This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02015D1835-20151013
Council Decision (CFSP) 2015/1835 of 12 October 2015 defining the statute, seat and operational rules of the European Defence Agency (recast)
Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat- 12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (riformulazzjoni)
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat- 12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (riformulazzjoni)
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1835/2015-10-13
2015D1835 — MT — 13.10.2015 — 000.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ĠU L 266 13.10.2015, p. 55) |
Ikkoreġut b'
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1835
tat-12 ta' Ottubru 2015
li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
(riformulazzjoni)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 45 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (“l-Aġenzija”) ġiet stabbilita bl-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK ( 1 ) biex tappoġġa lill-Kunsill u l-Istati Membri fl-isforz tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta' kriżijiet u biex issostni l-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża. |
(2) |
L-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, approvata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, tidentifika l-istabbiliment ta' aġenzija għad-difiża bħala element importanti għall-iżvilupp ta' riżorsi militari Ewropej aktar flessibbli u effiċjenti. |
(3) |
Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-11 ta' Diċembru 2008 japprova r-rwol ewlieni tal-Aġenzija fil-proċess tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet essenzjali ta' difiża għall-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK). |
(4) |
L-Artikolu 45 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi l-adozzjoni, mill-Kunsill, ta' deċiżjoni li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija, li għandha tieħu kont tal-livell ta' parteċipazzjoni effettiva tal-Istati Membri fl-attivitajiet tal-Aġenzija. |
(5) |
L-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), u b'mod partikolari tal-PSDK. |
(6) |
L-istruttura tal-Aġenzija għandha tagħtiha s-setgħa li tirrispondi għall-ħtiġijiet operazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-PSDK, u fejn ikun meħtieġ biex twettaq il-funzjonijiet tagħha, biex tikkoopera ma' pajjiżi, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi. |
(7) |
L-Aġenzija għandha tiżviluppa relazzjonijiet ta' ħidma mill-qrib ma' arranġamenti, raggruppamenti u organizzazzjonijiet eżistenti, bħal dawk stabbiliti taħt il-Ftehim Qafas fil-forma ta' Letter of Intent (“Ftehim Qafas LoI”), l-Organisation Conjointe de Coopération en matière d'Armement (OCCAR) u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). |
(8) |
Għall-fini li twettaq il-missjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tkun tista' tikkoopera, u tikkonkludi arranġamenti xierqa, mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni. |
(9) |
F'konformità mal-Artikolu 18(2) tat-TUE, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkollu rwol ewlieni fl-istruttura tal-Aġenzija u jipprovdi l-ħolqa essenzjali bejn l-Aġenzija u l-Kunsill. |
(10) |
Fl-eżerċitar tar-rwol tiegħu ta' superviżjoni politika u tfassil tal-politika, il-Kunsill għandu joħroġ linji gwida jew gwida lill-Aġenzija. |
(11) |
Fid-dawl tan-natura tagħhom, il-konklużjoni tal-arranġamenti amministrattivi bejn l-Aġenzija u pajjiżi, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi għandhom jiġu approvati mill-Kunsill b'unanimità. |
(12) |
Meta jadotta linji gwida u deċiżjonijiet b'konnessjoni mal-ħidma tal-Aġenzija, il-Kunsill għandu jiltaqa' fil-livell ta' Ministri tad-Difiża. Kwalunkwe linji gwida jew deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill, b'rabta mal-ħidma tal-Aġenzija, għandhom jitħejjew f'konformità mal-Artikolu 240 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
(13) |
Il-kompetenzi tal-korpi preparatorji u konsultattivi tal-Kunsill, b'mod partikolari dawk tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti taħt l-Artikolu 240 tat-TFUE, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) taħt l-Artikolu 38 tat-TUE u l-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) ma għandhomx ikunu affettwati. |
(14) |
Id-Diretturi Nazzjonali tal-Armamenti (DNA), id-Diretturi tal-Kapaċitajiet, id-Diretturi għar-Riċerka u Teknoloġija (R&T) u d-Diretturi tal-Politika tad-Difiża għandhom jirċievu rapporti u jikkontribwixxu fi kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tagħhom fit-tħejjija ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill marbuta mal-Aġenzija. |
(15) |
L-Aġenzija għandha jkollha l-personalità ġuridika meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet tagħha u tilħaq l-objettivi tagħha, filwaqt li żżomm kuntatti mill-qrib mal-Kunsill u tirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet tagħha. |
(16) |
Għandu jsir provvediment sabiex il-baġits amministrati mill-Aġenzija jkunu jistgħu jirċievu, fuq bażi ta' każ b'każ, kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, b'rispett sħiħ tar-regoli, proċeduri u proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet applikabbli għaliha, inkluż l-Artikolu 41(2) tat-TUE. |
(17) |
L-Aġenzija, filwaqt li tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha, għandha tipprevedi wkoll il-possibbiltà li gruppi speċifiċi ta' Stati Membri jistabbilixxu proġetti jew programmi ad hoc. |
(18) |
Il-fatt li dawn il-proġetti u l-programmi ad hoc jaqgħu fi ħdan il-funzjonijiet u l-kompiti attribwiti lill-Aġenzija huwa sostnut mill-isforzi magħmulin biex jiġi ċċarat l-istatus ta' dawn l-attivitajiet bħala komponenti integrali tal-baġit tal-Aġenzija. Dan għandu jiżgura li l-attivitajiet fejn ir-rwol tal-Aġenzija fl-amministrazzjoni ta' proġetti u programmi b'appoġġ għall-Istati Membri jġib valur miżjud biss jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (“Protokoll Nru 7”), annessi għat-TUE u t-TFUE, u l-punt (aa) tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ( 2 ). Biex tapplika tali eżenzjoni, l-Aġenzija jrid ikollha rwol li għandu valur miżjud. L-eżenzjoni għalhekk ma tkunx testendi għal każijiet fejn dak ir-rwol jinvolvi biss prodotti jew servizzi li qed jiġu akkwistati għall-Istati Membri. |
(19) |
Soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti, skont l-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46 tat-TUE u mal-Protokoll Nru 10 dwar kooperazzjoni strutturata permanenti stabbilita mill-Artikolu 42 tat-TUE (“il-Protokoll Nru 10”), anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Aġenzija għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti. |
(20) |
L-Aġenzija għandha jkollha proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet li jippermettulha twettaq il-kompiti tagħha b'mod effiċjenti, filwaqt li tirrispetta l-politiki nazzjonali tas-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri parteċipanti. |
(21) |
L-Aġenzija għandha twettaq il-missjoni tagħha b'rispett sħiħ għall-Artikolu 40 tat-TUE. |
(22) |
L-Aġenzija għandha taġixxi b'konformità sħiħa mal-istandards u r-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill. L-Aġenzija għandha tapplika l-leġislazzjoni tal-Unjoni rilevanti dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, kif ġie stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali kif ġie stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ). |
(23) |
B'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. Għalhekk id-Danimarka mhijiex se tkun marbuta b'din id-Deċiżjoni. |
(24) |
Għadd ta' emendi sostanzjali għandhom isiru fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/411/PESK ( 5 ). Għall-finijiet ta' ċarezza, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi riformulata, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
STABBILIMENT, MISSJONI U KOMPITI TAL-AĠENZIJA
Artikolu 1
Stabbiliment
1. Aġenzija fil-qasam tal-iżvilupp, riċerka, akkwiżizzjoni u armamenti tal-kapaċitajiet ta' difiża (“Aġenzija Ewropea għad-Difiża” jew l-“Aġenzija”), kif oriġinarjament stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK, għandha b'dan tkompli f'konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. L-Aġenzija għandha taġixxi taħt l-awtorità tal-Kunsill, b'appoġġ għall-PESK u l-PSDK, fil-qafas istituzzjonali uniku tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-korpi tal-Kunsill. Il-missjoni tal-Aġenzija għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi l-oħra tal-Unjoni, b'rispett sħiħ għall-Artikolu 40 tat-TUE.
3. L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni mill-Istati Membri kollha li jixtiequ jkunu parti minnha. L-Istati Membri li diġà jipparteċipaw fl-Aġenzija fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu jitqiesu bħala Stati Membri parteċipanti.
