Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1074

Ir-Regolament tal-kunsill (EURATOM) Nru 1074/1999 tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

ĠU L 136, 31.5.1999, pp. 8–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2013; Imħassar b' 32013R0883

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1074/oj

31999R1074



Official Journal L 136 , 31/05/1999 P. 0008 - 0014


Ir-Regolament tal-kunsill (EURATOM) Nru 1074/1999

tal-25 ta' Mejju 1999

dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni ta' l-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [3],

(1) Billi l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jagħtu importanza kbira lill-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u lill-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li hija ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet; Billi r-responsabbiltà ta' l-Kummissjoni f'dak ir-rigward hija marbuta mill-qrib mad-dmir tagħha li timplimenta l-budget taħt Artikolu 179 tat-Trattat ta' l-Euratom; Billi l-importanza li tittieħed azzjoni għal dak l-iskop hija konfermata minn Artikolu 183a tat-Trattat ta' l-Euratom;

(2) Billi l-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet testendi mhux biss għall-amministrazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet ta' l-budget tagħhom iżda wkoll għall-miżuri kollha li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw il-beni tagħhom;

(3) Billi l-mezzi kollha disponibbli għandhom jintużaw bis-sħiħ sabiex jinkiseb dan l-għan, notevolment fil-kuntest ta' dmirijiet investigattivi li jaqgħu fuq il-Komunità, filwaqt li t-tqassim u l-bilanċ ta' responsabbilitajiet preżenti bejn il-livelli nazzjonali u ta' l-Komunità għandhom jinżammu;

(4) Billi sabiex issaħħaħ il-mezzi disponibbli biex tikkumbatti l-frodi, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' l-awtonomija fl-organizzazzjoni interna ta' kull istituzzjoni, il-Kummissjoni stabbilitet fost id-dipartimenti tagħha permezz tad-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom [4], Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (minn hawn ’l isfel imsejjaħ "l-Uffiċċju") responsabbli biex imexxi investigazzjonijiet ta' frodi amministrattivi; Billi tat lil dan l-uffiċċju indipendenza sħiħa biex jeżerċita l-funzjoni investigattiva tiegħu;

(5) Billi r-responsabbiltà ta' l-Uffiċċju kif stabbilit mill-Kummissjoni testendi lil hinn mill-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji biex tinkludi l-attivitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-salvagwardja ta' l-interessi tal-Komunità kontra mġieba rregolari li tista’ twassal għal proċeduri amministrattivi jew kriminali;

(6) Billi huwa xieraq li jiġi stipulat li l-Uffiċċju jiżgura koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jiġu mħarsa l-interessi finanzjarji tal-Komunità kif hemm provdut f'Artikolu 280 tat-Trattat tal-KE;

(7) Billi, minħabba l-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li hija detrimentali għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, l-Uffiċċju għandu jkun jista’ jagħmel investigazzjonijiet interni fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew fuq il-bażi tat-Trattati tal-KE u Euratom (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji");

(8) Billi d-Deciżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tipprovdi li għall-iskopijiet ta' investigazzjonijiet l-Uffiċċju għandu jeżerċita il-poteri mogħtija mill-leġislatur tal-Komunità, bla ħsara għall-limiti u kondizzjonijiet stabbiliti minnhom;

(9) Billi l-Uffiċċju għandu jiġi fdat bl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra [5]; Billi l-Uffiċċju għandu jitħalla wkoll jeżerċita l-poteri l-oħra mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kontrolli fuq il-post u spezzjonijiet fl-Istati Membri, notevolment għall-iskop li jiġi skoperti irregolaritajiet kif mitlub minn Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-ħarsien ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [6];

(10) Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti tal-Persunal ta' uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (minnhawn iżjed ’il quddiem imsejjħa "ir-Regolamenti tal-Persunal"), u b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari l-prinċipju ta' l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta' investigazzjoni jistgħu jkunu bażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda; Billi għal dak il-għan l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jistipulaw it-termini u l-kondizzjonijiet li taħthom isiru dawk l-investigazzjonijiet interni; Billi konsegwentement ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu emendati sabiex jistipulaw id-drittijiet u l-obbligi ta' uffiċjali u impjegati oħrajn fir-rigward ta' investigazzjonijiet interni;

