This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IR4555
Opinion of the European Committee of the Regions — Partnership Framework with third countries on migration
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas ta’ Sħubija ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas ta’ Sħubija ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni
ĠU C 207, 30.6.2017, pp. 32–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 207/32 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas ta’ Sħubija ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni
(2017/C 207/07)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
Kuntest ġenerali
Skont il-UNHCR, hemm madwar 60 miljun refuġjat u persuna spostata madwar id-dinja, li nofshom ġejjin minn żewġ reġjuni tad-dinja: il-Lvant Nofsani u l-Afrika.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tistma li aktar minn 1,2 miljun migrant waslu fl-Ewropa bil-baħar fl-2015 u kważi 35 000 bl-art. Dan jikkompara mal- 280 000 li waslu permezz tal-art u l-baħar, għall-2014 kollha. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux dawk li daħlu fl-Ewropa mingħajr ma ġew individwati.
Filwaqt li l-ftehim tal-UE mat-Turkija naqqas b’mod konsiderevoli l-għadd ta’ migranti bil-baħar mit-Turkija, il-fluss mill-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika reġa’ żdied. In-Niġer fl-Afrika tal-Punent hija ċ-ċentru prinċipali għall-migranti mill-Afrika tal-Punent u l-Afrika Ċentrali: huwa stmat; f’Mejju 2016, li aktar minn 16 000 persuna jgħaddu kull ġimgħa min-Niġer fi triqthom lejn it-Tramuntana. Skont xi stimi, hemm eluf ta’ migranti fil-Libja li qed ifittxu modi kif jidħlu fl-UE.
Il-Kumitat tar-Reġjuni ilu jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ approċċ olistiku għall-migrazzjoni, li jippermetti ġestjoni aktar deċentralizzata u effiċjenti tal-movimenti ta’ migrazzjoni. Il-KtR huwa impenjat bis-sħiħ biex l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tirrikonoxxi li l-migrazzjoni internazzjonali hija realtà multidimensjonali ta’ rilevanza kbira għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ transitu u destinatarji, u li tirrikjedi rispons koerenti u komprensiv.
Il-KtR huwa impenjat ukoll għall-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn erba’ pilastri tal-ġestjoni tal-migrazzjoni skont l-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni tal-2015: it-tnaqqis tal-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari, it-titjib fil-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE, inklużi sforzi għall-prevenzjoni tal-perikli għall-migranti fuq il-baħar, l-implimentazzjoni ta’ politika komuni dwar robusta l-asil, u l-introduzzjoni ta’ politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali.
Il-KtR ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari, inklużi kawżi ekonomiċi jew soċjali, għandhom jiġu indirizzati mill-UE fis-sors tagħhom.
Il-KtR jappoġġja l-kooperazzjoni reġjonali u lokali biex tiġi żgurata migrazzjoni sikura, fl-ordni u regolari, b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u bi trattament uman għall-migranti irrispettivament mill-istatus tagħhom ta’ migrazzjoni, ta’ refuġjati jew ta’ persuni spostati, kif enfasizzat fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa’ l-Komunikazzjoni dwar it-twaqqif ta’ qafas ta’ sħubija ġdid, peress li tenfasizza l-fatt li l-migrazzjoni hija problema kumplessa u trid tiġi indirizzata f’diversi livelli. Ifakkar li l-asil hu dritt fundamentali tal-bniedem mħares mil-liġi internazzjonali u l-obbligi internazzjonali li jorbtu lill-Istati Membri kollha. Għalhekk iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu rotot sikuri u legali, bħal “kurituri” umanitarji, viżi għal raġunijiet umanitarji u riunifikazzjoni mtejba tal-familja, għar-refuġjati. L-Istati Membri għandhom janalizzaw il-possibbiltà li l-applikazzjonijiet għal asil jiġu ppreżentati fl-ambaxxati u l-konsulati tagħhom. |
2. |
jirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tkopri approċċ innovattiv ibbażat l-ewwel u qabel kollox fuq il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu kemm l-interessi tal-UE kif ukoll l-interessi tal-pajjiżi msieħba, sabiex tiġi żgurata ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni. |
