ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 68

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
8 ta' Marzu 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/370 tas-7 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1635/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90, minħabba l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni ( 1 )

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/371 tas-7 ta' Marzu 2019 li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni għal ċerti tipi ta' ross meħluf applikabbli mit-8 ta' Marzu 2019

3

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/372 tal-5 ta' Marzu 2019 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

5

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2019/373 tal-5 ta' Marzu 2019 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/925 (ATALANTA/1/2019)

7

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/374 tal-5 ta' Marzu 2019 li taħtar membru u sitt membri supplenti, proposti mir-Renju tal-Iżvezja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

9

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/375 tal-5 ta' Marzu 2019 li taħtar membru, propost mir-Repubblika Taljana, fil-Kumitat tar-Reġjuni

11

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/376 tal-5 ta' Marzu 2019 li taħtar tliet membri u erba' membri supplenti, proposti mir-Repubblika tal-Kroazja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

12

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/377 tal-5 ta' Marzu 2019 li taħtar membru u membru supplenti, proposti mill-Ungerija, fil-Kumitat tar-Reġjuni

14

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/378 tal-5 ta' Marzu 2019 li taħtar membru, propost mir-Repubblika tal-Awstrija, fil-Kumitat tar-Reġjuni

15

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/370

tas-7 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1635/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90, minħabba l-irtirar tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 733/2008 tal-15 ta' Lulju 2008 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident fl-istazzjon tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' xi ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu. Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1635/2006 (2) jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 (3) dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl.

(3)

Peress li r-Regolament (KEE) Nru 737/90 ġie emendat diversi drabi, tħassar permezz tar-Regolament (KE) Nru 733/2008.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 733/2008 jistabbilixxi l-livelli massimi ta' radjuattività permessi f'ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Huwa jistabbilixxi wkoll li l-Istati Membri huma meħtieġa jwettqu l-kontrolli fuq it-tali prodotti agrikoli sabiex jiżguraw li dawn jikkonformaw mal-livelli ta' radjuattività stabbiliti f'dak ir-Regolament, qabel ma l-prodott jiġi rilaxxat għaċ-ċirkolazzjoni libera.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1635/2006 jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi affettwati mill-inċident ta' Chernobyl joħorġu ċertifikati tal-esportazzjoni li jattestaw li l-prodotti li jkunu magħhom jikkonformaw mal-livelli massimi permessi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 733/2008. Il-pajjiżi terzi speċifiċi kkonċernati huma elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1635/2006.

(6)

Il-preċipitazzjoni ta' radjuċesju mill-inċident tal-impjant ta' Chernobyl fis-26 ta' April 1986 affettwat firxa kbira ta' pajjiżi terzi. Dik il-preċipitazzjoni affettwat ukoll xi żoni tar-Renju Unit. Billi ċ-ċesju-137 għandu nofs ħajja ta' madwar 30 sena, il-kontaminazzjoni tonqos bil-mod.

(7)

Huwa possibbli li ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw mir-Renju Unit li ġew affettwati mill-inċident ta' Chernobyl għadhom juru kontaminazzjoni radjuattiva biċ-ċeżju.

(8)

Malli d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih, il-prodotti agrikoli li joriġinaw mir-Renju Unit se jkollhom jiġu kkontrollati għall-kontaminazzjoni radjuattiva qabel ma jitħallew jidħlu fl-Unjoni.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1635/2006 jiġi emendat sabiex jinkludi r-Renju Unit.

(10)

Minħabba l-urġenza li ġġib magħha ċ-ċirkostanza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li jkun hemm lok għal applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1635/2006, tiżdied l-entrata li ġejja:

“Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jibda japplika l-għada tal-jum li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika f'xi waħda minn dawn l-eventwalitajiet:

(a)

jekk sa dik id-data jkun daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit b'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(b)

jekk tkun ittieħdet deċiżjoni li l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiġi estiż.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 201, 30.7.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1635/2006 tas-6 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl (ĠU L 306, 7.11.2006, p. 3).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 737/90 tat-22 ta' Marzu 1990 dwar il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta' prodotti agrikoli li joriġinaw minn pajjiżi terzi wara l-inċident tal-istazzjon tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl (ĠU L 82, 29.3.1990, p. 1).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/371

tas-7 ta' Marzu 2019

li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni għal ċerti tipi ta' ross meħluf applikabbli mit-8 ta' Marzu 2019

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 183 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-metodu ta' kalkolu tad-dazji applikati għar-ross meħluf, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE (2), jistabbilixxi metodu għall-kalkolu tad-dazji applikati għall-importazzjonijiet tar-ross meħluf.