4. Kwalunkwe Stat Membru li jixtieq jipparteċipa fl-Aġenzija wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni jew li jixtieq jirtira mill-Aġenzija għandu jinnotifika lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu u jinforma lir-RGħ. Kwalunkwe arranġament tekniku u finanzjarju meħtieġ għal tali parteċipazzjoni jew irtirar għandu jkun determinat mill-Bord ta' Tmexxija msemmi fl-Artikolu 8.
5. L-Aġenzija għandha jkollha s-sede tagħha fi Brussell.
Artikolu 2
Missjoni
1. Il-missjoni tal-Aġenzija hija li tagħti appoġġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri fl-isforz tagħhom biex itejbu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni ta' kriżijiet u li ssostni l-PSDK kif inhi issa u meta tiżviluppa fil-futur.
2. L-Aġenzija għandha tidentifika l-ħtiġijiet operazzjonali, tippromwovi l-miżuri li jissodisfaw dawk il-ħtiġijiet, tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, fejn hu meħtieġ, l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura meħtieġa biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża, tipparteċipa fid-definizzjoni tal-politika Ewropea dwar kapaċitajiet u armamenti, u tassisti lill-Kunsill fl-evalwazzjoni tat-titjib tal-kapaċitajiet militari.
3. Il-missjoni tal-Aġenzija għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jipparteċipa fl-Aġenzija;
(b) “Stati Membri kontributuri” tfisser Stati Membri parteċipanti li jikkontribwixxu għal proġett jew programm partikolari tal-Aġenzija.
Artikolu 4
Superviżjoni politika u arranġamenti ta' rapportar lill-Kunsill
1. L-Aġenzija għandha topera taħt l-awtorità u s-superviżjoni politika tal-Kunsill, u għandha tipprovdilu rapporti u li għandha tirċievi linji gwida jew gwida mingħandu b'rabta mal-ħidma tal-Aġenzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-Qafas ta' Pjanar ta' tliet snin tagħha.
2. L-Aġenzija għandha tirrapporta regolarment lill-Kunsill dwar l-attivitajiet tagħha, u għandha b'mod partikolari:
(a) tippreżenta lill-Kunsill, f'Novembru ta' kull sena, rapport dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija għal dik is-sena;
(b) soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti, tippreżenta, tal-inqas darba fis-sena, informazzjoni lill-Kunsill dwar il-kontribut tal-Aġenzija għall-attivitajiet ta' valutazzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni strutturata permanenti, imsemmija taħt il-punt (f)(ii) tal-Artikolu 5(3).
L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kunsill fil-ħin dovut informazzjoni dwar kwistjonijiet importanti li jkunu ser jiġu ppreżentati lill-Bord ta' Tmexxija għal deċiżjoni.
3. Il-Kunsill, b'unanimità, u fuq parir tal-KPS jew korpi kompetenti oħra tal-Kunsill skont il-każ, għandu joħroġ linji gwida jew gwida kull sena b'rabta mal-ħidma tal-Aġenzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-Qafas ta' Pjanar ta' tliet snin tagħha.
4. L-Aġenzija tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif meħtieġ, għall-implimentazzjoni tal-missjoni tagħha.
Artikolu 5
Funzjonijiet u kompiti
1. Fit-twettiq tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tirrispetta l-kompetenzi l-oħra tal-Unjoni u dawk tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
2. It-twettiq mill-Aġenzija tal-funzjonijiet u l-kompiti tagħha għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' difiża.
3. L-Aġenzija, soġġett għall-awtorità tal-Kunsill, għandha:
(a) tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-objettivi ta' kapaċità militari tal-Istati Membri u tevalwa kemm qed jiġu rispettati l-impenji ta' kapaċità pprovduti mill-Istati Membri, b'mod partikolari billi:
(i) tidentifika, f'assoċjazzjoni mal-korpi kompetenti tal-Kunsill, inkluż l-EUMC, u bl-użu fost oħrajn tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDM) u kwalunkwe suċċessur, il-ħtiġijiet futuri tal-Unjoni għall-kapaċità ta' difiża;
(ii) tikkoordina l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) u kwalunkwe suċċessur tiegħu;
(iii) tevalwa, fid-dawl ta' kriterji li għandhom jaqblu magħhom l-Istati Membri, l-impenji ta' kapaċità pprovduti mill-Istati Membri, fost oħrajn permezz tal-proċess tas-CDP u s-CDM u kwalunkwe suċċessur tagħhom;
(b) tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali u l-adozzjoni ta' metodi ta' akkwist effettivi u kompatibbli, b'mod partikolari billi:
(i) tippromwovi u tikkoordina l-armonizzazzjoni tal-ħtiġijiet militari;
(ii) tippromovi akkwisti kosteffettivi u effiċjenti billi tidentifika u xxerred l-aħjar prattika;
(iii) tipprovdi evalwazzjonijiet dwar prijoritajiet finanzjarji għall-iżvilupp u l-akkwiżizzjoni ta' kapaċitajiet;
(c) tipproponi proġetti multilaterali sabiex jitwettqu l-objettivi f'termini ta' kapaċitajiet militari, u tiżgura l-koordinazzjoni tal-programmi implimentati mill-Istati Membri u l-ġestjoni ta' programmi speċifiċi ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari billi:
(i) tippromwovi u tipproponi proġetti kooperattivi multilaterali ġodda;
(ii) tidentifika u tipproponi attivitajiet kollaborattivi fil-kamp operazzjonali;
(iii) taħdem għall-koordinazzjoni tal-programmi eżistenti implimentati mill-Istati Membri;
(iv) tassumi, fuq talba tal-Istati Membri, ir-responsabbiltà għall-ġestjoni ta' programmi speċifiċi;
(v) tħejji, fuq talba tal-Istati Membri, programmi li għandhom jiġu ġestiti mill-OCCAR jew permezz ta' arranġamenti oħra, skont il-każ;
(d) tappoġġa r-riċerka dwar it-teknoloġija tad-difiża, u tikkoordina u tippjana attivitajiet ta' riċerka konġunta u l-istudju ta' soluzzjonijiet tekniċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet operazzjonali futuri, b'mod partikolari billi:
(i) tippromwovi, flimkien mal-attivitajiet ta' riċerka tal-Unjoni fejn xieraq, riċerka mmirata lejn l-issodisfar tal-ħtiġijiet futuri tal-kapaċità ta' sigurtà u difiża u b'hekk issaħħaħ il-potenzjal industrijali u teknoloġiku tal-Ewropa f'dan il-kamp;
(ii) tippromwovi r-R&T, għal skopijiet ta' difiża konġunta, immirati b'mod aktar effettiv;
(iii) tikkatalizza r-R&T, għal skopijiet ta' difiża, permezz ta' studji u proġetti;
(iv) tamministra kuntratti ta' R&T għal skopijiet ta' difiża;
(v) taħdem flimkien mal-Kummissjoni sabiex tikseb l-ogħla komplementarjetà u sinerġija possibbli bejn programmi ta' riċerka ta' difiża, dawk ċivili jew dawk marbuta mas-sigurtà;
(e) tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u, jekk meħtieġ, l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura utli għat-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u għat-titjib tal-effiċjenza tal-infiq militari, b'mod partikolari billi:
(i) tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' suq Ewropew għat-tagħmir tad-difiża li jkun kompetittiv fil-livell internazzjonali, mingħajr preġudizzju għar-regoli tas-suq intern u l-kompetenzi tal-Kummissjoni f'dan il-qasam;
(ii) tiżviluppa politiki u strateġiji rilevanti f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni u, kif ikun meħtieġ, mal-industrija;
(iii) f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, taħdem għall-iżvilupp u l-armonizzazzjoni tal-proċeduri rilevanti fl-UE kollha, fl-ambitu tal-kompiti tal-Aġenzija.
