This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015IP0178
European Parliament resolution of 30 April 2015 on the persecution of Christians around the world, in relation to the killing of students in Kenya by terror group Al-Shabaab (2015/2661(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab (2015/2661(RSP))
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab (2015/2661(RSP))
ĠU C 346, 21.9.2016, pp. 51–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 346/51 |
P8_TA(2015)0178
Il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil ta' studenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' April 2015 dwar il-persekuzzjoni tal-Insara madwar id-dinja, b'rabta mal-qtil tal-istudenti fil-Kenja mill-grupp terroristiku Al-Shabaab (2015/2661(RSP))
(2016/C 346/08)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kenja, |
— |
wara li kkunsidra t-tieni Ftehim ta' Sħubija rivedut bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-“Ftehim ta' Cotonou”), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 11, 26 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-23 ta' Novembru 2014 dwar il-massakru ta' 28 vjaġġatur ċivili, u tat-3 ta' April 2015 dwar l-attakk brutali tal-Università ta' Garissa fil-Kenja, |
— |
wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa magħmula mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA), fl-497 laqgħa tiegħu li saret fid-9 ta’ April 2015, dwar l-attakk terroristiku mwettaq f’Garissa, il-Kenja, |
— |
wara li kkunsidra l-attakk tal-forzi tal-ajru Kenjani fuq il-kampijiet tat-taħriġ ta' Al-Shabaab fis-Somalja bħala reazzjoni għall-massakru li sar fl-Università ta' Garissa, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981, |
— |
wara li kkunsidra il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, |
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-aktar attakk terroristiku riċenti f'Garissa, fil-Kenja, kellu fil-mira tiegħu iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u għaldaqstant, il-ġejjieni tal-pajjiż; billi ż-żgħażagħ jirrappreżentaw it-tama u l-paċi, u huma d-difensuri futuri tal-iżvilupp tal-pajjiż; billi l-edukazzjoni hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-estremiżmu u l-fundamentaliżmu vjolenti; |
B. |
billi l-għadd ta' attakki fuq minoranzi reliġjużi, b'mod partikolari il-gruppi reliġjużi, inklużi l-Insara, madwar id-dinja żdied ħafna f'dawn l-aħħar xhur; billi persuni Nsara qed jinqatlu brutalment, jissawwtu u jiġu arrestati kuljum l-aktar f’xi partijiet tad-dinja Għarbija minn terroristi ġiħadisti; |
C. |
billi l-Insara huma l-aktar grupp reliġjuż ippersegwitat; billi l-estremiżmu u l-persekuzzjoni ta’ dan it-tip qed jitfaċċaw bħala fattur sinifikanti fil-fenomenu dejjem jikber ta’ migrazzjoni tal-massa; billi skont data, l-għadd ta' Nsara maqtula kull sena hu akbar minn 150 000; |
D. |
billi fil-15 ta’ Frar 2015, il-grupp ISIS/Da’esh iddekapita 21 persuna Nsara Kopti Eġizzjani fil-Libja; |
E. |
billi l-mira intenzjonata tal-attakk ta' Garissa kienu l-persuni mhumiex Musulmani, u l-Insara kienu magħżula biex jinqatlu brutalment; billi Al-Shabaab iddikjara apertament u pubblikament li se jagħmel gwerra kontra l-Insara fir-reġjun; |
F. |
billi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ, u t-tisħiħ tal-ħiliet, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni, huma essenzjali biex jittejbu l-opportunitajiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom u biex isaħħu l-iżvilupp tal-pajjiż; |
G. |
billi Al-Shabaab regolarment kellu fil-mira lil studenti, skejjel u faċilitajiet edukattivi oħra; billi fost l-oħrajn, f'Diċembru 2009 attakk suwiċida qatel 19-il persuna waqt ċerimonja tal-għoti tal-lawrji lill-istudenti tal-mediċina f'Mogadixu, fis-Somalja, u f'Ottubru 2011, il-grupp terroristiku ħa r-responsabbiltà ta' attakk bil-bombi li qatel 70 ruħ, fosthom student li kienu qed jistennew ir-riżultati tal-eżamijiet fil-Ministeru tal-Edukazzjoni tas-Somalja f'Mogadixu; |
H. |
