This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016IR5034
Opinion of the European Committee of the Regions — Supporting young European farmers
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej
ĠU C 207, 30.6.2017, pp. 57–60
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 207/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-appoġġ għal bdiewa żgħażagħ Ewropej
(2017/C 207/11)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jinnota li fl-UE, 6 % biss ta’ dawk li jmexxu l-irziezet għandhom taħt il-35 sena, filwaqt li iżjed minn nofshom għandhom ‘il fuq minn 55 sena. Iż-żieda fil-proporzjon ta’ anzjani hija karatteristika ġenerali tal-popolazzjoni tal-UE minħabba li l-aspettattiva tal-ħajja żdiedet u tnaqqsu r-rati tat-twelid. Madankollu, din ix-xejra hija iżjed enfasizzata fl-agrikoltura meta mqabbel ma’ setturi oħrajn tal-ekonomija. Billi bdiewa ta’ età ikbar qed jgħixu iżjed, u b’inċentivi sinfikanti għalihom biex jibqgħu fil-qasam tal-biedja u ftit inċentivi biex jitilqu, il-forza tax-xogħol tal-irziezet Ewropej gradwalment qed tixjieħ, u dan joħloq ostakli sostanzjali għal persuni ġodda li jridu jkunu attivi fil-qasam; |
2. |
b’mod ġenerali, in-nuqqas ta’ rieda ta’ bdiewa ta’ età ikbar li jittrasferixxu r-razzett tagħhom huwa influwenzat ukoll mill-fatt li l-biedja hija stil ta’ ħajja msejsa fil-komunità u li jkompli wara l-età legali tal-irtirar. F’dan ir-rigward, il-biedja hija differenti minn attivitajiet ekonomiċi oħrajn. Ostakli għat-trasferimenti ġieli jirriżultaw mill-fatt li huwa diffiċli għall-anzjani li huma maniġers ta’ rziezet biex iħallu l-proprjetà tagħhom u l-agrikolutra, peress li l-post fejn jgħixu u tal-attivitajiet agrikoli huma l-istess. Il-brain drain ġenerali ta’ żoni rurali qed tiggrava s-sitwazzjoni, peress li l-forza tax-xogħol dejjem iżjed edukata m’għadhiex interessata f’impjiegi fl-agrikoltura. |
3. |
jemmen li ħafna żgħażagħ għandhom il-ħabta jaraw l-agrikoltura bħala professjoni mhux attraenti minħabba d-dħul baxx, introjtu baxx mill-investiment, sigħat ta’ ħidma twal, ftit opportunitajiet biex tieħu vaganzi – speċjalment il-bdiewa li jrabbu l-annimali – u r-riskji u l-inċertezzi varji assoċjati max-xogħol. Filwaqt li s-suċċessjoni diretta fl-istess familja għadha l-mekkaniżmu l-iżjed komuni biex l-ewwel persuna jkollha aċċess għall-biedja, hemm indikazzjonijiet li l-għadd ta’ persuni ġodda li ma wirtux l-irziezet tagħhom qed jikber. L-isfidi li qed jiffaċċjaw żoni rurali – aċċess limitat jew diffiċli għat-trasport; nuqqas ta’ komunikazzjoni; nuqqasijiet fis-servizzi edukattivi, kulturali, soċjali jew tas-saħħa – ikabbru din il-problema. Sabiex jibqgħu f’żoni rurali, iż-żgħażagħ jesiġu ekonomija rurali żviluppata b’servizzi u opportunitajiet ta’ ħin liberu; inkella, se jippreferu jemigraw għall-ibliet u lejn impjiegi mhux agrikoli; |
4. |
jaħseb li n-nuqqas ta’ żgħażagħ li qed ifittxu karriera fil-biedja qed jipperikola s-sostenibilità ekonomika u soċjali taż-żoni rurali. L-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ huwa prerekwiżit biex l-agrikoltura tinżamm fit-territorji kollha u tinżamm nisġa rurali ħajja sabiex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona. |
5. |
itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikunu iżjed proattivi fit-tħeġġiġ u l-iffaċilitar tal-istabbiliment ta’ żgħażagħ f’żoni rurali, partikularment nisa, permezz tal-promozzjoni ta’ attivitajiet li jgħinu lill-bdiewa jilħqu iżjed faċilment bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol (1); |