(f) soġġett għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti, tappoġġa dik il-kooperazzjoni b'mod partikolari billi:
(i) tiffaċilita inizjattivi ewlenin ta' żvilupp tal-kapaċitajiet konġunti jew Ewropej;
(ii) tikkontribwixxi għall-valutazzjoni regolari tal-kontributi tal-Istati Membri parteċipanti rigward il-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontributi magħmula f'konformità mal-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, fost oħrajn, abbażi tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 10 u tirrapporta dwar dan mill-inqas darba fis-sena.
(g) taħdem għall-koerenza ma' politiki oħra tal-Unjoni sakemm dawn ikollhom implikazzjonijiet għall-kapaċitajiet tad-difiża;
(h) trawwem kooperazzjoni tad-difiża iktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri parteċipanti, skont il-Qafas ta' Pjanar għal kooperazzjoni tad-difiża sistematika u fuq perjodu ta' żmien twil;
(i) tipprovdi appoġġ lill-operazzjoni tal-PSDK, filwaqt li tieħu kont tal-proċeduri għall-ġestjoni tal-kriżi tal-UE.
Artikolu 6
Personalità ġuridika
L-Aġenzija għandha jkollha l-personalità ġuridika meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet u tilħaq l-objettivi tagħha. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Aġenzija tgawdi mill-kompetenza ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi fil-liġijiet tagħhom. L-Aġenzija tista', b'mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali. L-Aġenzija għandha jkollha l-kompetenza li tikkonkludi kuntratti ma' entitajiet jew organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi.
KAPITOLU II
ORGANI U PERSUNAL TAL-AĠENZIJA
Artikolu 7
Kap tal-Aġenzija
1. Il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
2. Il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni u l-funzjonament ġenerali tal-Aġenzija u għandu jiżgura li l-linji gwida u l-gwida tal-Kunsill u d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija jiġu implimentati mill-Kap Eżekuttiv, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Aġenzija.
3. Il-Kap tal-Aġenzija għandu jippreżenta r-rapporti tal-Aġenzija lill-Kunsill kif hemm imsemmi fl-Artikolu 4(2).
4. Il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun responsabbli għan-negozjar ta' arranġamenti amministrattivi ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet, raggruppamenti jew entitajiet oħra f'konformità mad-direttivi mogħtija mill-Bord ta' Tmexxija. Fil-qafas ta' tali arranġamenti, kif approvati mill-Bord ta' Tmexxija, il-Kap tal-Aġenzija għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment ta' relazzjonijiet ta' ħidma xierqa magħhom.
Artikolu 8
Bord ta' Tmexxija
1. Bord ta' Tmexxija magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru parteċipant, awtorizzat biex jorbot lill-gvern tiegħu, u rappreżentant mill-Kummissjoni, għandu jkun il-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaġixxi fil-qafas tal-linji gwida u l-gwida tal-Kunsill.
2. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiltaqa' fil-livell tal-Ministri tad-Difiża tal-Istati Membri parteċipanti jew ir-rappreżentanti tagħhom. Il-Bord ta' Tmexxija għandu fil-prinċipju jiltaqa' mill-inqas darbtejn fis-sena fil-livell tal-Ministri tad-Difiża.
3. Il-Kap tal-Aġenzija għandu jsejjaħ u jippresiedi l-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija. Jekk Stat Membru parteċipant jitlob hekk, il-Kap tal-Aġenzija għandu jsejjaħ laqgħa fi żmien xahar.
4. Il-Kap tal-Aġenzija jista' jiddelega s-setgħa li jippresiedi l-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija fil-livell tar-rappreżentanti tal-Ministri tad-Difiża.
5. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiltaqa' f'kompożizzjonijiet speċifiċi (bħala DNA, Diretturi tal-Kapaċitajiet, Diretturi tar-R&T jew Diretturi tal-Politika tad-Difiża).
6. Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija jattendu għalihom:
(a) il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 10, jew ir-rappreżentant tiegħu;
(b) il-President tal-EUMC jew ir-rappreżentant tiegħu;
(c) rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
7. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jistieden, fuq kwistjonijiet ta' interess komuni:
(a) lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO jew ir-rappreżentant innominat minnu/minnha;
(b) lill-Kapijiet/Presidenti ta' arranġamenti, raggruppamenti jew organizzazzjonijiet oħra li l-ħidma tagħhom hija rilevanti għal dik tal-Aġenzija (bħal dawk stabbilit taħt il-Ftehim Qafas LoI, kif ukoll l-OCCAR u l-ESA);
(c) kif ikun meħtieġ, rappreżentanti ta' partijiet terzi oħra.
Artikolu 9
Kompiti u setgħat tal-Bord ta' Tmexxija
1. Fil-qafas tal-linji gwida u l-gwida tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 4(1), il-Bord ta' Tmexxija:
(a) għandu japprova r-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill;
(b) għandu jadotta b'mod unanimu, il-baġit ġenerali tal-Aġenzija mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru ta' kull sena;
(c) għandu japprova l-Qafas ta' Ppjanar ta' tliet snin tal-Aġenzija, li għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Aġenzija fi ħdan il-limiti tal-baġit ġenerali, filwaqt li jinnota li l-valuri finanzjarji attribwiti għat-tieni u t-tielet sena tal-Qafas ta' Ppjanar huma għall-finijiet ta' ppjanar biss u ma jikkostitwixxux limiti legalment vinkolanti;
(d) għandu japprova l-istabbiliment fi ħdan l-Aġenzija ta' proġetti jew programmi ad hoc f'konformità mal-Artikolu 19;
(e) għandu jaħtar il-Kap Eżekuttiv u d-Deputat;
(f) għandu jiddeċiedi, fejn rilevanti, li l-Aġenzija tista' tiġi fdata minn Stat Membru wieħed jew iktar bil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta' ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu f'konformità mal-Artikolu 17;
(g) għandu japprova kwalunkwe rakkomandazzjoni lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni;
(h) għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' Tmexxija;
(i) jista' jemenda d-dispożizzjonijiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Aġenzija;
(j) jista' jemenda r-regoli u r-regolamenti applikabbli għal aġenti temporanji jew kuntrattwali u għal esperti nazzjonali sekondati;
(k) għandu jiddetermina l-arranġamenti tekniċi u finanzjarji rigward il-parteċipazzjoni jew l-irtirar ta' Stati Membri kif hemm imsemmi fl-Artikolu 1(4);
(l) għandu jadotta direttivi dwar in-negozjar ta' arranġamenti amministrattivi mill-Kap tal-Aġenzija;
(m) għandu japprova l-arranġamenti ad hoc imsemmija fl-Artikolu 23(1);
(n) għandu jikkonkludi l-arranġamenti amministrattivi bejn l-Aġenzija u partijiet terzi kif hemm imsemmi fl-Artikolu 26(1);
(o) għandu japprova l-kontijiet u l-karta tal-bilanċ annwali;
(p) għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal deċiżjoni marbuta mal-istruttura organizzazzjonali tal-Aġenzija;
(q) għandu japprova l-ftehimiet fil-livell tas-servizz jew arranġamenti ta' ħidma msemmija fl-Artikolu 25, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma amministrattivi fin-natura tagħhom;
(r) għandu jadotta d-deċiżjonijiet rilevanti l-oħra kollha marbuta mat-twettiq tal-missjoni tal-Aġenzija.
2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'din id-Deċiżjoni, il-Bord ta' Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet b'maġġoranza kkwalifikata. Il-voti tal-Istati Membri parteċipanti għandhom ikunu ppeżati f'konformità mal-Artikolu 16(4) u (5) tat-TUE. Huma biss ir-rappreżentanti tal-Istati Membri parteċipanti li għandhom jieħdu sehem fil-vot.
3. Jekk rappreżentant ta' Stat Membru parteċipant fil-Bord ta' Tmexxija jiddikjara li, għal raġunijiet importanti u ddikjarati ta' politika nazzjonali, biħsiebu jopponi l-adozzjoni ta' deċiżjoni li għandha tittieħed b'maġġoranza kkwalifikata, ma għandux jittieħed vot. Dak ir-rappreentant jisa' jirreferi l-kwistjoni lill-Kunsill, permezz tal-Kap tal-Aġenzija, bil-għan li jinħarġu linji gwida lill-Bord ta' Tmexxija, kif meħtieġ. Inkella, il-Bord ta' Tmexxija, b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jiddeċiedi li jiriferi l-kwistjoni lill-Kunsill għal deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'unanimità.
