Implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: Nikkumbattu l-attitudnijiet negattivi fil-konfront ta' persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa (2020/2011(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-Karta Soċjali Ewropea, il-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, kif ukoll ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) u mekkaniżmi oħra tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal,
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali(4),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 bit-titolu "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020" (COM(2011)0173) u r-rapporti sussegwenti ta' implimentazzjoni u evalwazzjoni,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri(5), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2016 dwar l-aċċellerar tal-proċess ta' integrazzjoni tar-Rom u tat-13 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 14/2016,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Parlament Ewropew tal-2010 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom u r-Rapport dwar l-aspetti tal-ġeneru tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom tal-2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2019 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-ħtieġa li jissaħħaħ il-Qafas Strateġiku tal-UE ta' wara l-2020 għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom u li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' ċittadini tal-UE li jappartjenu għal minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2018 dwar standards minimi għall-minoranzi fl-UE(13),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2019 bit-titolu "Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom" (COM(2019)0406)(14),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Diċembru 2018 bit-titolu "Rapport dwar l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-UE tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020" (COM(2018)0785)(15),
– wara li kkunsidra l-proċedimenti ta' ksur bit-titolu "Non-conformity with Directive 2000/43/EC on Racial Equality - Discrimination of Roma children in education" (Nuqqas ta' konformità mad-Direttiva 2000/43/KE dwar l-Ugwaljanza Razzjali - Diskriminazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni) (numri tal-ksur 20142174, 20152025 u 20152206),
– wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-sitwazzjoni ta' nisa Rom (SOC/585-EESC-2018),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Poznan tas-Sħab tal-Balkani tal-Punent dwar l-Integrazzjoni tar-Rom fil-Proċess tat-Tkabbir tal-UE,
– wara li kkunsidra t-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II) tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni ta' Politika Ġenerali Nru 13 tal-Kummissjoni Ewropea Kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Mappa tal-Faqar tal-Bank Dinji, tal-2016, li tidentifika b'mod ċar l-aktar reġjuni li għadhom lura fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-istituzzjonijiet ta' riċerka u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Romani u pro-Romani, inklużi l-NGOs fil-livell lokali tar-Romani,
– wara li kkunsidra l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej dwar "L-Inizjattiva Minority SafePack" u dwar "Politika ta' koeżjoni għall-ugwaljanza tar-reġjuni u s-sostenibbiltà tal-kulturi reġjonali",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1) (e) u l-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0147/2020),
A. billi l-persuni Romani jirrappreżentaw l-akbar minoranza etnika tal-Ewropa;
B. billi l-Qafas attwali enfasizza d-diversità fl-ambitu tat-terminu ġenerali wiesa' ta' "Rom"; billi dan naqas milli jirrikonoxxi d-diversità fi ħdan il-popolazzjoni tal-persuni Romani; billi t-terminu "Rom" jew it-terminu doppju "Sinti u Rom" intużaw f'era meta dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iddeċidew dwar il-politiki tar-Rom mingħajr l-involviment reali tal-komunitajiet Romani u għalhekk dawk il-komunitajiet iħossuhom imwarrba minnu u billi din id-definizzjoni użata fil-politiki u d-diskussjoni tal-UE ma tirriflettix l-eteroġeneità tal-komunità Romani u għalhekk spiss tiġi kkritikata minnhom;
C. billi d-diversità fost il-persuni Romani għandha tkun riflessa wisq aħjar fil-proposta leġiżlattiva ta' wara l-2020 għall-Ugwaljanza, l-integrazzjoni u l-Parteċipazzjoni tal-poplu Romani; billi t-terminu "persuni Romani" jkopri l-persuni ta' oriġini Rom, Kalè, Manouches, Lovara, Rissende, Boyash, Domare, Kalderash, Romanichal u Sinti; billi d-definizzjoni l-ġdida, "poplu Romani", tinkludi aħjar anke lil dawk stigmatizzati bħala żingari mingħajr ma jkollhom oriġini etnika korrispondenti, bħall-Eġizzjani, l-Ashkali, jew il-Vjaġġaturi;
D. billi proporzjon sinifikanti tal-persuni ta' oriġini Romani fl-Ewropa jgħixu f'kundizzjonijiet estremament prekarji kemm f'żoni rurali kif ukoll f'żoni urbani, u f'ċirkostanzi soċjoekonomiċi ħżiena ħafna(16); billi l-maġġoranza tal-persuni Romani huma mċaħħda mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom fl-oqsma kollha tal-ħajja;
E. billi skont l-istħarriġ EU-MIDIS II, 61 % taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li d-diskriminazzjoni kontra l-poplu Romani hija mifruxa ħafna f'pajjiżhom; billi għadu jeżisti anti-Żingariżmu b'għeruq fondi, persistenti u strutturali u spiss istituzzjonali u governattiv fil-livelli kollha tas-soċjetà Ewropea u jimmanifesta ruħu fuq bażi ta' kuljum u huwa rikonoxxut bħala ostaklu ewlieni għall-ilħuq tal-potenzjal sħiħ tal-persuni Romani bħala ċittadini tal-UE li jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza, fl-isferi kollha tal-ħajja, inklużi l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-impjiegi;
F. billi l-persuni Romani għadhom qed isofru minħabba żieda fil-livell ta' diskors ta' mibegħda; b'mod partikolari fil-pubbliku, fil-midja soċjali u minn personalitajiet pubbliċi, politiċi u uffiċjali; billi huma jsofru wkoll vjolenza taħt idejn il-pulizija, inkluż il-kastig kollettiv, it-tfassil ta' profili razzjali, is-segregazzjoni residenzjali u skolastika; billi huma meħtieġa miżuri speċifiċi sabiex jiġi miġġieled dan il-fenomenu; billi nuqqasijiet fl-istat tad-dritt, fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, iwasslu għal livell insuffiċjenti ta' protezzjoni u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta' vjolenza mill-pulizija, u l-vittmi spiss jiġu ppersegwitati mill-awtoritajiet tal-Istat;
G. billi l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu permezz tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta' kontra d-diskriminazzjoni mhijiex biżżejjed; billi l-Istati Membri tal-UE għandhom juru determinazzjoni biex ikissru ċ-ċirku vizzjuż tal-anti-Żingariżmu, b'mod partikolari fir-relazzjonijiet tal-poplu Romani mal-awtoritajiet amministrattivi lokali, reġjonali u nazzjonali, biex jissalvagwardjaw l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għaċ-ċittadini Romani tagħhom, u biex jagħtu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tagħhom;
H. billi r-razziżmu kontra l-persuni Romani wassal għall-vjolenza u l-qtil; billi l-livell ta' l-fastidju mmotivat mill-mibegħda u r-reati ta' mibegħda għadu wieħed sinifikament għoli kontra l-persuni Romani u l-maġġoranza tal-inċidenti mmotivati mill-mibegħda ma jiġux irrapportati;
