Kif taħdem il-plenarja?
Bħala l-quċċata tal-attività politika tal-Parlament Ewropew, is-sessjonijiet plenarji jirrappreżentaw il-qofol tal-ħidma leġiżlattiva li saret fil-kumitat u fil-gruppi politiċi.
Is-sessjoni plenarja hija wkoll il-forum li fih ir-rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea - il-Membri tal-Parlament Ewropew jew il-Membri tal-PE - jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Huma jiddibattu kwistjonijiet topiċi u jesprimu l-pożizzjoni tagħhom billi jivvutaw fuq abbozzi ta' atti leġiżlattivi jew kwalunkwe kwistjoni oħra.
Għal ħafna snin il-Parlament kien korp purament konsultattiv. Madankollu, sa mill-ewwel elezzjonijiet b’vot dirett universali fl-1979 u bis-saħħa tal-ħidma attiva tal-membri tiegħu, huwa seta’ jikseb setgħat akbar u jikseb l-istatus ta’ koleġiżlatur ugwali mal-Kunsill fil-biċċa l-kbira tal-oqsma fejn l-UE għandha s-setgħat li taġixxi.
Illum, il-Parlament Ewropew għandu 720 membru elett minn 27 pajjiż tal-UE u jmexxi d-dibattiti plenarji tiegħu b'24 lingwa. Fil-plenarja, il-Membri tal-PE, l-uffiċjali, l-interpreti u t-tradutturi jsegwu proċeduri preċiżi ħafna sabiex jiżguraw l-aħjar tmexxija possibbli tas-sessjoni.
Min hu min fil-plenarja
Il-President tal-Parlament Ewropew
Is-sessjonijiet plenarji huma ppreseduti mill-President tal-Parlament Ewropew. Il-President tal-Parlament Ewropew huwa assistit f'dan il-kompitu mill-14-il viċi president, li jistgħu jippresedu minflok il-President.
Il-President jiftaħ is-seduta, xi drabi bi tribut jew b'diskors dwar suġġett attwali.
Matul is-sessjoni, il-President isejjaħ lill-kelliema u jiżgura li l-proċedimenti jitmexxew kif xieraq. Huwa jidderieġi wkoll il-proċedura tal-votazzjoni, billi jressaq emendi u riżoluzzjonijiet leġiżlattivi għall-votazzjoni u jħabbar ir-riżultati. L-awtorità tal-President tiżgura li l-votazzjonijiet, li jistgħu jkunu twal u kumplessi, jipproċedu b'pass mgħaġġel.
Il-gruppi politiċi
Il-biċċa l-kbira tas-720 Membru tal-PE jappartjenu għal wieħed mill-gruppi politiċi, li jirrappreżentaw l-ispettru kollu tat-tendenzi ideoloġiċi fl-UE. Xi Membri tal-PE mhuma affiljati mal-ebda grupp politiku u għalhekk huma magħrufa bħala Membri mhux affiljati.
Il-gruppi politiċi jiddeċiedu liema kwistjonijiet se jiġu diskussi fil-plenarja. Huma jistgħu wkoll iressqu emendi għar-rapporti tal-kumitati biex jittieħed vot fuqhom jew iressqu riżoluzzjonijiet dwar kwistjonijiet importanti. Filwaqt li l-gruppi politiċi jippruvaw jikkoordinaw il-mod kif jivvutaw il-Membri tagħhom fil-plenarja, il-Membri ma jistgħux ikunu obbligati jivvutaw b'mod partikolari.
Il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jieħdu sehem fis-seduti sabiex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Fuq talba tal-Parlament, ir-rappreżentanti taż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jintalbu wkoll jagħmlu dikjarazzjonijiet jew jagħtu rendikont tal-attivitajiet tagħhom bi tweġiba għall-mistoqsijiet li jsirulhom mill-Membri tal-PE. Dawn id-dibattiti jistgħu jingħalqu b'votazzjoni fuq riżoluzzjoni.
Il-ħidma fil-plenarja
Il-Parlament jiltaqa' f'sessjoni plenarja 12-il darba fis-sena fi Strażburgu, għal sessjoni parzjali li ddum erbat ijiem (mit-Tnejn sal-Ħamis). Sessjonijiet parzjali addizzjonali jsiru fi Brussell. Is-sessjoni parzjali hija maqsuma f'seduti ta' kuljum.