4. Il-Bord ta' Tmexxija, fuq proposta mill-Kap Eżekuttiv jew minn Stat Membru parteċipanti, jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi:
(a) kumitati għat-tħejjija ta' deċiżjonijiet amministrattivi u baġitarji tal-Bord ta' Tmexxija, magħmula minn delegati tal-Istati Membri parteċipanti u rappreżentant tal-Kummissjoni;
(b) kumitati speċjalizzati fi kwistjonijiet speċifiċi taħt il-kompetenza tal-Aġenzija. Dawn il-kumitati għandhom ikunu magħmula minn delegati tal-Istati Membri parteċipanti u, sakemm il-Bord ta' Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor, rappreżentant tal-Kummissjoni.
Id-deċiżjoni li tistabbilixxi tali kumitati għandha tispeċifika l-mandat u d-durata tagħhom.
Artikolu 10
Il-Kap Eżekuttiv
1. Il-Kap Eżekuttiv, u l-Viċi kap, għandhom jintgħażlu u jinħatru mill-Bord ta' Tmexxija fuq rakkomandazzjoni mill-Kap tal-Aġenzija għal tliet snin. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jagħti estensjoni ta' sentejn. Il-Kap Eżekuttiv u l-Viċi kap għandhom jaġixxu taħt l-awtorità tal-Kap tal-Aġenzija u f'konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija.
2. L-Istati Membri parteċipanti għandhom jippreżentaw il-kandidaturi lill-Kap tal-Aġenzija, li għandu jinforma lill-Bord ta' Tmexxija dwar dan. Il-proċess tal-preselezzjoni għandu jiġi organizzat taħt ir-responsabbiltà tal-Kap tal-Aġenzija.
Soġġett għall-approvazzjoni mill-Bord ta' Tmexxija, għandu jitwaqqaf Bord Konsultattiv, u l-kompożizzjoni tiegħu għandha tkun b'tali mod li jinkiseb bilanċ tajjeb ta' rappreżentanti mis-SEAE, l-Aġenzija u l-Istati membri parteċipanti.
Abbażi tal-proċess ta' preselezzjoni, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipprovdi lill-Bord ta' Tmexxija għażla ta' mill-anqas żewġ kandidati bl-indikazzjoni tal-kandidat/a rakkomandat/a tiegħu.
3. Il-Kap Eżekuttiv, bl-għajnuna tal-Viċi kap, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija. Il-Kap Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-unitajiet funzjonali, sabiex jiżgura l-koerenza ġenerali tal-ħidma tagħhom.
4. Il-Kap Eżekuttiv għandu r-responsabbiltà li:
(a) jiżgura l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Ppjanar ta' tliet snin tal-Aġenzija;
(b) jipprepara l-ħidma tal-Bord ta' Tmexxija;
(c) jipprepara l-abbozz tal-baġit ġenerali annwali biex jiġi ppreżentat lill-Bord ta' Tmexxija;
(d) jipprepara l-Pjan ta' Ppjanar ta' tliet snin biex jiġi ppreżentat lill-Bord ta' Tmexxija;
(e) jiżgura kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi preparatorji tal-Kunsill, b'mod partikolari l-KPS u l-EUMC, u jipprovdilhom informazzjoni;
(f) jipprepara r-rapporti msemmija fl-Artikolu 4(2);
(g) jipprepara d-dikjarazzjoni tad-dħul u n-nefqa u jimplimenta l-baġit ġenerali tal-Aġenzija u l-baġits ta' proġetti jew programmi ad hoc fdati lill-Aġenzija;
(h) jieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta' kuljum tal-Aġenzija;
(i) jieħu ħsieb l-aspetti kollha tas-sigurtà;
(j) jieħu ħsieb kull kwistjoni li tirrigwarda l-persunal.
5. Fi ħdan it-termini tal-baġit ġenerali tal-Aġenzija u b'kont meħud tal-Qafas ta' Ppjanar ta' tliet snin maqbul, il-Kap Eżekuttiv għandu jkollu s-setgħa li jiffirma kuntratti u jirrekluta persunal. Il-Kap Eżekuttiv għandu jeżerċita l-istess setgħa fir-rigward tal-baġits l-oħra definiti fl-Artikolu 12, b'mod partikolari l-baġits assoċjati mal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu IV u kwalunkwe baġit li jirrizulta minn dħul addizzjonali msemmi fl-Artikolu 15.
6. Il-Kap Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Bord ta' Tmexxija.
7. Il-Kap Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Aġenzija.
Artikolu 11
Persunal
1. Il-persunal tal-Aġenzija, inkluż id-Direttur Eżekuttiv, għandu jkun magħmul minn membri tal-persunal temporanji u kuntrattwali reklutati minn fost kandidati mill-Istati Membri parteċipanti kollha fuq l-usa' bażi ġeografika possibbli, u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-persunal tal-Aġenzija għandu jingħażel mid-Direttur Eżekuttiv fuq il-bażi tal-kompetenza u l-ħila rilevanti u permezz ta' proċeduri ġusti u trasparenti ta' kompetizzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippubblika bil-quddiem id-dettalji tal-pożizzjonijiet kollha disponibbli u l-kriterji rilevanti għall-proċess tal-għażla. Fil-każijiet kollha, ir-reklutaġġ għandu jsir bil-għan li l-Aġenzija tikseb is-servizzi ta' persunal tal-ogħla livell ta' abbiltà u effiċjenza.
2. Il-Kap tal-Aġenzija, fuq proposta mid-Direttur Eżekuttiv u wara konsultazzjoni mal-Bord ta' Tmexxija, għandu jaħtar u jġedded il-persunal tal-livelli amministrattivi għolja tal-Aġenzija.
3. Il-persunal tal-Aġenzija għandu jkun magħmul minn:
(a) persunal reklutat direttament mill-Aġenzija b'kuntratti ta' terminu fiss, magħżul minn fost ċittadini tal-Istati Membri parteċipanti. Il-Kunsill, waqt li aġixxa b'unanimità, adotta r-regolamenti applikabbli għal tali persunal ( 6 ). Il-Bord ta' Tmexxija għandu jirrivedi u jemenda kif meħtieġ dawk ir-regolamenti fejn jingħata s-setgħa li jagħmel dan.
(b) esperti nazzjonali ssekondati mill-Istati Membri parteċipanti għal karigi fl-istruttura organizzattiva tal-Aġenzija jew għal kompiti u proġetti speċifiċi. Il-Kunsill, waqt li aġixxa b'unanimità, adotta r-regolamenti applikabbli għal tali persunal ( 7 ). Il-Bord ta' Tmexxija għandu jirrivedi u jemenda dawk ir-regolamenti kif meħtieġ, fejn jingħata s-setgħa li jagħmel dan.
(c) Uffiċjali tal-Unjoni ssekondati mal-Aġenzija għal żmien fiss u/jew għal kompiti jew proġetti speċifiċi kif meħtieġ.
4. L-Aġenzija tista' wkoll tirrikorri għal:
(a) persunal ta' pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet u entitajiet [li għandhom jitħallsu minnhom, u] li magħhom l-Aġenzija tkun ikkonkludiet arranġamenti amministrattivi skont l-Artikolu 26(1), issekondati jew assenjati lill-Aġenzija bil-qbil tal-Bord ta' Tmexxija, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawk l-arranġamenti.
(b) aġenti kuntrattwali u esperti ssekondati, għall-fini ta' kontribuzzjoni lejn l-implimentazzjoni ta' proġett jew programm ad hoc wieħed jew aktar tal-Aġenzija msemmija fil-Kapitolu IV.. F'każijiet bħal dawn, il-baġits assoċjati ma' dawk il-proġetti jew programmi ad hoc jistgħu jkopru s-salarji bażiċi tal-persunal kuntrattwali u l-allowances u l-ispejjeż tal-esperti ssekondati kkonċernati.
