Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AR0293

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali”

ĠU C 104, 2.4.2011, pp. 31–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/31


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Iċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali”

2011/C 104/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrikonoxxi li l-industriji kulturali jikkontribwixxu bil-qawwa għall-iżvilupp lokali u reġjonali għaliex jagħmlu r-reġjuni Ewropej aktar attraenti, jiżviluppaw it-turiżmu sostenibbli u joħolqu opportunitajiet tax-xogħol ġodda;

huwa tal-fehma li għadd ta' swali taċ-ċinema żgħar huma fil-periklu li jgħibu għalkollox minħabba li qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji kbar u jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni bil-għan li jiġu żgurati l-preservazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew u l-ħarsien tal-industrija taċ-ċinema;

jenfasizza l-bżonn li jiġi kkunsidrat kemm ir-rwol ekonomiku kif ukoll ir-rwol kulturali taċ-ċinema. Is-settur taċ-ċinema huwa industrija ta' importanza kbira ħafna għall-iżvilupp, il-kompetittività u x-xogħol. Jaqdi wkoll rwol kruċjali fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-identità u d-diversità kulturali fil-livell lokali u reġjonali. Is-settur huwa magħmul b'tali mod li huwa fattur ewlieni fl-iżvilupp tal-valuri soċjali Ewropej u t-tħaddim tas-soċjetajiet demokratiċi, peress li x-xogħlijiet awdjoviżivi jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tiswir ta' identità Ewropea;

jenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali tipprovdi opportunitajiet ġodda biex reġjuni differenti Ewropej jitqarrbu aktar lejn xulxin peress li jaqsmu xogħlijiet awdjoviżivi u jeżaminaw modi ġodda kif joħolqu rabtiet u jaqsmu l-kontenut bejniethom. Din it-tranżizzjoni tista' tipprovdi opportunità biex is-swali jiġbdu lejhom udjenzi ġodda, japprofittaw ruħhom minn kontenut alternattiv, jipprovdu servizzi ġodda u jagħtu aktar viżibbiltà lill-kontenut minn reġjuni differenti.

Relatur

:

Malcolm Mifsud (MT/PPE), Sindku tal-Pietà

Dokument ta' referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali”

COM(2010) 487 finali

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fuq ir-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tad-diġitalizzazzjoni taċ-ċinema Ewropea. L-ewwel nett, is-swali taċ-ċinema jaqdu rwol soċjali u kulturali importanti fil-muniċipalitajiet u ż-żoni rurali peress li, bosta drabi, dawn huma l-uniċi postijiet li jipprovdu aċċess għall-kultura lill-komunità. U t-tieni nett, hemm għadd sostanzjali ta' swali taċ-ċinema Ewropej (b'mod partikolari, is-swali bi skrin wieħed) li jappartienu lill-muniċipalitajiet;

2.

jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti ħafna għaliex jippromovu u jenfasizzaw il-kultura, b'mod partikolari fil-qafas tal-ħarsien tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tal-innovazzjoni artistika;

3.

jirrikonoxxi li l-industriji kulturali jikkontribwixxu bil-qawwa għall-iżvilupp lokali u reġjonali għaliex jagħmlu r-reġjuni Ewropej aktar attraenti, jiżviluppaw it-turiżmu sostenibbli u joħolqu opportunitajiet tax-xogħol ġodda;

4.

huwa tal-fehma li għadd ta' swali żgħar huma fil-periklu li jgħibu għalkollox minħabba li qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji kbar u jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni bil-għan li jiġu żgurati l-preservazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew u l-ħarsien tal-industrija taċ-ċinema;

5.

jenfasizza li, mingħajr intervent pubbliku fil-livell tal-UE, f'dak nazzjonali, u fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiġu pperikolati l-kompetittività u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u jistgħu jitnaqqsu l-pluraliżmu u d-diversità lingwistika u kulturali taċ-ċittadini Ewropej;

6.

iħeġġeġ l-idea tal-Kummissjoni Ewropea li titfassal skema ġdida tal-programm MEDIA bil-għan li tappoġġja t-tranżizzjoni diġitali tas-swali taċ-ċinema Ewropej, li juru l-biċċa l-kbira tal-films Ewropej;

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Kummenti ġenerali

7.

jirrikonoxxi li l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni, kif inhuma, ma jidhrux li qed iqajmu xi kwistjoni dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Iżda, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu minn ta' quddiem nett fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri li jittieħdu bil-għan li jgħinu lis-swali ż-żgħar fil-livell lokali jgawdu mir-rivoluzzjoni diġitali;

8.

