Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (EES)

L-EES, li ġiet imnedija fl-1997 waqt il-Kunsill Ewropew fil-Lussemburgu, hija l-istrument prinċipali tal-Unjoni Ewropea għall-koordinazzjoni tal-isforzi tar-riforma tal-pajjiżi tal-UE fil-qasam tas-suq tax-xogħol u l-politiki soċjali. Il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq valutazzjoni komparattiva, monitoraġġ u tagħlim aktar milli fuq leġiżlazzjoni.

Sa mill-1997, l-EES għaddiet minn diversi bidliet kemm fil-governanza kif ukoll fl-orjentazzjoni tal-politika. Fl-2005, hija tnediet mill-ġdid bħala parti mill-Istrateġija ta’ Lisbona. Dan wassal għal fużjoni tal-Linji Gwida Ewropej dwar l-Impjiegi mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi (BEPG) f’sett wieħed ta’ Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi. L-Istrateġija ta’ Lisbona ġiet riveduta fl-2010 bit-tnedija tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-pajjiżi tal-UE qablu fuq prijoritajiet ġodda, li kienu espressi f’miri ġodda u linji gwida integrati. Sa mill-2011, l-EES ġiet integrata b’mod sħiħ fis-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika.

L-EES hija bbażata fuq:

  • ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, li janalizza l-isfidi ewlenin fl-impjiegi li jiffaċċjaw il-pajjiżi tal-UE u r-reazzjonijiet politiċi tagħhom għal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi matul is-sena preċedenti;
  • l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jistabbilixxi l-prijoritajiet makroekonomiċi tal-UE sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi u jinfetaħ is-simestru Ewropew;
  • il-Linji Gwida Integrati, li jistabbilixxu l-prijoritajiet politiċi ewlenin fir-rigward tal-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali;
  • ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, li joffru gwida mfassla għall-pajjiżi tal-UE dwar kif għandhom jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, soċjali u fil-qasam tal-impjiegi li qegħdin jiffaċċjaw.

ARA WKOLL

Top