3. |
jappoġġja u jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-UE titkellem b’vuċi waħda bl-involviment tal-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet rilevanti kollha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu u għandhom jaqdu rwol fl-isforz konġunt mal-UE u fil-livell nazzjonali u ma’ pajjiżi terzi sabiex jimplimentaw sħubijiet ta’ migrazzjoni komprensivi (patti), speċjalment ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet b’popolazzjoni ta’ dijaspora sinifkanti mill-pajjiżi koperti mill-Qafas ta’ Sħubija. |
4. |
jaqbel li hemm bżonn isir ħafna iktar peress li l-UE għadha tħabbat wiċċha ma’ kriżi umanitarja. Pajjiżi terzi u msieħba tal-UE qed jagħtu kenn lil miljuni ta’ refuġjati, ħafna minnhom minorenni mhux akkumpanjati, mġiegħla jħallu djarhom, kif ukoll ħafna migranti ekonomiċi li jixtiequ jiġu l-Ewropa. F’dak il-kuntest, il-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-UE u pajjiżi terzi għandha tieħu dimensjoni ġdida u tintroduċi strumenti addizzjonali mfassla biex jagħtu rispons tajjeb għall-isfidi tal-migrazzjoni riċenti u futura. |
5. |
iħeġġeġ lill-KE tinkoraġġixxi lill-atturi kollha – Stati Membri, istituzzjonijiet tal-UE u pajjiżi terzi ewlenin, biex jaħdmu flimkien fi sħubija sabiex iġibu ordni fil-flussi ta’ migrazzjoni u għall-prevenzjoni ta’ vjaġġi perikolużi fuq il-baħar għal dawk il-persuni li jfittxu asil u għall-migranti ekonomiċi mingħajr dokumenti, f’idejn il-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-persuni. Fl-istess ħin, il-KtR huwa konxju dwar l-urġenza li jiġu indirizzati u jitneħħew il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u taċ-ċaqliq sfurzat fil-pajjiżi ta’ oriġini. Il-kooperazzjoni internazzjonali, nazzjonali u reġjonali hija kruċjali biex il-politika Ewropea komuni dwar il-migrazzjoni ssir realtà, skont l-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni. |
6. |
jirrikonoxxi li l-politiki tal-migrazzjoni u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib. Din ir-rabta kienet parti essenzjali fid-diskussjonijiet dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tan-NU deċiża f’Settembru 2015 fi New York. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni f’mod effettiv u uman għandha titqies bħala kruċjali biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-aġenda. Il-KtR huwa konxju sew tal-benefiċċji u l-opportunitajiet ta’ migrazzjoni sikura, bl-ordni u regolari għall-migranti, il-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ transitu u destinatarji. Barra minn hekk, huwa jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-popolazzjonijiet ta’ dijaspora fl-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Huwa konxju wkoll dwar l-impatt negattiv tal-migrazzjoni irregolari fuq il-migranti u l-obbligu tal-pajjiżi ta’ oriġini biex jilqgħu liċ-ċittadini tagħhom fil-proċeduri ta’ riammissjoni u ritorn, skont id-Direttiva tal-UE dwar ir-Ritorn u l-istrumenti internazzjonali. |
7. |
itenni l-appoġġ tiegħu għall-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni ppreżentata fl-2015, li tindika l-azzjonijiet varji li għandhom jittieħdu fl-istess ħin biex jindirizzaw l-aspetti esterni u interni tal-isfida attwali tal-migrazzjoni. L-aġenda esterna tiffoka fuq sħubijiet ma’ pajjiżi terzi fl-iżvilupp ta’ miri kredibbli u li jistgħu jintlaħqu biex jitnaqqas l-għadd ta’ persuni mġiegħla jaħarbu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari. |
8. |
jaqbel li minbarra l-miżuri li diġà ttieħdu mill-UE bħas-Summit ta’ Valletta, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, djalogi ta’ livell għoli dwar il-migrazzjoni, il-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta, il-laqgħa tal-Mexxejja tal-Balkani tal-Punent, jeħtieġ li jissaħħaħ aktar l-approċċ strateġiku tal-UE għall-perjodu fit-tul fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u li jissaħħu l-koerenza u l-koordinazzjoni interni mal-Istati Membri tal-UE. Jinħtieġ approċċ aktar koordinat, sistematiku u strutturat biex jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-effetti ta’ lieva tal-politiki interni u esterni tal-Unjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi ggarantit l-aċċess dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-fondi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll għal fondi oħra rilevanti għaż-żona tal-Mediterran. |