5. Bil-karigi miżmuma kollha f'daqqa, l-għadd totali ta' snin li persunal jista' jservi fl-Aġenzija għandu jkun anqas minn 10 snin.
6. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni fuq kwalunkwe tilwima bejn l-Aġenzija u kwalunkwe persuna li japplikaw għaliha r-regolamenti tal-persunal tal-Aġenzija.
KAPITOLU III
BAĠIT U REGOLI FINANZJARJI
Artikolu 12
Il-baġit tal-Aġenzija
Il-baġit tal-Aġenzija għandu jinkludi l-baġit ġenerali, il-baġits assoċjati mal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Kapitolu IV u kwalunkwe baġit li jirriżulta minn dħul addizzjonali msemmi fl-Artikolu 15.
Il-baġit tal-Aġenzija għandu jiġi stabbilit konsistentement mal-prinċipji baġitarji tal-Unjoni Ewopea ( 8 ).
Artikolu 13
Il-baġit ġenerali
1. Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipprovdi lill-Bord ta' Tmexxija stima preliminari tal-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena ta' wara.
2. Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipproponi stima preliminari riveduta tal-abbozz tal-baġit ġenerali għas-sena ta' wara, flimkien mal-abbozz tal-Qafas ta' Ppjanar ta' tliet snin lill-Bord ta' Tmexxija.
3. Sat-30 ta' Settembru ta' kull sena, il-Kap tal-Aġenzija għandu jipproponi l-abbozz tal-baġit ġenerali lill-Bord ta' Tmexxija L-abbozz għandu jinkludi:
(a) l-approprjazzjonijiet meqjusa bħala meħtieġa:
(i) biex ikopru l-ispejjeż tal-operat, il-persunal u l-laqgħat tal-Aġenzija;
(ii) biex tagħti parir estern, b'mod partikolari analiżi operazzjonali, essenzjali għall-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha, u għal attivitajiet speċifiċi għall-benefiċċju komuni tal-Istati Membri parteċipanti kollha, skont l-Artikolu 5;
(b) tbassir tad-dħul meħtieġ biex jiġi kopert l-infiq.
4. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jimmira biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) tal-paragrafu 2 jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-approprjazzjonijiet totali msemmija f'dak il-paragrafu. Dawk l-approprjazzjonijiet għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali u għandhom jippermettu rwol operazzjonali għall-Aġenzija.
5. L-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jkun sostnut minn ġustifikazzjonijiet dettaljati u pjan ta' stabbiliment tal-persunal.
6. Il-Bord ta' Tmexxija, li jaġixxi b'unanimità, jista' jiddeċiedi li l-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jkopri wkoll proġett jew programm partikolari fejn ikun ċar li dan hu għall-benefiċċju komuni tal-Istati Membri parteċipanti kollha.
7. L-approprjazzjonijiet għandhom ikunu kklassifikati taħt titoli u kapitoli li jirraggruppaw l-infiq skont it-tip jew il-fini, suddiviżi f'artikoli skont il-ħtieġa.
8. Kull titolu jista' jinkludi kapitolu intitolat “approprjazzjonijiet provviżorji”. Dawn l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu f'każijiet ta' inċertezza, minħabba raġunijiet serji, dwar l-ammont ta' approprjazzjonijiet meħtieġa jew dwar l-ambitu għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet imdaħħla.
9. Id-dħul għandu jikkonsisti minn:
(a) kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti abbażi tal-iskala tad-dħul nazzjonali gross (DNG);
(b) dħul ieħor.
L-abbozz tal-baġit ġenerali għandu jinkludi linji li jakkomodaw id-dħul assenjat u kull fejn ikun possibbli għandu jindika l-ammont previst.
10. Il-Bord ta' Tmexxija, filwaqt li jaġixxi b'unanimità, għandu jadotta l-abbozz tal-baġit ġenerali sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena. Meta jagħmel dan, il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun ippresedut mill-Kap tal-Aġenzija, jew minn rappreżentant maħtur mill-Kap tal-Aġenzija, jew minn membru tal-Bord ta' Tmexxija mistieden mill-Kap tal-Aġenzija biex jagħmel dan. Il-Kap Eżekuttiv għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie adottat u jinnotifika lill-Istati Membri parteċipanti.
11. Jekk, fil-bidu ta' sena finanzjarja, l-abbozz tal-baġit ġenerali ma jkunx għadu ġie adottat, tista' ssir nefqa kull xahar ta' somma ekwivalenti għal mhux aktar minn wieħed minn kull tnax tal-approprjazzjonijiet tal-baġit għas-sena finanzjarja preċedenti fir-rigward ta' kwalunkwe kapitolu jew suddiviżjoni oħra tal-baġit. Madankollu, dak l-arranġament ma għandux ikollu l-effett li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija approprjazzjonijiet li jeċċedu wieħed minn kull tnax ta' dawk previsti fl-abbozz tal-baġit ġenerali li jkun qed jitħejja. Il-Bord ta' Tmexxija, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kap Eżekuttiv, jista' jawtorizza nefqa ta' iżjed minn wieħed minn kull tnax, sakemm l-approprjazzjonijiet għal dik is-sena finanzjarja ma jeċċedux dawk tas-sena finanzjarja preċedenti. Il-Kap Eżekuttiv jista' jagħmel sejħa għall-kontribuzzjonijiet meħtieġa biex ikopru l-approprjazzjonijiet awtorizzati taħt din id-dispożizzjoni, li għandhom jitħallsu fi żmien 30 jum minn meta tintbagħat is-sejħa għal kontribuzzjonijiet.
Artikolu 14
Baġit emendatorju
1. F'każ ta' ċirkostanzi inevitabbli jew imprevisti, il-Kap Eżekuttiv jista' jipproponi abbozz ta' baġit emendatorju lill-Bord ta' Tmexxija.
2. L-abbozz ta' baġit emendatorju għandu jiġi mfassal, propost, approvat u adottat u tingħata notifika f'konformità mal-istess proċedura tal-baġit annwali. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaġixxi billi jqis l-urġenza dovuta.
Artikolu 15
Dħul addizzjonali
1. Fil-qafas tal-missjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 2, l-Aġenzija tista' tirċievi dħul addizzjonali għal fini speċifika:
(a) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni fuq bażi ta' każ b'każ, b'rispett sħiħ għar-regoli, il-proċeduri u l-proċessi ta' teħid ta applikabbli għalih;
(b) minn Stati Membri, pajjiżi terzi jew partijiet terzi oħra, dment li l-Bord ta' Tmexxija jiddeċiedi mod ieħor fi żmien xahar milli jirċievi tali informazzjoni mingħand l-Aġenzija.
2. Id-dħul imsemmi fil-paragrafu (1) jista' jintuża biss għall-għan speċifiku li għalih ikun assenjat.
Artikolu 16
Kontribuzzjonijiet u rimborżi
1. Determinazzjoni ta' kontribuzzjonijiet fejn hija applikabbli l-iskala tad-DNG:
(a) Fejn tkun applikabbli l-iskala tad-DNG, il-qsim tal-kontribuzzjonijiet bejn l-Istati Membri li mingħandhom hi meħtieġa kontribuzzjoni għandu jiġi ddeterminat b'konformità mal-iskala tal-prodott nazzjonali gross kif speċifikat fl-Artikolu 41(2) tat-TUE u f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom ( 9 ), jew kwalunkwe deċiżjoni oħra li tista' tieħu postha.
(b) Id-data għall-kalkolu ta' kull kontribuzzjoni għandha tkun dik stabbilita fil-kolonna tar-“Riżorsi proprji tad-DNG” fit-tabella tas-“Sommarju tal-finanzjament tal-baġit ġenerali skont it-tip tar-riżors proprju u skont l-Istat Membru” li hija mehmuża mal-aktar baġit reċenti adottat mill-Unjoni. Il-kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru li mingħandu hija dovuta kontribuzzjoni għandha tkun proporzjonali mas-sehem tad-DNG ta' dak l-Istat Membru fit-total tad-DNG aggregat tal-Istati Membri li mingħandhom hija dovuta kontribuzzjoni.