(11) Billi dawn l-investigazzjonijiet interni jistgħu jitmexxew biss jekk l-Uffiċċju jkollu aċċess garantit għall-fondi kollha ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u għall-informazzjoni u d-dokumenti kollha miżmuma minnhom

(12) Billi sabiex jiġi żgurat li l-Uffiċċju jkun indipendenti fit-twettieq tax-xogħol lilu mogħti b'dan ir-Regolament, id-Direttur tiegħu għandu jingħata l-poter li jiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess;

(13) Billi huwa f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji, skond il-każ, li jiddeċiedu x'azzjoni għandha tittieħed dwar investigazzjonijiet li jkunu tlestew fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-Uffiċċju; Billi madankollu għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta' l-Uffiċċju li jibgħat direttament lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru involut l-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju waqt l-investigazzjonijiet interni dwar sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali;

(14) Billi t-termini dwar kif l-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom u t-termini li jirregolaw l-eżerċizzju mid-Direttur tar-responsabbiltà tiegħu fit-tmexxija ta' investigazzjonijiet minn impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom jiġu stabbiliti;

(15) Billi, sabiex tirnexxi l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji relevanti, l-iskambju reċiproku ta' informazzjoni għandu jkun organizzat, bla ħsara għar-regoli ta' kunfidenzjalità fejn l-informazzjoni hija soġġetta għas-segretezza professjonali, filwaqt li għandha tiġi żgurata t-tgawdija xierqa tal-protezzjoni ta' l-informazzjoni;

(16) Billi, biex jiġi żgurat illi s-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet immexxija minn impjegati ta' l-Uffiċċju jiġu kunsidrati u li tittieħed l-azzjoni sussegwenti meħtieġa, ir-rapporti għandu jkollhom l-istatus ta' prova ammissibbli fi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji; billi, għal dak il-għan, għandhom jitfasslu b'mod kompatibbli mar-regoli li jirregolaw ir-rapporti amministrattivi fl-Istati Membri;

(17) Billi l-Uffiċċju għandu jgawdi indipendenza fil-qadi tal-funzjoni tiegħu; Billi, sabiex tissaħħaħ dik l-indipendenza, l-Uffiċċju għandu jkun soġġett għal sorvelljanza mill-qrib b'mod regolari tal-funzjoni investigattiva tiegħu minn Kumitat ta' Sorveljanza, kompost minn persuni indipendenti esterni li huma kwalifikati sew fl-oqsma ta' attività ta' l-Uffiċċju; billi d-dmirijiet tal-Kumitat għandhom jinkludu wkoll li jgħin lid-Direttur ta' l-Uffiċċju fil-qadi tar-responsabbilitajiet tiegħu;

(18) Billi għandhom isiru investigazzjonijiet amministrattivi taħt l-awtorità tad-Direttur ta' l-Uffiċċju, b'indipendenza sħiħa mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u mill-Kumitat ta' Sorveljanza;

(19) Billi għandu jkun id-dmir tad-Direttur ta' l-Uffiċċju li jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni personali u r-rispett għall-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjonijiet; Billi l-uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet għandhomjingħataw garanzija ta protezzjoni legali ekwivalenti għal dik stabbilita minn Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(20) Billi l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju għandhom jiġu evalwati wara perjodu ta' tlett snin;

(21) Billi dan ir-Regolament b'ebda mod ma jnaqqas il-poteri u r-responsabbilitajiet ta' l-Istati Membri li jieħdu passi sabiex jikkumbattu frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet; Billi jekk ix-xogħol ta' investigazzjonijiet amministrattivi esterni f'dan il-qasam jiġi fdat f'idejn Uffiċċju indipendenti, dan ikun f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit minn Artikolu 5 tat-Trattat; Billi l-operat ta' l-Uffiċċju aktarx li jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u huwa għalhekk kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għanijiet u xogħol

1. Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi li ġie stabbilit b'deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "l-Uffiċċju") għandu jeżerċita l-poteri ta' investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mir-regoli tal-Komunità u Regolamenti u ftehimijiet fis-seħħ f'dawk l-oqsma.

