This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011PC0599
Proposal for a REGULATION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL Implementing the bilateral safeguard clause and the stabilisation mechanism for bananas of the Agreement establishing an Association between the European Union and its Member States on the one hand, and Central America on the other
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra
/* KUMM/2011/0599 finali - 2011/0263 (COD) */
Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jimplimenta l-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra /* KUMM/2011/0599 finali - 2011/0263 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Raġunijiet għall-proposta u
l-objettivi tagħha Il-proposta tikkonċerna l-inkorporazzjoni
tal-klawżola ta' salvagwardja u l-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni
previsti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali
fil-liġi tal-Unjoni Ewropea. Kuntest ġenerali Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill
awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma' ċerti pajjiżi
tal-Amerika Ċentrali, li rriżultaw fi Ftehim ta' Assoċjazzjoni
mal-Amerika Ċentrali. Il-Ftehim ġie inizjalat
fit-22 ta' Marzu 2011. Il-ftehim jinkludi klawżola ta'
salvagwardja bilaterali li tipprovdi għall-possibilità li terġa'
tiddaħħal ir-rata ta' dazju doganali tal-MFN meta bħala
konsegwenza ta' liberalizzazzjoni kummerċjali jseħħu importazzjonijiet
bi kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, u b'tali kundizzjonijiet li
jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-Industrija
tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew prodott f'kompetizzjoni
diretta miegħu. Barra minn hekk, il-ftehim jinkorpora wkoll
Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li skontu,
sal-1 ta' Jannar 2020, id-dazji doganali preferenzjali
jistgħu jiġu sospiżi meta jintlaħaq ċertu volum ta'
importazzjoni annwali. Sabiex dawn il-miżuri jkunu operattivi,
din il-klawżola ta' salvagwardja trid tiġi inkorporata fil-liġi
tal-Unjoni Ewropea tal-inqas għaliex l-aspetti proċedurali
tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja kif ukoll id-drittijiet
tal-partijiet interessati, bħad-dritt ta' difiża, jeħtieġ
li jiġu speċifikati. 2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET
MAL-PARTIJIET INTERESSATI U STIMI TAL-IMPATT Din il-proposta għal Regolament ta'
implimentazzjoni ġejja direttament mit-test tal-Ftehim innegozjat
mal-Amerika Ċentrali. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda bżonn ta'
konsultazzjoni separata mal-partijiet interessati u lanqas ta' stima
tal-impatt. B'mod ġenerali hija bbażata fuq regolamenti ta'
implimentazzjoni eżistenti. 3. ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA Taqsira tal-azzjoni proposta Il-proposta mehmuża għal Regolament
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku
għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' salvagwardja u
l-Mekkaniżmi ta' Stabbilizzazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn
l-UE u l-Amerika Ċentrali. Bażi ġuridika L-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea. 2011/0263 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL li jimplimenta l-klawżola ta'
salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni
għall-banana tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni
Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika
Ċentrali min-naħa l-oħra IL-PARLAMENT
EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw
it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari
l-Artikolu 207(2) tiegħu, Wara li kkunsidraw
il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, Wara li l-abbozz ta’
att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali, Filwaqt li
jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja[1], Billi: (1)
Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill awtorizza
lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati ma' ċerti pajjiżi
tal-Amerika Ċentrali ("l-Amerika Ċentrali") għal
Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati
Membri tagħha minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa
l-oħra ("il-Ftehim") f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri
tagħha. (2)
Dawk in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim
ġie inizjalat fit-22 ta' Marzu 2011 u, b'konformità
mad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru .../2011/UE ta' ...[2] il-Ftehim ġie ffirmat f'isem l-Unjoni
Ewropea nhar ..., bil-kundizzjoni li jiġi konkluż iktar 'il quddiem.
