Id-difiża: kif l-UE qed tagħti spinta lis-sigurtà tagħha

Filwaqt li huwa f'idejn kull pajjiż tal-UE li jorganizza d-difiża tiegħu stess, it-tensjonijiet ġeopolitiċi reċenti wasslu għal spinta għal kooperazzjoni militari akbar fil-livell tal-UE.

Ritratt mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża
Ritratt mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

Il-gwerra tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna u l-bidliet fil-politika barranija tal-Istati Uniti żiedu l-urġenza għall-UE biex issaħħaħ is-sigurtà u d-difiża tagħha u tħaffef l-isforzi biex issaħħaħ il-kapaċitajiet militari Ewropej.

 

Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat f’Marzu 2025, żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE (66 %) iridu li l-UE jkollha rwol akbar fil-protezzjoni tagħhom kontra kriżijiet globali u riskji għas-sigurtà. Is-sigurtà u d-difiża ġew identifikati bħala l-qasam li fuqu l-UE għandha tiffoka l-aktar, peress li huma l-ogħla prijorità għal 36 % ta’ dawk li wieġbu madwar l-UE.

 

Kien hemm diversi inizjattivi konkreti tal-UE f’dawn l-aħħar snin biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni u jsaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li tiddefendi lilha nnifisha. Il-Parlament Ewropew qed jinsisti biex isir ħafna aktar.

 

Żieda fl-infiq għad-difiża

 

Il-pajjiżi tal-UE jinvestu aktar fil-militar 

 

L-infiq fuq id-difiża fost il-pajjiżi tal-UE żdied b’aktar minn 30 % bejn l-2021 u l-2024 biex laħaq madwar €326 biljun għall-2024. Dan jiġi 1.9 % tal-PDG tal-UE. L-infiq ilu jiżdied b’mod konsistenti mill-2014 meta ammonta għal €147 biljun biss.

€326 biljun

L-infiq totali stmat fuq id-difiża fost il-pajjiżi tal-UE fl-2024

L-appoġġ tal-UE għal investimenti fis-sigurtà u d-difiża


F’Marzu 2025, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-Pjan ReArm Europe/Readiness 2030. Il-pjan għandu l-għan li jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jinvestu fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom.

 

Il-Kummissjoni tipproponi li l-pajjiżi tal-UE għandhom jitħallew jallokaw sa 1.5% tal-PDG kull sena għad-difiża mingħajr ma jiġu sanzjonati talli jkollhom defiċits baġitarji eċċessivi.

 

Barra minn hekk, l-UE se toffri self sa €150 biljun sabiex il-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jixtru prodotti militari b'mod konġunt. L-iskema għandha tkun miftuħa wkoll għall-Ukrajna u pajjiżi oħra bħan-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, kif ukoll pajjiżi kandidati tal-UE.

 

Il-Kummissjoni tistma li l-pjan jista' jimmobilizza €800 biljun u jgħin biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża fl-istati membri kollha.

 

Il-Parlament jilqa' l-pjan tal-UE biex tingħata spinta lill-infiq fuq id-difiża

 

Il-Parlament Ewropew laqa’ l-pjan għall-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-infiq fuq id-difiża f’riżoluzzjoni f’Marzu 2025 u appella għal mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi biex jiffinanzjaw investimenti militari fuq skala kbira mill-pajjiżi tal-UE.

 

Il-Membri tal-PE argumentaw ukoll favur azzjoni urġenti biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' sigurtà u difiża tal-UE, jingħata appoġġ addizzjonali lill-Ukrajna kontra l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja, u titnaqqas id-dipendenza fis-sigurtà u d-difiża fuq sħab mhux tal-UE.

 

B'reazzjoni għall-Pjan ReArm Europe u għal dokument ta' strateġija relatat tal-Kummissjoni dwar id-difiża Ewropea, il-President tal-Parlament Roberta Metsola qalet lill-mexxejja tal-UE fil-laqgħa tagħhom tal-20 ta' Marzu 2025: “Fi kliem sempliċi: L-Ewropa għandha tippożizzjona lilha nnifisha bħala forza li għandha tiġi kkunsidrata. Dan ifisser li tkun ippreparata ... Ifisser li nieħdu bis-serjetà s-sigurtà, l-istat ta’ tħejjija u l-kompetittività tagħna.”

