippreżentat, quddiem id-Direktor, talba għal pagament marbuta mal-applikazzjoni tagħha għal għajnuna msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza. Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Awwissu 2020, il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali Agrikolu irrispondiha li l-proċess tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal għajnuna għas-sena 2019 tal-programm għal żvilupp rurali 2014‑2020 kien għadu ma tlestiex u li dik l-applikazzjoni għal għajnuna kienet suġġetta għal verifika addizzjonali, filwaqt li indika b’mod espliċitu li din l-ittra ma kinitx tikkostitwixxi att amministrattiv individwali. |
18 |
Peress li qieset li l-fatt li d-Direktor ma ddeċidiex dwar l-imsemmija applikazzjoni għal għajnuna fit-terminu legali kien jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni, Nikopolis ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju. |
Il‑Kawża C‑217/21
19 |
Agro – eko hija kumpannija kummerċjali Bulgara ta’ produzzjoni agrikola, irreġistrata bħala bidwi. |
20 |
Hija ppreżentat applikazzjoni għal għajnuna għas-sena 2018 tal-programm għall-iżvilupp rurali 2014‑2020, taħt tnax‑il skema ta’ għajnuna differenti, fosthom il-Miżura 10 “Agroambjent u klima”. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mid-dokumenti previsti u twettqu verifiki awtomatiċi tad-data ta’ din il-kumpannija. |
21 |
Matul verifiki fuq il-post li jirrigwardaw parti mill-biċċiet ta’ art operati minn Agro – eko, ġie kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-għajnuna mitluba kienu osservati. |
22 |
Agro – eko kisbet il-pagament marbut mal-iskemi u l-miżuri kkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-pagament marbut mal-Miżura 10 “Agroambjent u klima”, li fir-rigward tiegħu hija ma rċeviet l-ebda ittra ta’ informazzjoni. |
23 |
Fil‑21 ta’ Frar 2020, Agro – eko ressqet, quddiem id-Direktor, talba għal pagament marbuta mal-applikazzjoni tagħha għal għajnuna taħt il-Miżura 10 “Agroambjent u klima”, imsemmija fil-punt 20 ta’ dan id-digriet. Din it-talba għal pagament baqgħet ukoll mingħajr risposta. |
24 |
Peress li qieset li l-fatt li d-Direktor ma ddeċidiex dwar l-imsemmija applikazzjoni għal għajnuna fit-terminu legali kien jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, Agro – eko ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
Id‑domandi preliminari
25 |
Fil-kuntest taż-żewġ tilwimiet li tressqu quddiemha, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha l-kwistjoni dwar jekk l-assenza ta’ pagament tal-għajnuna inkwistjoni fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhiex titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjonijiet għal għajnuna msemmija fil-punti 14 u 20 ta’ dan id-digriet. |
26 |
F’dan ir-rigward, dik il-qorti tindika li l-ġurisprudenza tal-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) dwar din il-kwistjoni hija kontradittorja u tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1306/2013. |
27 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad Veliko Tarnovo (il-Qorti Amministrattiva ta’ Veliko Tarnovo), fiż-żewġ kawżi prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
28 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ pagament, mill-aġenzija tal-pagamenti ta’ Stat Membru, ta’ għajnuna mitluba minn bidwi taħt il-programmi tal-politika agrikola komuni qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din id-dispożizzjoni għandhiex titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni. |
29 |
Inċidentalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, fil-każ fejn verifiki jew kontrolli addizzjonali jitwettqu wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu informaw jew le lill-applikant għal għajnuna jistax jinfluwenza r-risposta għal din id-domanda. |
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs u BĊE vs Il‑Latvja, C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
L-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 jagħmel parti mill-Kapitolu II tat-Titolu V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll”. Skont din id-dispożizzjoni, il-pagamenti taħt l-iskemi u l-miżuri ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 għandhom isiru matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru u t‑30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja ta’ wara. L-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament jipprevedi li kull pagament magħmul barra minn dan il-perijodu ma huwiex eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. |
32 |
Fil-prinċipju, is-sempliċi silenzju ta’ istituzzjoni, ta’ korp tal-Unjoni jew ta’ awtorità nazzjonali li timplimenta d-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi assimilat għal rifjut impliċitu, ħlief meta din il-konsegwenza tkun prevista b’mod espliċitu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Greencore, C‑123/03 P, EU:C:2004:783, punt 45). |
33 |
F’dan il-każ, hemm lok, qabelxejn, li jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti tinkludix dispożizzjoni li tipprevedi b’mod espliċitu li, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu u fl-assenza ta’ pagament, deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda titqies li ġiet adottata. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, la r-Regolament Nru 1306/2013 u lanqas ebda att legali rilevanti ieħor ma jipprevedu b’mod espliċitu tali konsegwenza. |
34 |
Sussegwentement, għalkemm l-Artikoli 40 u 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, moqrija fid-dawl tal-premessa 27 ta’ dan ir-regolament, huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-bdiewa jirċievu l-għajnuna finanzjarja tagħhom fil-ħin, sabiex huma jużaw din l-għajnuna b’mod effikaċi, u sabiex jiġi evitat li titqiegħed f’periklu l-annwalità tal-baġit tal-Unjoni, mill-istruttura ġenerali tal-imsemmi regolament jirriżulta madankollu li l-pagament ta’ għajnuna jista’, f’ċerti ċirkustanzi, isir b’mod validu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-imsemmi Artikolu 75(1). |