2. L-Uffiċċju għandu jipprovdi lill-Istati Membri b'għajnuna mingħand il-Kummissjoni biex jorganizzaw kooperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom bil-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji ta' l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika kontra l-frodi. L-Uffiċċju għandu jikkontribwixxi għat-tfassil u żvilupp tal-metodi tal-ġlieda kontra l-frodi u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika.

3. Fi ħdan l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn, jew skond il-bażi ta', it-Trattati (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji"), l-Uffiċċju għandu jmexxi investigazzjonijiet amministrattivi bil-għan li:

- jiġġieled kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika,

- jinvestiga għal dak l-iskop kwistjonijiet serji li għandhom x'jaqsmu mal-qadi ta' dmirijiet professjonali b'tali mod li jkun jikkostitwixxi nuqqas ta' ħarsien ta' l-obbligi ta' uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li jistgħu iwasslu għal proċeduri dixxiplinarji jew, skond il-każ, għal proċeduri kriminali, jew nuqqas ekwivalenti ta' qadi ta' obbligi minn membri ta' istituzzjonijiet u korpi, kapi ta' uffiċċji u aġenziji jew membri tal-Persunal ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji li m'humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal ta' uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-impjieg ta' impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej ("ir-Regolamenti tal-Persunal").

Artikolu 2

Investigazzjonijiet amministrattivi

Skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament, "investigazzjonijiet amministrattivi" (minn hawn ’il quddiem imsejħa "investigazzjonijiet") għandha tfisser kull spezzjoni, kontroll u miżura oħra meħuda minn impjegati ta' l-Uffiċċju fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, skond Artikolu 3 u 4, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'Artikolu l u li jistabilixxu, fejn ikun meħtieġ, in-natura irregolari ta' l-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. Dawn l-investigazzjonijiet m'għandhomx jaffettwaw il-poteri ta' l-Istati Membri li jieħdu proċeduri kriminali.

Artikolu 3

Investigazzjonijiet esterni

L-Uffiċċju għandu jeżerċita l-poter mogħti lill-Kummissjoni mir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 sabiex iwettaq spezzjonijiet u kontrolli fuq il-post fl-Istati Membri u, skond il-ftehim ta' kooperazzjoni fis-seħħ, f'pajjiżi terzi.

Bħala parti mill-funzjoni investigattiva tiegħu, l-Uffiċċju għandu jagħmel spezzjonijiet u kontrolli kif stabbilt f'Artikolu 9(1) ta' Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u fir-regoli settorjali li għalihom issir referenza f'Artikolu 9(2) ta' dak ir-Regolament fl-Istati Membri u, skond il-ftehim ta' koperazzjoni fis-seħħ, f'pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Investigazzjonijiet interni

1. Fl-oqsma li għalihom issir referenza f’Artikolu 1, l-Uffiċċju għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji (minn hawn ’il quddiem imsejħa "investigazzjonijiet interni").

Dawn l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu bla ħsara għar-regoli tat-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u b'attenzjoni xierqa għar-Regolamenti tal-Persunal taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti minn dan ir-Regolament u d-deċiżjonijiet addottati minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju u aġenzija. L-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti minn dawk id-deċiżjonijiet.