I. billi, skont l-EU-MIDIS II fl-2016, madwar 80 % tal-persuni Romani f'disa' Stati Membri tal-UE bl-akbar popolazzjonijiet ta' Romani jgħixu taħt il-limitu tal-faqar ta' pajjiżhom; billi l-faqar huwa kemm eżitu kif ukoll xprunatur tal-anti-Żingariżmu, u tal-esklużjoni fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fis-saħħa u fl-akkomodazzjoni; billi mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv hija li 20 miljun persuna, inklużi l-persuni Romani, jintrefgħu mir-riskju tal-faqar; billi l-għadd ta' persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali naqas bi 3,1 miljun bejn l-2008 u l-2017, l-UE għadha 'l bogħod mill-mira tagħha tal-Ewropa 2020 li tnaqqas dan l-għadd b'20 miljun sal-2020;
J. billi persuna ta' oriġini Romani minn kull tlieta tgħix f'akkomodazzjoni mingħajr ilma tal-vit u persuna waħda minn kull għaxra tgħix f'akkomodazzjoni mingħajr elettriku; billi huma ftit aktar min-nofs li għandhom tojlit li jifflaxxja jew doċċa fuq ġewwa, u 78 % tar-Romani jgħixu f'akkomodazzjoni ffullata; billi għadd kbir ta' persuni Romani għadhom jgħixu f'insedjamenti informali, mhux iġjeniċi u irregolari f'kundizzjonijiet ta' għajxien miżerabbli; billi bosta m'għandhomx dokumenti ta' identifikazzjoni u assigurazzjoni medika(17);
K. billi 43 % tar-Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni kontrihom meta jippruvaw jixtru jew jikru djar u mhumiex konxji biżżejjed mid-drittijiet tagħhom f'dik li hi ugwaljanza; billi r-regolarizzazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà fejn possibbli, b'mod partikolari f'ambjenti informali, għandha tissaħħaħ; billi l-abolizzjoni ta' ambjenti informali (żgumbramenti) għandha tkun akkumpanjata minn miżuri ta' akkumpanjament adegwati, inkluża l-offerta ta' akkomodazzjoni alternattiva; billi ma tittieħdet l-ebda miżura legali jew politika kontra l-Istati Membri biex jintemmu s-segregazzjoni residenzjali, l-iżgumbramenti sfurzati u biex jiġi żgurat aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità; jenfasizza li aċċess fqir għall-akkomodazzjoni u għall-utilitajiet pubbliċi, bħall-ilma nadif u s-sanità, għandu impatt negattiv fuq l-eżiti tal-edukazzjoni, tal-impjiegi u tas-saħħa, u jaffettwa ħażin l-inklużjoni soċjali b'mod ġenerali;
L. billi l-istennija tal-għomor u l-istat tas-saħħa tal-persuni Romani għadhom aktar baxxi b'mod sinifikanti minn dawk tal-persuni mhux Romani fil-pajjiżi Ewropej kollha; billi l-istennija tal-għomor mat-twelid fl-UE hija ta' 76 sena għall-irġiel u ta' 82 sena għan-nisa, filwaqt li għall-persuni Romani, din hija stmata li hi 10 snin anqas; billi r-rata tal-mortalità tat-trabi fl-UE hija ta' 4,3 għal kull elf tarbija mwielda ħajja, billi hemm evidenza li r-rata hija ferm ogħla fost il-komunitajiet Romani;
M. billi bosta persuni Romani jsofru minn rati estremament għolja ta' illitteriżmu u tluq bikri mill-iskola; billi 50% biss tat-tfal Romani jattendu l-iskola preprimarja jew il-kindergarten, u proporzjon żgħir ħafna jkomplu l-iskola wara l-edukazzjoni obbligatorja; billi 50 % tal-persuni Romani li għandhom bejn is-sitta 6 u l-24 sena ma jinsabux fl-edukazzjoni; billi huma biss 21 % tan-nisa Romani u 25 % tal-irġiel Romani ta' bejn is-16 u l-24 sena li lestew l-edukazzjoni sekondarja (ISCED3) jew livell ogħla; billi fl-2019, 68 % tat-tfal Romani telqu mill-edukazzjoni qabel iż-żmien minkejja l-mira ta' 10 % tal-Qafas dwar ir-Rom preċedenti u tal-istrateġija Ewropa 2020; billi 18 % biss tat-tfal Romani għaddew għal livelli ogħla ta' edukazzjoni u r-rati ta' assenteiżmu u ta' tluq bikri mill-iskola fost l-istudenti Romani kienu ogħla b'mod sinifikanti minn dawk ta' kategoriji oħra ta' studenti; billi d-dijanjożi ħażina diskriminatorja ta' ħafna tfal Romani bħala li għandhom bżonnijiet edukattivi speċjali qed twassal biex għadd sproporzjonat ta' tfal Romani jattendu skejjel għat-tfal b'diżabilità, u b'hekk qed jinqatgħu mis-sistema skolastika tradizzjonali u spiss jirċievu edukazzjoni ta' kwalità aktar baxxa; billi s-segregazzjoni diretta u indiretta tat-tfal Romani hija fenomenu li għadu qed jiġi pprattikat mill-Istati Membri;
N. billi l-persuni Romani jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-inizjattivi ta' impjieg bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, filwaqt li s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi spiss huma nieqsa mill-kapaċità li jilħquhom, jew inkella japplikaw prattiki ta' diskriminazzjoni indiretta; billi fl-2015, il-perċentwal ta' persuni li jagħmlu xogħol bi ħlas għall-persuni Romani ta' bejn l-20 u l-64 sena kien ta' 43 %, ferm anqas mill-medja tal-UE ta' 70 %, filwaqt li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ hija sostanzjalment agħar bi 63 % tar-Romani ta' bejn is-16 u l-24 sena barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEET), meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 12 %, u bi 72 % tan-nisa Romani żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ meta mqabbla ma' 55 % tal-irġiel Romani żgħażagħ; billi 43 % tal-irġiel Romani u 22 % tan-nisa Romani jeżerċitaw xi forma ta' xogħol bi ħlas; billi l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġibdet l-attenzjoni għad-dritt fundamentali ta' kull persuna li tinvolvi ruħha fix-xogħol u għall-infurzar tad-drittijiet soċjali li jwasslu għal impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-persuni li jappartjenu għall-gruppi emarġinati, bħalma huma l-poplu Romani; billi ħafna persuni Romani li jgħixu fil-limiti tal-faqar estrem huma mġiegħla minn din is-sitwazzjoni li jaċċettaw impjiegi b'salarju ferm aktar baxx mill-paga minima, filwaqt li oħrajn huma sfurzati li jissopravivu minn attivitajiet informali bħall-ġbir tar-ruttam tal-metall jew tal-fliexken tal-plastik, li jżidu bil-bosta l-possibbiltajiet li dawn il-persuni jiġu sfruttati;
O. billi r-rapporti tal-esperti u r-rapport tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom jirrikonoxxu li l-fatturi ta' suċċess jinkludu approċċi intersezzjonali, transsettorjali u integrati biex jiġu indirizzati b'mod determinat id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni multidimensjonali u li n-nisa Romani, l-LGBT Romani, u l-persuni Romani b'diżabilità jiffaċċjaw diskriminazzjoni intersezzjonali; billi r-rapporti jsemmu fost il-prijoritajiet il-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-aċċess tal-persuni Rom għall-ġustizzja b'fokus fuq il-vittmi ta' diskriminazzjoni intersezzjonali, u t-tisħiħ tal-kapaċità li l-korpi tal-ugwaljanza għandhom biex jittrattaw id-diskriminazzjoni kontra l-persuni Romani;
P. billi n-nisa Romani huma partikolarment affettwati fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa u spiss jiffaċċjaw forom aggravati ta' fastidju verbali, fiżiku, psikoloġiku u razzjali kif ukoll segregazzjoni etnika fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa materna; billi n-nisa Romani jitqiegħdu fi kmamar segregati bi kmamar tal-banju u faċilitajiet tal-ikel segregati; billi f'uħud mill-Istati Membri, in-nisa Romani ġew soġġetti għal prattiki sistematiċi ta' sterilizzazzjoni furzata u koerċittiva u ma setgħux jiksbu riparazzjonijiet adegwati, inkluż kumpens, għall-ksur li rriżulta tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
Q. billi l-inġustizzji ambjentali huma regolarment relatati ma' riskji tas-saħħa u ma' konsegwenzi negattivi għall-persuni Romani u billi dawn jiġu affettwati b'mod sproporzjonat mill-piżijiet ambjentali, għandhom anqas aċċess għar-riżorsi u għas-servizzi ambjentali, u jiffaċċjaw diskriminazzjoni kontrihom fid-dritt tagħhom għall-informazzjoni, għall-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-aċċess għall-ġustizzja f'materji ambjentali;