huwa tal-fehma li hemm dimensjoni tal-UE importanti fit-tranżizzjoni diġitali tas-swali taċ-ċinema, u għalhekk jixtieq li jkun hemm politika msejsa fuq approċċ koerenti, li jiġbor fih dawn l-oqsma msemmija fil-Komunikazzjoni:

l-istandardizzazzjoni

il-ġbir u l-preservazzjoni tal-films fil-format diġitali

l-appoġġ reġjonali għad-diġitalizzazzjoni

il-kompatibbiltà mar-regoli tat-Trattat

l-appoġġ lill-esibituri tal-films Ewropej bil-għan li titħeġġeġ relazzjoni stretta mal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni artistika u kulturali

l-aċċess għall-finanzi;

9.

jerġa' jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-dimensjoni kulturali ssaħħet fit-trattati permezz tal-introduzzjoni tal-kunċett tar-rispett tar-“rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika” u l-garanzija li “jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew” fost l-għanijiet tal-UE (1);

10.

jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (2) titlob bidla sostanzjali fil-mentalità tal-Ewropej kollha, u teħtieġ ukoll il-ħolqien ta' mezzi diretti ta' komunikazzjoni għat-tixrid u l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-proġetti fil-livell lokali;

Iċ-ċinema Ewropea bħala wirt kulturali

11.

jenfasizza r-rwol kulturali importanti taċ-ċinema peress li d-dinja taċ-ċinema tiġbor il-wirt kulturali ta' pajjiż u tippreżentah fil-forma ta' divertiment (3). Iċ-ċinema hija ta' importanza vitali għax tagħti xhieda tal-istorja, l-arti, il-kultura u l-istili ta' ħajja ta' bosta ġenerazzjonijiet u nazzjonijiet. Essenzjalment, is-swali taċ-ċinema Ewropej jirrappreżentaw il-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni ta' poplu uniku, li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor u minn ġenerazzjoni għal oħra;

12.

jisħaq fuq il-fatt li kull persuna għandha d-dritt tipparteċipa fil-ħajja kulturali tal-komunità u tgawdi x-xogħlijiet artistiċi. Barra minn hekk, iċ-ċinema bħala mezz artistiku tista' tibni pont bejn l-artisti u l-udjenza tagħhom. L-arti ċinematografika tgħin lin-nies jirrikonoxxu lil xulxin, jaqsmu l-esperjenzi li jħaddnu bħala bnedmin, u b'hekk tibni fuq l-identità Ewropea;

13.

jenfasizza r-rwol taċ-ċinema fil-ħolqien tal-identità Ewropea u l-integrazzjoni tar-reġjuni. Permezz tan-natura artistika u kulturali tagħha, iċ-ċinema taqdi rwol integrattiv. Hija mezz li tilħaq lill-Ewropej kollha u tqarribhom lejn xulxin billi tagħmilha possibbli li jaqsmu l-esperjenzi komuni tagħhom. Is-swali taċ-ċinema fi rħula/bliet/reġjuni mbiegħda u/jew żgħar kultant ikunu l-uniċi postijiet li jipprovdu aċċess għall-kultura lill-komunità. Għalhekk, il-KtR huwa tal-fehma li l-preservazzjoni taċ-ċinema Ewropea tista' tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-integrazzjoni Ewropea fiż-żoni mbiegħda tal-Ewropa;

14.

jirrikonoxxi li s-swali taċ-ċinema jaqdu rwol importanti kemm fil-bliet kif ukoll fir-reġjuni mbiegħda għaliex jipprovdu l-udjenzi bl-opportunità li jaraw kontenut awdjoviżiv Ewropew;

Iċ-ċinema Ewropea bħala industrija kulturali

15.

josserva li l-industrijai kulturali huma dinamiċi ħafna fir-rigward tal-attività ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi fi ħdan l-UE, u għaldaqstant jistgħu jaqdu rwol importanti biex jilħqu l-għanijiet ekonomiċi u soċjali fil-livell lokali u reġjonali fl-Ewropa;

16.

ifakkar li ċ-ċinema tagħmel parti mid-definizzjoni (4) tal-frażi “industrija kulturali” li tinsab fil-Green Paper “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”: “l-industriji li jipproduċu u jqassmu oġġetti jew servizzi li fiż-żmien meta jkunu żviluppati jitqiesu li għandhom attribut, użu jew skop speċjali li jiġbor jew iwassal espressjonijiet kulturali, irrispettivament mill-valur kummerċjali li jista' jkollhom. Barra mis-setturi tradizzjonali tal-arti (l-arti tal-ispettaklu, l-arti viżwali, il-wirt kulturali – inkluż is-settur pubbliku), dawn jinkludu wkoll il-film, id-DVDs u l-vidjo, it-televixin u r-radju, il-logħob tal-video, il-midja l-ġdida, il-mużika, il-kotba u l-istampa. Il-kunċett huwa ddefinit f'relazzjoni mal-espressjonijiet kulturali fil-kuntest tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali”;

17.