9. |
jaqbel li, minbarra li tnaqqas il-possibbiltajiet għal migrazzjoni irregolari u l-possibbiltajiet ta’ dħul illegali fl-UE, l-UE jeħtieġ li flimkien mal-pajjiżi ta’ oriġini li jinvolvu b’mod attiv lill-komunitajiet tal-immigranti fil-pajjiżi tal-Unjoni, ssaħħaħ politiki ta’ riammissjoni u ta’ ritorn li jkunu koerenti, kredibbli u effettivi, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju ta’ non-refoulement, filwaqt li tqis il-kapaċità effettiva tal-pajjiżi ta’ oriġini u tat-tranżitu biex jiggarantixxu d-drittijiet ta’ dawk li jiġu riammessi jew jerġgħu lura f’pajjiżhom; |
10. |
mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali biex tingħata protezzjoni għal dawk li qed ifittxu asil jew dawk kollha intitolati għal forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali, tkun xi tkun ir-regolarità tad-dħul tagħhom fl-UE, il-KtR jappella għat-twaqqif ta’ hotspots f’pajjiżi terzi, għal persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali. Dawn il-hotspots għandhom jiġu stabbiliti f’pajjiżi terzi, immexxija mill-UE u korpi internazzjonali (UNHCR), u għandu jkollhom il-kompitu li jeżaminaw il-leġittimità ta’ talbiet għall-asil. Għal dawk li jingħataw id-dritt ta’ asil jew protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu pprovduti mezzi ta’ trasport regolari lejn pajjiżi Ewropej tal-għażla tagħhom, u b’hekk jiġu evitati trasbordi fuq dgħajjes mhux tajbin għat-tbaħħir ġestiti minn kuntrabandisti. |
11. |
jaqbel li, l-UE trid tistabbilixxi rotot biex il-persuni jidħlu fl-UE legalment – sew jekk biex ifittxu protezzjoni internazzjonali kif ukoll biex ifittxu xogħol, edukazzjoni, riċerka jew opportunitajiet ta’ investiment. |
12. |
iħeġġeġ lill-UE u lill-KE jinsistu fuq kooperazzjoni aħjar bejn id-diversi korpi u aġenziji fil-ġlieda kontra t-traffikanti u l-kuntrabandisti – Frontex, in-NATO, l-EUNAVFORMED, iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti fil-Europol, u fuq kondiviżjoni aħjar tad-data tal-intelligence bejn dawn l-aġenziji u l-aġenziji tal-Istati Membri. |
13. |
jitlob lill-UE biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-organizzazzjonijiet bħall-Uffiċċju Internazzjonali tal-Migrazzjoni (IOM), li qed jgħinu biex jirritornaw lil migranti li jaslu f’pajjiżi ta’ tranżitu u jirrealizzaw li ġew ingannati jew sempliċement ma jixtiqux ikomplu lejn l-UE. |
Il-qafas ta’ sħubija – Kooperazzjoni komprensiva ġdida ma’ pajjiżi terzi dwar il-migrazzjoni
14. |
jilqa’ b’sodisfazzjoni l-għan aħħari tal-Qafas ta’ Sħubija li jservi ta’ impenn koerenti u mfassal apposta fejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaġixxu f’mod koordinat u jużaw strumenti, għodod u effetti ta’ lieva biex jikkonkludu sħubijiet komprensivi (patti) ma’ pajjiżi terzi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni b’rispett sħiħ tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji tal-imsieħba kollha tagħna. |
15. |
jappoġġja bis-sħiħ l-għan fuq perjodu ta’ żmien qasir li jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar Mediterran u jitlob li jkun hemm objettiv fit-tul li ssir ħidma ma’ pajjiżi msieħba biex jiġu evitati l-vjaġġi perikolużi bil-baħar taħt il-kontroll ta’ gruppi involuti fil-kriminalità organizzata; jappoġġja l-mira li jiġu introdotti inċentivi għar-ritorn u riammissjoni lejn pajjiżi ta’ oriġini u li l-migranti u r-refuġjati jingħataw għajnuna biex jibqgħu l-eqreb possibbli ta’ darhom. Għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli, b’mod partikolari minorenni mhux akkumpanjati li l-aħjar interessi tagħhom għandhom dejjem ikunu kunsiderazzjoni primarja f’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli taħdem dwar il-kwistjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati fil-proċess tal-migrazzjoni, li bosta drabi huwa proċess fil-kompetenza tar-reġjuni. Għalhekk, qed jistenna bil-ħerqa l-istrateġija globali ġdida tal-Kummissjoni, li għandha tiġi implimentata bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-minorenni mhux akkumpanjati (2011-2014), b’tali mod li titqies is-sitwazzjoni tat-tfal nieqsa jew mhux akkumpanjati. |