billi fil-25 ta' Marzu 2015, tal-inqas 15-il persuna tilfu ħajjithom f'attakk imwettaq minn Al-Shabaab fuq lukanda f'Mogadixu, u billi Yusuf Mohamed Ismail Bari-Bari, ir-rappreżentant permanenti tas-Somalja fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra, l-Iżvizzera, kien fost dawk maqtula fl-attakk; |
I. |
billi l-Kenja ilha tħabbat wiċċha ma' għadd ikbar ta' attakki kontra ċ-ċivili sa minn Ottubru 2011, meta t-truppi tagħha daħlu fin-nofsinhar tas-Somalja biex jieħdu sehem f'operazzjoni koordinata mal-armata tas-Somalja kontra żona kkontrollata minn Al-Shabaab wara li l-grupp terroristiku ħa erba' ostaġġi; |
J. |
billi sa minn Novembru 2011, it-truppi Kenjani ħadu sehem fil-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM), stabbilita fid-19 ta' Jannar 2007 mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u awtorizzata fl-20 ta’ Frar 2007 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (riżoluzzjoni 1744 (2007)), li reċentement ta approvazzjoni lill-UA biex tkompli l-missjoni tagħha sat-30 ta’ Novembru 2015 (riżoluzzjoni 2182 (2014)); |
K. |
billi wieħed mill-kontributuri ewlenin tal-ġlieda kontra l-grupp terroristiku Al Shabaab kienet l-armata Etjopjana kif ukoll, u b'mod aktar limitat, l-armata tal-Uganda; |
L. |
billi Al-Shabaab ifforma rabtiet ma’ gruppi Iżlamisti oħra fl-Afrika, bħall-Boko Haram fin-Niġerja u l-Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku; |
M. |
billi l-grupp terroristiku Al-Shabaab regolarment jattakka bil-bombi, u joqtol, fil-parti kbira lil persuni ċivili, fis-Somalja u f’pajjiżi ġirien, bħal pereżempju f’Kampala, l-Uganda, f’Lulju 2010, u ħafna aktar ta’ sikwit fil-Kenja, fejn l-azzjonijiet fuq skala kbira biss kisbu l-attenzjoni internazzjonali, filwaqt li attakki iżgħar kienu karatteristika kostanti; |
N. |
billi l-grupp Al-Shabaab ħa r-responsabbiltà tal-attakki li saru f’Lulju 2014 fuq l-irħula ta’ Hindi, Gama, Lamu u Tana River mal-kosta tal-Kenja, li fihom inqatlu aktar minn mitt persuna, kif ukoll ta' żewġ attakki f’Mandela County fl-2014, li fihom inqatlu 64 persuna; |
O. |
billi wara l-attakk terroristiku fuql-Università ta' Garissa l-Gvern ta' Kenja hedded lill-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab fi żmien tliet xhur; billi l-UNHCR wissiet li dan l-għeluq kien ikollu “konsegwenzi umanitarji u prattiċi estremi”; billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Rifuġjati tipprojbixxi li rifuġjati jiġu mġiegħla jmorru lura f'żoni fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom tkun mhedda; |
P. |
billi l-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF) għadha mhijiex operattiva, u billi l-UE ddikjarat ir-rieda tagħha li tappoġġa l-kapaċitajiet Afrikani taż-żamma tal-paċi bħala parti mill-Istrateġija għas-Sigurtà tagħha għall-Afrika; |
Q. |
billi skont l-Artikolu 11 tal-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u l-AKP, “l-attivitajiet fil-qasam tal-ħolqien tal-paċi, u tal-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, għandhom b'mod partikolari jinkludu sostenn għall-ibbilanċjar ta' opportunitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali f'kull qasam tas-soċjetà, biex jissaħħu l-leġittimità demokratika u l-effettività tal-governanza, biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi għal konċiljazzjoni paċifika tal-interessi tal-gruppi, […] biex jingħelbu l-firdiet bejn diversi oqsma tas-soċjetà kif ukoll biex tigi sostnuta soċjetà ċivili attiva u organizzata”; |
1. |
Jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-attakk terroristiku deliberat imwettaq minn Al-Shabaab fit-2 ta’ April 2015 f’Garissa, li fih inqatlu 147 student u studenta universitarji żgħażagħ innoċenti, filwaqt li 79 oħra ndarbu; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment meta l-persuni jinqatlu minħabba r-reliġjon, it-twemmin jew l-oriġini etnika tagħhom; |
2. |
Jikkundanna għal darb'oħra l-attakki mwettqa minn Al-Shabaab fis-sajf tal-2014 fuq bosta rħula tax-xatt tal-Kenja, inkluż Mpeketoni, li fih inqatlu 50 ruħ; jikkundanna bil-qawwa l-attakk fil-Westgate Shopping Centre f'Nairobi fl-24 ta' Settembru 2013, li ħalla 67 katavru; jikkundanna l-attakk ta' Al-Shabaab tal-25 ta' Marzu 2015 f'Mogadixu, li fih tilef ħajtu l-Ambaxxatur Yusuf Mohamed Ismail Bari-Bari, ir-rappreżentant permanenti tas-Somalja fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra; |