jenfasizza li industrija kulturali soda tista' tiżviluppa sħubijiet kreattivi bejn is-settur kulturali u setturi oħra (ICTs (teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni), riċerka, turiżmu, imsieħba soċjali, eċċ.) biex jissaħħaħ l-impatt soċjali u ekonomiku tal-investiment fil-kultura u l-kreattività, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi u l-iżvilupp u l-attrazzjoni tar-reġjuni u l-bliet;

18.

jitlob għal kollaborazzjoni kontinwa bejn il-partijiet ikkonċernati fid-dawl tal-isfidi li ġġib magħha r-rivoluzzjoni diġitali u l-kriżi finanzjarja attwali bil-għan li jinstab appoġġ f'dawk il-każi meta jfalli s-suq;

Il-preservazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew permezz tal-industrija taċ-ċinema

19.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-impatt tar-rivoluzzjoni diġitali u l-kriżi finanzjarja fuq iċ-ċinema Ewropea jista' jikkawża tibdil permanenti għall-industrija fil-livell lokali u reġjonali. Jista' jwassal ukoll għall-għajbien mis-suq tas-swali taċ-ċinema bi skrin wieħed (5). Il-KtR jitlob li jinġabru r-riżorsi lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u reġjonali favur il-ġlieda kontra t-theddid kulturali;

20.

jinkoraġġixxi ħidma kollettiva min-naħa tal-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u fil-livell tal-UE u jitlob għal kollaborazzjoni urġenti fost l-amministraturi tal-wirt kulturali, dawk responsabbli għall-ippjanar fil-livell reġjonali u dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika;

Il-ħarsien tal-industrija taċ-ċinema

21.

jenfasizza l-bżonn li jiġi kkunsidrat kemm ir-rwol ekonomiku kif ukoll ir-rwol kulturali taċ-ċinema. Is-settur taċ-ċinema huwa industrija ta' importanza kbira ħafna għall-iżvilupp, il-kompetittività u x-xogħol. Jaqdi wkoll rwol kruċjali fil-ħarsien u l-promozzjoni tal-identità u d-diversità kulturali fil-livell lokali u reġjonali. Is-settur huwa magħmul b'tali mod li huwa fattur ewlieni fl-iżvilupp tal-valuri soċjali Ewropej u t-tħaddim tas-soċjetajiet demokratiċi, peress li x-xogħlijiet awdjoviżivi jistgħu jaqdu rwol importanti fit-tiswir ta' identità Ewropea (6);

22.

iwiddeb kontra l-għajbien ta' swali taċ-ċinema żgħar, indipendenti u l-hekk imsejħa art house cinemas, li juru films ta' valur artistiku, jew swali f'reġjuni mbiegħda. Dawn is-swali jiffaċċjaw sfidi akbar f'din it-tranżizzjoni u l-eżistenza tagħhom hija mhedda miċ-ċinema diġitali;

23.

għalhekk, iħeġġeġ is-sejbien ta' soluzzjoni li tinvolvi kemm liż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali sabiex titħares id-diversità kulturali fl-Ewropa;

24.

jenfasizza l-bżonn ta' intervent pubbliku effettiv li jirrikonoxxi l-fatt li l-industriji kulturali u kreattivi jipprovdu l-kontenut għall-ICTs, u b'dan il-mod jikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu tagħhom (7);

Il-finanzjament u l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni għaċ-ċinema diġitali

25.

jitlob għal strateġija dinamika, integrata u aċċessibbli fil-qasam tal-komunikazzjoni biex tagħti tagħrif dwar l-appoġġ pubbliku disponibbli, is-sħubijiet attivi u l-possibbiltà ta' distribuzzjoni, u jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħataw aġġornamenti regolari dwar l-iżviluppi fl-UE, fid-dawl tar-rwol vitali li jaqdu biex jippromovuhom u jxerrduhom fiż-żoni individwali tagħhom;

26.

jenfasizza l-fatt li huwa essenzjali li jiġi żviluppat l-użu attiv u kreattiv, b'mod partikolari permezz ta' implimentazzjoni prattika fuq il-bażi ta' proġetti, tal-ħiliet tekniċi u manwali u l-azzjonijiet u l-għarfien neċessarji. Jeħtieġ li l-enfasi tkun fuq il-komunikazzjoni awdjoviżiva u l-ħolqien, il-preżentazzjoni u x-xandir tal-kontenut awdjoviżiv permezz tat-teknoloġija diġitali (8);

27.

jirrikonoxxi li, attwalment, b'mod ġenerali, l-hekk imsejħa virtual print fee (VPF) mhijiex adatta għal swali iżgħar u indipendenti u għall-art house cinemas – ħafna minn dawn it-tipi ta' swali jinsabu f'żoni rurali jew imbiegħda jew f'territorji iżgħar. Għalhekk, il-KtR jitlob għal miżuri adatti li jindirizzaw b'mod speċifiku l-aktar swali vulnerabbli;