2. Sakemm id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 jiġu mħarsa:

- l-Uffiċċju għandu jkollu d-dritt ta' aċċess immedjat u minngħajr avviż għal kull informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji, u għall-postijiet tagħhom. L-Uffiċċju għandu jkollu l-poter li jispezzjona l-kotba ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji. L-Uffiċċju jista’ jieħu kopja jew jikseb estratti minn kull dokument jew il-kontenut ta' kull medjum ta' informazzjoni miżmum mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji u, jekk ikun hemm bżonn, jassumi l-kustodja ta' dawk id-dokumenti jew informazzjoni sabiex jiżgura li ma jkunx hemm periklu li dawn jgħibu,

- l-Uffiċċju jista’ jitlob informazzjoni bil-fomm minngħand membri ta' l-istituzzjonijiet u korpi, mingħand managers ta' uffiċċji u aġenziji u mingħand il-Persunal ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

3. Taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri stabbiliti b'Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju jista’ jagħmel spezzjonijiet fuq il-post fil-fond ta' l-operaturi ekonomiċi involuti, sabiex jikseb aċċess għal informazzjoni dwar irregolaritajiet possibbli li dawk l-operaturi jista’ jkollhom.

L-Uffiċċju jista’, barra minnhekk, jitlob lil kull persuna involuta sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni li jidhirlu li hija relevanti għall-investigazzjonijiet tiegħu.

4. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jiġu infurmati kull meta impjegati ta' l-Uffiċċju jagħmlu investigazzjoni fil-fond tagħhom jew jikkonsultaw dokument jew jitolbu informazzjoni miżmuma minn dawk l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji.

5. Meta l-investigazzjonijiet jisvelaw li xi membru, maniġer, uffiċjal jew impjegat ieħor jista’ jkun personalment involut, l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija ta' min ikun għandhom jipu infurmati.

F’każijiet li jkunu jeħtieġu segretezza assoluta għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni jew li jkunu jeħtieġu rikors għal mezzi ta' investigazzjoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta' awtorità ġudizzjarja nazzjonali, l-għoti ta' dik l-informazzjoni jista’ jiġi differit.

6. Mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti mit-Trattati, partikolarment il-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, id-deċiżjoni li għandha tiġi addottata minn kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kif hemm provdut fil-paragrafu 1, għandha b'mod partikolari tinkludi regoli dwar:

(a) id-dover minn naħa tal-membri, l-uffiċjali, u l-impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u korpi, u managers, uffiċjali u impjegati ta' uffiċċji u aġenziji, li jikkooperaw u jipprovdu informazzjoni lill-impjegati ta' l-Uffiċċju;

(b) il-proċeduri li għandhom jiġu osservati mill-impjegati ta' l-Uffiċċju meta jagħmlu investigazzjonijiet interni u l-garanziji tad-drittijiet ta' l-persuni involuti f'investigazzjoni nterna.

Artikolu 5

Ftuħ ta' investigazzjonijiet

Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet esterni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta' l-Uffiċċju, li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-Istat Membru in kwestjoni.

Għandhom jinfetħu investigazzjonijiet interni fuq deċiżjoni tad-Direttur ta' l-Uffiċċju, li jista’ jaġixxi fuq inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju, jew aġenzija li fi ħdanha għandha ssir l-investigazzjoni.

Artikolu 6

Proċedura ta' l-investigazzjonijiet

1. Id-Direttur ta' l-Uffiċċju għandu jidderiġi l-mod kif jitmexxew l-investigazzjonijiet.

2. L-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom wara li jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li turi l-identità u l-kapaċità tagħhom.

3. L-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom ikunu attrezzati għal kull intervent b'awtorità bil-miktub maħruġa mid-Direttur li tindika s-suġġett ta' l-investigazzjoni.

4. Waqt l-ispezzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post, l-impjegati ta' l-Uffiċċju għandhom jadottaw attitudni li taqbel mar-regoli u l-prassi li jirregolaw uffiċjali ta' l-Istat Membru involut, mar-Regolamenti tal-Persunal u mad-deċiżjonijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni subparagrafu ta' Artikolu 4(1).

5. L-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew kontinwament matul perjodu li għandu jkun proporzjonat għaċ-ċirkostanzi u l-komplessità tal-każ.

6. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert illi l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, jagħtu l-għajnuna neċessarja sabiex l-impjegati ta' l-Uffiċċju jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom. L-istituzzjonijiet u l-korpi għandhom jagħmlu ċert li l-membri u l-Persunal tagħhom jagħtu l-għajnuna meħtieġa sabiex l-aġenti ta' l-Uffiċċju jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom; l-uffiċċji u aġenziji għandhom jagħmlu ċert illi l-managers u l-Persunal tagħhom jagħmlu l-istess.

Artikolu 7

Dmir li jiġi nformat l-Uffiċċju

1. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji għandhom jgħaddu lill-Uffiċċju mingħajr dewmien kull informazzjoni li għandha x'taqsam ma’ każijiet possibbli ta' frodi jew korruzzjoni jew kull attività illegali oħra.

2. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, l-Istati Membri għandhom, fuq talba ta' l-Uffiċċju jew fuq inizjattiva tagħhom stess, jibagħtu kull dokument jew informazzjoni li jkollhom li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjoni interna li tkun għaddejja.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-dokumenti u l-informazzjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ l-investigazzjonijiet esterni skond id-dispożizzjonijiet relevanti.

3. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, u, sa fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, l-Istati Membri għandhom ukoll jibagħtu lill-Uffiċċju kull dokument ieħor jew kull informazzjoni li jkollhom u li jidhrilhom li jkunu relevanti għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

Artikolu 8

Il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni ta' l-informazzjoni.

1. L-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun protetta mid-dispożizzjonijiet relevanti.

2. L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Din l-informazzjoni m'għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u l-anqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali.

3. Id-Direttur għandu jagħmel ċert li l-impjegati ta' l-Uffiċċju u l-persuni l-oħra li jkunu qegħdin jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u dawl nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali, partikolarment dawk li hemm provdut dwarhom fid-Direttiva 95/46/KE ta' l-Parlament Ewropew u ta l-Kunsill ta' l-24 Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u l-moviment liberu ta' dik l-informazzjoni [7].

4. Id-Direttur ta' l-Uffiċċju u l-membri ta' l-Kumitat ta' Sorveljanza li ssir referenza għalihom f'Artikolu 11 għandhom jiżguraw li dan l-Artikolu u Artikolu 194 tat-Trattat jiġu applikati.

Artikolu 9

Ir-rapport ta' l-investigazzjoni u l-azzjoni meħuda wara l-investigazzjonijiet

1. Malli titlesta investigazzjoni magħmula mill-Uffiċċju, dan ta' l-aħħar għandu jħejji rapport, taħt l-awtorità tad-Direttur, li jispeċifika l-fatti stabbiliti, it-telf finanzjarju, jekk ikun hemm, u s-sejbiet ta' l-investigazzjoni, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur ta' l-Uffiċċju dwar l-azzjoni li għandha tittieħed.

2. Meta jitħejjew dawn ir-rapporti, għandhom jiġu meqjusa r-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru involut Ir-rapporti mħejjija fuq dik il-bażi għandhom jikkostitwixxu prova ammissibbli fi proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li fih l-użu tagħhom jirriżulta li huwa meħtieġ, bl-istess mod u taħt l-istess kondizzjonijiet bħar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali. Għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli ta' valutazzjoni bħal dawk applikabbli għar-rapporti amministrattivi mħejjija minn spetturi amministrattivi nazzjonali u huma ta' valur identiku għal dawk ir-rapporti.

3. Rapporti magħmula wara investigazzjoni esterna u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri in kwistjoni skond ir-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet esterni.

4. Rapporti magħmula wara investigazzjonijiet interni u kull dokument relatat li jkun utli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija involuti. L-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija għandhom jieħdu dik l-azzjoni, partikolarment dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi ta' l-investigazzjonijiet interni, skond ir-riżultati ta' dawk l-investigazzjonijiet, u għandha tirraporta dwarha lid-Direttur ta' l-Uffiċċju fit-terminu ta' żmien minnu stipulat fis-sejbiet tar-rapport tiegħu.