3. |
Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba tal-vittmi u lill-poplu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kenja; jappoġġja lill-poplu Kenjan fil-konfront ta' dawn l-atti ta' aggressjoni deplorevoli; |
4. |
Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kull tip ta’ vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon; |
5. |
Jikkundanna l-attakki riċenti fuq komunitajiet Insara f'diversi pajjiżi, partikolarment fir-rigward tat-tfigħ fil-baħar ta' 12-il persuna Nisranija waqt vjaġġ reċenti mill-Libja u l-massakru ta' 30 persuna Nsara Etjopjani fid-19 ta' April 2015, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-qraba tal-vittmi; |
6. |
Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon minn dawk li jwettqu atti terroristiċi f’diversi nħawi tad-dinja, u t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta’ episodji ta’ intolleranza, repressjoni u vjolenza kontra l-Insara, b'mod partikolari f'xi partijiet tad-dinja Għarbija; jikkundanna l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f’diversi kunflitti; jikkundanna l-għadd dejjem jiżdied ta’ attakki fuq knejjes madwar id-dinja, b’mod partikolari l-attakk li qatel 14-il persuna fil-Pakistan fil-15 ta’ Marzu 2015; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta' priġunerija, għajbien, tortura, skjavitù u ġġustizzjar pubbliku tal-Insara fil-Korea ta' Fuq; jikkonferma u jappoġġa d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, inklużi l-Insara, li jibqgħu jgħixu fl-art storika u tradizzjonali tagħhom f'kundizzjonijiet ta' dinjità, ugwaljanza u sikurezza; jinnota li għal sekli sħaħ, il-gruppi reliġjużi differenti f'dan ir-reġjun kienu jgħixu flimkien b'mod paċifiku; |
7. |
Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 17 tat-TFUE li jagħmlu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes u ma' organizzazzjonijiet reliġjużi, filosofiċi u mhux konfessjonali, biex jiżguraw li l-kwistjoni tal-persekuzzjoni ta' komunitajiet Insara u komunitajiet reliġjużi oħra tkun prijorità għall-UE; |
8. |
Jikkundanna l-użu ta' liġi antika ('patt dhimmi') mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq għall-estorsjoni tal-Insara permezz ta' obbligi fiskali reliġjużi u restrizzjonijiet, bit-theddida tal-mewt; |
9. |
Jafferma mill-ġdid is-solidarjetà tiegħu mal-Insara kollha ppersegwitati f’diversi partijiet tal-Afrika, b’kunsiderazzjoni speċjali tal-atroċitajiet ġiħadisti reċenti fil-Libja, in-Niġerja u s-Sudan; |
10. |
Jikkundanna u jiċħad kwalunkwe miżinterpretazzjoni tal-messaġġ tal-Iżlam biex tinħoloq ideoloġija vjolenti, krudili, totalitarja, oppressiva u espansiva li tagħti lok ta' leġittimizzazzjoni tal-esterminazzjoni ta' minoranzi Nsara; iħeġġeġ lill-mexxejja Musulmani jikkundannaw għalkollox l-attakki terroristiċi kollha, inklużi l-attakki kontra komunitajiet u minoranzi reliġjużi, u b'mod partikolari l-Insara; |
11. |
Jistieden lill-awtoritajiet iwettqu investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u effikaċi mill-iktar fis possibbli sabiex jiġu identifikati u jitressqu quddiem il-ġustizzja lil min wettaq, organizza, iffinanzja jew sponsorja dawn l-atti ta’ terroriżmu kundannabbli; |
12. |
Jirrikonoxxi li t-tweġiba reali jeħtieġ tkun organizzata madwar pajjiżi Afrikani oħra, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall- Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà u l-Kunsill jindirizza t-theddidiet għas-sigurtà u theddidiet terroristiċi f'din iż-żona reġjonali b'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, b'appoġġ tal-isforzi kruċjali biex il-grupp Al-Shabaab jiġi miġġieled permezz tal-AMISOM; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tappoġġa bil-qawwa l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi kontinentali u reġjonali għall-ġestjoni tal-kunflitti, prinċipalment il-Forza Afrikana ta' Intervent fil-Pront (ASF); |
13. |