Nhar (...), il-Ftehim kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Imbagħad,
il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru.../2011 ta' ...[3] dwar il-konklużjoni tal-Ftehim. (3)
Jeħtieġ li jiġu stabbiliti
l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet
tal-Ftehim li jikkonċernaw il-klawżola ta' salvagwardja bilaterali u
għall-applikazzjoni tal-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni
għall-Banana li kien hemm qbil dwaru mal-Amerika Ċentrali. (4)
It-termini "dannu serju", "theddida
ta' dannu serju" u "perjodu tranżitorju" kif imsemmija
fl-Artikoli 104 u 105 tal-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti. (5)
Miżuri ta' salvagwardja għandhom jitqiesu
biss jekk il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni fi
kwantitajiet daqstant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew relattivi
għall-produzzjoni tal-Unjoni, u b'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw,
jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta'
prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta kif stabbilit fl-Artikolu 104
tal-Ftehim. (6)
Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom ikunu
minn fost dawk it-tipi msemmija fl-Artikolu 104(2) tal-Ftehim. (7)
Il-kompiti tat-twettiq ta' investigazzjonijiet u,
jekk ikun meħtieġ, l-impożizzjoni ta' miżuri ta'
salvagwardja għandhom isiru bl-aktar mod trasparenti possibbli. (8)
Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet
dettaljati dwar il-ftuħ tal-proċedimenti. Il-Kummissjoni għandha
tirċievi tagħrif, inkluża l-evidenza disponibbli, mill-Istati
Membri dwar kwalunkwe xejriet fl-importazzjonijiet li jkunu jistgħu
jeħtieġu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja. (9)
Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima
facie biex ikun iġġustifikat il-ftuħ ta' proċediment,
il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż kif stipulat
fl-Artikolu 111(3) tal-Ftehim f'Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. (10)
Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet
dettaljati dwar il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet, l-aċċess
għat-tagħrif miġbur u l-ispezzjonijiet li jitwettqu
mill-partijiet interessati fuq dak it-tagħrif, dwar is-seduti ta'
smigħ għall-partijiet involuti u dwar l-opportunitajiet għal
dawk il-partijiet biex iressqu l-fehmiet tagħhom kif stipulat
fl-Artikolu 111(3) tal-Ftehim. (11)
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf
lill-Amerika Ċentrali bil-miktub bil-ftuħ ta' investigazzjoni u
tgħarraf lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni bir-riżultati
tal-investigazzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 116 tal-Ftehim. (12)
Huwa wkoll meħtieġ, skont
l-Artikolu 112 tal-Ftehim, li jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien
għall-ftuħ tal-investigazzjonijiet u għall-kunsiderazzjonijiet
dwar jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi
żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied
iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi
kkonċernati. (13)
Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel
l-applikazzjoni ta' xi miżura ta' salvagwardja, bir-riżerva li
l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri provviżorji
f'ċirkostanzi kritiċi kif imsemmi fl-Artikolu 106 tal-Ftehim. (14)
Il-miżuri ta' salvagwardja għandhom
jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien, kif jista'
jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u jiġi ffaċilitat
l-aġġustament. It-tul ta’ żmien massimu tal-miżuri ta’
salvagwardja għandu jkun iddeterminat u għandhom jiġu stipulati
dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-reviżjoni
ta’ dawn il-miżuri, kif imsemmi fl-Artikolu 105 tal-Ftehim. (15)
L-implimentazzjoni tal-klawżola ta'
salvagwardja bilaterali tal-Ftehim tesiġi kundizzjonijiet uniformi
għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja provviżorji u
definittivi, għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza minn
qabel, għat-tmiem ta' investigazzjoni mingħajr miżuri u
għas-sospensjoni temporanja tad-dazju doganali preferenzjali stabbilit
skont il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana li kien hemm
qbil dwaru mal-Amerika Ċentrali. Dawk il-miżuri għandhom jiġu
adottati mill-Kummissjoni b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li
jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet
ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni
tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[4]. (16)
Jixraq li l-proċedura konsultattiva
tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta' sorveljanza u dawk
provviżorji minħabba l-effetti ta' dawn il-miżuri u
l-loġika sekwenzjali tagħhom f'rabta mal-adozzjoni tal-miżuri
ta' salvagwardja definittivi. Meta dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri
jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jeħtieġ li
l-Kummissjoni titħalla tadotta minnufih il-miżuri provviżorji
applikabbli. (17)
Dan ir-Regolament għandu japplika biss
għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni jew fl-Amerika Ċentrali, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Kapitolu I – Dispożizzjoni ta' salvagwarjdja Artikolu 1
Definizzjonijiet Għall-finijiet
ta’ dan ir-Regolament: (a)
"prodotti" tfisser oġġetti li
joriġinaw fl-Unjoni jew f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali. Prodott
suġġett għal investigazzjoni jista' jkopri linja tariffarja
waħda jew iktar jew sottosegment tagħhom skont
iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe
segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b'mod komuni fl-industrija
tal-Unjoni; (b)
"partijiet interessati” tfisser il-partijiet
milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat; (c)
"industrija tal-Unjoni" tfisser
il-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni
diretta bħala unità waħda u li jkunu joperaw fit-territorju
tal-Unjoni, jew dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produttività kollettiva
tagħhom ta' prodotti simili jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta
tikkostitwixxi proporzjon ewlieni tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk
il-prodotti. Fil-każi fejn prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta jkun
biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin mill-produtturi li
jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni, l-industrija għandha tkun definita
bhala l-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott
simili jew tal-prodott f’kompetizzjoni diretta; (d)
"dannu serju" tfisser ħsara
ġenerali sinifikanti fil-pożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni; (e)
"theddida ta’ dannu serju" tfisser dannu
serju li jkun imminenti b'mod ċar. Determinazzjoni tal-eżistenza ta’
theddida ta’ dannu serju għandha tkun ibbażata fuq fatti verifikabbli
u mhux sempliċement fuq allegazzjoni, konġentura jew possibilità
remota. It-tbassir, l-istimi u l-analiżijiet magħmulin fuq
il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5), għandhom, inter
alia, jiġu kkunsidrati sabiex tiġi determinata l-eżistenza
ta’ theddida ta’ dannu serju; (f)
"perjodu tranżitorju" tfisser 10
snin mid-data ta' applikazzjoni tal-Ftehim għal kwalunkwe prodott li
l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tistipulalu perjodu
għat-tneħħija tat-tariffi ta' inqas minn 10 snin.
Għall-prodotti li l-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi
tistipulalhom perjodu għat-tneħħija tat-tariffi ta' 10 snin jew
iktar, "perjodu tranżitorju" tfisser il-perjodu
għat-tneħħija tat-tariffi għall-prodott stipulat f'dik
l-Iskeda, bi 3 snin miżjuda fuqu. (g)
"pajjiż tal-Amerika Ċentrali"
tfisser il-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras,
in-Nikaragwa jew il-Panama. Artikolu 2
Prinċipji 1.
Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi
imposta b'konformità ma' dan ir-Regolament fejn prodott li joriġina
f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali, bħala riżultat tat-tnaqqis
jew it-tneħħija tad-dazji fuq dan il-prodott, jiġi importat
fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar min-normal, f'termini assoluti jew
relattivi mal-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt kundizzjonijiet tali li
jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija
tal-Unjoni li tipproduċi prodott simili jew li qiegħed
f'kompetizzjoni diretta. 2.
Il-miżuri ta' salvagwardja jistgħu
jieħdu waħda mill-forom li ġejjin: (a)
is-sospensjoni ta’ tnaqqis ulterjuri tar-rata
tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat stipulat fl-Iskeda tal-Parti
tal-UE stipulat fl-Anness I (Tneħħija tad-Dazji Doganali)
mal-Ftehim; (b)
żieda tar-rata ta' dazju doganali fuq
il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn: –
ir-rata applikata ta' dazju doganali tan-nazzjon
l-aktar iffavorit ("MFN") fuq il-prodott li tkun effettiva
fiż-żmien meta tittieħed il-miżura; jew –
ir-rata applikata ta' dazju doganali tal-MFN fuq
il-prodott li tkun fis-seħħ lejlet id-data tad-dħul fis-seħħ
tal-Ftehim. 3.
L-ebda waħda mill-miżuri ma għandhom
japplikaw fil-limiti tal-kwoti tariffarji preferenzjali bla dazju mogħtija
minn dan il-Ftehim. Artikolu 3
Il-ftuħ tal-proċedimenti 1.
Investigazzjoni għandha tinfetaħ fuq
talba ta' Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe
assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed
taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva
tal-Kummissjoni stess jekk il-Kummissjoni jidhrilha li hemm biżżejjed
evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija
fl-Artikolu 4(5), li tiġġustifika tali ftuħ. 2.
It-talba għall-ftuħ ta' investigazzjoni
għandha tinkludi evidenza li l-kundizzjonijiet biex tiġi imposta
l-miżura ta' salvagwardja stipulata fl-Artikolu 2(1) ikunu ġew
sodisfatti. It-talba għandha
ġeneralment tinkludi t-tagħrif li ġej: ir-rata u l-ammont
taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini
assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet
miżjuda, u l-bidliet fil-livelli ta' bejgħ, produzzjoni,
produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi. 3.