16. |
itenni l-impenn tal-UE biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi, soċjali u demografiċi fit-tul u n-nuqqas ta’ ħaddiema fl-UE, permezz ta’ politiki ġodda speċifiċi dwar il-migrazzjoni legali, skont l-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni u strumenti ta’ politika ewlenin oħrajn dwar il-migrazzjoni. Dan jista’ jsir ukoll billi jiġu appoġġjati l-aspirazzjonijiet leġittimi ta’ dawk li ilhom residenti biex jieħdu sehem u jagħtu kontribut fil-ħajja pubblika u politika. Il-migrazzjoni minn pajjiżi terzi tista’ tiżgura tkabbir sostenibbli għall-ekonomija tal-UE u l-Ewropa għandha bżonn persuni bi kwalifiki biex tiżgura l-kompetittività fil-livell dinji. Fl-istess ħin, il-pajjiżi msieħba jibżgħu mill-eżodu ta’ mħuħ. Il-migrazzjoni ċirkolari tista’ tkun soluzzjoni sabiex jiġi evitat il-periklu ta’ eżodu tal-imħuħ minn pajjiżi terzi. |
17. |
ifakkar lill-Kunsill li l-KtR jista’ jiffaċilita d-djalogu u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu tal-migranti, pereżempju permezz tal-pjattaformi u korpi eżistenti (ARLEM, CORLEAP, il-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma). Din il-kooperazzjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ qabel it-tluq li jħejju lill-migranti qabel ma jidħlu legalment fl-UE jew lir-refuġjati qabel jiġu risistemati minn pajjiżi msieħba li bħalissa qed jospithawhom (bħat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan). |
18. |
jissuġġerixxi l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u l-pajjiżi ta’ oriġini ta’ migranti ekonomiċi sabiex l-inċentivi għall-migrazzjoni irregolari jitnaqqsu b’mod sinifikanti; tali skambji ta’ informazzjoni għandhom ikopru s-sensibilizzazzjoni dwar ftehimiet ta’ riammissjoni, u jinfurmaw lill-persuni li jixtiequ jilħqu lill-UE rigward l-opportunitajiet ta’ xogħol reali fl-UE, il-perikli li jittieħdu rotot illegali ta’ migrazzjoni, is-sitwazzjoni reali dwar ir-regoli u r-regolamenti marbuta mal-protezzjoni internazzjonali li spiss huma rappurtati ħażin sabiex il-migranti jitħajru jafdaw lit-traffikanti, il-possibbiltajiet ta’ impjieg, il-benefiċċji soċjali disponibbli, eċċ. |
19. |
jaqbel li l-inċentivi pożittivi għandhom ikunu parti mill-politika tal-iżvilupp tal-UE, filwaqt li jippremjaw dawk il-pajjiżi li jissodisfaw l-obbligu internazzjonali tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom stess, dawk li jikkooperaw fil-ġestjoni tal-migrazzjoni minn pajjiżi terzi, kif ukoll dawk li jieħdu azzjoni biex jilqgħu tajjeb lil persuni li qed jaħarbu kunflitti u persekuzzjoni. |
20. |
jaqbel li, sabiex l-approċċ il-ġdid jirnexxi, hemm bżonn taħlita ta’ inċentivi pożittivi u negattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi msieħba. Fl-istess ħin, hemm bżonn li jinstab bilanċ delikat bejn l-inċentivi għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp dinji. L-għajnuna ma għandhiex tkun soġġetta kompletament għat-twettiq tal-obbligi fil-ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi, peress li dan jista’ jipperikola l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-impenji tal-UE marbuta mat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-qerda tal-faqar estrem u l-inugwaljanza. Għandha ssir distinzjoni bejn il-kapaċità u r-rieda ta’ pajjiżi imsieħba biex jikkoperaw mal-UE fil-ġestjoni tal-migrazzjoni mal-UE, peress li dawn huma sostanzjalment differenti. F’dan ir-rigward, il-KtR iqis li l-użu tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp għandu jiffoka fuq proġetti fil-qasam tas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri biss meta jkun ċar li huma ta’ benefiċċju għall-benefiċjarji. Pajjiżi msieħba li ma jistgħux jimplimentaw arranġamenti ta’ migrazzjoni għandhom xorta jkunu jistgħu jibbenefikaw minn strumenti finanzjarji u strumenti oħrajn immirati biex jitħaddmu l-ftehimiet tal-UE dwar il-migrazzjoni. |
21. |