Artikolu 10

Informazzjoni mibgħuta mill-Uffiċċju

1. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament tal-Kunsill u għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju jista’ f'kull ħin jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri interessati l-informazzjoni miksuba waqt investigazzjonijiet esterni.

2. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 11 ta' dan ir-Regolament, id-Direttur ta' l-Uffiċċju għandu jibgħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru involut l-informazzjoni miksuba mill-Uffiċċju waqt investigazzjonijiet interni fi kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal proċeduri kriminali. Bla ħsara għar-rekwiżiti ta' l-investigazzjoni, huwa għandu fl-istess ħin jinforma lill-Istat Membru involut.

3. Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-Regolament, l-Uffiċċju jista’ f'kull ħin jibgħat lill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija involuti l-informazzjoni miksuba waqt l-investigazzjonijiet interni.

Artikolu 11

Kumitat ta' Sorveljanza

1. Il-Kumitat tas-Sorveljanza għandu jsaħħaħ l-indipendenza ta' l-Uffiċċju b'sorveljanza regolari mill-qrib ta' l-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva.

Fuq talba tad-Direttur jew fuq inizjattiva tiegħu stess, il-Kumitat għandu jagħti opinjonijiet lid-Direttur dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, mingħajr madankollu ma jfixkel it-tmexxija ta' l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin.

2. Għandu jkun kompost minn ħames persuni indipendenti u esterni li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għall-ħatra fil-pajjiżi rispettivi tagħhom f'karigi ta' anzjanità li għandhom x'jaqsmu ma’ l-oqsma ta' attività ta' l-Uffiċċju. Għandhom jiġu maħtura bi qbil komuni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

3. Il-mandat ta' l-membri għandu jkun ta' tlett snin u jista’ jiġġedded darba.

4. Malli jiskadi l-mandat tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġġeddu jew sakemm jiġu mibdula.

5. Waqt li jwettqu d-dmirijiet, m'għandhom la jfittxu u l-anqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija.

6. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jaħtar il-President tiegħu. Għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu. Għandu jagħmel ta' mill-inqas għaxar laqgħat fis-sena. Għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza tal-membri tiegħu. Is-segretarjat tiegħu għandu jiġi provdut mill-Uffiċċju.

7. Id-Direttur għandu kull sena jibgħat lill-Kumitat ta' Sorveljanza l-programm ta' attivitajiet ta' l-Uffiċċju li ssir referenza għalih f'Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. Id-Direttur għandu jżomm lill-Kumitat infurmat regolarment dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, l-investigazzjonijiet tiegħu, ir-riżultati tagħhom u l-azzjoni meħuda fuqhom. Meta investigazzjoni tkun ilha għaddejja għal aktar minn disa’ xhur, id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat ta' Sorveljanza bir-raġunijiet li minħabba fihom ma kienx possibbli li tingħalaq l-investigazzjoni, u biż-żmien meta huwa mistenni li titlesta. Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat dwar każijiet fejn l-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija in kwistjoni jkunu naqsu milli jaġixxu fuq ir-rakomandazzjonijiet magħmula minnu. Id-Direttur għandu jinforma lill-Kumitat dwar każijiet li jkunu jeħtieġu li informazzjoni tintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stat Membru.

8. Il-Kumitat ta' Sorveljanza għandu jadotta ta' mill-inqas rapport wieħed dwar l-attivitajiet tiegħu kull sena, u dan għandu jibagħtu wkoll lill-istituzzjonijiet. Il-Kumitat jista’ jippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri dwar ir-riżultati ta' l-investigazzjonijiet ta' l-Uffiċċju u l-azzjoni meħuda fuqhom.