Investigazzjoni tista' tinfetaħ ukoll
fil-każ li jkun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet
ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f'għadd ta' Stati
Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima
facie li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ikunu ġew sodisfatti,
kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5). 4.
Stat Membru għandu jgħarraf
lill-Kummissjoni f'każ li x-xejriet fl-importazzjonijiet minn pajjiż
fl-Amerika Ċentrali jidhru li jirrikjedu miżuri ta' salvagwardja. Dan
it-tagħrif għandu jinkludi l-evidenza disponibbli kif stabbilita
abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5). Il-Kummissjoni
għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha. 5.
Meta, wara l-konsultazzjoni, ikun jidher li hemm
biżżejjed evidenza prima facie kif stabbilita abbażi
tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5) li tiġġustifika ftuħ
ta' proċediment, il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-ftuħ għandu jseħħ
fi żmien xahar mit-talba jew mill-wasla tat-tagħrif skont
il-paragrafu 1. 6.
L-avviż imsemmi fil-paragrafu 5
għandu: (c)
jagħti taqsira tat-tagħrif li wasal, u
jesiġi li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat
lill-Kummissjoni; (d)
jiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet
interessati jistgħu jgħarrfu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u
jippreżentaw it-tagħrif, jekk iridu li dawn il-fehmiet u
t-tagħrif jitqiesu matul l-investigazzjoni; (e)
jiddikjara l-perjodu li fih il-partijiet
interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu oralment
mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 4(9). Artikolu 4
L-investigazzjoni 7.
Wara l-ftuħ tal-proċediment,
il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni. Il-perjodu stipulat
fil-paragrafu 3 għandu jibda dakinhar li d-deċiżjoni dwar
il-ftuħ tal-investigazzjoni tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 8.
Il-Kummissjoni tista' titlob li l-Istati Membri
jipprovdu t-tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi
kollha meħtieġa biex jissodisfaw din it-talba. Jekk dan
it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali skont
it-tifsira tal-Artikolu 11, għandu jiżdied mal-fajls mhux
kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8. 9.
L-investigazzjoni għandha tiġi
konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-ftuħ
tagħha. Dan il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perjodu
addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali
bħall-involviment ta' numru aktar għoli mis-soltu ta' partijiet jew
sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tavża
lill-partijiet interessati kollha bi kwalunkwe estensjoni ta’ dan it-tip u
tispjega r-raġunijiet li wasslu għal din l-estensjoni. 10.
Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif
kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tkun tista' tiddetermina dwar
il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1), u, fejn jidhrilha li jkun
xieraq, tfittex li tivverifika dan it-tagħrif. 11.
Fl-investigazzjoni l-Kummissjoni għandha
tagħmel stima tal-fatturi rilevanti kollha ta' natura oġġettiva
u kwantifikabbli li għandhom influwenza fuq il-qagħda tal-industrija
tal-Unjoni, b'mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda
fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u
relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet
miżjuda, it-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni,
tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u
tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista’ tqis
fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’
dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħalma huma
il-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu fuq il-kapital użat,
il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew għandhom
mnejn ikkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija
tal-Unjoni. 12.
Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw
ruħhom skont l-Artikolu 3(6)(b) u r-rappreżentanti
tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali kkonċernat jistgħu, fuq
talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tpoġġa
għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni
għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew
tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti
għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali
skont it-tifsira tal-Artikolu 11 u li jintuża mill-Kummissjoni
fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw
ruħhom jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar
it-tagħrif lill-Kummissjoni. Dawk il-fehmiet għandhom jiġu
kkunsidrati meta jkunu mirfuda b’biżżejjed evidenza prima facie. 13.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dejta
u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu
disponibbli, jinftiehmu, trasparenti u verifikabbli. 14.
Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku
neċessarju, għandha tiżgura l-aċċess bl-internet protett
b'password għall-fajl mhux kunfidenzjali ("pjattaforma onlajn"),
li hija għandha ġġestixxi u li permezz tiegħu għandu
jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira
tal-Artikolu 11. Il-partijiet interessati fl-investigazzjoni, kif ukoll
l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw
aċċess għal din il-pjattaforma onlajn. 15.
Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet
interessati, b'mod partikolari meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub
fil-perjodu stipulat fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li fil-verità x’aktarx ikunu
sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu
raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lil dawn
il-partijiet f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet
speċjali biex dawn jerġgħu jinstemgħu. 16.
Meta t-tagħrif ma jitressaqx fil-limitu ta'
żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew l-investigazzjoni tiġi mxekkla
b'mod sinifikanti, jistgħu jinsiltu riżultati abbażi tal-fatti
disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew parti terza
tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, ma għandhiex tagħti
kas ta’ dan it-tagħrif u tista’ tagħmel użu mill-fatti
disponibbli. 17.
Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-pajjiż
mill-Amerika Ċentrali kkonċernat bil-miktub bil-ftuħ ta'
investigazzjoni. Artikolu 5
Miżuri ta’ sorveljanza preventivi 18.
Fejn it-tendenza fl-importazzjonijiet ta' prodott
li joriġina f'pajjiż mill-Amerika Ċentrali tkun tali li dawn
jistgħu jwasslu għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija
fl-Artikolu 2 u 3, l-importazzjonijiet ta' dak il-prodott jistgħu
jkunu soġġetti għal miżuri ta' sorveljanza preventiva. 19.
Il-miżuri ta' sorveljanza preventiva
għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni b'konformità mal-proċedura
konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2). 20.
Il-miżuri ta’ sorveljanza preventiva
għandu jkollhom perjodu ta’ validità limitat. Sakemm ma jiġix
stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu
ta' sitt xhur wara l-ewwel sitt xhur mill-introduzzjoni tal-miżuri. Artikolu 6
Impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja provviżorji 21.
Miżuri ta' salvagwardja provviżorji
għandhom jiġu applikati f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien
jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa, skont determinazzjoni
preliminari abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 4(5) li hemm
biżżejjed evidenza prima facie li l-importazzjonijiet ta'
prodott li joriġina minn pajjiż tal-Amerika Ċentrali jkunu
żdiedu bħala riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazju
doganali skont l-Iskeda ta' Eliminazzjoni Tariffarja tal-Unjoni Ewropea
stabbilita fl-Anness I (Tneħħija tad-Dazji Doganali) mal-Ftehim,
u li dawn l-importazzjonijiet jikkawżaw dannu serju, jew theddida ta' dan,
lill-industrija tal-Unjoni. Il-miżuri provviżorji għandhom
jiġu adottati mill-Kummissjoni b’konformità mal-proċedura
konsultattiva msemmija fl-Artikolu 12(2). F’każijiet ta’
raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, inkluż il-każ imsemmi
fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’
salvagwardja provviżorji applikabbli minnufih b’konformità
mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(4). 22.
Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat
mill-Kummissjoni u fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1
jiġu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tieħu
deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta
tirċievi t-talba. 23.
It-tul ta' żmien tal-miżuri
provviżorji m'għandux jaqbeż il-200 jum. 24.
Jekk il-miżuri ta' salvagwardja
provviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni turi li ma
ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1), kull
dazju doganali miġbur bħala riżultat ta' dawn il-miżuri
provviżorji għandu jintradd lura awtomatikament. 25.
Il-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu
għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed
fiċ-ċirkolazzjoni libera wara li jidħlu fis-seħħ.
Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx jipprevjenu r-rilaxx
għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li diġà jinsabu fi
triqithom lejn l-Unjoni bil-kundizzjoni li d-destinazzjoni tagħhom ma
tkunx tista’ tinbidel. Artikolu 7
Terminazzjoni tal-investigazzjoni u proċediment mingħajr miżuri 26.
Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li
l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ma jkunux sodisfatti,
il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni biex jintemmu
l-investigazzjoni u l-proċediment b'konformità mal-proċedura ta'
eżami msemmija fl-Artikolu 12(3). 27.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li
tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fl-ambitu
tat-tifsira tal-Artikolu 11, rapport fejn tippreżenta s-sejbiet
tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar
kull konsiderazzjoni rilevanti ta' fatt u ta' liġi. Artikolu 8
Impożizzjoni ta' miżuri definittivi 28.