R. billi l-ħolqien tal-ewwel Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom poġġa n-neċessità li tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni Romani fuq l-aġenda tal-politika Ewropea, ħoloq strutturi u networks istituzzjonali vitali u poġġa pressjoni fuq l-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali bl-għan li jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom; billi filwaqt li wieħed jibni fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Qafas attwali tal-UE huwa essenzjali li l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-persuni Romani, iggwidati minn proposta għal wara l-2020, jitkomplew u jittejbu, filwaqt li jitolbu tisħiħ fil-konformità tal-Istati Membri, u jippromwovu l-użu ta' miri aktar vinkolanti biex jiżdiedu l-impenn u l-obbligu ta' rendikont; billi implimentazzjoni aħjar tal-istrateġiji nazzjonali tirrikjedi li tali strateġiji jiġu integrati fil-politiki settorjali nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll użu aktar effiċjenti tal-finanzjament tal-UE, speċjalment għall-proġetti ta' integrazzjoni fit-tul;
S. billi hija meħtieġa proposta leġiżlattiva għall-Ugwaljanza, l-Integrazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-persuni Romani u għall-Ġlieda kontra l-Anti-Żingariżmu, u għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' data diżaggregata kwantitattiva u kwalitattiva aktar realistika miġbura bl-appoġġ tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tar-Romani, inklużi dawk mil-livell lokali;
T. billi l-kultura Romani tagħmel parti mill-kultura u l-valuri tal-Ewropa, u r-Romani kkontribwew għar-rikkezza kulturali, id-diversità, l-ekonomija u l-istorja komuni tal-UE; billi l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali b'rabta mal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fil-koeżjoni soċjali;
U. billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Romani skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà; billi għandu jiġi allokat finanzjament adegwat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tal-Persuni ta' Oriġini Romani wara l-2020 mill-baġits lokali, reġjonali u nazzjonali tal-Istati Membri, u kkomplementat b'finanzjament tal-UE; billi għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi effiċjenti u msaħħa ta' monitoraġġ, sorveljanza u sanzjonar; billi l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li l-fondi jiġu allokati għal objettivi u proġetti li għandhom l-akbar impatt potenzjali fit-tul fuq is-sitwazzjoni tal-persuni Romani, li jintefqu sewwa u li ma jintużawx ħażin;
V. billi madwar nofs il-poplu Romani fl-Ewropa jgħixu barra mill-Unjoni Ewropea; billi s-sitwazzjoni tagħhom tgħadha waħda partikolarment problematika fil-maġġoranza tal-pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali u fil-pajjiżi tal-viċinat; billi l-Unjoni Ewropea jista' jkollha impatt qawwi fuq is-sitwazzjoni tagħhom permezz tan-negozjati ta' adeżjoni kif ukoll permezz tal-għoti ta' assistenza finanzjarja;
W. billi l-parteċipazzjoni ugwali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni Romani fit-tfassil tal-politika, mil-livelli kollha, għandhom jiġu żgurati aħjar: il-partijiet ikkonċernati lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej (NGOs, attivisti, esperti, membri tal-komunità, eċċ.) għandhom jiġu involuti b'mod sinifikanti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki pubbliċi fir-rigward tal-persuni ta' oriġini Romani, fil-kuntest ta' wara l-2020;
X. billi l-parti l-kbira tal-komunitajiet żvantaġġati tal-persuni Romani sikwit jibqgħu lura u jiġu esklużi mill-benefiċċji tal-programmi nazzjonali għall-integrazzjoni minħabba l-limiti fil-metodoloġiji tal-immappjar li jintużaw meta jkunu qed jiġu identifikati l-komunitajiet l-aktar fil-bżonn; billi meta jkun qed jitfassal l-intervent tal-programmi, l-analiżijiet għandhom jimmiraw lejn iż-żona ġeografika preċiża u l-għadd ta' familji u persuni li jħabbtu wiċċhom ma' esklużjoni soċjoekonomika;
Y. billi l-objettivi tal-integrazzjoni tar-Romani għandhom jiġu allinjati mal-objettivi orizzontali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari mal-Pjan ta' Rkupru, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-2021-2027, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, is-Semestru Ewropew, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, l-Istrateġija Diġitali Ewropea, u mal-Istrateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali; billi l-appoġġ politiku huwa element ewlieni għall-integrazzjoni tar-Romani; billi hija meħtieġa mobilizzazzjoni maġġuri tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livelli kollha, fosthom fil-Kunsill, biex jiġu żgurati l-impenn politiku u l-obbligu ta' rendikont tal-Istati Membri;
Z. billi l-anti-Żingariżmu ilu jeżisti fis-soċjetajiet tagħna għal sekli sħaħ u ħa l-aktar forma krudili tiegħu matul l-Olokawst, li fih huwa stmat li ġew esterminati nofs miljun persuna Romani; billi l-anti-Żingariżmu ħa l-forma ta' kważi 500 sena ta' skjavitù għall-persuni Romani fit-territorju ta' dik li hi r-Rumanija tal-lum; billi minħabba sekli sħaħ ta' diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali, ir-Romani ma setgħux jibbenefikaw b'mod effiċjenti u sinifikanti mill-iżvilupp soċjoekonomiku kontinwu tas-soċjetajiet tagħna; billi dawn tħallew jibqgħu lura u b'konsegwenza ta' dan, id-disparitajiet bejn ir-Romani u l-popolazzjoni ġenerali żdiedu;
AA. billi l-kriżi tal-COVID-19 kompliet taggrava s-sitwazzjoni ta' komunitajiet emarġinati tar-Romani f'siti u insedjamenti ffullati żżejjed, u billi f'din il-kriżi r-razziżmu, id-diskriminazzjoni, l-esklużjoni, il-vjolenza tal-pulizija kontra r-Romani u l-attitudnijiet anti-Żingaristi bit-twemmin li r-Romani jxerrdu l-virus ġew aggravati, u minħabba li għandhom aċċess limitat għal kura tas-saħħa adegwata, ilma tax-xorb, sanità u ikel, ir-Romani jinsabu f'riskju akbar li jiġu infettati bil-COVID-19; billi s-sitwazzjoni ta' kriżi tal-COVID-19 għaldaqstant enfasizzat, b'mod ċar ħafna, il-ħtieġa urġenti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw l-inklużjoni tar-Romani; billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ u kura medika ta' emerġenza sabiex jillimitaw it-tixrid tal-virus; billi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19 jheddu li jolqtu l-aktar lill-popolazzjoni tar-Romani u japprofondixxu l-inugwaljanzi eżistenti fl-oqsma prijoritarji kollha tal-integrazzjoni tar-Romani;
Proposta leġiżlattiva tal-UE għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni tal-Persuni Romani u l-Ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; proposta strateġika tal-UE għal wara l-2020: il-prijoritajiet u finanzjament adegwat
1. Jinnota li r-Romani huma soġġetti għall-anti-Żingariżmu - forma speċifika ta' razziżmu - b'mod persistenti, li jwassal għall-ogħla rati ta' faqar u esklużjoni soċjali; jinnota b'dispjaċir li minkejja l-iżvilupp soċjoekonomiku kontinwu fl-UE u l-isforzi biex tiġi żgurata l-inklużjoni tar-Romani kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, is-sitwazzjoni ġenerali tar-Romani fl-UE ma tjibitx; sikwit, dan huwa minħabba anti-Żingariżmu persistenti u nuqqas ta' rieda politika; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju u tintroduċi "politika ta' integrazzjoni tar-Romani" sabiex tintegra l-perspettiva tar-Romani fl-istadji u fil-livelli kollha tal-politiki, programmi u proġetti ġenerali, iżda mingħajr ma teskludi l-approċċ immirat, u tipprevjeni d-diskriminazzjoni fil-politika tal-UE b'mod ġenerali u tiffaċilita l-azzjoni affermattiva u l-outreach attiv għar-Romani; jistieden lill-Istati Membri jsegwu din it-triq ukoll, u joħolqu politiki li jgħinu l-inklużjoni attiva tar-Romani fis-soċjetajiet tagħna;
2. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni tal-persuni Romani u l-Ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, abbażi ta' valutazzjoni b'reqqa tal-impatt u b'konsultazzjonijiet sistemiċi mal-poplu Romani, esperti Romani u pro-Romani u NGOs mil-livell nazzjonali, reġjonali u speċjalment mil-livell lokali, kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; iqis li din il-proposta tista' tkun ibbażata fuq l-Artikolu 19(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika tal-persuni r-Romani; huwa tal-fehma li r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li ntużat qabel ma hijiex forma ta' att suffiċjenti, peress li ma kinitx legalment vinkolanti u ma kinitx għamlet impatt pożittiv suffiċjenti fuq il-persuni Romani; jistieden lill-Kummissjoni tqis l-eteroġeneità interna tal-komunità fl-oqsma ta' prijorità tal-proposta għal wara l‑2020, filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa' lura, u jinkoraġġixxi b'qawwa l-użu tad-deżinjazzjoni "persuni Romani" meta ssir referenza għall-gruppi Romani fil-politiki u d-diskussjonijiet tal-UE ta' wara l‑2020; jinnota li l-parteċipazzjoni ugwali fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika, il-parteċipazzjoni politika, u l-lingwa, l-arti, il-kultura u l-istorja tal-persuni Romani għandhom jissemmew b'mod espliċitu fil-proposta tal-UE wara l-2020 għar-Romani, bħala miżuri addizzjonali għall-erba' oqsma ta' prijorità ewlenin tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa;
3. Huwa tal-fehma li l-proposta għandha tagħti prijorità lill-ksib ta' impatt pożittiv sinifikanti; għandha tiġbor fiha taħlita ta' aspetti soċjoekonomiċi u approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, inkluż pjan biex jiġu eliminati l-inugwaljanzi fir-rigward tal-akkomodazzjoni, is-saħħa, l-impjiegi u l-edukazzjoni; għandha tinkludi objettivi speċifiċi, komparabbli, li jistgħu jintlaħqu, vinkolanti u marbuta biż-żmien għall-protezzjoni u t-titjib tal-integrazzjoni tar-Romani, fosthom dawk li jappartjenu għal gruppi li jħabbtu wiċċhom ma' diversi tipi ta' diskriminazzjoni, bħaż-żgħażagħ, in-nisa u l-bniet, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità, għall-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva, l-iżvilupp fit-tfulija bikrija u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni; għandha tagħti prijorità lil approċċ ta' ġustizzja, minħabba n-natura kollettiva u strutturali tad-diskriminazzjoni kontra r-Romani; jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ta' wara l-2020 għandha tiffoka fuq il-ġlieda kontra l-faqar u l-anti-Żingariżmu, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tas-saħħa u l-ikkombinar ta' approċċ immirat u ġenerali;
4. Jinnota li biex il-proċess futur tal-UE ta' integrazzjoni tar-Romani jkun ta' suċċess u kredibbli hemm bżonn ta' bidla fundamentali fl-approċċ, minn approċċ paternalistiku għal wieħed mhux paternalistiku fir-rigward tar-Romani fl-iżvilupp tal-politiki; jenfasizza li l-isforzi nazzjonali favur l-integrazzjoni tar-Romani għandhom jiġu aċċellerati fl-Istati Membri kollha tal-UE; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-enfasi għandha ssir fuq dawk b'popolazzjoni kbira ta' Romani, fejn proċess ineffettiv tal-integrazzjoni tar-Romani jippreżenta sfidi makroekonomiċi, japprofondixxi d-disparitajiet reġjonali u b'hekk ixekkel il-koeżjoni soċjali tal-UE; jissottolinja li l-appoġġ tal-UE lil dawk il-pajjiżi għandu jikkorrispondi għall-isfidi, u għandha tingħata aktar attenzjoni lill-effikaċja tal-politiki u l-miżuri f'dawn il-pajjiżi; huwa tal-opinjoni li l-proposta ta' wara l-2020 għandha tinkludi wkoll element estern li jittratta l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni u l-pajjiżi kandidati potenzjali kif ukoll il-pajjiżi tal-viċinat, li permezz tiegħu l-UE tista' tappoġġja lil dawn il-pajjiżi fl-iżvilupp ta' strateġiji komprensivi u fit-tul għall-integrazzjoni tar-Romani u toffri appoġġ finanzjarju f'oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi;
5. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabta bejn l-istrumenti finanzjarji u ta' politika ġenerali tal-UE u l-objettivi relatati mal-iżvilupp soċjoekonomiku u l-inklużjoni tan-nies Romani stabbiliti mill-proposta legalment vinkolanti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmobilizza l-finanzjament għall-ugwaljanza, l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tar-Romani fl-ambitu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-Pjan ta' Rkupru tal-UE; jinsisti f'dan ir-rigward li l-entitajiet involuti fi prattiki diskriminatorji kontra r-Romani, jew li jieħdu deċiżjonijiet jew jimplimentaw miżuri għal dan il-għan, m'għandhomx ikunu eliġibbli għal finanzjament mill-baġit tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi tat-tkabbir jaġġustaw il-mekkaniżmi finanzjarji ġenerali eżistenti u jagħmluhom flessibbli għall-użu mħallat ta' fondi fil-komunitajiet Romani billi jippermettu l-aċċess għall-informazzjoni, outreach, il-bini tal-kapaċitajiet, l-għoti ta' assistenza teknika u garanziji matul il-proċess ta' applikazzjoni għall-finanzjament; huwa tal-fehma li l-fondi sikwit jintefqu bl-aktar mod effikaċi fil-livell lokali mill-gvernijiet u l-NGOs lokali, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni żżid il-fondi ddistribwiti lilhom b'mod dirett, u tinvolvi r-rappreżentanti Romani lokali fl-implimentazzjoni; huwa tal-fehma li sabiex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Romani u pro-Romani, għandhom jitqiesu rekwiżiti ta' kofinanzjament aktar flessibbli, peress li ħafna NGOs, speċjalment mil-livell lokali, ma jistgħux jaffordjaw kontribuzzjonijiet finanzjarji proprji, peress li dan huwa ostaklu fl-aċċess għall-fondi tal-UE għall-NGOs fil-livell lokali; jistieden lill-Kummissjoni tirrispondi b'mod effettiv għat-tħassib dwar l-ispazju li dejjem qed jonqos għas-soċjetà ċivili indipendenti f'xi Stati Membri; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-COVID-19 jaf twassal għal tnaqqis fir-rigward tal-programmi dwar id-Drittijiet u l-Valuri għall-QFP 2021-2027 li jmiss, jintlaqtu ħażin l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur il-komunitajiet Romani u b'hekk jintlaqat ħażin l-outreach għall-komunitajiet Romani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw dan ir-riskju b'mod effettiv;
6. Jistieden lill-Istati Membri jikkomplementaw l-appoġġ finanzjarju tal-UE sabiex itejbu s-sitwazzjoni tar-Romani; jistieden lill-Istati Membri jindikaw liema livell ta' finanzjament ikun meħtieġ biex iwettqu l-miżuri proposti għall-integrazzjoni tar-Romani u jiddikjaraw l-ammont ta' flus disponibbli għal tali miżuri mill-baġits nazzjonali u minn dawk tal-UE;
7. Jistieden lill-Istati Membri jintegraw metodoloġiji ta' mmappjar aħjar għall-komunitajiet Romani emarġinati u mekkaniżmi ta' finanzjament imsaħħa fl-istrutturi tal-iżvilupp reġjonali u lokali tagħhom li jagħtu lok għal aktar investimenti immirat f'komunitajiet Romani emarġinati u inklużjoni aħjar tal-komunitajiet Romani fl-implimentazzjoni tal-fondi sabiex jiġi żgurat li l-fondi allokati jaslu għand ir-Romani u jintefqu sew u mhux jiġu użati ħażin;
Il-ġbir ta' data diżaggregata
8. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir ġbir sistematiku ta' data robusta u diżaggregata skont l-etniċità u skont il-ġeneru biex talimenta l-analiżi tal-ħtiġijiet u tal-kuntest, tgħin fl-istabbiliment tal-miri u tal-indikaturi tal-impatt sabiex jiġi żgurat l-aħjar eżitu f'termini ta' tqabbil tal-ħtiġijiet mal-ippjanar u l-ibbaġitjar, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' metodi kontrofattwali tal-evalwazzjoni tal-impatt sabiex jitnaqqas id-distakk bejn l-oqfsa ta' politika u l-implimentazzjoni fil-prattika; ifakkar li limitazzjoni kritika għal xi interventi hija d-distakk bejn l-ambizzjoni u l-kapaċità tal-istruttura stabbilita biex jinkisbu r-riżultati, minħabba n-nuqqas ta' ppjanar ibbażat fuq id-data, ibbaġitjar insuffiċjenti u l-ħolqien ta' ħtiġijiet ġodda u mhux previsti;