6. |
jaħseb li għandu jsir aktar xogħol biex jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli li n-nisa għadhom jiffaċċjaw meta jibdew u jkunu qed jibnu karriera fis-settur; |
7. |
jinnota l-Manifest tal-Bdiewa Żgħażagħ, li tnieda fl-2015 mill-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ, li jappella għal: aċċess għall-art u l-kreditu permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ pubbliku; regolazzjoni sabiex jitwaqqfu prattiki kummerċjali mhux ġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; miżuri sabiex titnaqqas il-volatilità tal-introjtu tal-bdiewa żgħażagħ; protezzjoni legali tal-istandards tal-UE kollha fin-negozjati kummerċjali u żieda fl-appoġġ tal-promozzjoni għall-produtturi tal-UE; u appoġġ għall-aċċess għal art sabiex tiġi salvagwardjata u protetta l-ħamrija u jiġi ottimizzat l-użu tal-art minn bdiewa żgħażagħ għall-produzzjoni tal-ikel; |
8. |
jaqsam it-tħassib espress fid-Dikjarazzjoni 2.0 ta’ Cork tas-6 ta’ Settembru 2016 dwar l-eżodu rurali u taż-żgħażagħ (youth drain), u l-bżonn li jiġi żgurat li ż-żoni u l-komunitajiet rurali (kampanja, rziezet, rħula u bliet żgħar) jibqgħu postijiet attraenti biex tgħix u taħdem, billi jitjieb l-aċċess għas-servizzi u l-opportunitajiet għaċ-ċittadini rurali u t-tħeġġiġ tal-intraprenditorija fl-oqsma tradizzjonalment rurali, kif ukoll fis-setturi ġodda tal-ekonomija; |
Finanzjament
9. |
jaħseb li l-kriżi ekonomika attwali wasslet biex l-aċċess għall-kreditu sar iżjed diffiċli għal ħafna intraprendituri rurali żgħażagħ, li ta’ spiss ma jkollhomx is-sigurtà meħtieġa biex jiggarantixxu s-self tagħhom, u jistgħu jaffaċċjaw burokrazija eċċessiva; |
10. |
jilqa’ l-ħolqien ta’ strument ta’ garanzija agrikola, propost mill-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment f’Marzu 2015, li għandu jiffaċilita l-aċċess għal kreditu għall-bdiewa żgħażagħ; |
11. |
jilqa’ l-fatt li r-riforma tal-PAK tal-2014-2020 introduċiet miżuri ġodda biex il-bdiewa żgħażagħ jiġu appoġġati fl-istabbiliment ta’ rziezet. Jesprimi tħassib madankollu li l-burokrazija tista’ xxekkel l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-bdiewa żgħażagħ ma jiġux mxekkla minn regoli burokratiċi eċċessivi milli jagħmlu l-aħjar użu mill-miżuri ġodda. F’għadd ta’ Stati Membri, il-bdiewa żgħażagħ jagħmlu użu, pereżempju, minn strutturi ta’ sħubija. Il-miżuri minn Brussell għalhekk għandhom jikkorrespondu ma’ dawn it-tip ta’ strutturi finanzjarji u legali lokali. |
12. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-possibilitajiet ipprovduti taħt il-PAK il-ġdida għall-appoġġ tal-bdiewa żgħażagħ u t-tiġdid ġenerazzjonali, bħall-appoġġ taħt l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; |
13. |
jiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet għall-bdiewa żgħażagħ offruti mill-FSIE (2) biex ifasslu u jimplimentaw strumenti finanzjarji fil-għamla ta’ self, garanzjia jew fondi ta’ ekwità sabiex jingħata aċċess għall-finanzjament għal dawk li jeħtiġuh; |
14. |