Il-ħidma tal-plenarja tiffoka prinċipalment fuq id-dibattiti u l-votazzjonijiet. It-testi adottati fil-plenarja biss jikkostitwixxu formalment atti tal-Parlament Ewropew. Dawn jaqgħu f’kategoriji differenti skont is-suġġett li jkun qed jiġi kkunsidrat u l-proċedura applikabbli. It-testi l-aktar komuni jinkludu:
- Rapporti leġiżlattivi: dawn huma t-testi eżaminati mill-Parlament fil-qafas tad-diversi proċeduri leġiżlattivi tal-UE: proċedura leġiżlattiva ordinarja, approvazzjoni u konsultazzjoni. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tagħti lill-Parlament rwol indaqs bħala leġiżlatur flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ċerti rapporti parlamentari għalhekk għandhom aktar piż leġiżlattiv minn oħrajn.
- Rapporti taħt il-proċedura baġitarja: il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiffurmaw l-awtorità baġitarja tal-UE li tiddetermina fuq bażi annwali n-nefqa u d-dħul tal-Unjoni.
- Rapporti u riżoluzzjonijiet mhux leġiżlattivi: dawn jitfasslu mill-Parlament fuq inizjattiva tiegħu stess fi ħdan il-kumitat parlamentari responsabbli. Bl-adozzjoni ta' dawn it-testi, il-Parlament jindirizza lill-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej l-oħra, lill-gvernijiet nazzjonali, jew lill-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet mhux tal-UE, bil-għan li jiġbed l-attenzjoni għal kwistjoni speċifika. Għalkemm ma għandhom l-ebda valur leġiżlattiv, dawn it-testi huma essenzjali biex il-Parlament jeżerċita r-rwol tiegħu ta' skrutinju demokratiku u jżomm lill-istituzzjonijiet l-oħra responsabbli, kif ukoll biex japplika pressjoni politika għal reazzjonijiet konkreti dwar il-kwistjoni kkonċernata.
Matul is-sessjoni plenarja, il-Parlament jista' jiddeċiedi li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kwalunkwe kwistjoni li jqis importanti. Jista' wkoll jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta xierqa dwar kwistjonijiet li fil-fehma tal-Parlament jeħtieġu l-adozzjoni ta' att leġiżlattiv.
Is-seduta tinkludi wkoll perjodu maħsub għal mistoqsijiet dwar tema speċifika mar-rappreżentanti tal-Kunsill u/jew tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, darba fil-ġimgħa tal-plenarja, il-President tal-Kummissjoni jew kummissarji speċifiċi jistgħu jiġu mistiedna jwieġbu mistoqsijiet mill-Membri tal-PE mingħajr tema definita minn qabel, f'sessjoni ta' skrutinju speċjali.
Il-minuti ta' kull seduta jagħtu d-dettalji eżatti tal-proċedimenti u tal-ħidma tal-ġurnata (dokumenti mressqa, dibattiti, votazzjonijiet, spjegazzjonijiet tal-vot, ħatriet, eċċ.). Ir-riżultati tal-votazzjonijiet huma wkoll annessi mal-minuti.
Aġenda tal-plenarja
Is-sessjonijiet plenarji jlaqqgħu flimkien għadd kbir ta’ parteċipanti u għalhekk ma jistgħux jiġu improvizzati. Minflok, dawn jeħtieġu tħejjija bir-reqqa, kemm jista’ jkun. L-aġenda plenarja titfassal fid-dettall mill-Konferenza tal-Presidenti, li tlaqqa' flimkien il-mexxejja tal-gruppi politiċi u l-President tal-Parlament.
B'mod parallel, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (magħmula mill-presidenti tal-kumitati parlamentari permanenti u temporanji kollha) tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti rigward il-ħidma tal-kumitati u l-abbozzar tal-aġenda plenarja.
Il-kalendarju ta' ħidma annwali tal-Parlament jiġi adottat kull sena fil-plenarja abbażi ta' proposta mill-Konferenza tal-Presidenti. Il-kalendarju jindika l-ġimgħat riżervati għal-laqgħat tal-kumitati u għal-laqgħat tal-gruppi politiċi.
L-aġenda plenarja turi wkoll jekk id-diversi dibattiti fil-plenarja għandhomx jiġu segwiti minn votazzjoni dwar mozzjoni għal riżoluzzjoni, li hija test mhux leġiżlattiv li jippreżenta l-pożizzjoni tal-Parlament dwar suġġett partikolari.
Il-Parlament iwieġeb b'mod kostanti għall-aħħar żviluppi fi kwalunkwe kwistjoni ewlenija u ma għandu l-ebda eżitazzjoni biex ibiddel l-aġenda tiegħu.
Il-plenarja fl-azzjoni
Ħin għad-diskussjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni
Rapport parlamentari li jitressaq għall-votazzjoni fil-plenarja ġeneralment ikun is-suġġett ta' dibattitu li fih il-Kummissjoni, ir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi u l-Membri tal-PE individwali jesprimu l-fehmiet tagħhom. Il-ħin għad-diskorsi għal kull Membru tal-PE, li spiss ikun qasir ħafna, jiddependi min-numru ta' Membri li jkunu talbu li jitkellmu.
