Il-Parlament isaħħaħ l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà

F’dawn l-aħħar xhur ġie adottat sett ta’ riformi b’firxa wiesgħa li għandhom l-għan li jsaħħu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà, waqt li jħarsu l-mandat liberu tal-Membri.

Kamra tal-plenarja
Kamra tal-plenarja tal-PE

Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jsaħħu l-integrità u jagħlqu l-lakuni biex jipproteġu lill-Istituzzjoni u lill-Membri tagħha minn tentattivi ta’ interferenza fil-ħidma tal-Parlament.

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet: “Ir-riformi li daħħalna fis-seħħ f’dawn l-aħħar xhur jagħtu spinta lill-integrità tas-sistemi tal-Parlament, jagħmlu t-teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti u jsaħħu l-Parlament kollu kemm hu. Irridu nikkonsolidaw il-fiduċja maċ-ċittadini Ewropej u naffermaw mill-ġdid lill-Parlament Ewropew bħala istituzzjoni miftuħa. Is-sena d-dieħla se nerġgħu lura b’Parlament aktar modern u aktar effiċjenti.”

 

L-għeluq tal-lakuni

 

Il-miżuri jwieġbu għar-riżoluzzjonijiet tal-plenarja minn Diċembru 2022 u Frar 2023 li jappellaw għal żieda fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont kif ukoll kultura ta’ sigurtà aktar b’saħħitha fir-rigward tat-tentattivi ta’ indħil barrani.

 

Il-Bureau tal-Parlament, li jieħu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet amministrattivi, organizzattivi u tal-persunal, approva regoli riveduti dwar l-ex membri (politika ġdida dwar ir-‘revolving door’), regoli ġodda dwar l-aċċess għall-Parlament, u obbligi ta’ trasparenza dwar il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ interess f’avvenimenti li jsiru fil-bini tal-Parlament. Il-Bureau adotta wkoll regoli interni ġodda dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta biex tiġi żgurata l-konsistenza mad-direttiva Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informaturi.

 

Il-Parlament saħħaħ ukoll il-kooperazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi nazzjonali billi aġixxa malajr fuq talbiet mill-awtoritajiet nazzjonali, fost l-oħrajn għat-tneħħija tal-immunità parlamentari.

 

B’mod separat, il-mexxejja tal-gruppi ċċaraw ir-regoli dwar id-dibattiti ta’ urġenza dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-plenarja biex jipproteġu l-proċedura minn interferenza bla bżonn. Il-mexxejja tal-gruppi fil-Konferenza tal-Presidenti approvaw ukoll linji gwida biex jappoġġaw lill-MPE u lill-persunal fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ rappreżentanti minn pajjiżi mhux tal-UE (diplomatiċi u rappreżentanti tal-istat). Il-Parlament finalment ra t-talba tiegħu għal korp tal-etika tal-UE ambizzjuż u indipendenti mwieġeb hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal ftehim interistituzzjonali.

 

B’mod parallel, il-bidliet fir-regoli ta’ proċedura tal-Parlament ġew adottati mill-Parlament f’Settembru 2023. Dawn jinkludu: projbizzjoni msaħħa fuq l-attivitajiet kollha tal-Membri tal-PE li jikkostitwixxu lobbying, aktar trasparenza dwar l-kontributi minn atturi esterni, penali aktar ħorox għall-ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta, kamp ta’ applikazzjoni usa’ tad-dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-Membri tal-PE dwar laqgħat ma’ partijiet terzi, regoli aktar ċari li jgħinu biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, aktar dettalji fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati mill-membri, u dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-assi fil-bidu u fit-tmiem ta’ kull mandat.

 

Barra minn hekk, hemm regoli aktar b’saħħithom dwar kif il-Membri tal-PE jaċċettaw rigali u jiddikjaraw l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza għal partijiet terzi kif ukoll projbizzjoni fuq l-involviment ma’ ex Membri tal-PE fis-sitt xhur wara li jitilqu mill-Parlament. Ir-rwol tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta ssaħħaħ ukoll u l-kompożizzjoni tiegħu kibret.

 

F’Novembru, il-Bureau adotta r-regoli interni aġġornati dwar l-informaturi. Ir-regoli jiċċaraw il-possibbiltajiet għal kwalunkwe persuna li taħdem fil-Parlament biex tirrapporta irregolaritajiet serji (inkluż b’mod anonimu). Ir-regoli jindikaw x’għandhom jagħmlu l-informaturi potenzjali, x’jistgħu jistennew li jseħħ wara li jagħmlu n-notifika, u x’informazzjoni għandhom jistennew li jirċievu.

 

Barra minn hekk, it-taħriġ dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta sar obbligatorju għall-persunal maniġerjali tas-servizzi tal-Parlament Ewropew. Se jiġi propost ukoll taħriġ obbligatorju dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta għall-assistenti akkreditati.

 

Rakkomandazzjonijiet ulterjuri

 

Miżuri oħra fuq terminu medju u twil ġew proposti mill-kumitat speċjali dwar l-indħil barrani fil-proċessi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-diżinformazzjoni, li ġew diskussi u vvotati fil-plenarja ta’ Lulju 2023.

 

Informazzjoni faċilment aċċessibbli

 

Is-sit web tal-Parlament issa jipprovdi informazzjoni ċentralizzata u faċilment aċċessibbli relatata mal-integrità tal-ħidma parlamentari parlamentari taħt tab ġdida dwar it-Trasparenza u l-Etika.

Avvanzi fil-politiki kontra l-fastidju

 

Il-President Metsola tat mandat lill-kwesturi biex jaħdmu fuq proposti biex isaħħu l-politiki tal-Parlament kontra l-fastidju. Fl-10 ta’ Lulju, il-Bureau ddeċieda li jistabbilixxi servizz ta’ medjazzjoni u ta l-appoġġ politiku tiegħu għall-introduzzjoni ta’ taħriġ obbligatorju għall-membri tal-PE. Il-Bureau qabel ukoll li jtejjeb il-proċedura eżistenti tal-Kumitat Konsultattiv li jittratta l-ilmenti ta’ fastidju li jikkonċernaw lill-membri. Il-Bureau fl-20 ta’ Novembru 2023 iffinalizza l-istabbiliment tal-medjatur u s-servizz tiegħu u qabel dwar ir-rapporti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu ppreżentati darbtejn għal kull mandat.

 

Is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ

 

Biex jakkumpanja l-bidliet kollha u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tagħhom, il-Parlament jorganizza kampanji regolari ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-obbligi għall-Membri tal-PE u l-persunal. Dan joffri taħriġ iddedikat lill-persunal u lill-Membri biex jiżgura li kulħadd ikollu fehim ċar tar-rekwiżiti ta’ etika u trasparenza li huma fis-seħħ biex jissalvagwardjaw l-integrità tal-ħidma parlamentari.

 

Modernizzazzjoni tal-modi ta’ ħidma tal-Parlament

 

Barra minn hekk, f’Jannar 2023 tnediet riforma usa’ tal-mod ta’ ħidma tal-Parlament mill-Konferenza tal-Presidenti li tkopri d-dimensjonijiet leġiżlattivi, baġitarji, ta’ skrutinju, plenarji u esterni tal-ħidma tal-Parlament.