9. Ifakkar li fl-2016, il-QEA kkonkludiet li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom kienu sfida sinifikanti għall-Istati Membri kollha li saritilhom żjara; jistieden lill-Kummissjoni tibni approċċi innovattivi, orjentati lejn l-impatt u bbażati fuq id-data bħala input dirett għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi;
10. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri fuq metodoloġija komuni biex tiġi miġbura u ppubblikata data dwar l-ugwaljanza diżaggregata skont l-oriġini etnika kif definit mid-Direttiva tal-UE dwar l-Ugwaljanza Razzjali li tkun volontarja, anonima u tiżgura l-protezzjoni tad-data personali, l-awtoidentifikazzjoni u l-konsultazzjoni mal-komunitajiet rilevanti, sabiex tinkiseb data affidabbli u komparabbli skont l-oqfsa legali nazzjonali rilevanti u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data biex tappoġġja politiki bbażati fuq l-evidenza, biex tittejjeb l-effikaċja tal-istrateġiji u l-miżuri meħuda u biex jiġu identifikati l-problemi strutturali;
11. Jistieden lill-Istati Membri jużaw id-data kollha disponibbli biex jistabbilixxu punti ta' riferiment u jiggwidaw l-iżvilupp tal-programmi ta' politika; jenfasizza li huwa vitali li jiġi żviluppat profil aktar preċiż tal-popolazzjoni Romani u tal-ħtiġijiet tagħhom, inkluż fil-pajjiżi kandidati; jissottolinja li l-linji gwida tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali jkunu kruċjali f'dan ir-rigward;
Parteċipazzjoni ugwali tal-persuni Romani fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni
12. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu inklużiv biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, esperti u membri tal-komunità - Romani u pro-Romani - mil-livelli kollha, filwaqt li jinbidel l-approċċ, minn wieħed paternalistiku għal wieħed mhux paternalistiku, inklużi dawk attivi fil-livell lokali u f'dak reġjonali, filwaqt li titqies il-perspettiva tal-ġeneru fid-dibattitu politiku u fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-votanti Romani;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Task Force dwar ir-Romani fil-livell tal-UE biex tiffaċilita l-integrazzjoni tar-Romani f'oqsma differenti ta' politika u ssaħħaħ il-pożizzjoni tar-Romani billi tappoġġja l-bini tal-kapaċità tal-atturi kollha involuti fil-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar ir-Romani fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, b'mod sostantiv, dinjituż, imparzjali, inklużiv u trasparenti; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-istess meta jkunu qed joħolqu l-Istrateġiji Nazzjonali tagħhom għall-Integrazzjoni tar-Romani wara l-2020; jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali, inklużi NGOs, attivisti, esperti lokali, esperti reġjonali, membri tal-komunità u l-persuni milquta mill-anti-Żingariżmu jeħtieġ ikunu involuti b'mod sinifikanti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni u politiki pubbliċi oħra fil-konfront tar-Romani, filwaqt li jagħmlu l-parteċipazzjoni tar-Romani standard ta' kwalità komuni u vinkolanti għall-qafas ġejjieni u għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni;
14. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Romani għal wara l-2020, akkumpanjati minn qafas komprensiv ta' valutazzjoni konġunta u b'baġit adegwat definit minn qabel, inkorporati fil-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali soġġett għal rieżami u evalwazzjoni perjodiċi u li jirriflettu l-iskala tal-ħtiġijiet ta' inklużjoni soċjali tan-nies Romani; jenfasizza li meta jiġu żviluppati l-baġits lokali, reġjonali u nazzjonali, l-integrazzjoni tal-persuni Romani trid tkun waħda mill-prijoritajiet; jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu f'approċċ orizzontali fl-Istrateġiji Nazzjonali tagħhom għall-Inklużjoni, fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, valutazzjoni tal-progress li jkun sar fl-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni;
L-anti-Żingariżmu u diskriminazzjoni intersezzjonali
15. Itenni l-pożizzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu mressqa fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu; minħabba li s'issa ttieħdet azzjoni limitata, jistieden lill-Kummissjoni tintegra dawk ir-rakkomandazzjonijiet fil-proposta tal-UE ta' wara l-2020 għall-Ugwaljanza, l-Integrazzjoni u l-Parteċipazzjoni tar-Romani u l-Ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet relatati mal-anti-Żingariżmu u l-verità u r-rikonċiljazzjoni, peress li dawn huma l-ġebla tax-xewka għall-bini ta' soċjetà b'saħħitha u inklużiva; jirrifjuta bil-qawwa n-narrattiva politika u l-populiżmu biex tinbena politika tal-gvern fuq l-inċitament tal-anti-Żingariżmu, l-eżerċitar tal-għoti tal-ħtija lir-Romani u l-promozzjoni tad-diskriminazzjoni jew is-segregazzjoni, kemm b'mod dirett kif ukoll b'mod indirett; huwa tal-opinjoni li tali azzjonijiet politiċi ma jmorrux biss kontra l-kostituzzjonijiet nazzjonali iżda wkoll id-drittijiet fundamentali u l-valuri mnaqqxa fit-Trattati tal-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni immedjata billi tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur meta jkun hemm riskju ta' ksur tad-dritt tal-UE;
16. Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-anti-Żingariżmu b'mod uffiċjali bħala forma speċifika ta' razziżmu kontra n-nies Romani;
17. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-anti-Żingariżmu fl-oqsma ewlenin kollha tal-proposta ta' wara l-2020 u jitlob b'insistenza miżuri leġiżlattivi u tal-politika Ewropej u nazzjonali effettivi biex jindirizzaw dan il-fenomenu, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi tat-tkabbir; iqis li l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu hija kwistjoni orizzontali u li għandha titqies fl-oqsma kollha tal-politika tal-Unjoni, inklużi t-teknoloġiji ġodda; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-teknoloġiji l-ġodda mfassla u użati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma joħolqux riskji ta' diskriminazzjoni għall-minoranzi razzjali u etniċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra l-ħidma tal-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika futur; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sinerġiji aktar b'saħħithom bejn il-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza u l-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tar-Romani biex jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu; Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza effettiva, il-mandat u r-riżorsi meħtieġa tal-korpi tal-ugwaljanza biex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali anke tan-nies Romani; huwa tal-fehma li l-korpi tal-ugwaljanza huma l-istituzzjonijiet xierqa biex jiġbru d-data u josservaw ix-xejriet dwar l-anti-Żingariżmu u biex jgħadduhom lil-livell Ewropew;
18. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali għall-ġustizzja u l-ugwaljanza quddiem il-liġi għan-nies Romani; jistieden lill-Istati Membri jipproteġu lin-nies Romani mit-theddid minn gruppi tal-lemin estrem, jinvestigaw inċidenti ta' abbuż mill-pulizija u jiżguraw il-parteċipazzjoni tar-Romani fil-forzi tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw Linji Gwida u jiżviluppaw taħriġ għall-forzi tal-pulizija kontra l-kriminalizzazzjoni sproporzjonata tan-nies Romani, it-tfassil ta' profili etniċi, proċeduri eċċessivi ta' waqfien u ta' tiftix fuq il-persuna, raids bla raġuni fl-insedjamenti tar-Romani, is-sekwestru u l-qerda arbitrarji tal-proprjetà, l-użu eċċessiv tal-forza waqt l-arresti, attakki, theddid, trattament umiljanti, l-abbuż fiżiku, u t-tiċħid tad-drittijiet waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija u l-kustodja u fl-infurzar insuffiċjenti tal-liġi min-naħa tal-pulizija fir-reati mwettqa kontra r-Romani, fejn dawn tal-aħħar jingħataw ftit jew l-ebda assistenza u protezzjoni (bħal pereżempju f'każijiet ta' traffikar u għall-vittimi ta' vjolenza domestika), filwaqt li l-każijiet ta' reati rrapportati minn persuni Romani (b'mod partikolari reati ta' mibegħda) ma jiġux investigati kif suppost jew ma jiġu investigati xejn; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni sħiħa ta' każijiet bħal dawn; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rimedji xierqa;
20. Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa li l-fenomenu tad-diskors ta' mibegħda online jirrikjedi riflessjoni u azzjoni ulterjuri sabiex jiġi regolat u jinstabu modi ġodda kif tiġi miġġielda retortika ta' dan it-tip, bħal narrativa alternattiva u teknoloġiji li jivverifikaw il-fatti;
21. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar prattiċi effettivi tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali u jiżguraw l-infurzar effettiv tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija għall-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu persistenti; Itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jiżblokka n-negozjati dwar id-direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni, peress li din hija prerekwiżit biex tinkiseb l-ugwaljanza fl-UE;
22. Jistieden ukoll lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari rigward il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tal-vittmi Romani milquta u l-għoti ta' assistenza ġudizzjarja;
23. Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali li jaħtru korp speċjalizzat għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali u etnika;
24. Huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni rigward is-sitwazzjoni u d-drittijiet tal-individwi fl-intersezzjonijiet tar-raġunijiet tad-diskriminazzjoni fl-UE, b'mod partikolari n-nisa, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabilità;
25. Ifakkar fir-rwol kritiku tal-midja fit-tnaqqis tal-attitudnijiet anti-Żingaristi permezz ta' kopertura mhux diskriminatorja tal-minoranzi;
Is-saħħa
26. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri biex itejbu l-aċċess tal-persuni Romani għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva ta' kwalità tajba u bi prezz li jintlaħaq, inkluża l-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u b'mod partikolari għan-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità; itenni li element ewlieni f'dan ir-rigward huwa li jittejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, kemm l-aċċess fiżiku kif ukoll it-tneħħija tal-ostakoli intanġibbli tal-preġudizzju u r-razziżmu;
27. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw biżżejjed finanzjament għat-titjib tal-kundizzjoni tas-saħħa ġenerali tal-komunitajiet tar-Romani permezz ta' edukazzjoni dwar is-saħħa u dik sesswali, permezz ta' attivitajiet mobbli għall-iskrinjar tas-saħħa fiż-żoni segregati, permezz ta' kampanji ta' edukazzjoni dwar is-saħħa fir-rigward tal-prevenzjoni, u permezz tat-taħriġ tal-ħaddiema soċjali u tal-qasam tas-saħħa dwar id-diversità, li jikkontribwixxi għall-adattament tas-sistemi tas-saħħa tal-UE għad-diversità;
28. Jikkundanna b'qawwa s-segregazzjoni etnika ta' nisa Romani fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa materna; jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu minnufih il-forom kollha ta' segregazzjoni etnika fil-faċilitajiet tas-saħħa, inkluż fil-kuntesti tal-kura tas-saħħa materna;
29. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw rimedji effettivi u f'waqthom għas-superstiti kollha tal-isterilizzazzjoni mġiegħla u koerċittiva, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' skemi effettivi ta' kumpens;
Aċċess ugwali u ekwu għall-edukazzjoni u għall-arti, il-lingwa u l-kultura Romani
30. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal għodod jew sottoprogrammi ġodda ta' finanzjament li għandhom ikunu komplementari għall-miżuri tal-Istati Membri għal appoġġ immirat u mfassal apposta għal edukazzjoni ta' kwalità għall-istudenti Romani li jkollhom tliet snin jew aktar, li qed iħabbtu wiċċhom ma faqar estrem u li m'għandhomx aċċess għall-inizjattivi ta' finanzjament eżistenti u futuri tal-UE għall-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, bħall-Erasmus Plus, il-Garanzija għat-Tfal jew il-Fond Soċjali Ewropew Plus;
31. Jinnota li f'xi Stati Membri sar biss progress limitat matul is-snin preċedenti fil-qasam tal-edukazzjoni tat-tfal Romani żvantaġġati soċjalment minħabba, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' rieda politika u l-anti-Żingariżmu, u dak wassal biex id-distakk bejn l-eżiti edukattivi tal-istudenti Romani u dawk tal-istudenti mhux Romani għadu kbir; ifakkar li huwa essenzjali li t-tfal Romani jingħataw bidu indaqs fil-ħajja, biex jitkisser iċ-ċiklu tat-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku fl-oqsma kollha ta' politika u jpoġġu l-edukazzjoni tat-tfal Romani fuq quddiem fl-aġendi tal-gvernijiet;
32. Jirrakkomanda li l-edukazzjoni tal-istudenti Romani vulnerabbli għandha tibda kmieni kemm jista' jkun, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi f'kull Stat Membru, billi jiġu inklużi f'servizzi ugwali, bi prezz li jintlaħaq, aċċessibbli u inklużivi tat-tfulija bikrija u tal-indukrar tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw strateġiji u programmi intiżi biex jiffaċilitaw l-aċċess tar-Romani għall-faċilitajiet tal-indokrar tat-tfal, l-iskejjel u l-universitajiet, li huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp personali u tal-karrieri, u jfakkar li l-attivitajiet extrakurrikulari, bħal attivitajiet sportivi jew artistiċi, huma mezzi eċċellenti ta' integrazzjoni;
33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament xieraq lill-NGOs li jipprovdu tali attivitajiet peress li dawn l-attivitajiet huma kruċjali biex jinħolqu ambjent u kundizzjonijiet fejn it-tfal minn kull sfond ikollhom opportunitajiet indaqs; iqis li l-iskambju ta' prattiki tajba bejn l-Istati Membri wkoll huwa kruċjali f'dan il-qasam;
34. Jinsab partikolarment imħasseb mil-livell għoli ta' segregazzjoni tat-tfal Romani fl-iskejjel u l-prattika diskriminatorja li t-tfal Romani jitpoġġew fi skejjel għat-tfal b'diżabilità mentali, li għadhom ippersistu f'xi Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jtemmu prattiki bħal dawn, f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli kontra d-diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-miżuri biex tiġi eliminata kwalunkwe forma ta' segregazzjoni, fl-iskejjel jew fil-klassijiet, tal-istudenti Romani, f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013, billi jimplimentaw firxa wiesgħa ta' miżuri li jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet ikkonċernati lokali, b'mod partikolari lill-ġenituri u t-tfal Romani, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-komunità, u billi jiġu żviluppati azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni;
35. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-iskejjel u l-ispettorati kollha jissodisfaw verament l-obbligu legali tagħhom li jiddesegregaw l-iskejjel u anke li jimpenjaw ruħhom li kull sena jiġbru u jippubblikaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-segregazzjoni tal-iskejjel fil-livelli kollha, inkluż billi jissanzjonaw lil dawk li jonqsu milli jikkonformaw; Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw prattiki tajba bħall-istabbiliment u l-għoti ta' kapaċitajiet u riżorsi lil kummissjoni ministerjali ta' desegregazzjoni sabiex tappoġġja lill-iskejjel li jixtiequ jiddesegregaw u tissanzjona lil dawk li ma jikkonformawx; ifakkar li l-Kummissjoni fetħet tliet proċeduri ta' ksur dwar is-segregazzjoni tat-tfal Romani; huwa tal-opinjoni li f'dawn l-aħħar snin, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, ma kienx hemm titjib; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri u tirreferi dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea jekk ikun meħtieġ;