(2)

Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni tinnota li l-liċenzji ta' importazzjoni għar-ross meħluf tal-Kodiċi NM 1006 20, għajr il-liċenzji tal-importazzjoni tar-ross Basmati, inħarġu għal kwantità ta' 265 824 tunnellata għall-perjodu mill-1 ta' Settembru 2018 sat-28 ta' Frar 2019. Għalhekk, id-dazju tal-importazzjoni għar-ross meħluf tal-kodiċi NM 1006 20 għajr ir-ross Basmati ffissat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 191/2012 (3) għandu jiġi emendat.

(3)

Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 191/2012 għandu jitħassar.

(4)

Id-dazju applikabbli għandu jiġi ffissat fi żmien għaxart ijiem minn tmiem il-perjodu ta' referenza. Għalhekk jeħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dazju tal-importazzjoni għar-ross meħluf kopert bil-kodiċi NM 1006 20 huwa ta' EUR 65 għal kull tunnellata.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 191/2012 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-metodu ta' kalkolu tad-dazji applikati għal ross meħluf u li temenda d-Deċiżjonijiet 2004/617/KE, 2004/618/KE u 2004/619/KE (ĠU L 170, 1.7.2005, p. 67).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 191/2012 tas-7 ta' Marzu 2012 li jiffissa d-dazji tal-importazzjoni applikabbli għal ċerti tipi ta' ross bla ħliefa mit-8 ta' Marzu 2012 (ĠU L 69, 8.3.2012, p. 12).


DEĊIŻJONIJIET

8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/372

tal-5 ta' Marzu 2019

li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE (2) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/192/UE (3), Franza ġiet awtorizzata tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-kosnum fid-dipartimenti ta' Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE.

(2)

B'ittra datata s-26 ta' Settembru 2018, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta' taxxa fuq l-enerġija għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant permezz ta' estensjoni ta' prattika segwita skont id-Deċiżjoni 2007/880/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/192/UE. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1 għal kull ettolitru. L-awtorizzazzjoni ġiet mitluba għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2024. F'Korsika il-kost tal-forniment tal-petrol bla ċomb lill-pompi huwa konsiderevolment ogħla minn dak fi Franza kontinentali, bil-prezzijiet finali jkunu aktar minn EUR 0,10 għal kull litru minn dawk tal-pajjiż kontinentali.

(3)

Billi titnaqqas it-taxxa għall-petrol bla ċomb imħallsa mill-konsumaturi f'Korsika, il-konsumaturi kkonċernati ser jitqiegħdu fuq livell iktar ugwali ma' dawk li jgħixu fil-pajjiż kontinentali. Għalhekk, il-miżura tissodisfa l-għanijiet ta' politika reġjonali u ta' koeżjoni.

(4)

It-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx dak li hu meħtieġ biex jitqiesu l-kostijiet addizzjonali tat-trasport u d-distribuzzjoni mħallsa mill-konsumaturi f'Korsika.

(5)

Il-livell finali ta' tassazzjoni jikkonforma mar-rati minimi stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE, attwalment EUR 359 għall kull 1000 litru (jew EUR 35,90 għal kull ettolitru).

(6)

Minħabba n-natura remota u insulari tad-dipartimenti li tapplika għalihom u l-livell moderat tat-tnaqqis tar-rata — li, madankollu, huwa għoli ħafna meta mqabbel mal-livell minimu stabbilit bid-Direttiva 2003/96/KE — il-miżura mitluba mhux ser twassal għall-ebda moviment speċifikament marbut mal-forniment tal-karburant.

(7)

Konsegwentament, il-miżura hija aċċettabbli f'termini ta' funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u mhijiex inkompatibbli mal-politiki tal-Unjoni dwar is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li Franza tiġi awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, biex, sal-31 ta' Diċembru 2024, tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-kosnum f'Korsika.

(9)

Mill-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak l-Artikolu trid tkun limitata strettament biż-żmien.

(10)

Sabiex tipprovdi lid-dipartimenti kkonċernati b'livell suffiċjenti ta' ċertezza, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tingħata għal perjodu ta' sitt snin. Madankollu, biex ma jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, jixraq li jiġi stipulat li, jekk il-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom ma tkunx tista' tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni tiskadi dakinhar li bdew japplikaw ir-regoli dwar dik is-sistema ġenerali modifikata.