Meta l-fatti kif finalment stabbiliti juru li
l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(1) ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni
għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
b'konformità mal-Artikolu 116 tal-Ftehim. Meta ma tkun saret l-ebda
rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jew ma tkun intlaħqet
l-ebda soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien 30 jum minn meta ġietlu
rreferita l-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni
biex jiġu imposti miżuri ta' salvagwardja definittivi b'konformità
mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(3). 29.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li
tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali skont it-tifsira
tal-Artikolu 11, rapport li jkun fih taqsira tal-fatti materjali u
l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni. Artikolu 9
Tul ta’ żmien u reviżjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja 30.
Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa'
fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien
meħtieġ biex jitranġa jew ma jitħalliex li jsir dannu serju
u jkun jista' jsir l-aġġustament. Dak il-perjodu ma għandux
jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont
il-paragrafu 3. 31.
Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa'
fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-reviżjoni
skont il-paragrafu 3, tul kwalunkwe perjodu ta' estensjoni. 32.
Il-perjodu inizjali ta' tul ta' żmien ta'
miżura ta' salvagwardja jista' jiġi eċċezzjonalment
estiż b'mhux iktar minn sentejn kemm-il darba jiġi ddeterminat li
l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex jitranġa jew
ma jitħalliex isir dannu serju u li jkun hemm evidenza li l-industrija
tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha. 33.
Kull estensjoni skont il-paragrafu 3
għandha tiġi ppreċeduta minn investigazzjoni fuq talba ta' Stat
Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni
li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun qed taġixxi f'isem
l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun
hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet
stipulati fil-paragrafu 3 jkunu sodisfatti, abbażi tal-fatturi
msemmija fl-Artikolu 4(5). 34.
Il-ftuħ ta' investigazzjoni għandu
jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 3(5) u 3(6). L-investigazzjoni u
kull deċiżjoni li tirrigwarda estensjoni skont il-paragrafu 3
għandhom isiru skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4, 7 u 8.
35.
It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta'
salvagwardja ma jistax jaqbeż l-erba' snin, inkluża kwalunkwe
miżura provviżorja. 36.
Miżura ta' salvagwardja ma għandhiex
tiġi applikata wara l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju, għajr
bil-kunsens tal-pajjiż ikkonċernat tal-Amerika Ċentrali. 37.
L-ebda miżura ta' salvagwardja ma għandha
tiġi applikata għall-importazzjoni ta' prodott li kien diġà suġġett
qabel għal din il-miżura, sakemm ma jkunx għadda perjodu li
jammonta għal nofs dak li kien hemm waqt l-applikazzjoni tal-miżura
ta' salvagwardja għall-perjodu li jippreċedih bl-eżatt. Artikolu 10 Reġjuni
l-aktar imbiegħda tal-Unjoni Ewropea 38.
Meta kwalunkwe prodott li jkun joriġina
f'pajjiż tal-Amerika Ċentrali jkun qed jiġi importat fi
kwantitajiet daqstant ikbar min-normal u b'tali kundizzjonijiet li
jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw deterjorament serju fil-qagħda
ekonomika ta' reġjun mill-aktar imbiegħda jew iktar imsemmija
fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
tista' tiġi imposta miżura ta' salvagwardja, b'konformità
mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu. Artikolu 11 Kunfidenzjalità 39.
It-tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament
għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun intalab. 40.
La tagħrif ta' natura kunfidenzjali u la ebda
tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan
ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-permess
speċifiku ta' min jipprovdi dan it-tagħrif. 41.
Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha
tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif ikun kunfidenzjali.
Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif ma jixtieqx la li jagħmlu
pubbliku u lanqas li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f’termini
ġenerali jew f’għamla ta’ taqsira u jekk ikun jidher li t-talba
għall-kunfidenzjalità ma tkunx iġġustifikata, dan
it-tagħrif jista’ jitwarrab. 42.
It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies
bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx li jkollu
effett negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan
it-tagħrif. 43.
Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx
jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif
ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom ikunu
bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament.
Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu
tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li ma
jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom. Artikolu 12
Proċedura ta' kumitat 44.
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna
mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar
ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet[5].
Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE)
Nru 182/2011. 45.
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu,
għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 46.
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu,
għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. 47.
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu,
għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011,
flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu. Kapitolu II – Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni
għall-banana Artikolu 13 Mekkaniżmu
ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana 48.
Għall-banana li toriġina fl-Amerika
Ċentrali skont l-intestatura 0803.00.19 tan-Nomenklatura Magħquda
(Banana friska, esklużi l-pjantaġġini) u elenkati fil-kategorija
"ST" fl-Iskeda tal-Parti tal-UE stabbilita fl-Anness I
(Tneħħija tad-Dazji Doganali) mal-Ftehim, għandu japplika
mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni sal-1 ta' Jannar 2020. 49.