2. Skeda għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet:
(a) Il-kontribuzzjonijiet maħsuba biex jiffinanzjaw il-baġit ġenerali tal-Aġenzija għandhom jitħallsu mill-Istati Membri parteċipanti fi tliet pagamenti indaqs, sal-15 ta' Marzu, il-15 ta' Ġunju u l-15 ta' Ottubru tas-sena finanzjarja kkonċernata.
(b) Meta jiġi adottat baġit emendatorju, il-kontribuzzjonijiet meħtieġa għandhom jitħallsu mill-Istati Membri kkonċernati fi żmien 60 jum mill-ħarġa tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet.
(c) Kull Stat Membru għandu jħallas it-tariffi bankarji marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tiegħu stess.
(d) Jekk il-baġit annwali ma jiġix approvat sat-30 ta' Novembru, l-Aġenzija tista' toħroġ, fuq talba ta' Stat Membru, sejħa proviżorja individwali għal kontribuzzjonijiet għal dak l-Istat Membru.
Artikolu 17
Ġestjoni mill-Aġenzija ta' baġits assoċjati ma' attivitajiet ad hoc
1. Il-Bord ta' Tmexxija, fuq proposta mid-Duirettur Eżekuttiv jew minn Stat Membru, jista' jiddeċiedi li l-Aġenzija tista' tiġi fdata mill-Istati Membri bil-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta' ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha f'konformità mal-Artikoli 19 u 20.
2. Il-Bord ta' Tmexxija, fil-kuntest ta' proġetti u programmi ad hoc tal-Aġenzija, jista' jawtorizza lill-Aġenzija, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'arranġamenti li jirregolaw l-attivitajiet inkwistjoni, biex tidħol f'kuntratti u ftehimiet ta' għotja, u tiġbor il-kontribuzzjonijiet meħtieġa minn dawn l-Istati Membri minn qabel sabiex tonora tali kuntratti u ftehimiet ta' għotja.
Artikolu 18
Implimentazzjoni tal-baġit
1. Id-dispożizzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Aġenzija huma stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/643/PESK ( 10 ), b'unanimità. Il-Bord ta' Tmexxija, li jaġixxi b'unanimità, għandu jirrieżamina u jemenda dawn id-dispożizzjonijiet, kif meħtieġ.
2. Il-Bord ta' Tmexxija għandu, fuq proposta mill-Kap Eżekuttiv, jadotta kif meħtieġ ir-regoli ta' implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit ġenerali, b'mod partikolari rigward l-akkwist pubbliku, mingħajr preġudizzju għar-regoli relevanti tal-Unjoni. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura, b'mod partikolari, li jittieħed kont dovut tal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-provvista u tal-protezzjoni kemm tas-sigriet fil-qasam tad-difiża kif ukoll tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
3. Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet kollha tad-dħul u n-nefqa tal-Aġenzija.
KAPITOLU IV
ĠESTJONI MILL-AĠENZIJA TA' PROĠETTI JEW PROGRAMMI AD HOC U BAĠITS ASSOĊJATI MAGĦHOM
Artikolu 19
Proġetti jew programmi ad hoc tal-Kategorija A (opzjoni ta' non-parteċipazzjoni) u baġits ad hoc assoċjati magħhom
1. Stat Membru parteċipanti wieħed jew iktar jew il-Kap Eżekuttiv jistgħu jippreżentaw lill-Bord ta' Tmexxija proġett jew programm ad hoc li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, li għandu jippresupponi parteċipazzjoni ġenerali mill-Istati Membri parteċipanti, billi jindika wkoll l-valur miżjud li mistenni jġib lill-Aġenzija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun infurmat bil-baġit ad hoc, jekk ikun hemm, li ser ikun assoċjat mal-proġett jew programm propost, kif ukoll b'kontribuzzjonijiet potenzjali minn partijiet terzi.
2. Fil-prinċipju għandhom jikkontribwixxu l-Istati Membri parteċipanti kollha. Huma għandhom jinformaw lill-Kap Eżekuttiv bl-intenzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward.
3. Il-Bord ta' Tmexxija għandu japprova l-istabbiliment tal-proġett jew il-programm ad hoc.
4. Il-Bord ta' Tmexxija, fuq proposta mill-Kap Eżekuttiv jew minn Stat Membru parteċipanti, jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kumitat biex jissorvelja l-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett jew programm ad hoc. Il-kumitat għandu jkun magħmul minn delegati minn kull wieħed mill-Istati Membri kontributuri u, meta l-Unjoni tikkontribwixxi għall-proġett jew il-programm, rappreżentant tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija għandha tispeċifika l-mandat u d-durata tal-kumitat.
5. Għall-proġett jew il-programm ad hoc, l-Istati Membri kontributuri, imlaqqgħin fil-Bord ta' Tmexxija, għandhom japprovaw:
(a) ir-regoli għall-ġestjoni tal-proġett jew tal-programm;
(b) fejn xieraq, il-baġit ad hoc assoċjat mal-proġett jew il-programm, il-koeffiċjent tal-kontribuzzjonijiet u r-regoli implimentattivi meħtieġa;
(c) il-parteċipazzjoni ta' partijiet terzi fil-kumitat imsemmi fil-paragrafu 4. Il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid tad-deċiżjoni tal-Unjoni.
6. Meta l-Unjoni tikkontribwixxi għal proġett jew programm ad hoc, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5, b'konformità sħiħa mal-proċeduri ta' teħid tad-deċiżjonijiet applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Artikolu 20
Proġetti jew programmi ad hoc tal-Kategorija B (opzjoni ta' parteċipazzjoni) u baġits ad hoc assoċjati magħhom
1. Stat Membru parteċipanti wieħed jew iktar jistgħu jinfurmaw lill-Bord ta' Tmexxija li huma biħsiebhom jistabbilixxu proġett jew programm ad hoc li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Aġenzija, u fejn xieraq il-baġit ad hoc assoċjat miegħu, billi jindika wkoll l-valur miżjud li mistenni jġib lill-Aġenzija. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun infurmat bil-baġit ad hoc, jekk ikun hemm, li ser ikun assoċjat mal-proġett jew il-programm propost u bid-dettalji, jekk ikunu rilevanti, dwar riżorsi umani għal tali proġett jew programm, kif ukoll b'kontribuzzjonijiet potenzjali minn partijiet terzi.
2. Biex jiżdiedu kemm jista' jkun l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni, l-Istati Membri parteċipanti kollha għandhom ikunu infurmati bil-proġett jew programm ad hoc, inkluż il-bażi li fuqha tista' tiżdied il-parteċipazzjoni, fi żmien biżżejjed biex kwalunkwe Stat Membru parteċipanti jista' juri l-interess tiegħu li jipparteċipa. Barra minn hekk, l-inizjatur(i) tal-proġett jew programm għandhom jagħmlu ħilithom sabiex ikabbru s-sħubija kemm jista' jkun possibbli. Il-parteċipazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-inizjaturi fuq bażi ta' każ b'każ.
3. Il-proġett jew programm ad hoc għandu mbagħad jitqies bħala proġett jew programm tal-Aġenzija, sakemm il-Bord ta' Tmexxija ma jiddeċidix mod ieħor fi żmien xahar minn meta jirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4. Kwalunkwe Stat Membru parteċipant li, aktar 'il quddiem, jixtieq jipparteċipa fil-proġett jew programm ad hoc għandu jinnotifika lill-Istati Membri kontributuri bl-intenzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri kontributuri, fi żmien xahrejn minn meta jirċievu din in-notifika, għandhom jiddeċiedu bejniethom, b'kont dovut meħud tal-bażi stabbilita meta l-Istati Membri parteċipanti jiġu infurmati bil-proġett jew programm, dwar il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.
5. L-Istati Membri kontributuri għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa bejniethom għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-proġett jew programm ad hoc u, fejn xieraq, il-baġit assoċjat miegħu. Meta l-Unjoni tikkontribwixxi għal tali proġett jew programm, il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija f'dan il-paragrafu b'konformità sħiħa mal-proċeduri ta' teħid tad-deċiżjonijiet applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-Istati Membri kontributuri għandhom iżommu lill-Bord ta' Tmexxija infurmat, kif xieraq, bl-iżviluppi marbuta ma' tali proġett jew programm.
Artikolu 21
Kamp ta' applikazzjoni tal-proġetti jew programmi ad hoc tal-Aġenzija u l-baġits ad hoc assoċjati magħhom
1. Fil-kamp ta' applikazzjoni tal-missjoni tal-Aġenzija, funzjonijiet u kompiti, kif iddefinit fl-Artikoli 2 u 5 rispettivament, u soġġett għall-approvazzjoni tal-proġetti u programmi ad hoc f'konformità mal-Artikoli 19 u 20, l-attivitajiet tal-Aġenzija jistgħu jkopru, fost oħrajn:
(a) l-akkwiżizzjoni permezz ta' kuntratti pubbliċi, mogħtijaf'konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar l-għoti ta' kuntratti pubbliċi;
(b) għotjiet, mogħtija f'konformità mad-dispożizzjonijiet u regoli finanzjarji msemmija fl-Artikolu 18.
2. Baġits ad hoc assoċjati ma' proġetti u programmi tal-Aġenzija u ġestiti skont l-Artikolu 17 għandhom, fejn ikun rilevanti, jinkludu approprjazzjonijiet mfassla biex ikopru:
(a) spejjeż relatati ma' impenji legali msemmija fil-paragrafu 1;
(b) spejjeż imsemmija fil-punt (a)(i) tal-Artikolu 13(3), sa fejn dawn l-ispejjeż huma direttament imġarrba bħala riżultat tal-ġestjoni tal-proġetti u l-programmi ad hoc kkonċernati.
Artikolu 22
Kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lil baġits ad hoc
Jistgħu jsiru kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lill-baġits ad hoc stabbiliti għal proġetti jew programmi ad hoc imsemmija fl-Artikoli 19 u 20.
Artikolu 23
Parteċipazzjoni ta' partijiet terzi
1. Partijiet terzi jistgħu jikkontribwixxu, bħala membri kontributuri, għal proġett jew programm ad hoc partikolari, stabbilit f'konformità mal-Artikolu 19 jew 20, u għall-baġit assoċjat miegħu. Il-Bord ta' Tmexxija li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, għandu japprova kif meħtieġ arranġamenti ad hoc bejn l-Aġenzija u partijiet terzi għal kull proġett jew programm partikolari.
2. Għal proġetti jew programmi ad hoc stabbiliti taħt l-Artikolu 19, l-Istati Membri kontributuri mlaqqgħin fi ħdan il-Bord ta' Tmexxija għandhom japprovaw kwalunkwe modalità meħtieġa mal-partijiet terzi rilevanti rigward il-kontribuzzjoni tagħhom.
3. Għal proġetti jew programmi ad hoc stabbiliti taħt l-Artikolu 20, l-Istati Membri kontributuri għandhom jiddeċiedu l-arranġamenti meħtieġa kollha mal-partijiet terzi rilevanti rigward il-kontribuzzjoni tagħhom.
KAPITOLU V
RELAZZJONIJIET MA' ISTITUZZJONIJIET TAL-UNJONI, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI
Artikolu 24
Relazzjonijiet mal-Kummissjoni
1. Il-Kummissjoni hija membru tal-Bord ta' Tmexxija mingħajr dritt tal-vot u għandha tkun assoċjata b'mod sħiħ mal-ħidma tal-Aġenzija, fi spirtu ta' kooperazzjoni u benefiċċju reċiproku.
2. L-Aġenzija għandha taħdem biex ikollha relazzjonijiet ta' ħidma mal-Kummissjoni, b'mod partikolari bil-għan li jkun hemm skambju ta' għarfien espert u gwida f'dawk l-oqsma fejn l-attivitajiet tal-Unjoni għandhom influwenza fuq il-missjoni tal-Aġenzija u fejn l-attivitajiet tal-Aġenzija huma rilevanti għal dawk tal-Unjoni.
3. L-arranġamenti meħtieġa biex ikopru kontribuzzjoni, fuq bażi ta' każ b'każ, mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt l-Artikoli 15 u 22, għandhom jiġu stabbiliti, bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni bi ftehim reċiproku, jew bejn l-Istati Membri kontributuri u l-Kummissjoni bi ftehim reċiproku.
4. Il-Kummissjoni tista' tipparteċipa fi proġetti u programmi tal-Aġenzija. F'tali każ, għandha tipparteċipa fid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23(2) u (3), mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tas-sovranità tal-Istati Membri fuq l-iżvilupp tal-kapaċita tad-difiża.
Artikolu 25
Relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni
1. Sa fejn dan ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Aġenzija tista' tistabbilixxi u żżomm relazzjonijiet kooperattivi mal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti bit-TUE jew it-TFUE jew abbażi tagħhom.
Fejn meħtieġ, l-Aġenzija għandha tikkonkludi ftehimiet dwar il-livell ta' servizz jew arranġamenti ta' ħidma ma' tali entitajiet. Tali arranġamenti ta' ħidma jistgħu jikkonċernaw skambju ta' informazzjoni operazzjonali, strateġika jew teknika, inkluża data personali u informazzjoni kklassifikata, f'konformità mar-regoli tas-sigurtà rilevanti.
2. L-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jipparteċipaw fi proġetti u programmi tal-Aġenzija u l-baġit assoċjat magħhom.
KAPITOLU VI
RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI, ORGANIZZAZZJONIJIET U ENTITAJIET TERZI
Artikolu 26
Arranġamenti amministrattivi u kwistjonijiet oħra
1. Għall-fini li twettaq il-missjoni tagħha, l-Aġenzija tista' tidħol f'arranġamenti amministrattivi ma' pajjiżi, organizzazzjonijiet u entitajiet terzi. Tali arranġamenti għandhom ikopru b'mod partikolari:
(a) il-prinċipju ta' relazzjoni bejn l-Aġenzija u l-parti terza;
(b) dispożizzjonijiet għal konsultazzjoni dwar suġġetti marbuta mal-ħidma tal-Aġenzija;
(c) kwistjonijiet ta' sigurtà.
Meta tagħmel dan, għandha tirrispetta l-qafas istituzzjonali uniku u l-awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni. Kull tali arranġament għandu jiġi konkluż mill-Bord ta' Tmexxija bl-approvazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b'unanimità.
2. L-Aġenzija għandha jkollha relazzjonijiet ta' ħidma mill-qrib mal-elementi rilevanti tal-OCCAR u ma' dawk stabbiliti taħt il-Ftehim Qafas LoI, bil-għan li tinkorpora dawk l-elementi jew tassimila l-prinċipji u l-prattiċi tagħhom meta jkun il-waqt, skont il-każ u bi qbil reċiproku.
3. Trasparenza reċiproka u żviluppi koerenti fil-qasam tal-kapaċitajiet għandhom jiġu żgurati permezz tal-applikazzjoni tal-proċeduri tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet. Relazzjonijiet oħra ta' ħidma bejn l-Aġenzija u l-korpi rilevanti tan-NATO għandhom ikunu ddefiniti permezz ta' arranġament amministrattiv kif imsemmi fil-paragrafu 1, b'konformità sħiħa mal-qafas ta' kooperazzjoni u konsultazzjoni stabbilit bejn l-Unjoni u n-NATO.
4. Fil-qafas tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tkun intitolata li tistabbilixxi relazzjonijiet ta' ħidma ma' organizzazzjonijiet u entitajiet li mhumiex imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, bil-ħsieb li tiffaċilita l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi proġetti u programmi.
5. Bil-għan li tiffaċilita l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi proġetti u programmi speċifiċi u fil-qafas tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tkun intitolata li tistabbilixxi relazzjonijiet ta' ħidma ma' pajjiżi terzi.
6. Fejn l-Aġenzija tkun fi ħsiebha tistabbilixxi relazzjonijiet ta' ħidma ma' organizzazzjonijiet, entitajiet jew pajjiżi terzi kif imsemmi fil-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, u f'konformità mal-Artikolu 7(4), għandha tara li tikseb approvazzjoni minn qabel mingħand il-Bord ta' Tmexxija.