għaldaqstant iħeġġeġ lill-UE biex tipprova tiżviluppa sħubijiet ma’ partijiet terzi mfassla apposta li jirriflettu ġenwinament il-ħtiġijiet, it-tħassib u l-kapaċitajiet tal-partijiet terzi, filwaqt li jitqies il-fatt li msieħba varji jiffaċċjaw sfidi differenti u ċirkustanzi differenti. |
22. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE li tradizzjonalment għandhom rabtiet mill-qrib ma’ pajjiżi partikolari (storiċi, kulturali, ekonomiċi, eċċ.) biex jużaw dawn il-konnessjonijiet għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi u bejniethom, biex jiffaċilitaw ir-riammissjoni u r-riintegrazzjoni tal-persuni riammessi. |
23. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, mill-aktar fis possibbli, tiffinalizza l-Prijoritajiet tas-Sħubija l-ġodda mal-Ġordan u l-Libanu wara r-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-2015. Il-Libanu u l-Ġordan, flimkien mat-Turkija, jospitaw aktar minn 5 miljun refuġjat Sirjan. Fil-Ġordan, attwalment persuna minn kull disa’ hija refuġjat mill-gwerra ċivili tas-Sirja – kważi 700 000 minn 6,7 miljun abitant. Fil-Libanu, din iċ-ċifra hija ta’ 1,1 miljun minn 4,6 miljuni u fit-Turkija aktar minn 2,5 miljuni minn 79,5 miljun abitant. |
24. |
jinsab imħasseb dwar il-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 dwar ir-refuġjati, b’mod partikolari minħabba diversi kwistjonijiet serji dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tad-detenzjoni ta’ persuni li jfittxu l-asil f’“hotspots” fil-gżejjer Griegi tal-Eġew, iżda wkoll minħabba li l-applikanti għall-asil jirritornaw lejn it-Turkija bħala “l-ewwel pajjiż ta’ asil” jew “il-pajjiż terz sigur”, u minħabba l-biża’ li t-Turkija tista’ tkun qed tirritorna lir-refuġjati lejn is-Sirja hi stess. Il-KtR huwa wkoll imħasseb b’kemm hu miexi bil-mod il-bini tal-kapaċità fis-sistemi tal-asil Griegi biex jamministraw il-proċess tal-asil fil-hotspots u bid-dewmien fl-ogħti ta’ appoġġ lill-Greċja, dwar il-livell ta’ risistemazzjoni tar-refuġjati mit-Turkija li s’issa kien baxx ħafna, u dwar id-dewmien fl-iżborż tal-għajnuna finanzjarja tal-UE biex tappoġġja l-isforzi tat-Turkija fl-għajnuna lir-refuġjati Sirjani. |
25. |
huwa kritiku dwar l-istabbiliment, mingħajr garanziji proprji, tas-16-il pajjiż ta’ prijorità identifikati fil-Komunikazzjoni għal ftehimiet ġodda peress li mhux kollha jistgħu jitqiesu bħala “pajjiżi terzi siguri” u/jew għandhom kondotta aċċettabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Anke jekk ir-regola “pajjiż terz sigur” ma tkunx tapplika għal dawn il-ftehimiet, l-eżempju tat-Turkija jibgħat sinjali inkwetanti f’dan ir-rigward. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi sabiex l-UE tissorvelja l-akkoljenza f’dan il-pajjiżi. |
26. |
jistenna bil-ħerqa l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni strateġika dwar it-Tuneżija. Il-kontinwazzjoni tat-tranżizzjoni paċifika u demokratika ta’ wara r-rivoluzzjoni fil-pajjiż fil-mixja lejn l-istabbiltà ekonomika u ta’ sigurtà tibgħat sinjal pożittiv ħafna għaż-żona u għalhekk għandha tingħata l-appoġġ tal-UE. |
27. |
ifakkar li s-sitwazzjoni fil-Libja tirrikjedi attenzjoni partikolari u passi strateġiċi, u jilqa’ b’sodisfazzjoni l-impenn previst f’dan ir-rigward fil-Komunikazzjoni. Il-KtR jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali Libjani u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti appoġġ sħiħ għall-isforzi li saru mill-KtR u l-ARLEM biex jippromovu inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u l-kontropartijiet Libjani tagħhom, li nbdew fl-aħħar plenarja tal-ARLEM f’Nikosija (l-Inizjattiva ta’ Nikosija). |
28. |
jilqa’ bi pjaċir l-enfasi fuq il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ transitu, li s-soltu jġarrbu piż finanzjarju sinifikanti – partikolarment fil-livelli lokali u reġjonali – meta jilqgħu persuni li jfittxu asil u migranti irregolari. Id-Dikjarazzjoni ta’ New York għar-Refuġjati u l-Migranti tan-NU adottata f’Settembru 2016 irrikonoxxiet li ċ-ċaqliq ta’ numru kbir ta’ refuġjati u migranti jolqot b’mod sproporzjonat il-pajjiżi fil-viċinat u l-pajjiżi ta’ transitu li joperaw fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħhom. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ pajjiżi terzi għandhom jibbenefikaw mit-tisħiħ tal-kapaċitajiet, l-għajnuna finanzjarja u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni mmexxijin mill-UE. Jistieden lill-UE biex tinkludi faċilitajiet li jappoġġjaw kooperazzjoni diretta ta’ bejn il-pari fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-UE u l-pajjiżi msieħba biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta’ ppjanar u tmexxija fil-livell lokali u reġjonali. |