(11)

Jenħtieġ li jiġi żgurat li Franza tista' tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma' din id-Deċiżjoni mill-1 ta' Jannar 2019, bla ebda xkiel abbażi tal-arranġamenti preċedenti, skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/192/UE. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b'effett mill-1 ta' Jannar 2019.

(12)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija b'dan awtorizzata li tapplika tnaqqis fir-rata ta' tassazzjoni li ma jkunx ta' aktar minn EUR 1 għal kull ettolitru għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika.

Sabiex ikun evitat kull kumpens żejjed, it-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-kostijiet addizzjonali ta' trasport, ħżin u distribuzzjoni mħallsa fid-dipartimenti ta' Korsika meta mqabbla ma' Franza kontinetali.

Ir-rata mnaqqsa għandha tikkonforma mal-obbligi stipulati fid-Direttiva 2003/96/KE, b'mod partikolari r-rati minimi msemmija fl-Artikolu 7 tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2024.

Madankollu, jekk il-Kunsill li jkun qed jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 TFUE, jintroduċi sistema ġenerali modifikata għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni ma tkunx ġiet adattata, din id-Deċiżjoni għandha tiskadi dakinhar li jibdew japplikaw ir-regoli dwar dik is-sistema modifikata.

Artikolu 3

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G.L. GAVRILESCU


(1)   ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE tal-20 ta' Diċembru 2007 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 15).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/192/UE tat-22 ta' April 2013 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża tapplika rata ta' tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta' Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 113, 25.4.2013, p. 13).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2019/373

tal-5 ta' Marzu 2019

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/925 (ATALANTA/1/2019)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (“Kmandant tal-Forza tal-UE”).

(2)

Fis-26 ta' Ġunju 2018, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/925 (2) biex ħatar lill-Viċi Ammirall Alfonso PÉREZ DE NANCLARES Y PÉREZ DE ACEVEDO bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE.

(3)

Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE rrakkomanda l-ħatra tal-Viċi Ammirall Ricardo A. HERNÁNDEZ bħala l-Kmandant tal-Forza tal-UE l-ġdid mill-10 ta' Marzu 2019.

(4)

Fit-8 ta' Jannar 2019, il-Kumitat Militari tal-UE appoġġa dik ir-rakkomandazzjoni.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2018/925 titħassar.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Viċi Ammirall Ricardo A. HERNÁNDEZ huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) mill-10 ta' Marzu 2019.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/925 hija mħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-10 ta' Marzu 2019.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)   ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2018/925 tas-26 ta' Ġunju 2018 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu tal-armi 'l barra mix-xtut tas-Somalja (Atalanta) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2018/522 (ATALANTA/2/2018) (ĠU L 164, 29.6.2018, p. 46).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/374

tal-5 ta' Marzu 2019

li taħtar membru u sitt membri supplenti, proposti mir-Renju tal-Iżvezja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Żvediż,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020. Fl-20 ta' Lulju 2015, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1203 (4), is-Sa Carola GUNNARSSON, is-Sa Agneta LIPKIN u s-Sur Anders ROSÉN ġew sostitwiti mis-Sur Jonny LUNDIN, is-Sur Erik PELLING u s-Sur Glenn NORDLUND bħala membri supplenti.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Paul LINDQUIST, sar vakanti s-siġġu ta' membru fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sur Carl Fredrik GRAF u tas-Sur Erik PELLING saru vakanti s-siġġijiet ta' żewġ membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(4)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati saru vakanti erba' siġġijiet ta' membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni u abbażi ta' dan ġew proposti s-Sa Åsa ÅGREN WIKSTRÖM (Ledamot i kommunfullmäktige, Umeå kommun), is-Sa Marie SÄLLSTRÖM (Ledamot i landstingsfullmäktige, Blekinge läns landsting), is-Sur Jonny LUNDIN (Härnösands kommun) u s-Sur Glenn NORDLUND (Örnsköldsviks kommun),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b'dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

(a)

bħala membru:

Is-Sur Pehr GRANFALK, Ledamot i kommunfullmäktige, Solna kommun,

(b)

bħala membri supplenti:

Is-Sa Suzanne FRANK, Ersättare i landstingsfullmäktige, Kronobergs läns landsting,

Is-Sa Caroline HOFFSTEDT, Ledamot i kommunfullmäktige, Uppsala kommun,

Is-Sa Marie SÄLLSTRÖM, Ledamot i kommunfullmäktige, Karlshamns kommun (bidla tal-mandat),

Is-Sa Åsa ÅGREN WIKSTRÖM, Ledamot i landstingsfullmäktige, Västerbottens läns landsting (bidla tal-mandat),