35 |
L-ewwel, bl-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Artikolu 75(2) tiegħu jispeċifika li l-pagamenti msemmija f’dan l-Artikolu 75(1) ma għandhomx isiru qabel ma tiġi ffinalizzata l-verifika tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà li huma l-Istati Membri li għandhom iwettqu konformement mal-Artikolu 74 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Issa, l-imsemmi Artikolu 75(2) ma jistabbilixxix terminu li fih għandha ssir din il-verifika u jissuġġerixxi għalhekk li din tista’ titwettaq wara l-aħħar data ta’ pagament prevista fl-istess Artikolu 75(1) u, għaldaqstant, tiġi ffinalizzata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara t‑30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni. Il-fatt li l-bidwi kkonċernat ġie informat jew le bit-twettiq ta’ kontrolli jew ta’ verifiki addizzjonali wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-aħħar dispożizzjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-modalitajiet li bihom jiġu informati l-bdiewa fir-rigward tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tagħhom jitħallew fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri u l-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jipprevedi, barra minn hekk, il-possibbiltà li l-verifiki fuq il-post isiru mingħajr avviż. |
36 |
It-tieni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1306/2013 jipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà li, fil-każijiet, kundizzjonijiet u limiti li għandhom jiġu ddeterminati b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, issir eċċezzjoni mir-regola li l-pagamenti magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti lill-benefiċjarji qabel l-ewwel data possibbli u wara l-aħħar data possibbli ma humiex eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Regolament ta’ Delega Nru 907/2014 jipprevedi, fl-Artikoli 5 u 5a tiegħu, li l-pagamenti mwettqa b’mod tardiv minn aġenzija tal-pagamenti huma, taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti proporzjonijiet, eliġibbli għall-benefiċċju tal-pagamenti tal-Unjoni, u jiġġustifika din id-deroga, kif jirriżulta mill-premessa 4 tiegħu, bil-fatt li dan id-dewmien fil-ħlas jista’ b’mod partikolari jkun dovut għal verifiki addizzjonali mwettqa mill-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjonijiet ikkontestati. |
37 |
Għaldaqstant, minn interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1306/2013 jirriżulta li, għalkemm dan jistabbilixxi l-prinċipju li l-pagament ta’ għajnuna lill-benefiċjarji u l-verifika tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà li jippreċedu dan il-ħlas għandhom, bħala regola ġenerali, iseħħu fit-terminu stabbilit f’dan l-Artikolu 75(1), madankollu ma jistax jiġi eskluż li, b’mod ad hoc kif ukoll b’osservanza tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza, din il-verifika tista’ titwettaq wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu u li, għalhekk, l-imsemmi pagament, li jista’ jitwettaq biss wara li tkun ġiet iffinalizzata l-imsemmija verifika, isir wara t‑30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni. |
38 |
Għalhekk, it-terminu stabbilit fl-imsemmi Artikolu 75(1) ma huwiex ta’ natura assoluta, iżda għandu biss valur indikattiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-assenza ta’ pagament ta’ għajnuna f’dan it-terminu tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni. |
39 |
Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni letterali u kuntestwali tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 1306/2013 hija kkorroborata b’mod sħiħ minn interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, li l-assenza ta’ pagament ta’ għajnuna fit-terminu stabbilit f’dan l-Artikolu 75(1) tiġi assimilata għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni huwa diffiċilment konċiljabbli mal-interessi tal-Unjoni u dawk tal-bdiewa benefiċjarji ta’ għajnuna taħt il-Politika Agrikola Komuni. Minn naħa, fir-rigward tal-Unjoni, tali assimilazzjoni jista’ jkollha l-effett li tinkoraġġixxi lill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri sabiex iħaffu fit-twettiq tal-verifiki li huma għandhom iwettqu konformement mal-Artikolu 74 ta’ dan ir-regolament, jew saħansitra li ma jwettqux dawn tal-aħħar, li jista’ jmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li madankollu huwa intiż li jiġi ggarantit mill-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-bdiewa benefiċjarji, tali assimilazzjoni ċċaħħad lil dawn minn kull possibbiltà li jiksbu pagament wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, sakemm ma jippreżentawx rikors f’dan is-sens, anki jekk l-aġenzija tal-pagamenti jkollha l-intenzjoni li tagħmel dan il-pagament. |
40 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ pagament, mill-aġenzija tal-pagamenti ta’ Stat Membru, ta’ għajnuna mitluba minn bidwi qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din id-dispożizzjoni ma għandhiex titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni, u dan indipendentement minn jekk il-bidwi kkonċernat ġiex informat jew le bit-twettiq ta’ eventwali verifiki addizzjonali li jiġġustifikaw il-fatt li dan it-terminu jinqabeż. |
Fuq l‑ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 75(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ pagament, mill-aġenzija tal-pagamenti ta’ Stat Membru, ta’ għajnuna mitluba minn bidwi qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din id-dispożizzjoni ma għandhiex titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-applikazzjoni għal għajnuna inkwistjoni, u dan indipendentement minn jekk il-bidwi kkonċernat ġiex informat jew le bit-twettiq ta’ eventwali verifiki addizzjonali li jiġġustifikaw il-fatt li dan it-terminu jinqabeż. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.