Kif l-UE trid tikseb ekonomija ċirkolari sal-2050
Skopri dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari u liema miżuri addizzjonali jridu l-Membri tal-PE biex inaqqsu l-iskart u jagħmlu l-prodotti aktar sostenibbli.
Riżorsi limitati u kwistjonijiet klimatiċi jitolbu bidla minn soċjetà "ħu-uża-armi" għal soċjetà newtrali fil-karbonju, ambjentalment sostenibbli, mingħajr tossiċità u kompletament ċirkolari sal-2050.
Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat dgħufijiet fil-ktajjen tar-riżorsi u tal-valur, li jolqtu lill-SMEs u lill-industrija. Ekonomija ċirkolari se tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2, waqt li tistimola t-tkabbir ekonomiku u toħloq opportunitajiet ta' impjieg.
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolar
F'konformità mal-għan tan-newtralità klimatika tal-UE għall-2050 skont il-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet f'Marzu 2022 l-ewwel pakkett ta’ miżuri sabiex tiġi avvanzata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkulari, hekk kif kien imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Il-proposti jinkludu espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-ekodisinn, li l-konsumaturi jingħataw is-setgħa għat-tranżizzjoni ekoloġika, kif ukoll strateġija dwar tessuti sostenibbli.
F’Novembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat it-tieni pakkett, inkluż proposta dwar regoli ġodda għall-UE kollha dwar l-imballaġġ, u proposta dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbimenti tal-karbonju.
It-tielet pakkett ġie ppreżentat f’Marzu 2023, inkluż proposta għar-regolamentazzjoni tal-pretensjonijiet ekoloġiċi mill-kumpaniji u l-garanzija tad-dritt għat-tiswija tal-prodotti.
F’Lulju 2023, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, biex tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tat-tessuti u tal-iskart tal-ikel.
F'Ottubru 2022, il-Parlament approva eżami mill-ġdid tar-regoli dwar pollutanti organiċi persistenti sabiex jitnaqqas l-ammont ta' kimiċi perikolużi fl-iskart u l-proċessi ta' produzzjoni. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu limiti aktar stretti, jipprojbixxu ċerti kimiċi u jżommu s-sustanzi li jniġġsu mir-riċiklaġġ.
F’April 2024, il-Parlament approva l-istabbiliment ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni għall-UE kollha għall-assorbimenti tal-karbonju. Dan se jiżgura li l-attivitajiet tat-tneħħija tal-karbonju jitkejlu b’mod preċiż, filwaqt li l-karbonju jinħażen għall-itwal żmien possibbli.
Lejn prodotti aktar sostenibbli
Il-proċess tal-produzzjoni jibda bil-materja prima, u l-ktajjen tal-provvista globali ntlaqtu ħafna mill-pandemija tal-Covid-19. Fl-2021, il-Membri tal-PE talbu strateġija komprensiva tal-UE għal materja prima kritika bbażata fuq sorsi sostenibbli u standards ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem għoljin. Il-Membri tal-PE riedu jnaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq numru żgħir ta’ pajjiżi mhux tal-UE u jippromwovu r-riċiklaġġ u l-irkupru ta’ materja prima kritika. L-Att dwar il-Materja Prima Kritika, li jsegwi dawn l-għanijiet, ġie adottat f’Diċembru 2023.
Sabiex jinkiseb suq tal-UE ta' prodotti sostenibbli, newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi, il-Kummissjoni pproponiet l-estensjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn għal prodotti mhux relatati mal-enerġija u li jinħolqu Passaporti Diġitali tal-Prodotti, bil-għan li tiġi aċċessibbli l-informazzjoni rilevanti kollha tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar ir-regoli l-ġodda, li l-Parlament approva f’April 2024.
Apparti dan, il-Membri tal-PE appoġġjaw inizjattivi sabiex jiġġieldu l-ħruġ mill-użu ppjanat, itejbu d-durabilità u l-possibbiltà ta' tiswija tal-prodotti u jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur bid-dritt għat-tiswija. Il-Parlament adotta d-direttiva f’April 2024. Ir-regoli l-ġodda għandhom jiżguraw li t-tiswija tal-prodotti tkun eħfef u irħas minflok ma jinxtraw oħrajn ġodda.
F’Jannar 2024, il-Membri tal-PE approvaw ftehim mal-Kunsill biex jiġu aġġornati r-regoli tal-UE dwar il-konsumaturi sabiex jiġi pprojbit l-greenwashing u jipprovdi aktar informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-durabbiltà tal-prodotti.