iqis, madankollu, li l-pożizzjoni ekonomika tal-bdiewa żgħażagħ tissaħħaħ l-aħjar u bl-aktar mod effettiv wara li jkunu verament ħadu f’idejhom l-impriża. Sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tal-bdiewa żgħażagħ li jieħdu f’idejhom l-impriża fi strutturi ta’ sħubija, għandu jiġi emendat l-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk jipproponi li, f’każ li fil-futur jiġi rivedut dan ir-Regolament, it-tieni sentenza tal-Artikolu 50(5) titħassar kompletament, sabiex it-test ikun jaqra hekk “Il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ għandu jingħata għal kull bidwi għal perijodu massimu ta’ ħames snin.”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea biex timplimenta soluzzjoni temporanja, li tippermetti lill-bdiewa żgħażagħ jagħmlu l-aħjar użu possibbli minn dawn il-miżuri. |
15. |
jinnota li fir-Regolament Omnibus propost mill-Kummissjoni fl-2016 hemm l-intenzjoni li tiġi estiża l-possibilità li jintuża appoġġ li jinvolvi strument finanzjarju anke għall-għajnuna lil start-ups ta’ bdiewa żgħażagħ, li se jippermetti livell ogħla ta’ finanzjament lejn dan il-grupp, fid-dawl tan-natura ta’ dawn it-tipi ta’ strumenti (il-parti tas-self jew garanzija li hija għajnuna hija ħafna iżgħar milli fil-każ ta’ għotja); |
16. |
jaħseb li l-appoġġ għandu jingħata l-ewwel u qabel kollox lill-irziezet tal-familja abbażi tal-fatt li huma joħolqu valur miżjud u impjiegi, u tingħata għajnuna sabiex ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bdiewa jidħlu fis-settur billi huwa iżjed faċli li tgħaddi lill-ġenerazzjoni ta’ wara dawk l-irziezet li huma vijabbli u ta’ daqs raġonevoli; |
L-aċċess għall-art u l-ġlieda kontra l-ħtif tal-art (3)
17. |
ifakkar li r-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtiġijiet tal-bdiewa żgħażagħ juri li d-disponibbiltà tal-art għall-bejgħ jew għall-kiri hija l-ikbar problema li jiffaċċjaw bdiewa żgħażagħ u dawk li għadhom jidħlu fis-settur tal-biedja (4); |
18. |
jirrikonoxxi bi tħassib li l-biedja qed timxi dejjem iżjed malajr ‘il bogħod mill-mudell ta’ razzett tal-familja, sal-punt li l-2014 intgħażlet bħala s-Sena Internazzjonali tal-Biedja tal-Familja, sabiex tinxteħet attenzjoni globali fuq il-kwistjoni. Jemmen li għaliex l-art għandha t-tendenza li tkun investiment sikur għal investituri mhux agrikoli, l-aċċess għall-art qed isir dejjem iktar diffiċli għall-bdiewa żgħażagħ li jridu jibdew negozju tal-biedja tagħhom; |
19. |
jappella lill-Kummissjoni biex tevalwa l-effetti diretti u indiretti tal-politika Ewropea fuq il-konċentrazzjoni u l-ħtif tal-art fl-Ewropa; pereżempju, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u s-sussidji mogħtija taħtha jiffavorixxu b’mod espliċitu l-irziezet il-kbar u jimmarġinalizzaw lill-irziezet iż-żgħar, u jistgħu iħallu impatt fuq setturi differenti b’modi differenti; |
20. |
filwaqt li jinnota li diversi Stati Membri għandhom regolamenti nazzjonali għall-prevenzjoni tal-konċentrazzjoni furzata tal-art u x-xiri tal-art minn barranin – pereżempju billi ssir dispożizzjoni għal dritt ta’ prelazzjoni – huwa jemmen li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jingħataw iżjed setgħa biex jirregolaw l-art agrikola u jistabbilixxu restrizzjonijiet għal dan l-għan, b’mod partikolari biex jindirizzaw il-fenomenu fl-Ewropa tal-ħtif u l-konċentrazzjoni tal-art, li qed jillimita l-alternattivi tal-bdiewa żgħażagħ meta jkunu għadhom jibdew; |
21. |
għalkemm hemm skop limitat għal azzjoni biex il-Kummissjoni Ewropea tintervjeni fil-leġislazzjoni tas-suq tal-art (li hija kompetenza nazzjonali), dawn l-ideat li ġejjin għandhom jiġu meqjusa:
|
22. |