36. Ifakkar fil-ħtieġa urġenti li l-ġenituri Romani jiġu involuti f'kull stadju tal-edukazzjoni tat-tfal tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi mmirati lejn l-inklużjoni tal-ġenituri Romani fil-proċess skolastiku u l-iżvilupp edukattiv u personali tat-tfal tagħhom; jenfasizza li l-kapaċità tal-Istati Membri li jiżguraw l-involviment tal-ġenituri Romani tiddependi ħafna minn diversi fatturi, kemm soċjetali kif ukoll ekonomiċi, u jitlob li jingħata appoġġ speċjali - f'termini tal-integrità tas-saħħa, tal-provvista tal-ikel u tal-ħwejjeġ għall-iskola - għall-familji Romani li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet ekonomiċi, soċjali, mediċi jew ta' akkomodazzjoni; jemmen li għat-tfal li abbandunaw l-iskola u/jew li huma illiterati u m'għandhomx ħiliet bażiċi, għandhom jitfasslu opportunitajiet ġodda biex dawn ikomplu l-edukazzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn f'dan ir-rigward;
37. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw l-aċċess indaqs tat-tfal Romani għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, inkluż permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim mis-servizzi fil-komunità u ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri biex, fil-kurrikuli regolari tal-iskola u fil-media, jindirizzaw b'mod strutturat ir-rispett għad-diversità, il-komprensjoni interkulturali u d-drittijiet tal-bniedem; u jinkludu t-taħriġ dwar id-drittijiet tal-bniedem, it-tmexxija u ċ-ċittadinanza demokratika, kif ukoll l-istorja Romani, fil-kurrikuli skolastiċi tagħhom, u jxerrdu u jespandu programmi universitarji Romani fil-livell Ewropew;
38. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu liġijiet u miżuri ta' politika bil-għan li jiżguraw rimedji għat-tfal Romani kollha li ngħataw dijanjożi ħażina u tpoġġew fi skejjel speċjali jew fi klassijiet għar-Romani biss jew fi skejjel abbażi tal-oriġini etnika u li b'konsegwenza ta' dan ġew imċaħħda mid-drittijiet fundamentali u l-opportunitajiet għal edukazzjoni ta' kwalità u impjiegi tajbin;
39. Huwa tal-fehma li l-COVID-19 ħolqot il-ħtieġa tal-użu attiv tat-teknoloġiji u l-metodi tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT); jenfasizza madankollu li l-pandemija żvelat nuqqas ta' livell suffiċjenti ta' tħejjija fit-trasformazzjoni diġitali, peress li ħafna familji Romani u l-iskejjel tagħhom mhumiex mgħammra b'għodod u ħiliet adegwati tal-ICT, u spiss ma jkollhomx riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-elettriku u l-konnettività diġitali; iqis li l-pussess ta' tagħmir tal-ICT huwa l-punt kruċjali fl-edukazzjoni diġitali u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq ġabra ta' għodod tal-ICT u tqassamhom fost il-familji u t-tfal l-aktar vulnerabbli biex tipprovdilhom l-għodod bażiċi għat-tagħlim mill-bogħod u tħejjihom għall-era diġitali; iqis li l-aċċess għall-internet u l-ħiliet tal-ICT huma pedament tal-era diġitali li jmiss għal kull ċittadin, u bħala tali huwa essenzjali wkoll għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-persuni Romani; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi d-dispożizzjonijiet relatati mal-aċċess għall-internet fil-proposta għal wara l-2020; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-ħiliet tal-ICT fil-kurrikulu tagħhom minn età bikrija u jinvestu fi programmi ta' litteriżmu diġitali li jistgħu jappoġġjaw lit-tfal Romani;
40. Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-lingwa, il-kultura u l-istorja tar-Romani fil-kurrikuli tal-iskejjel, il-mużewijiet u forom oħra ta' espressjoni kulturali u storika, u jirrikonoxxu l-kontribut tal-kultura tar-Romani bħala parti mill-Wirt Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri koerenti u konsistenti, b'baġits xierqa biex jistimulaw, jappoġġjaw u jippromwovu l-arti u l-kultura Romani, jirriċerkaw u jippreservaw il-materjal u l-wirt intanġibbli tal-kultura tradizzjonali Romani u biex jerġgħu jqajmu u jippromwovu s-snajja' tradizzjonali tar-Romani;
L-akkomodazzjoni ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq, il-ġustizzja ambjentali
41. Jisħaq li l-akkomodazzjoni mhijiex komodità, iżda neċessità, li mingħajrha l-persuni la jistgħu jieħdu sehem għalkollox fis-soċjetà u lanqas ikollhom aċċess għad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw fil-politiki tagħhom ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-dritt għal akkomodazzjoni bi prezz li jintlaħaq, id-dover ittraskurat tal-Ewropa (The right to affordable housing, Europe's neglected duty), b'referenza partikolari għall-iżgurar li l-Istati Membri kollha jaċċettaw minnufih li jkunu marbuta bl-Artikolu 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta li tittratta d-dritt għall-akkomodazzjoni, u jżidu l-investiment f'akkomodazzjoni soċjali u bi prezz li jintlaħaq biex jitneħħa l-piż eċċessiv tal-ispiża tal-akkomodazzjoni, b'mod partikolari fost il-gruppi emarġinati;
42. Iħeġġeġ b'qawwa lill-Istati Membri jiżguraw li r-Romani jkunu rreġistrati kif xieraq b'karti tal-identità u b'ċertifikati tat-twelid, u li l-proprjetajiet tagħhom (l-artijiet u d-djar) ikunu rreġistrati wkoll, u jiżguraw proċeduri legali u amministrattivi aktar flessibbli fil-futur;
43. Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fil-kundizzjonijiet ta' akkomodazzjoni ffullati u inumani li jgħixu fihom ir-Romani, jillegalizzaw l-insedjamenti informali tagħhom, billi jinvestu fl-infrastruttura u t-titjib tal-akkomodazzjoni għall-insedjamenti informali li jkun għadhom kemm ġew legalizzati;
44. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmu komprensiv biex jiġi żgurat li d-diskriminazzjoni u l-abbuż kontra l-persuni Romani fil-qasam tal-akkomodazzjoni jiġu prevenuti u sanzjonati, biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nuqqas ta' akkomodazzjoni u biex ikunu provduti siti xierqa fejn il-persuni Romani mhux sedentarji jkunu jistgħu jieqfu; jistieden lill-Istati Membri jipprevjenu aktar żgumbramenti furzati tal-persuni Romani billi jiżguraw li prattiki bħal dawn isiru dejjem f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, Ewropew u nazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni kkonċernati jingħataw avviż raġonevoli u informazzjoni adegwata u jindika li m'għandhomx isiru żgumbramenti mingħajr ma tiġi provduta akkomodazzjoni ta' sostituzzjoni standard, ta' kwalità u bi prezz li jintlaħaq f'ambjent mhux segregat, u li jkollha aċċess għas-servizzi pubbliċi; jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' investimenti pubbliċi sabiex tingħeleb is-segregazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-desegregazzjoni tal-ispazju; jindika li l-iżolament ġeografiku u s-segregazzjoni tal-akkomodazzjoni jżommu lill-membri tal-minoranzi etniċi 'l bogħod minn impjiegi deċenti, irrispettivament mil-livell ta' kwalifiki tagħhom; jinnota li huwa essenzjali li jinstabu soluzzjonijiet għall-iżgumbramenti permezz tal-involviment ta' istituzzjonijiet differenti, filwaqt li azzjonijiet li jindirizzaw l-akkomodazzjoni tar-Romani għandhom jiġu integrati f'attivitajiet nazzjonali u inizjattivi leġiżlattivi usa' li jiffokaw fuq l-akkomodazzjoni soċjali jew programmi ta' assistenza;