29. |
jaqbel li parti essenzjali ta’ kull patt se jkun l-isforzi komuni sabiex ir-ritorn u r-riammissjoni jkunu effettivi għall-persuni li fittxew l-asil u ma jirnexxielhomx u għall-migranti irregolari. Il-KtR jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi ta’ oriġini huma fuq quddiem tal-politiki ta’ migrazzjoni b’bosta responsabbiltajiet ewlenin, bħalma huma l-provvediment ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, għall-akkomodazzjoni, għall-edukazzjoni u għall-kura tas-saħħa, li kollha għandhom impatt dirett fuq il-kapaċità tagħhom li jintegraw lill-persuni ritornati u b’hekk jiżguraw koeżjoni soċjali u soċjetajiet sostenibbli. Kwistjonijiet regolari bħall-akkoljenza, l-integrazzjoni u r-riintegrazzjoni ta’ migranti jinħassu b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali. Għaldaqstant, il-patti għandhom ifittxu li jtejbu l-effettività u s-sostenibbiltà tal-proċess ta’ ritorn u jipprovdu finanzjament adatt għar-ritorn voluntarju, kif ukoll jgħinu lill-pajjiżi ta’ oriġini biex jirriintegraw iċ-ċittadini riammessi. |
30. |
jemmen li l-governanza f’diversi livelli hija l-aktar mezz adegwat sabiex tiġi ġġenerata t-taħlita meħtieġa ta’ miżuri u inizjattivi, sabiex jinkisbu l-aqwa riżultati fl-akkoljenza, l-integrazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-migranti. |
31. |
ifakkar li l-prattiki tajbin għandhom jiġu kondiviżi fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u f’pajjiżi terzi fir-rigward tal-aspetti kollha ta’ migrazzjoni, inklużi imma mhux biss, dwar politiki ta’ integrazzjoni u riintegrazzjoni, l-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, l-għarfien dwar sinjali ta’ twissija bikrija u/jew prevenzjoni minn kmieni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta’ persuni u t-traffikar tal-migranti (skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020), il-Protokoll tan-NU dwar id-dħul klandestin ta’ migranti fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru, l-Istrateġija tal-UE għall-qerda tat-traffikar tal-bnedmin (2012-2016) u l-Protokoll ta’ Palermo). Il-KtR qiegħed f’pożizzjoni tajba biex jilħaq il-bliet u r-reġjuni f’pajjiżi msieħba biex jiffaċilita u jħeġġeġ l-iskambju ta’ ideat u prattiki innovattivi u biex iħeġġeġ l-involviment aktar effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ migrazzjoni u ta’ integrazzjoni, b’konformità mal-governanza f’diversi livelli u mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |
32. |
jaqbel li l-għarfien espert u r-riżorsi tal-Istati Membri huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-patti u li kooperazzjoni effettiva tiddependi minn netwerks ta’ esperti tal-UE fuq il-post, inklużi dawk b’għarfien tad-dimensjoni lokali u reġjonali tal-migrazzjoni. Għalhekk, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-uffiċjali ta’ kollegament dwar il-migrazzjoni Ewropez f’pajjiżi prijoritarji ta’ oriġini u ta’ transitu sabiex jgħinu fil-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinnominaw malajr l-esperti adatti għal dan il-kompitu. |
Għajnuna finanzjarja
33. |
jappoġġja l-użu ta’ strumenti finanzjarji eżistenti u fondi fiduċjarji eżistenti biex jintlaħqu l-għanijiet għal perjodu ta’ żmien qasir tal-patt, iżda jistieden lill-Istati Membri tal-UE sabiex, f’dan il-kuntest, jipprovdu l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għal dawn il-fondi kif miftiehem mingħajr dewmien. |
34. |