L-Aġenzija għandha tirrapporta wkoll lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-iżviluppi ta' relazzjonijiet stabbiliti.
Fl-eventwalità ta' Stati Membri parteċipanti jitolbu dan, l-Aġenzija għandha ssejjaħ laqgħa ad hoc mal-Istati Membri parteċipanti u l-organizzazzjoni, entità jew pajjiż terz li magħhom l-Aġenzija tkun daħlet f'arranġamenti amministrattivi, għall-finijiet ta' konsultazzjonijiet u skambju ta' informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni possibbli ta' dik l-organizzazzjoni, entità jew pajjiż terz fi proġetti u programmi speċifiċi.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET VARJI
Artikolu 27
Privileġġi u immunitajiet
1. Il-privileġġi u l-immunitajiet tad-Direttur Eżekuttiv u tal-persunal tal-Aġenzija huma previsti fid-Deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill dwar il-privileġġi u l-immunitajiet mogħtija lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-membri tal-persunal tagħha, datata l-10 ta' Novembru 2004.
Sakemm tidħol fis-seħħ dik id-Deċiżjoni, l-Istat ospitanti jista' jagħti lill-Kap Eżekuttiv u lill-persunal tal-Aġenzija l-privileġġi u l-immunitajiet li jinsabu fiha.
2. Il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Aġenzija huma dawk previsti fil-Protokoll Nru 7.
3. B'mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 7 japplika meta r-rwol tal-Aġenzija fl-amministrazzjoni ta' proġetti jew programmi li jappoġġaw il-fatt li l-Istati Membri jġibu valur miżjud, u mhux każijiet fejn dak ir-rwol jinvolvi biss oġġetti jew servizzi akkwistati għall-Istati Membri.
Artikolu 28
Klawsola ta' rieżami
Fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, il-Kap tal-Aġenzija għandu jippreżenta rapport lill-Bord ta' Tmexxija dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' rieżami tagħha mill-Kunsill.
Artikolu 29
Responsabbiltà legali
1. Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Aġenzija għandha tkun irregolata bil-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha jkollha ġurisdizzjoni f'konformità ma' kwalunkwe klawsola ta' arbitraġġ inkluża f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.
3. Ir-responsabbiltà personali tal-persunal lejn l-Aġenzija għandha tkun irregolata bir-regoli rilevanti applikabbli għall-Aġenzija.
Artikolu 30
Aċċess għal dokumenti
Ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandhom japplikaw għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.
Artikolu 31
Protezzjoni tad-Data
Ir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw għall-ipproċessar tad-data personali mill-Aġenzija.
Il-Bord ta' Tmexxija, fuq proposta mill-Kap tal-Aġenzija, għandu jadotta regoli ta' implimentazzjoni kif meħtieġ.
Artikolu 32
Sigurtà
1. L-Aġenzija għandha tapplika r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 11 ).
2. L-Aġenzija għandha tiżgura s-sigurtà adegwata fil-komunikazzjonijiet esterni tagħha.
Artikolu 33
Reġim lingwistiku
Ir-reġim lingwistiku tal-Aġenzija għandu jiġi stabbilit mill-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità.
Artikolu 34
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2011/411/PESK hija mħassra.
Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 35
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS I
ATTI MĦASSRA U EMENDI SUĊĊESSIVI
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK |
ĠU L 245, 17.7.2004, p. 17. |
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/299/PESK |
ĠU L 102, 12.4.2008, p. 34. |
Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/411/PESK |
ĠU L 183, 13.7.2011, p. 16. |
ANNESS II
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
Id-Deċiżjoni 2011/411/PESK |
Din id-Deċiżjoni |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4(4) |
— |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
— |
Artikolu 5(3)(g) sa (i) |
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
Artikolu 8 |
Artikolu 9 |
Artikolu 9 |
Artikolu 9(1)(b) |
— |
Artikolu 9(1)(c) |
Artikolu 9(1)(b) |
— |
Artikolu 9(1)(c) |
Artikolu 9(1)(p) |
Artikolu 9(1)(r) |
— |
Artikolu 9(1)(p) u (q) |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
— |
Artikolu 10(2) |
Artikolu 10(2) |
Artikolu 10(3) |
Artikolu 10(3) |
Artikolu 10(4) |
Artikolu 10(3)(e) |
— |
Artikolu 10(3)(f) |
Artikolu 10(4)(e) |
Artikolu 10(3)(g) |
Artikolu 10(4)(f) |
Artikolu 10(3)(h) |
Artikolu 10(4)(g) |
Artikolu 10(3)(i) |
Artikolu 10(4)(h) |
Artikolu 10(3)(j) |
Artikolu 10(4)(i) |
Artikolu 10(3)(k) |
Artikolu 10(4)(j) |
Artikolu 10(4) |
Artikolu 10(5) |
Artikolu 10(5) |
Artikolu 10(6) |
Artikolu 10(6) |
Artikolu 10(7) |
Artikolu 11 |
Artikolu 11 |
— |
Artikolu 11(4)(a) u (b) |
— |
Artikolu 11(5) |
Artikolu 11(4) |
Artikolu 11(6) |
Artikolu 12 |
— |
— |
Artikolu 12 |
Artikolu 13 |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 13(2) |
Artikolu 13(2) |
Artikolu 13(3) |
Artikolu 13(3) |
Artikolu 13(4) |
Artikolu 13(4) |
Artikolu 13(5) |
Artikolu 13(5) |
Artikolu 13(6) |
Artikolu 13(6) |
Artikolu 13(7) |
Artikolu 13(7) |
Artikolu 13(8) |
Artikolu 13(8) |
Artikolu 13(9) |
Artikolu 13(9) |
Artikolu 13(10) |
Artikolu 13(10) |
Artikolu 13(11) |
Artikolu 14 |
Artikolu 14 |
Artikolu 14(3) |
— |
Artikolu 15 |
Artikolu 15 |
Artikolu 16 |
Artikolu 16 |
Artikolu 17 |
Artikolu 17 |
Artikolu 18 |
Artikolu 18 |
Artikolu 18(3) |
— |
— |
Artikolu 18(3) |
Artikolu 19 |
Artikolu 19 |
Artikolu 20 |
Artikolu 20 |
— |
Artikolu 21 |
Artikolu 21 |
Artikolu 22 |
Artikolu 22 |
Artikolu 23 |
Artikolu 22(4) |
Artikolu 24(4), it-tieni sentenza |
Artikolu 23 |
Artikolu 24 |
Artikolu 23(2) |
Artikolu 24(4), l-ewwel sentenza |
— |
Artikolu 25 |
Artikolu 24 |
Artikolu 26 |
Artikolu 24(6) sa (8) |
— |
— |
Artikolu 24(6) |
Artikolu 25 |
Artikolu 27 |
— |
Artikolu 27(3) |
Artikolu 26 |
Artikolu 28 |
Artikolu 27 |
Artikolu 29 |
Artikolu 28 |
Artikolu 30 |
— |
Artikolu 31 |
Artikolu 29 |
Artikolu 32 |
Artikolu 30 |
Artikolu 33 |
Artikolu 31 |
Artikolu 34 |
Artikolu 32 |
Artikolu 35 |
( 1 ) Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/551/PESK tat-12 ta' Lulju 2004 dwar l-istabbiliment tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 245, 17.7.2004, p. 17).
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
( 4 ) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/411/PESK tat-12 ta' Lulju 2011 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operattivi tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2004/551/PESK (ĠU L 183, 13.7.2011, p. 16).
( 6 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/676/KE tal-24 ta' Settembru 2004 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 310, 7.10.2004, p. 9).
( 7 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/677/KE tal-24 ta' Settembru 2004 dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari ssekondati lill-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 310, 7.10.2004, p. 64).
( 8 ) Il-prinċipji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba, imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
( 9 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17).
( 10 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/643/PESK tat-18 ta' Settembru 2007 dwar ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea u dwar ir-regoli dwar l-akkwist u r-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit operattiv tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 269, 12.10.2007, p. 1).
( 11 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).