Jistieden lill-Gvern Kenjan jassumi r-responsabbiltà u jindirizza kemm il-vjolenza ta’ Al-Shabaab kif ukoll il-kawżi ewlenin tagħha; iqis li s-sigurtà tista’ tinkiseb biss jekk il-qasmiet fis-soċjetajiet politiċi u ċivili tal-Kenja u l-iżbilanċi reġjonali fl-iżvilupp ikunu indirizzati b’mod xieraq; iqis li hi ta’ dispjaċir ir-reazzjoni tardiva tal-forzi tal-pulizija; b’mod partikolari, iħeġġeġ lill-gvern jibqa' lura milli juża l-attakki terroristiċi bħala pretest għat-trażżin tal-libertajiet ċivili; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jibbażaw l-istrateġija tagħhom għall-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jinsisti dwar il-ħtieġa għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja tal-politiki ta' kontra t-terroriżmu; |
14. |
Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kenjani jiżguraw li kwalunkwe diviżjoni bejn ir-reliġjonijiet, kif ukoll il-paralleli magħmula bejn il-komunità Musulmana u l-grupp Al-Shabaab jiġu prevenuti, u li jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li tinżamm l-għaqda fil-pajjiż, għall-ġid tat-tkabbir u l-istabbiltà soċjali u ekonomiċi u d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem tal-poplu tiegħu; jistieden lill-Gvern tal-Kenja, lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lill-mexxejja reliġjużi biex jindirizzaw l-ilmenti storiċi ta' marġinalizzazzjoni, diviżjonijiet reġjonali fil-pajjiż u diskriminazzjoni istituzzjonali, u biex jiżguraw li l-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu jimmiraw biss fuq l-awturi u mhux fuq il-komunitajiet etniċi u reliġjużi usa'; |
15. |
Ifakkar lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat f’Ġunju 2012, li jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jitqajmu f'kull djalogu kontra t-terroriżmu ma’ pajjiżi terzi; |
16. |
Jistieden lill-UE timplimenta programm ta' missjoni ta' taħriġ militari fil-Kenja u tipprovdi tagħmir modern, filwaqt li tikkollabora mal-forzi militari u tal-pulizija Kenjani u tħarriġhom sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u jipprevjenu l-espansjoni ta' Al-Shabaab; |
17. |
Iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan jagħmel l-isforzi kollha biex jikkonforma mal-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet fundamentali, u jitlob lill-UE biex tmexxi lis-sieħeb internazzjonali tagħha f’din id-direzzjoni, u tiġbor kontribuzzjoni finanzjarja biex isaħħaħ il-programmi tal-governanza eżistenti, sabiex tiżgura s-sigurtà nazzjonali u ġġib il-paċi u l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun; jinsisti li l-vjolenza ta' Al-Shabaab, li qed tkompli tiżdied, għandha tiġi indirizzata flimkien mal-pajjiżi ġirien; jitlob lill-UE tipprovdi l-appoġġ finanzjarju, loġistiku u espert kollu meħtieġ f'dan ir-rigward, inkluża l-possibbiltà li jintużaw il-Faċilità tal-Paċi Afrikana u l-istrumenti tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE; |
18. |
Jistieden lill-forzi tas-sigurtà Kenjani jiżguraw risponsi legali fil-ġlieda kontra t-theddida terroristika; jistieden lill-Gvern Kenjan jiżgura s-sigurtà u l-protezzjoni tal-kampijiet tar-rifuġjati fit-territorju tiegħu, skont id-dritt internazzjonali; |
19. |
Jenfasizza li t-terroriżmu internazzjonali hu ffinanzjat minn attivitajiet illegali bħall-ħasil tal-flus, ir-riskatti, it-traffikar tad-drogi u l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fejn jidħol l-iskambju ta’ intelligence rigward il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; |
20. |
Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha għall-promozzjoni tad-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi u komunitajiet oħra; jappella lill-awtoritajiet reliġjużi kollha biex jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista; |
21. |
Jiddenunzja l-użu ta' istituzzjonijiet u binjiet edukattivi bħala mira għal attakki terroristiċi, li huwa mezz biex tiddgħajjef l-edukazzjoni u d-dinjità taċ-ċittadini kollha filwaqt li jikkawża nuqqas ta' fiduċja u sens ta' diviżjoni bejn il-komunitajiet; ifakkar il-ħtif u l-għajbien tal-bniet Insara fil-belt Niġerjana ta' Chibok mill-grupp terroristiku ġiħadista Boko Haram fl-2014, li ġew ikkundannati mid-dinja kollha; |
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE. |