jenfasizza l-importanza ta’ sfruttar tas-sinerġiji bejn il-fondi eżistenti bħalma huma: il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (EUR 3 biljuni), il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUR 1,8 biljun), il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana (EUR 1 biljun) kif ukoll strumenti oħra finanzjarji li potenzjalment jistgħu jipprovdu sa EUR 8 biljuni għall-perjodu 2016-2020 għall-implimentazzjoni tal-patti. Għandhom jiġu eżaminati wkoll is-sinerġiji mal-fondi strutturali. |
35. |
jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta’ Investiment Estern ambizzjuż li jkun jindirizza l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni irregolari u jappoġġja lill-pajjiżi msieħba biex jimmaniġġjaw il-kosegewenzi tal-migrazzjoni irregolari fl-Afrika u fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE, filwaqt li jikkontribwixxi biex jintlaħqu għanijiet ta’ żvilupp oħrajn tan-NU, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa din l-għodda malajr kemm jista’ jkun, fi djalogu mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE u l-imsieħba internazzjonali. |
36. |
jilqa’ bi pjaċir il-pakkett tal-Pjan ta’ Investiment Estern propost għall-Afrika u l-pajjiżi tal-Viċinat tal-UE bl-għan li jimmobilizza investimenti (permezz ta’ ambjent imtejjeb għan-negozju, punt ta’ riferiment uniku għal talbiet ta’ finanzjament għal investimenti u għal finanzjament tas-settur privat) u biex jagħti spinta lill-ħolqien ta’ impjiegi f’pajjiżi msieħba. |
37. |
jilqa’ t-tisħiħ fl-għajnuna teknika u l-appoġġ tal-UE għal riformi ekonomiċi u strutturali sabiex jittejjeb l-ambjent tan-negozju. Il-KtR jappella b’mod partikolari sabiex l-assistenza teknika proposta tinvolvi lill-awtoriajiet u ‘l-kumpaniji lokali, u tgħinhom biex jiżviluppaw numru kbir ta’ proġetti bankabbli li jtejbu l-ambjent ġenerali tan-negozju u tingħata informazzjoni dwarhom lill-komunità internazzjonali tal-investituri. |
38. |
jinsab konvint dwar l-impatt fuq perjodu ta’ żmien medju u fit-tul li l-pjan ta’ investiment propost se jkollu biex itejjeb l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi msieħba tal-UE li huma pajjizi ewlenin ta’ oriġini tal-migranti jew pajjiżi ewlenin ta’ transitu ta’ persuni li jfittxu asil jew ta’ migranti irregolari. Għalhekk, il-pjan propost se jindirizza direttament il-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari, u se jgħin biex jitnaqqsu l-inċentivi għall-involviment fiha. |
39. |
jirrikonoxxi l-importanza li l-UE, l-Istati Membri, pajjiżi terzi, Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali u istituzzjonijiet bilaterali Ewropej għall-iżvilupp kif ukoll is-settur privat li lkoll jikkontribwixxu għall-pjan ta’ investiment. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-KE li tippreżenta Pjan ta’ Investiment Estern ambizzjuż, bl-għan li jimmobilizza EUR 62 biljun bħala kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp tan-NU u b’hekk jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari. |
40. |
F’dan ir-rigward jitlob li l-inizjattiva tal-Kummissjoni tiġi implimentata permezz tal-iffirmar ta’ ftehim speċifiku mal-Istati Membri u msieħba internazzjonali oħra, fejn jintalbu jipprovdu min-naħa tagħhom l-ekwivalenti tal-kontribuzzjonijiet totali disponibbli mill-UE, bħala inċentivi għal aktar investimenti pubbliċi u privati. |
41. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ippreżentat f’Settembru li huwa bbażat fuq tliet pilastri: mobilizzazzjoni tal-investiment privat; tisħiħ tal-assistenza teknika; u titjib tal-ambjent tan-negozju inġenerali; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe referenza għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Komunikazzjoni u jenfasizza l-importanza li l-assistenza u r-riżorsi jingħataw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali. It-tieni pilastru għandu naturalment jinvolvi wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-KtR għandu jkun imsieħeb fl-implimentazzjoni tiegħu. L-Atlas ta’ Kooperazzjoni Deċentralizzata tal-KtR jista’ jservi bħala għodda siewja biex jgħin fl-identifikazzjoni ta’ proġetti li jeħtieġu finanzjament u msieħba ta’ kooperazzjoni possibbli. Jappella sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu rappreżentati fl-istruttura ta’ governanza tal-Pjan ta’ Investiment Estern. |
42. |