huwa tal-fehma li l-industrija, il-ħin liberu u fuq kollox, it-tkabbir fl-urbanizzazzjoni, qed iwasslu għal zvilupp mill-ġdid rapidu hekk kif l-art agrikola qed tisparixxi. Għaldaqstant jaħseb li komunitajiet lokali għandhom ikunu involuti f’deċiżjonijiet dwar l-użu tal-art u b’hekk jingħataw drittijiet u opportunitajiet addizzjonali; |
L-impjiegi u t-taħriġ
23. |
jenfasizza l-ħtieġa biex il-bdiewa żgħażagħ ikollhom prospetti fit-tul sabiex tiġi indirizzata d-depopolazzjoni rurali, jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu inizjattivi bħala appoġġ għall-intraprenditorija, l-industriji emerġenti u s-suq tax-xogħol fl-agrikoltura u l-forestrija, sabiex jinħolqu impjiegi agrikoli ġodda u jinżammu dawk li diġà jeżistu, kif ukoll li jkunu iżjed attraenti għaż-żgħażagħ; |
24. |
jinnota li l-ħtiġijiet ta’ taħriġ u ta’ informazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ huma konsiderevoli u varjati ħafna: għal xi bdiewa żgħażagħ, fil-quċċata hija l-ħtieġa għal ħiliet teknoloġiċi u ħiliet relatati mal-iżvilupp ta’ strateġija għar-razzett, għal oħrajn hemm bżonn ta’ ħiliet intraprenditorjali – bħal marketing, netwerking, ħiliet ta’ komunikazzjoni u finanzjarji – biex iżommu r-razzett tagħhom vijabbli. Mhumiex dejjem mgħarrfa li jistgħu jibbenefikaw minn dawn it-tipi kollha ta’ ħiliet, u għandhom it-tendenza li jmexxu r-razzett b’mod tradizzjonali u ma jarawx il-bżonn ta’ bidla; |
25. |
jemmen għalhekk li għandhom isiru sforzi għas-sensibilizzazzjoni ta’ dawn l-opportunitajiet u l-benefiċċji ta’ titjib fil-kompetenzi fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll l-aġenziji nazzjonali u tal-UE, għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward; |
26. |
jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ huma wkoll intraprendituri żgħażagħ, u dan jenfasizza l-potenzjal importanti li jirrappreżenta l-programm “Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ” (iffinanzjat permezz tal-programm qafas COSME għall-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju). Il-programm, li jippermetti l-kummerċ transkonfinali li jipprovdi lill-imprendituri ġodda – jew dawk li jaspiraw li jkunu – l-opportunità li jitgħallmu s-sigrieti tas-sengħa minn intraprendituri ta’ esperjenza, għandu jiġi valorizzat u implimentat fis-settur primarju ukoll; |
27. |
ifakkar li, fl-Opinjoni tiegħu dwar l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-ekonomija rurali, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda l-immodernizzar tat-taħriġ vokazzjonali mogħti fir-reġjuni rurali u l-adattament tiegħu għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni globali u l-ħtiġijiet tan-negozji lokali, kif ukoll li jiżdied il-finanzjament tal-FSE allokat għal taħriġ vokazzjonali f’żoni rurali (5). |
Brussell, id-9 ta’ Frar 2017.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) ĠU C 225, 27.7.2012, p. 174.
(2) Regolat fl-Artikoli 37-46 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) Nru 1303/2013 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu.
(3) “Il-ħtif tal-art” huwa l-akkwist fuq skala kbira ta’ art agrikola mingħajr ma ssir konsultazzjoni man-nies lokali minn qabel jew mingħajr ma jingħata l-kunsens tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, dan inaqqas l-opportunitajiet għall-popolazzjoni lokali biex imexxu negozji agrikoli b’mod indipendenti.
(4) http://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/2015/young-farmers/final-report-1_en.pdf
(5) ĠU C 120, 5.4.2016, p. 10.