28.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-opportunitajiet ipprovduti permezz tal-istandardizzazzjoni bil-għan li jintlaħqu għadd ta' għanijiet, fosthom: 1) tranżizzjoni diġitali aktar rapida; 2) tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u d-distribuzzjoni; 3) il-preservazzjoni u t-tisħiħ tad-diversità tal-ipprogrammar Ewropew fis-swali diġitalizzati; 4) investiment fir-riċerka, it-tagħmir u t-taħriġ professjonali bil-għan li l-wirt ċinematografiku Ewropew ikun ippreservat aħjar;

29.

jenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali tipprovdi opportunitajiet ġodda biex reġjuni differenti Ewropej jitqarrbu aktar lejn xulxin peress li jaqsmu xogħlijiet awdjoviżivi u jeżaminaw modi ġodda kif joħolqu rabtiet u jaqsmu l-kontenut bejniethom. Din it-tranżizzjoni tista' tipprovdi opportunità biex is-swali jiġbdu lejhom udjenzi ġodda, japprofittaw ruħhom minn kontenut alternattiv, jipprovdu servizzi ġodda u jagħtu aktar viżibbiltà lill-kontenut minn reġjuni differenti;

30.

josserva li l-investiment f'teknoloġija ċinematografika ġdida u t-tranżizzjoni diġitali għandhom itejbu l-aċċessibbiltà tal-persuni b'diżabbiltà peress li jintroduċu d-deskrizzjonijiet awdjoviżivi u l-captioning technology (teknoloġija bil-għan li l-kontenut awdjoviżiv ikun aċċessibbli għal persuni neqsin mis-smigħ jew li jbatu biex jisimgħu);

Il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea

31.

jilqa' b'sodisfazzjon il-possibbiltà li l-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea jintużaw biex jikkofinanzjaw proġetti fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u inizjattivi marbuta mat-taħriġ, filwaqt li jirrikonoxxi li dan mhux dejjem possibbli f'kull pajjiż minħabba li l-oqsma ta' prijorità għall-fondi ġew identifikati u allokati;

32.

huwa tal-fehma li l-modernizzazzjoni tal-industrija taċ-ċinema Ewropea ser tikkontribwixxi bil-qawwa għall-iżvilupp lokali u reġjonali billi tagħmel ir-reġjuni Ewropej, b'mod partikolari dawk f'żoni mbiegħda, aktar attraenti, tiżviluppa t-turiżmu sostenibbli u toħloq opportunitajiet tax-xogħol ġodda;

33.

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tfassal skema ġdida tal-MEDIA. B'mod partikolari, iħeġġeġ skema b'aktar flessibbiltà li tinkoraġixxi s-swali taċ-ċinema jimmodernizzaw ruħhom u jnaqqsu d-differenzi fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni li jeżistu bejn Stat Membru u ieħor;

34.

josserva li kien hemm stejjer ta' suċċess, u bis-saħħa ta' interventi effettivi ta' appoġġ, ir-reġjuni qed iħejju biex japprofittaw ruħhom mill-isfida diġitali l-ġdida. Fost l-art house cinemas li diġà rċevew appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jaqilbu għal sistema diġitali nsibu l-Land Ġermaniza ta' Niedersachsen, ir-reġjun Pollakk ta' Małopolska, ir-reġjuni tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-Portugall u r-reġjun ta' Alentejo, fil-Portugall ukoll;

35.

iħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajbin, kollaborazzjoni u netwerking bejn ir-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati. Dawn jinkludu lill-Kummissjoni Ewropea, il-gvernijiet nazzjonali u lokali, il-kummissjonijiet u l-aġenziji taċ-ċinema, il-gruppi tal-esebituri, id-distributuri, il-produtturi u l-aġenti tal-bejgħ;

36.

jagħti kelmtu li ser jagħmel ħiltu biex jitmexxew 'il quddiem ir-rakkomandazzjonijiet miġbura f'din l-opinjoni bil-kooperazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, fejn meħtieġ.

Brussell, 27 ta’ Jannar 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Ara l-Artikolu 3 tat-TUE.

(2)  Komunikazzjoni COM(2010) 245, 19.5.2010, disponibbli hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2010:0245:REV1:MT:HTML, b'mod partikolari p. 31-32.

(3)  Kummissjoni Ewropea, DĠ Riċerka, “Preserving our heritage, improving our environment”, Volum 1, disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/culture/key-documents/doc/20years_cultural_heritage_vol1_en.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Kummissjoni Ewropea, Green Paper, “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”, disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc/GreenPaper_creative_industries_mt.pdf

(5)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010) 245, 19.5.2010.

(6)  CdR 27/2009.

(7)  CdR 104/2010.

(8)  CdR 133/2009.


Top