Volum ta' importazzjoni annwali separat ta' skattar
huwa stabbilit għall-importazzjonijiet minn pajjiż tal-Amerika
Ċentrali għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 kif indikat
fit-tabella fl-Anness ma' dan ir-Regolament. L-importazzjoni tal-prodotti
msemmija fil-paragrafu 1 bir-rata tad-dazju doganali preferenzjali
għandha, flimkiem mal-prova tal-oriġini stabbilita fl-Anness III
(Definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti tal-oriġini" u
metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva) tal-Ftehim mal-Amerika Ċentrali,
tkun suġġetta għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta'
esportazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika
tal-pajjiż tal-Amerika Ċentrali minn fejn jiġu esportati l-prodotti. Ladarba jintlaħaq il-volum tal-iskattar matul is-sena kalendarja
korrispondenti, il-Kummissjoni, b'konformità mal-proċedura tal-eżami
msemmija fl-Artikolu 12(3), tista' tissospendi temporanjament id-dazji
doganali preferenzjali matul l-istess sena għal perjodu
taż-żmien li ma jaqbiżx it-tliet xhur, u li ma jmurx lil hinn
minn tmiem is-sena kalendarja. 50.
F'każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li
tissospendi d-dazju doganali preferenzjali applikabbli, il-Kummissjoni
għandha tapplika l-iżgħar mir-rati bażi tad-dazju doganali
jew ir-rata MFN tad-dazju li tkun tapplika fiż-żmien meta
tittieħed din l-azzjoni. 51.
F’każ li l-Kummissjoni tapplika l-azzjonijiet
imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, hija għandha immedjatament tidħol
f’konsultazzjonijiet mal-pajjiż affettwat biex tanalizza u tivvaluta
s-sitwazzjoni abbażi tad-dejta fattwali disponibbli. 52.
Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 2 u 3
jistgħu jkunu applikabbli biss waqt il-perjodu li jintemm
fil-31 ta' Diċembru 2019. Kapitolu III - Dispożizzjonijiet finali Artikolu 14
Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament
għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni
tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika
mid-data ta’ applikazzjoni tal-Ftehim kif previst fl-Artikolu 353
tiegħu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jispeċifika d-data ta’ applikazzjoni
tal-Ftehim. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President Anness Tabella
li tirrigwarda l-volumi ta' importazzjonijiet ta' skattar
għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni
għall-banana stipulata fl-Appendiċi 3 tal-Anness I
tal-Ftehim Sena || Volum ta' importazzjoni ta' skattar, f’tunnellati Il-Kosta Rika || Il-Panama || Il-Ħonduras || Il-Gwatemala || In-Nikaragwa || El Salvador Sal-31 ta' Diċembru 2010 || 1 025 000 || 375 000 || 50 000 || 50 000 || 10 000 || 2 000 1.1-31.12.2011 || 1 076 250 || 393 750 || 52 500 || 52 500 || 10 500 || 2 100 1.1-31.12.2012 || 1 127 500 || 412 500 || 55 000 || 55 000 || 11 000 || 2 200 1.1-31.12.2013 || 1 178 750 || 431 250 || 57 500 || 57 500 || 11 500 || 2 300 1.1-31.12.2014 || 1 230 000 || 450 000 || 60 000 || 60 000 || 12 000 || 2 400 1.1-31.12.2015 || 1 281 250 || 468 750 || 62 500 || 62 500 || 12 500 || 2 500 1.1-31.12.2016 || 1 332 500 || 487 500 || 65 000 || 65 000 || 13 000 || 2 600 1.1-31.12.2017 || 1 383 750 || 506 250 || 67 500 || 67 500 || 13 500 || 2 700 1.1-31.12.2018 || 1 435 000 || 525 000 || 70 000 || 70 000 || 14 000 || 2 800 1.1-31.12.2019 || 1 486 250 || 543 750 || 72 500 || 72 500 || 14 500 || 2 900 1.1.2020 u wara || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli || mhux applikabbli [1] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew
tas-17 ta' Frar 2011 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill ta' .... [2] [3] [4] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13. [5] ĠU L 84,
31.3.2009, p. 1.