 

It-tħaffif tal-produzzjoni tal-armi

 

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzat il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ l-istrateġija tagħha għas-sigurtà u d-difiża u tħaffef il-produzzjoni tal-armi.

 

F’Lulju 2023, il-Parlament ivvota favur l-allokazzjoni ta’ €500 miljun f’finanzjament biex jgħin lill-industrija tal-UE żżid il-produzzjoni ta’ munizzjon u missili biex iżżid il-konsenji lejn l-Ukrajna u tgħin lill-pajjiżi tal-UE jimlew mill-ġdid l-istokkijiet, l-hekk imsejjaħ Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon.

Appoġġ lill-pajjiżi tal-UE biex jixtru aktar prodotti militari

 

Il-Membri tal-PE appoġġaw att leġiżlattiv ieħor, it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Att dwar l-Akkwist Komuni (EDIRPA) f'Settembru 2023 biex jappoġġja lill-pajjiżi tal-UE fix-xiri konġunt ta' prodotti tad-difiża bħal sistemi ta' armi, munizzjon u tagħmir mediku, sabiex jgħin biex jimtlew l-aktar lakuni urġenti u kritiċi.

 

L-għan tal-att kien li jagħti spinta lill-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea u jrawwem il-kooperazzjoni dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża. Dan segwa ftehim f’Ġunju 2023 mill-Parlament u mill-Kunsill.

 

L-għodda għandha baġit ta’ 300 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2025. Ix-xiri konġunt għandu jinvolvi mill-inqas tliet pajjiżi tal-UE. Huwa miftuħ ukoll għan-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżlanda.

 

Żieda fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-industrija tad-difiża

 

Fl-2024, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta dwar il-Programm Ewropew għall-Industrija tad-Difiża, li għandha l-għan li tagħti spinta lill-industrija tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE. Il-programm għandu jalloka €1.5 biljun bejn l-2025 u l-2027 biex jitnaqqas id-distakk bejn il-ħtiġijiet tad-difiża fuq terminu qasir sa tmiem il-baġit tal-UE għall-2021-2027 u l-għanijiet strateġiċi fit-tul.

 

F'Marzu 2025, il-Parlament iddeċieda li jittratta din il-proposta b'urġenza. Il-kumitati tal-industrija u tas-sigurtà u tad-difiża għandhom iħejju rapport konġunt f'April.

 

Miżuri preċedenti tal-UE biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni fid-difiża 

L-UE mhux biss bdiet issaħħaħ id-difiża tagħha dan l-aħħar. Ittieħdu diversi inizjattivi ambizzjużi f’dawn l-aħħar għaxar snin:


  • Il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) tnediet f'Diċembru 2017. Il-kooperazzjoni hija bbażata fuq ftehim qafas bejn is-26 pajjiż parteċipant tal-UE (il-pajjiżi kollha tal-UE ħlief Malta) biex jaħdmu flimkien biex jippjanaw, jiżviluppaw u jinvestu fil-kapaċitajiet militari. Il-pajjiżi jwettqu proġetti konġunti li jinkludu Kmand Mediku Ewropew, Sistema ta’ Sorveljanza Marittima, l-iffaċilitar tal-moviment ta’ truppi u assi militari, assistenza reċiproka għaċ-ċibersigurtà u timijiet ta’ rispons rapidu, u skola tal-intelligence konġunta tal-UE.
  • Il-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF) tnieda f’Ġunju 2017. Dan kien l-ewwel użu tal-baġit tal-UE għall-kofinanzjament tal-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża. Il-Membri tal-PE qablu li jiffinanzjaw l-istrument ewlieni b'baġit ta' €7.9 biljun bħala parti mill-baġit fit-tul tal-UE (2021-2027).
  • L-UE saħħet il-kooperazzjoni man-NATO dwar proġetti f'diversi oqsma inklużi ċ-ċibersigurtà, l-eżerċizzji konġunti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
  • Il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) ġiet stabbilita fl-2017 biex isservi bħala struttura ta' kmand u kontroll u tissorvelja l-missjonijiet ta' taħriġ u assistenza militari.