45. Ifakkar li l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 qed jinħassu l-aktar minn dawk li huma l-aktar fil-bżonn, inklużi l-komunitajiet Romani, fl-UE kollha, u jiddeplora l-fatt li l-komunitajiet Romani qed jiġu ddiskriminati u emarġinati aktar minħabba l-pandemija tal-coronavirus; jistieden lill-Istati Membri biex fl-ambitu tal-kriżi tal-COVID-19 jadottaw miżuri urġenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ilma, sanità adegwata, elettriku u infrastruttura meħtieġa fil-komunitajiet Romani foqra; jistieden lill-Istati Membri jinkludu għalkollox l-insedjamenti tar-Romani fil-miżuri ta' diżinfezzjoni, jipprojbixxu l-kanċellazzjoni tas-servizzi bażiċi ta' utilità matul il-pandemija, jikkunsidraw li jissussidjaw l-ispejjeż tal-konsum għall-persuni l-aktar vulnerabbli u għal dawk li tilfu d-dħul, jew li jiffriżaw il-pagamenti sa tmiem il-perjodu tal-pjan ta' rkupru, jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-ġenituri waħedhom/ommijiet waħedhom għall-indukrar tat-tfal, il-ħlasijiet tal-kera u spejjeż oħra tad-dar biex tittaffa t-tbatija finanzjarja, speċjalment fid-dawl tat-telf tal-impjiegi;
46. Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni fl-UE kollha tal-Konvenzjoni ta' Aarhus li torbot id-drittijiet ambjentali mad-drittijiet tal-bniedem; jirrakkomanda li l-inġustizzji ambjentali jiġu integrati fil-proposta ta' wara l-2020 u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-forom differenti ta' diskriminazzjoni ambjentali;
In-nisa u l-bniet Romani
47. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lil perspettiva tal-ġeneru u lill-politiki sensittivi għall-ġeneru u li tiġi miġġielda l-vjolenza (inkluż it-traffikar tal-bnedmin); iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul biex jagħmlu dan b'urġenza; jinnota li l-politiki futuri għandhom jirrikonoxxu dawn id-differenzi u jindirizzawhom billi jipprovdu lin-nisa Romani interventi speċifiċi u forom partikolari ta' appoġġ; jenfasizza li peress li n-nisa u l-bniet Romani spiss jiġu soġġetti għal diversi tipi ta' diskriminazzjoni, għandhom jiġu previsti miżuri speċifiċi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;
48. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u, fejn rilevanti, l-istituzzjonijiet tal-UE jinvolvu lin-nisa Romani, permezz tal-organizzazzjonijiet tan-nisa, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzoni tar-Romani u joħolqu rabtiet bejn il-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u l-istrateġiji ta' integrazzjoni soċjali sabiex tinbena l-fiduċja mal-komunitajiet u tiġi żgurata s-sensittività għall-kuntesti lokali;
49. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tagħhom jinkludu kapitolu speċifiku dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u li f'kull taqsima tagħhom jiġu applikati miżuri ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bl-għan li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari fl-allokazzjoni tal-fondi, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom li jenfasizzaw li jeħtieġ tiġi applikata perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u l-azzjonijiet kollha għall-avvanz tal-inklużjoni tar-Romani; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw jekk il-politiki jkunux qed iġibu t-titjib mixtieq għan-nisa u l-bniet Romani, u jieħdu azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' progress;
50. Jistieden lill-Istati Membri jfasslu miżuri biex jappoġġjaw lin-nisa Romani biex iwettqu għalkollox il-potenzjal u l-possibilitajiet tagħhom li jaġixxu bħala ċittadini attivi indipendenti, emanċipati u li jemmnu fihom infushom; jistieden lill-Istati Membri jespandu s-sistemi ta' medjazzjoni Romani fil-qasam tas-saħħa u fl-iskejjel, obbligatorji, għall-komunitajiet Romani kollha, biex jiġi żgurat medjatur għal kull 500 persuna u biex jiffinanzjaw u jappoġġjaw is-sistemi kif jixraq, filwaqt li jagħtu lill-medjaturi rwol aktar kruċjali fil-proċess tal-inklużjoni;
51. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu lill-bniet u n-nisa Romani b'mod aktar espliċitu fil-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, inkluż fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tan-nisa u t-tfal Romani jiġu rispettati, u li - anke permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni - in-nisa u l-bniet Romani jsiru konxji mid-drittijiet tagħhom fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diskriminazzjoni, u biex ikomplu jiġġieldu kontra t-tradizzjonijiet patrijarkali u sessisti;
Servizzi ta' impjiegi ta' kwalità
53. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw servizzi ta' impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ Romani, inklużi dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ u li qed jiffaċċjaw faqar estrem;
54. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni dwar linji gwida u standards għal politiki ta' reklutaġġ ħielsa mid-diskriminazzjoni għall-Istati Membri u għal min iħaddem, inklużi rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni ta' pjanijiet għall-ugwaljanza fil-livell tal-kumpaniji u fil-ftehimiet kollettivi settorjali u għall-implimentazzjoni ta' task forces dwar id-diversità fuq il-post tax-xogħol, fosthom l-indirizzar tal-istereotipi, il-preġudizzji u l-attitudnijiet negattivi, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ, fil-promozzjoni, fis-salarju u fl-aċċess għat-taħriġ; jenfasizza l-fatt li dawn il-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza għandhom jintużaw ukoll biex tiġi promossa d-diversità etnika u kulturali fuq il-post tax-xogħol, biex jiġu żviluppati regolamenti interni kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju marbuta mar-razziżmu fuq il-post tax-xogħol, biex jiġu mmonitorjati u riveduti r-reklutaġġ, il-progressjoni u ż-żamma tal-forza tax-xogħol mill-aspett tal-ugwaljanza sabiex jiġu identifikati prattiki diskriminatorji diretti jew indiretti u jiġu adottati miżuri korrettivi biex titnaqqas l-inugwaljanza f'kull wieħed minn dawn l-oqsma u, għal dan il-għan, tinġabar data dwar l-ugwaljanza fir-rigward tal-istandards tal-privatezza u tad-drittijiet fundamentali;
55. Jenfasizza li l-aktar punt kritiku li għandu jiġi indirizzat fil-qasam tal-impjiegi fir-rigward tar-Romani hu t-tranżizzjoni effettiva mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-forom differenti ta' impjieg mhux iddikjarat, diskriminazzjoni min-naħa ta' min iħaddem u tqabbil tad-domanda għax-xogħol mal-provvista tal-ħaddiema;
56. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq l-impenn tagħha li tadotta pjan ta' azzjoni biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tinkorpora l-integrazzjoni tar-Romani bħala indikatur fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għal impjiegi deċenti u pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-persuni Romani, u jiggarantixxu li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali u s-servizzi soċjali jkunu adegwati u aċċessibbli u jintużaw mill-benefiċjarji potenzjali kollha, u jinkludu kopertura ta' kura tas-saħħa universali mingħajr diskriminazzjoni, kif ukoll skemi ta' introjtu minimu u drittijiet tal-pensjoni;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-parlamenti subnazzjonali u lill-kunsilli tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l‑Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.
FRA, "Second European Union Minorities and Discrimination Survey, Roma – Selected findings, 2016." (FRA, it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Ir-Rom – Sejbiet magħżula, 2016.)
FRA, "Second European Union Minorities and Discrimination Survey, Roma – Selected findings, 2016." (FRA, it-Tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Ir-Rom – Sejbiet magħżula, 2016.)