Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2009/075/05

Rapport Finali fil-Każ COMP/M.5046 — Friesland/Campina

ĠU C 75, 31.3.2009, pp. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/19


Rapport Finali (1) fil-Każ COMP/M.5046 — Friesland/Campina

(2009/C 75/05)

DAĦLA

Fit-12 ta' Ġunju 2008, il-Kummissjoni reċeviet notifika ta' proposta ta' konċentrazzjoni (2) li biha l-kooperattivi Zuivelcoöperatie Campina U.A. u Zuivelcoöperatie Friesland Foods U.A. (“il-Partijiet”) amalgamaw permezz ta' amalgamazzjoni legali sħiħa.

Il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti fis-17 ta' Lulju 2008 fuq il-bażi li l-konċentrazzjoni qajmet dubji serji fir-rigward tal-kompatibilità tagħha mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (3).

PROĊEDURA

Estensjoni tal-iskadenza

Il-Kummissjoni estendiet il-proċedura b'ħames ġranet ta' xogħol fil-Fażi II, wara li sar ftehim bejnha u bejn il-Partijiet (4).

Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet u r-risposta

Il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) fit-3 ta' Ottubru 2008. Fid-DO waslet għall-konklużjoni preliminari li t-tranżazzjoni kienet se tqajjem elementi ta' tħassib serji dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-14-il prodott li ġejjin: il-bejgħ tal-ħalib frisk, ta' xorrox tal-butir frisk u tal-jogurt naturali frisk; ta' xarbiet friski tad-ditta mhux tas-saħħa magħmulin mill-ħalib, imqassmin skont il-linja ta' distribuzzjoni tal-bejġħ bl-imnut u dik tal-bejgħ 'il “Barra mid-Djar” (“BD”); il-bejgħ ta' jogurts u quark b'valur miżjud fis-segment BD; il-bejgħ tal-custard frisk u l-porridge (flimkien “prodotti tal-ħalib friski”); il-bejgħ ta' xarbiet magħmulin mill-ħalib li ma jiskadux malajr; il-bejgħ ta' ġobon tat-tip Olandiż lil bejjiegħa bl-ingrossa speċjalizzati u lil tipi ta' bejjiegħa bl-imnut moderni; il-ksib ta' ħalib mhux proċessat konvenzjonali (sakemm dan huwa marbut mal-elementi ta' tħassib dwar kompetizzjoni fis-swieq downstream); u l-bejgħ tal-lattosju li jintuża f'inalaturi fil-forma ta' trab niexef (ITN) u dak farmaċewtiku.

Il-partijiet taw it-tweġiba tagħhom għad-DO fis-17 ta' Ottubru 2008.

Aċċess għall-fajl

Aċċess għall-fajl ingħata lill-Partijiet fis-6 ta' Ottubru 2008.

Sussegwentament, il-Partijiet kisbu f'diversi okkażżjonijiet aċċess għad-dokumenti li ġew miżjuda fil-fajl wara n-notifikazzjoni tad-DO.

L-Involviment ta' partijiet terzi

Il-Partijiet terzi li ġejjin daħlu fil-proċedura wara li sottomettew talbiet motivati indirizzati lil: Superunie C.I.V. B.A., Albert Heijn B.V., Arla Foods AmbA u CBC Co., Ltd.

Smigħ Orali

Sar Smigħ Orali fil-21 ta' Ottubru 2008. Għalih attendew il-Partijiet, żewġ Partijiet fost l-erbgħa li ddaħħlu fil-proċedura (Albert Heijn B.V. u Arla Foods AmbA) flimkien ma' 11-il Stat Membru. Il-kummenti tal-Partijiet wasslu għal investigazzjonijiet ulterjuri min-naħa tal-Kummissjoni.

Impenji

Anke qabel ma seħħ is-Smigħ, il-Partijiet diġà kienu sottomettew abbozz tar-rimedji li jkopru l-prodotti friski magħmulin mill-ħalib. Fl-laqgħa mal-Partijiet sabiex jiġi stabbilit x'inhi s-sitwazzjoni kurrenti, li seħħet wara s-Smigħ, il-Kummissjoni infurmathom li l-abbozzi tar-rimedji ma kinux jindirizzaw l-oġġezzjonijiet kollha li ġew identifikati fid-DO. Sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jissottomettu proposta għal rimedju vjabbli, il-Kummissjoni estendiet il-proċedura b'tul ta' jum ta' xogħol, wara dak li fih sar ftehim min-naħa tal-Partijiet (4).

L-ewwel sett ta' impenji li jorbtu ġie mwiegħed mill-Partijiet wara dan, u dan is-sett aktar tard ġie kkumplimentat. Il-pakkett ta' rimedju prinċipalment jikkonsisti minn divestitura ta' ġobon frisk magħmul mill-ħalib, ta' attivitajiet marbutin mal-prodotti tal-ħalib li ma jiskadux malajr u l-aċċess għall-ħalib mhux ipproċessat. It-test li sar dwar is-suq ikkonċernat juri li jinħtieġ li jsir titjib sinifikanti. Bħala konsegwenza l-Partijiet sottomettew pakkett ta' impenji rivedut.

