Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 12016M/PRO/10

Verzjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
PROTOKOLL (Nru 10) DWAR IL-KOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI STABBILITA MILL-ARTIKOLU 42 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 275–277 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/treaty/teu_2016/pro_10/oj

   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta'l-Unjoni Ewropea

C 202/275


PROTOKOLL (Nru 10)

DWAR IL-KOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI STABBILITA MILL-ARTIKOLU 42 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

WARA LI KKUNSIDRAW l-Artikolu 42(6) u l-Artikolu 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

FILWAQT LI JFAKKRU li l-Unjoni tmexxi politika estera u ta' sigurtà komuni msejsa fuq il-kisba ta' konverġenza dejjem akbar ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni hija parti integrali mill-politika estera u ta' sigurtà komuni; li din tipprovdi lill-Unjoni b'kapaċità operazzjonali b'assi ċivili u militari; li l-Unjoni tista' tuża' dawn l-assi għall-missjonijiet previsti fl-Artikolu 43 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea barra mill-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni ta' kunflitti u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; li t-twettiq ta' dawn il-kompiti jsir billi jintużaw l-kapaċitajiet militari provduti mill-Istati Membri skond il-prinċipju ta' “ġabra waħda ta' forzi”;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni ma tippreġudikax il-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u difiża ta' ċerti Stati Membri;

FILWAQT LI JFAKKRU li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni ta' l-Unjoni tirrispetta l-obbligi taħt it-Trattat tan-Nord Atlantiku ta' dawk l-Istati Membri, li jqisu li d-difiża komuni tagħhom tkun imwettqa fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, li tibqa' s-sisien tad-difiża kollettiva tal-membri tagħha, u hija kompatibbli mal-politika ta' sigurtà u difiża komuni stabbilita f'dak il-qafas;

KONVINTI li rwol aktar b'saħħtu ta' l-Unjoni fl-oqsma tas-sigurtà u tad-difiża ser jikkontribwixxi għall-vitalità ta' alleanza atlantika mġedda, skond l-arranġamenti hekk imsejħa “Berlin Plus”;

DETERMINATI li jassiguraw li l-Unjoni tkun kapaċi tassumi b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tista' titlob l-għajnuna ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni urġenti ta' missjonijiet meħuda skond il-Kapitoli VI u VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li t-tisħiħ tal-politika ta' sigurtà u difiza ser jeħtieġ sforzi mill-Istati Membri fil-qasam tal-kapaċitajiet;

KONXJI li l-avvanz għal stadju ġdid fl-iżvilupp tal-politika Ewropea ta' sigurtà u difiża jinvolvi sforzi determinati mill-Istati Membri disposti;

FILWAQT LI JFAKKRU l-importanza li r-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jkun involut b'mod sħiħ fil-ħidma tal-koperazzjoni strutturata permanenti,

QABLU dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea:

Artikolu 1

Il-koperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 42(6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha tkun miftuħa għal kull Stat Membru li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, jintrabat li:

a)

jipproċedi b'mod aktar intensiv sabiex jiżviluppa l-kapaċitajiet ta' difiża tiegħu, permezz ta' l-iżvilupp tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u l-parteċipazzjoni tiegħu, fejn xieraq, fil-forzi multinazzjonali, fil-programmi prinċipali Ewropej tat-tagħmir, u fl-attività ta' l-aġenzija Ewropea fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, tar-riċerka, ta' l-akkwist u ta' l-armamenti (Aġenzija Ewropea tad-Difiża), u

b)

jkollu l-kapaċità li jforni sa mhux aktar tard mill-2010, fuq livell nazzjonali jew bħala parti minn gruppi ta' forza multinazzjonali, unitajiet tal-ġlied immirati għall-missjonijiet pjanati, strutturati fuq il-livell tattiku bħala grupp ta' battalja, b'elementi ta' appoġġ bħat-trasport u l-loġistika, kapaċi li jwettqu l-kompiti previsti fl-Artikolu 43 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea f'perijodu ta' minn 5 sa 30 jum, b'mod partikolari b'risposta għal talbiet mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u li jkunu jistgħu jiġu sostnuti għal perijodu inizjali ta' 30 jum li jkun jista' jiġi mtawwal għal ta' l-inqas għal 120 jum.

Artikolu 2

Sabiex jinkisbu l-objettivi previsti fl-Artikolu 1, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-koperazzjoni strutturata permanenti għandhom jintrabtu li:

a)

jikkoperaw, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi approvati dwar il-livell ta' infiq għall-investiment f'tagħmir ta' difiża, u jirrivedu dawn l-objettivi regolarment fid-dawl taċ-ċirkostanzi tas-sigurtà u tar-responsabbiltajiet internazzjonali ta' l-Unjoni;

b)

kemm jista' jkun jallinjaw l-apparat tad-difiża tagħhom ma' xulxin, b'mod partikolari billi jarmonizzaw l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet militari tagħhom, billi jiġbru flimkien u, fejn xieraq, jispeċjalizzaw il-mezzi u l-kapaċitajiet tad-difiża tagħhom, kif ukoll billi jinkoraġġixxu l-koperazzjoni fl-oqsma tat-taħriġ u l-loġistika;

c)

jieħdu miżuri konkreti sabiex isaħħu d-disponibbiltà, l-interoperabbiltà, il-flessibiltà u l-kapaċità fl-insedjament tal-forzi tagħhom, b'mod partikolari billi jidentifikaw l-objettivi komuni fl-impenn ta' forzi, inkluż possibbilment ir-reviżjoni tal-proċeduri deċiżjonali nazzjonali tagħhom;

d)

jaħdmu flimkien sabiex jassiguraw li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb, inkluż permezz ta' approċċi multinazzjonali, u mingħajr preġudizzju għall-impenji f'dan ir-rigward fi ħdan l-Organizzazzjoni tat-Trattat tan-Nord Atlantiku, għan-nuqqasijiet li jidhru fil-qafas tal-“Mekkaniżmu ta' l-Iżvilupp tal-Kapaċità”;

e)

jieħdu sehem, fejn ikun xieraq, fl-iżvilupp ta' programmi konġunti jew Ewropej maġġuri ta' tagħmir fil-qafas ta' l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża.

Artikolu 3

L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża għandha tikkontribwixxi għall-valutazzjoni regolari tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tal-kapaċitajiet, b'mod partikolari kontribuzzjonijiet magħmula skond il-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, fost l-oħrajn, abbażi ta' l-Artikolu 2, u għandha tirrapporta dwarhom ta' l-inqas darba fis-sena. Il-valutazzjoni tista' sservi bħala bażi għar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati skond l-Artikolu 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.


Top