Artikolu 12

Id-Direttur

1. L-Uffiċċju għandu jitmexxa minn Direttur nominat mill-Kummissjoni b’mandat ta' ħames snin, li jista’ jiġġedded darba.

2. Bil-għan li taħtar id-Direttur, il-Kummissjoni għandha, wara sejħa għal applikazzjonijiet li għandha, jekk ikun xieraq, tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u wara li tkun ingħatat opinjoni favorevoli mill-Kumitat ta' Sorveljanza, tħejji lista ta' kandidati li huma kwalifikati kif inhu xieraq. Wara konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, il-Kummissjoni għandha taħtar lid-Direttur.

3. Id-Direttur m'għandu la jfittex u l-anqas jieħu struzzjonijiet minngħand xi gvern jew xi istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija waqt l-eżekuzzjoni tad-doveri tiegħu fir-rigward ta' l-ftuħ u t-twettieq ta' investigazzjonijiet esterni w interni jew tat-tħejjija ta' rapporti wara dawk l-investigazzjonijiet. Jekk id-Direttur jidhirlu li xi miżura meħuda mill-Kummissjoni titfa’ xi dubju fuq l-indipendenza tiegħu, ikun intitolat li jressaq azzjoni kontra din l-istituzzjoni quddiem il-Qorti ta' l-Ġustizzja.

Id-Direttur għandu jirraporta regolament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri dwar is-sejbiet ta' l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju, waqt li jirrispetta l-kunfidenzjalità ta' dawk l-investigazzjonijiet, id-drittijiet leġittimi tal-persuni involuti u, fejn ikun xieraq, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal proċedimenti ġudizzjarji.

L-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija għandhom jiżguraw li l-kunfidenzjalità ta' l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju tiġi rispettata, flimkien mad-drittijiet leġittimi tal-persuni involuti, u, fejn ikunu nbdew proċeduri ġudizzjarji, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha applikabbli għal dawk il-proċedimenti jkunu ġew imħarsa.

4. Qabel ma tieħu xi sanzjoni dixxiplinarja kontra d-Direttur, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat ta' Sorveljanza. Barraminnhekk, miżuri li għandhom x'jaqsmu ma’ sanzjonijiet dixxiplinarji kontra d-Direttur għandhom ikunu s-suġġett ta' deċiżjonijiet raġunati li għandhom jintbagħtu għall-informazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 13

Finanzjament

L-approprijazzjonijiet għall-Uffiċċju, li l-ammont totali tagħhom għandu jiddaħħal taħt kategorija speċjali tal-budget f'Parti A tat-taqsima tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni li għandha x'taqsam mal-Kummissjoni, għandhom jiġu ppreżentati b'mod dettaljat fl-Anness għal dik il-Parti.

Il-karigi allokati lill-Uffiċċju għandhom jiġu elenkati fl-Anness għall-pjan ta' l-istabbiliment ta' l-Kummissjoni.

Artikolu 14

Reviżjoni ġudizzjarja

Sakemm jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal, kull uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Komunitajiet Ewropej jista’ jippreżenta lid-Direttur ta' l-Uffiċċju ilment bis-saħħa ta' dan l-Artikolu kontra xi att magħmul mill-Uffiċċju bħala parti minn investigazzjoni interna li jkun laqtu b'mod negattiv, skond il-proċeduri stabbiliti f'Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika għal deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dawk l-ilmenti.

Id-dispożizzjonijiet t'hawn fuq għandhom japplikaw b'analoġija għall-Persunal ta' l-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji li m'humiex soġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 15

Rapport ta' l-progress

Matul it-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport tal-progress dwar l-attivitajiet ta' l-Uffiċċju, flimkien ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta' Sorveljanza, kif ukoll ma’ proposti sabiex jiġi modifikat jew estiż ix-xogħol ta' l-Uffiċċju, fejn dawn ikunu approprjati.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament gandħu jidħol fis-seħħ Fl-1 ta' Ġunju 1999.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Mejju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU Ċ 21, tas-26.1.1999, p. 10.

[2] Opinjoni mogħtija fis-6 Mejju 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fil-15 April 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Ara l-paġna 20 ta' din l-edizzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali

[5] ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 2.

[6] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

[7] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

--------------------------------------------------

Top