It-tieni test li sar juri li għad kien hemm bżonn li jsir titjib fir-rigward tal-ksib tal-ħalib mhux proċessat biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-swieq downstream għal prodotti friski magħmulin mill-ħalib u l-ġobon.

Fis-27 ta' Novembru 2008 l-partijiet ressqu pakkett finali ta' impenji.

Fir-rigward tal-impenji, il-Partijiet infurmawni li kienu lkoll imħassbin għaliex fil-fehma tagħhom kien hemm ksur tad-drittijiet ta' difiża tagħhom min-naħa tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni allegatament talbithom joffru rimedju fis-suq għall-ksib tal-ħalib mhux ipproċessat li fil-fehma tagħhom ma kellhiex bażi fid-DO.

F'dan ir-rigward ninnota li l-Kummissjoni la fl-abbozz tad-Deċiżjoni u lanqas qabel fid-DO ma tikkonkludi li l-pożizzjoni fis-suq b'saħħitha tal-entità li ġiet amalgamata fis-suq tal-ksib tal-ħalib mhux proċessat se, fiha nnifisha, tirriżulta f'ostakolu sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva. Minflok, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni huwa mnissel mis-saħħa fis-suq miżjuda tal-Partijiet fis-swieq downstream. L-impenji proposti mill-Partijiet fir-rigward tal-ksib tal-ħalib mhux proċessat iservu biex jiżguraw, flimkiem mal-impenji dwar il-prodotti friski magħmulin mill-ħalib u l-ġobon, li l-kompetizzjoni effettiva f'dawn is-swieq downstream se tiġi restawrata billi x-xerrejja tan-negozju mibjugħ u l-kompetituri fis-swieq downstream jitħallew jakkwistaw provvisti adegwati ta' ħalib mhux proċessat fuq tul ta' żmien twil. B'konformità ma dan, la darba l-elementi ta' tħassib dwar is-swieq downstream jkunu ġew rimedjati, it-tħassib marbut mas-suq tal-ksib tal-ħalib mhux proċessat awtomatikament ikun ġie rimedjat ukoll.

Jiena nifhem li, wara dan, matul il-laqgħa sabiex jiġi stabbilit x'inhi s-sitwazzjoni kurrenti, is-servizzi tal-Kummissjoni indirizzaw in-nuqqas ta' ftehim potenzjali f'komunikazzjonijiet preċedenti u kkonfermaw lill-Partijiet li t-tħassib fis-suq dwar il-ksib tal-ħalib mhux proċessat huwa relatat mal-ostakoli għad-dħul u/jew l-espansjoni tas-swieq downstream u għalhekk l-impenji li jirrigwardaw l-aċċess għall-ħalib mhux proċessat huma meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-elementi ta' tħassib dwar il-kompetizzjoni fis-swieq downstream.

Il-Partijiet ma baqgħux isegwu din il-kwistjoni miegħi.

L-ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI

Fl-abbozz tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-impenji li ġew sottomessi fis-27 ta' Novembru 2008 jiżguraw li l-amalgamazzjoni proposta mhijiex se tostakola b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq għall-bejgħ tal-ħalib frisk, tax-xorrox tal-butir frisk u tal-jogurt naturali frisk; ta' xarbiet friski tad-ditta mhux tas-saħħa magħmulin mill-ħalib, imqassmin b'konformità mal-linja ta' distribuzzjoni tal-bejġħ bl-imnut u dik tal-bejgħ 'il “Barra mid-Djar” (“BD”); ta' jogurts u quark b'valur miżjud fis-segment BD; tal-custard frisk u l-porridge (flimkien “prodotti tal-ħalib friski”); ta' xarbiet magħmulin mill-ħalib li ma jiskadux malajr; ta' ġobon tat-tip Olandiż lill-bejjiegħa bl-ingrossa speċjalizzati u lil tipi ta' bejjiegħa bl-imnut moderni; u għalhekk ukoll għall-ksib ta' ħalib mhux proċessat.

Għall-kuntrarju tal-evalwazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni ddeterminat li l-konċentrazzjoni mhijiex se twassal għal xkiel sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva fir-rigward ta' lattosju farmaċewtiku u dak li jintuża f'inalaturi fil-forma ta' trab niexef (ITN). Hija waslet għall-konklużjoni ġenerali li l-konċentrazzjoni proposta għandha tkun iddikjarata bħala kumpatibbli mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fuq il-kundizzjoni ta' konformità sħiħa mal-impenji stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni.

Apparti mis-sottomissjoni li saret min-naħa tal-Partijiet imsemmija hawn fuq l-ebda sottomissjoni jew mistoqsija oħra ma tressqu lili min-naħa tagħhom jew min-naħa ta' xi parti terza oħra. Fid-dawl ta' dan u b'kunsiderazzjoni għall-osservazzjonijiet imsemmijin hawn fuq nikkunsidra li għal dan il-każ ma hemm bżonn li jsir l-ebda kumment partikolari ieħor fir-rigward tad-dritt li wieħed jinstema'.

Brussell, 12 ta' Diċembru 2008.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta' Mejju 2001 fuq it-termini ta' referenza tal-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21).

(2)  Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(3)  Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

(4)  Skont l-Artikolu 10(3) it-tieni sottoparagrafu tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.


Top