Il-Parlament adotta wkoll pożizzjoni f’Marzu 2024 dwar sistema għall-verifika tal-asserzjonijiet relatati mal-ambjent tal-kumpaniji. Il-Parlament il-ġdid se jkompli jaħdem fuq il-leġiżlazzjoni.
Nagħmlu s-setturi kruċjali ċirkolari
Iċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà jridu jiġu inkorporati fl-istadji kollha ta' katina tal-valur sabiex tinkiseb ekonomija kompletament ċirkolari: mit-tfassil sal-produzzjoni u fl-istadji kollha sakemm il-prodott jasal għand il-konsumatur. Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni jistabbilixxi seba' oqsma ewlenin li huma essenzjali għall-kisba ta' ekonomija ċirkolari: il-plastiks; it-tessuti; l-iskart elettroniku; l-ikel, l-ilma u n-nutrijenti; l-imballaġġ; il-batteriji u l-vetturi; u l-bini u l-kostruzzjoni.
Il-plastiks
Il-Membri tal-PE jappoġġaw l-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari, li telimina gradwalment l-użu tal-mikroplastiks.
It-tessuti
It-tessuti jużaw ħafna materja prima u ilma, b'inqas minn 1 % jiġu rriċiklati.
L-istrateġija tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari ppreżentata mill-Kummissjoni f'Marzu 2022 għandha l-għan li tiżgura li sal-2030 il-prodotti tat-tessut fis-suq tal-UE jkunu ta' ħajja twila u riċiklabbli, magħmula kemm jista' jkun minn fibri riċiklati u ħielsa minn sustanzi perikolużi.
L-elettronika u l-ICT
L-iskart elettroniku u elettriku, jew l-iskart-e, huwa l-aktar fluss ta' skart li qed jiżdied b'rata mgħaġġla fl-UE. Il-Membri tal-PE jridu li l-UE tippromwovi ħajja itwal tal-prodott permezz tal-possibbiltajiet ta' użu mill-ġdid u ta' tiswija.
L-ikel, l-ilma u n-nutrijenti
Madwar 10 % tal-ikel kollu disponibbli jintilef jew jinħela fl-UE. Il-Membri tal-PE jħeġġu sabiex l-iskart tal-ikel jitnaqqas bin-nofs sal-2030 taħt l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt".
L-imballaġġ
L-iskart mill-imballaġġ fl-Ewropa qed jikber. Kull persuna fl-UE ġġenerat medja ta’ 189 kg ta’ skart mill-imballaġġ fl-2021. F’April 2024, il-Parlament approva l-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar ir-reviżjoni tal-UE tar-regoli dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex jitnaqqas l-ammont tiegħu u tittejjeb is-sitwazzjoni.
Il-batteriji u l-vetturi
Il-Membri tal-PE qed iħarsu lejn proposti li jirrikjedu li l-produzzjoni u l-materjali tal-batteriji kollha fis-suq tal-UE jkollhom marka tal-karbonju baxxa u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ekoloġiċi.
Il-bini u l-kostruzzjoni
Il-kostruzzjoni tammonta għal aktar minn 35 % tal-iskart totali tal-UE. Il-Membri tal-PE jixtiequ li t-tul tal-ħajja tal-bini jiżdied, li jkun hemm miri ta' tnaqqis għall-impronta tal-karbonju tal-materjali u rekwiżiti minimi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija. F’Marzu 2024, il-Parlament adotta aġġornament tar-regoli dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, li għandhom l-għan li joħolqu settur tal-bini newtrali għall-klima sal-2050.
Il-ġestjoni u vjeġġ tal-iskart
L-UE tiġġenera 2.1 biljun tunnellata ta' skart fis-sena. L-esportazzjonijiet tal-UE tal-iskart lejn pajjiżi mhux tal-UE laħqu 32.1 miljun tunnellata fl-2022. Il-maġġoranza tal-iskart mibgħut jikkonsisti minn metalli ferruż (ħadid u azzar) u ħafna minnhom imorru t-Turkija. L-UE esportat ħafna skart tal-karti wkoll (15 %), bl-Indja bħala d-destinazzjoni ewlenija.
Fi Frar 2024, il-Parlament approva regoli aktar stretti għall-vjeġġi tal-iskart lejn pajjiżi mhux tal-UE. Ir-regoli se jipprojbixxu l-esportazzjonijiet tal-iskart tal-plastik lejn pajjiżi mhux tal-OECD u jintroduċu kundizzjonijiet aktar stretti għall-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi tal-OECD. It-trasport marittimu tal-iskart lejn pajjiż ieħor tal-UE se jkun possibbli biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.