Għall-kuntrarju tal-votazzjonijiet fil-plenarja, li spiss isiru b'pass mgħaġġel ħafna, id-dibattiti jistgħu jdumu diversi sigħat, skont l-għadd ta' Membri li jixtiequ jitkellmu. Normalment jitkellmu bil-lingwa tagħhom stess, u dak li jgħidu huwa interpretat b’mod dirett mill-interpreti tal-Parlament fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-UE.
Il-ħin għad-diskorsi jiġi allokat skont ir-regola li ġejja: l-ewwel frazzjoni tal-ħin għad-diskorsi tinqasam b'mod ugwali fost il-gruppi politiċi kollha, imbagħad frazzjoni oħra tinqasam fost il-gruppi fi proporzjon mal-għadd totali tal-Membri tal-PE tagħhom. Il-gruppi mbagħad jiddeċiedu internament min se jitkellem u għal kemm żmien.
Il-Membri tal-PE li jixtiequ jitkellmu miċ-ċentru tal-kamra jiżdiedu mal-lista ta' kelliema f'ordni bbażata fuq id-daqs numeriku tal-grupp tagħhom. Tingħata prijorità lir-rapporteurs (il-Membri tal-PE mill-kumitat jew kumitati responsabbli li jmexxu suġġett speċifiku) u lir-rappreżentanti ta' kumitati oħra li jintalbu jagħtu opinjoni.
Viżitaturi distinti jiġu regolarment biex jindirizzaw lill-Parlament, inklużi l-kapijiet ta' stat, li normalment jintlaqgħu f'seduta formali.
Il-votazzjoni fil-plenarja
Il-votazzjonijiet ġeneralment isiru għall-ħabta ta' nofsinhar. Il-Membri jivvutaw fuq l-atti leġiżlattivi u r-riżoluzzjonijiet sħaħ iżda wkoll fuq emendi jew paragrafi individwali fit-testi.
Matul il-votazzjoni dwar rapport parlamentari jew riżoluzzjoni, il-Membri jistgħu jibdlu t-test ippreżentat lilhom billi jadottaw emendi, li jistgħu jfittxu li jħassru, jifformulaw mill-ġdid, jissostitwixxu jew iżidu mal-kontenut tat-test li jkun qed jiġi kkunsidrat. Il-Membri tal-PE l-ewwel jivvutaw fuq kull emenda individwalment u mbagħad fuq it-test kollu kif emendat.
Normalment il-Membri tal-PE jivvutaw b'turija tal-idejn u l-President tas-seduta jiddetermina l-maġġoranzi f'kull każ. Jekk it-turija tal-idejn ma tkunx ċara, il-President jitlob votazzjoni elettronika biex jiġu kkonfermati n-numri fuq kull naħa.
Għandha ssir votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet fuq talba ta' grupp politiku jew ta' mhux inqas minn 5 % tal-Membri kollha filgħaxija qabel il-votazzjoni. F'dan il-każ, il-vot mitfugħ minn kull Membru tal-PE jiġi rreġistrat u ppubblikat f'anness għall-minuti. Min-naħa l-oħra, il-votazzjoni permezz ta' vot sigriet tista' tintalab minn 20 % tal-Membri kollha tal-PE.
Fil-plenarja, il-Parlament Ewropew normalment jieħu deċiżjonijiet b'maġġoranza tal-voti mitfugħa. Il-kworum (in-numru minimu ta' Membri li jridu jkunu preżenti sabiex ir-riżultat ta' votazzjoni jkun validu) ikun intlaħaq meta terz tal-Membri kollha tal-Parlament ikunu preżenti fil-kamra. Jekk mill-inqas 39 Membru preżenti fl-Emiċiklu jitolbu li jiġi stabbilit li ma hemmx kworum, jew jekk ikun hemm inqas minn 39 Membru preżenti fl-Emiċiklu, il-votazzjoni tista' tiġi posposta għas-seduta li jkun imiss.
Il-Kummissjoni tista' twieġeb għar-riżultat ta' votazzjoni u tħabbar il-konklużjonijiet tagħha. Fi tmiem il-ħin tal-votazzjoni, il-Membri li jitolbu dan jistgħu jerġgħu jitkellmu biex jagħtu spjegazzjoni tal-vot tagħhom, jippreżentaw l-analiżi tagħhom u jispjegaw ir-raġunament tagħhom jew dak tal-grupp tagħhom.
Tista' ssegwi s-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew online kemm b'mod dirett kif ukoll bħala reġistrazzjoni.