Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

President tal-Kummissjoni Ewropea

Il-President huwa/hija l-kap tal-Kummissjoni Ewropea, li hija l-fergħa tal-eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea (UE). Il-President jiddeċiedi/tiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni tal-Kummissjoni u jalloka/talloka l-portafolli lill-Kummissarji individwali, ifassal/tfassal l-aġenda politika tal-Kummissjoni u jirrappreżenta/tirrappreżenta l-Kummissjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, fis-summits tal-G7 u tal-G20, fis-summits ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u f’dibattiti ewlenin fil-Parlament Ewropew (il-Parlament) u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Kummissjoni jiġi/tiġi elett(a) fuq bażi ta’ proċedura kif spjegata fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont dik il-proċedura, il-Kunsill Ewropew jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata biex jipproponi kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament, filwaqt li jikkunsidra r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-Parlament jeleġġi lill-kandidat propost b’maġġoranza tal-membri tiegħu. Jekk ma tinkisibx maġġoranza, il-Kunsill Ewropew għandu jipproponi kandidat ġdid fi żmien xahar.

Il-mandat tal-President idum għal perjodu ta’ ħames snin, li jista’ jerġa’ jiġġedded.

Ibbażat fuq proposti mill-Istati Membri tal-UE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-President-elett jadottaw lista ta’ persuni oħra proposti bħala Membri tal-Kummissjoni. Hemm bżonn tal-kunsens tiegħu/tagħha għall-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà, li jsir ukoll Viċi President tal-Kummissjoni. Il-Membri kollha tal-Kummissjoni bħala korp huma soġġetti għal vot ta’ kunsens mill-Parlament. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tiġi maħtura mill-Kunsill Ewropew li jaġixxi fuq maġġoranza kwalifikata.

ARA WKOLL

Top