Is-Sur Jonny LUNDIN, Ledamot i landstingsfullmäktige, Västernorrlands läns landsting (bidla tal-mandat),

Is-Sur Glenn NORDLUND, Ledamot i landstingsfullmäktige, Västernorrlands läns landsting (bidla tal-mandat).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G.L. GAVRILESCU


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1203 tal-20 ta' Lulju 2015 li taħtar tliet membri Żvediżi u sitt membri supplenti Żvediżi fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 195, 23.7.2015, p. 44).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/375

tal-5 ta' Marzu 2019

li taħtar membru, propost mir-Repubblika Taljana, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Taljan,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020. Fil-11 ta' Lulju 2017, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1334 (4), is-Sur Augusto ROLLANDIN ġie sostitwit mis-Sur Pierluigi MARQUIS bħala membru. Fid-29 ta' Jannar 2018, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/157 (5), is-Sur Pierluigi MARQUIS ġie sostitwit mis-Sur Laurent VIERIN bħala membru. Fit-8 ta' Ottubru 2018, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1510 (6), is-Sur Laurent VIERIN ġie sostitwit mis-Sa Nicoletta SPELGATTI bħala membru.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sa Nicoletta SPELGATTI, sar vakanti s-siġġu ta' membru fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huwa b'dan maħtur membru fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

Is-Sur Pierluigi MARQUIS, Consigliere della Regione Autonoma Valle d'Aosta.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G.L. GAVRILESCU


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1334 tal-11 ta' Lulju 2017 li taħtar membru, propost mir-Repubblika Taljana, fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 185, 18.7.2017, p. 45).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/157 tad-29 ta' Jannar 2018 li taħtar membru, propost mir-Repubblika Taljana, fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 29, 1.2.2018, p. 35).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1510 tat-8 ta' Ottubru 2018 li taħtar żewġ membri, proposti mir-Repubblika Taljana, fil-Kumitat tar-Reġjuni (ĠU L 255, 11.10.2018, p. 15).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/376

tal-5 ta' Marzu 2019

li taħtar tliet membri u erba' membri supplenti, proposti mir-Repubblika tal-Kroazja, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Kroat,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sa Snježana BUŽINEC u tas-Sur Predrag ŠTROMAR saru vakanti s-siġġijiet ta' żewġ membri fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat sar vakanti s-siġġu ta' membru fil-Kumitat tar-Reġjuni u abbażi ta' dan is-Sa Jelena PAVIČIĆ VUKIČEVIĆ (Councillor in the City of Zagreb Assembly) ġiet proposta.

(4)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sa Josipa RIMAC, is-Sa Viviana BENUSSI, is-Sur Tulio DEMETLIKA u s-Sur Ivan VUČIĆ saru vakanti s-siġġijiet ta' erba' membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b'dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

(a)

bħala membri:

Is-Sur Ivan GULAM, Mayor of the Municipality of Pirovac,

Is-Sur Goran PAUK, Prefect of Šibenik-Knin County,

Is-Sa Jelena PAVIČIĆ VUKIČEVIĆ, Vice-Mayor of City of Zagreb (bidla tal-mandat),

u

(b)

bħala membri supplenti:

Is-SinjuraAntonija JOZIĆ, Mayor of City of Pleternica,

Is-Sur Darko KOREN, Prefect of KoprivnicaKriževci County,

Is-Sur Anteo MILOŠ, Mayor of City of Novigrad,

Is-Sur Matija POSAVEC, Prefect of Međimurje County.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G.L. GAVRILESCU


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/377

tal-5 ta' Marzu 2019

li taħtar membru u membru supplenti, proposti mill-Ungerija, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Ungeriż,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur László Lóránt DR. KERESZTES, sar vakanti s-siġġu ta' membru fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Sándor KOVÁCS, sar vakanti s-siġġu ta' membru supplenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huma b'dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

(a)

bħala membru:

Is-Sur József KÓBOR, Representative of Local Government of Pécs with county rights,

u

(b)

bħala membru supplenti:

Is-Sur Nándor SKUCZI, Chair of the Municipality of Nógrád County.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G.L. GAVRILESCU


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).


8.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/378

tal-5 ta' Marzu 2019

li taħtar membru, propost mir-Repubblika tal-Awstrija, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Awstrijak,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Michael STRUGL, sar vakanti s-siġġu ta' membru fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huwa b'dan maħtur membru fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

Is-Sur Markus ACHLEITNER, Mitglied der oberösterreichischen Landesregierung.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

G.L. GAVRILESCU


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).