iħeġġeġ għaldaqstant lill-KE biex tinvolvi lill-KtR fit-tfassil tal-pjan bħala l-leħen tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE, li ħafna minnhom għandhom esperjenza estensiva fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. |
43. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistħarreġ modi kif tinvolvi diversi gruppi tad-dijaspora fl-Istati Membri tal-UE sabiex ikunu msieħba fl-investimenti ta’ finanzjament fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. Fl-2013, il-migranti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bagħtu aktar minn EUR 400 biljun f’pajjiżhom. Dawn il-flus għandhom it-tendenza li jkunu aktar stabbli minn flussi oħrajn ta’ kapital privat, naqsu biss b’5 % matul il-kriżi finanzjarja globali reċenti u rkupraw malajr għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Eżempju tajjeb tal-potenzjal ta’ rimessi huwa l-fatt li, fl-2013, ir-rimessi li ntbagħtu mid-dijaspora lis-Senegal kienu jammontaw għal 10 % tal-PDG tiegħu. |
Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jipprovdu informazzjoni
44. |
itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi jista’ u għandu jkollhom rwol fl-isforz konġunt mal-UE u fil-livell nazzjonali kif ukoll ma’ pajjiżi li jimplimentaw sħubijiet ta’ migrazzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fil-qasam tas-sensibilizzazzjoni u l-għoti tal-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċittadini fil-pajjiżi ta’ oriġini, ta’ transitu u ta’ destinazzjoni. |
45. |
il-migranti potenzjali għandhom ikunu konxji tar-riskji u l-perikli li jiffaċċjaw meta jkunu qed jippruvaw jidħlu fl-UE b’mod irregolari. Huma għandhom jiġu infurmati wkoll dwar il-kundizzjonijiet u l-istrutturi fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni inkluż informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, l-aċċess għal taħriġ u korsijiet tal-lingwa rilevanti, u l-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja. Il-migranti potenzjali għandhom ikunu konxji dwar differenzi kulturali bejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u l-pajjiż ta’ destinazzjoni, filwaqt li tinġibdilhom l-attenzjoni dwar imġiba u prattiki inaċċettabbli. |
46. |
persuni u kumpaniji fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni għandhom jiġu infurmati dwar il-benefiċċji tal-migrazzjoni u jingħataw taħriġ adatt biex jgħinu fl-integrazzjoni tal-migranti. Din l-informazzjoni tista’ tinkiseb l-aħjar fil-livell lokali u reġjonali fejn l-awtoritajiet jinsabu l-eqreb taċ-ċittadini. Politiki tajbin dwar il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni fit-tul fil-livell lokali u reġjonali huma mezz kontra l-fenomeni tar-razziżmu u l-ksenofobija. |
47. |
ifakkar li, filwaqt li l-Qafas ta’ Sħubija propost ma jsemmix il-ħtieġa biex it-tisħiħ tal-kapaċitajiet jiġi rinfurzat permezz tal-politiki tal-iżvilupp u tal-viċinat fit-tnedija tiegħu, dan ma jagħtix aktar dettalji dwar miżuri konkreti biex jaqdi din il-ħtieġa. Il-KtR jista’ u għandu jkun msieħeb fl-isforzi ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell lokali u reġjonali f’pajjiżi msieħba. |
48. |
jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fil-kapaċitajiet lokali u fl-azzjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali f’pajjiżi msieħba. Il-gvernijiet lokali għandhom isiru msieħba fil-pilastri kollha tal-Pjan ta’ Investiment Estern, u l-KtR jappoġġja s-suġġeriment ta’ PLATFORMA dwar il-kooperazzjoni bejn belt tal-UE u belt ta’ pajjiż msieħeb bħala strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-approċċ il-ġdid u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert fil-ġestjoni tal-migrazzjoni lokali; f’dan is-sens, jemmen li l-Pjan ta’ Investiment Estern għandu jiffinanzja l-kooperazzjoni ta’ bejn belt u oħra u bejn reġjun u ieħor. |
49. |
jenfasizza li l-kooperazzjoni fost l-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ transitu tal-migranti tista’ tgħin sabiex il-migrazzjoni tkun ġestita b’mod aktar effiċjenti għall-benefiċċju tal-partijiet kollha. Għal dan l-għan l-UE u l-Istati Membri jeħtieġ jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm finanzjarjament kif ukoll politikament. |
Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA