Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IR5114

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-dritt tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

ĠU C 207, 30.6.2017, pp. 80–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/80


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Id-dritt tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

(2017/C 207/14)

Relatur:

Mauro D'Attis (IT/PPE), Kunsillier ta' Brindisi

Dokumenti ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Li tippromwovi ekonomija Ewropea bbażata fuq id-drittijiet tal-awtur ġusta, effiċjenti u kompetittiva fis-Suq Uniku Diġitali

COM (2016) 592 final

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali

COM (2016) 593 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Proposta għal Direttiva

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

M’hemm l-ebda bżonn li jkun prevedut kumpens għad-detenturi tad-drittijiet rigward użi fl-ambitu tal-eċċezzjoni tal-estrazzjoni tat-test u tad-dejta introdotta b'din id-Direttiva peress li fid-dawl tan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni, il-ħsara għandha tkun minima.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kumpens għad-detenturi tad-drittijiet rigward użi fl-ambitu tal-eċċezzjoni tal-estrazzjoni tat-test u tad-dejta introdotta b'din id-Direttiva peress li fid-dawl tan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni, il-ħsara – anke jekk minima – xorta timplika vantaġġ konkret għall-benefiċjarji tad-deroga .

Raġuni

Fil-premessa 10, it-test tal-Kummissjoni jinkludi fost il-benefiċjarji anke dawk l-istituti ta’ riċerka “involuti fis-sħubijiet pubbliċi-privati”. B’konsegwenza, is-settur privat jista’ jikseb vantaġġ indirett minħabba d-deroga. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ma għandhiex teskludi approċċ aktar miftuħ fir-rigward tal-kumpens.

Emenda 2

Proposta għal Direttiva

Premessa 24

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

Għall-finijiet ta’ dawk il-mekkaniżmi ta’ liċenzjar, hija importanti sistema ta' mmaniġjar kollettiv li taħdem sew. Din is-sistema tinkludi b’mod partikolari regoli ta’ governanza tajba, trasparenza u rappurtar, kif ukoll it-tqassim u l-pagamenti regolari, diliġenti u preċiżi ta' ammonti dovuti lil detenturi tad-drittijiet individwali, kif previst fid-Direttiva 2014/26/UE. Salvagwardji xierqa addizzjonali għandhom ikunu disponibbli għad-detenturi kollha tad-drittijiet, li għandhom jingħataw l-opportunità li jeskludu l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi bħal dawn fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materji oħra protetti. Kundizzjonijiet mehmuża ma’ dawn il-mekkaniżmi ma għandhomx jaffettwaw r-rilevanza prattika tagħhom għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.

Għall-finijiet ta’ dawk il-mekkaniżmi ta’ liċenzjar kif ukoll għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet involuti, huwa essenzjali li jkun hemm sistema ta' mmaniġjar kollettiv li taħdem sew. Din is-sistema għandha tkun ibbażata b’mod partikolari fuq regoli ta’ governanza tajba, trasparenza u rappurtar, kif ukoll it-tqassim u l-pagamenti regolari, diliġenti u preċiżi ta' ammonti dovuti lil detenturi tad-drittijiet individwali, bl-użu tal-avvanzi teknoloġiċi disponibbli għal dan il-għan, kif previst fid-Direttiva 2014/26/UE. Salvagwardji xierqa addizzjonali għandhom ikunu disponibbli għad-detenturi kollha tad-drittijiet, li għandhom jingħataw l-opportunità li jeskludu l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi bħal dawn fir-rigward tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materji oħra protetti. Kundizzjonijiet mehmuża ma’ dawn il-mekkaniżmi ma għandhomx jaffettwaw r-rilevanza prattika tagħhom għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.

Raġuni

Il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol ewlieni tal-kumpaniji tal-amministrazzjoni kollettiva, iżda għandha tinkoraġġixxi b’mod espliċitu modernizzazzjoni aktar ambizzjuża ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Dan qed isir fid-dawl ta’ avvanzi teknoloġiċi li, jekk jiġu adottati u żviluppati b’mod sħiħ mill-kumpaniji tal-amministrazzjoni, jistgħu jtejbu l-proċessi attwali biex jinkisbu l-liċenzji, u biex jinġabru u jiġu distribwiti d-drittijiet, u għalhekk, il-prosperità tal-membri.

Emenda 3

Proposta għal Direttiva

Premessa 38

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

Fejn fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jaħżnu u jipprovdu aċċess pubbliku għal xogħlijiet jew materja oħra protetta bid-drittijiet tal-awtur mtella’ mill-utenti tagħhom, u għalhekk imorru lil hinn mis-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi u t-twettiq ta' att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, huma obbligati li jikkonkludu kuntratti ta’ liċenzja flimkien ma’ detenturi tad-drittijiet, sakemm dawn ma jkunux eliġibbli għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà pprovduta fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Fir-rigward tal-Artikolu 14, għandu jiġi vverifikat jekk il-fornitur tas-servizz għandux rwol attiv, inkluż bit-titjib tal-preżentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet jew suġġetti jew il-promozzjoni tagħhom, tkun xi tkun in-natura tal-mezzi użati għal dan.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ kwalunkwe ftehim ta’ liċenzjar, il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu u li jagħtu aċċess lill-pubbliku għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materji oħra mtellgħa mill-utenti tagħhom għandhom jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ xogħlijiet jew materja oħra, bħall-implimentazzjoni ta' teknoloġiji effettivi. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll meta l-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jkunu eliġibbli għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE.

Fejn fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jaħżnu u jipprovdu aċċess pubbliku għal xogħlijiet jew materja oħra protetta bid-drittijiet tal-awtur mtella’ mill-utenti tagħhom, u għalhekk imorru lil hinn mis-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi u t-twettiq ta' att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, huma obbligati li jikkonkludu kuntratti ta’ liċenzja flimkien ma’ detenturi tad-drittijiet, sakemm dawn ma jkunux eliġibbli għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà pprovduta fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

Fir-rigward tal-Artikolu 14, għandu jiġi vverifikat jekk il-fornitur tas-servizz għandux rwol attiv, inkluż bit-titjib tal-preżentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet jew suġġetti jew il-promozzjoni tagħhom, tkun xi tkun in-natura tal-mezzi użati għal dan.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ kwalunkwe ftehim ta’ liċenzjar, il-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu u li jagħtu aċċess lill-pubbliku għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materji oħra mtellgħa mill-utenti tagħhom għandhom jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ xogħlijiet jew materja oħra, bħall-implimentazzjoni ta' teknoloġiji effettivi sabiex jiggarantixxu ridistribuzzjoni ġusta tal-valur lid-detenturi tad-drittijiet . Dan l-obbligu għandu japplika wkoll meta l-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jkunu eliġibbli għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE.

Raġuni

Fl-Artikolu 13(3), il-Kummissjoni ġustament tenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prattiki ta’ rikonoxximent tal-kontenut.

Il-kwistjoni dwar ir-ridistribuzzjoni tal-valur, favur id-detenturi, li jinħoloq mix-xogħlijiet ladarba jkunu rikonoxxuti, hija marbuta mill-qrib ma’ dan l-aspett. Għal raġunijiet ta’ konsistenza akbar bejn iż-żewġ punti (premessa 38 u Artikolu 13(3)), aħna nemmnu li t-test għandu jiċċara dan il-punt, peress li s-sempliċi rikonoxximent tax-xogħlijiet huwa biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur.

Emenda 4

Proposta għal Direttiva

Artikolu 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw eċċezzjoni għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikoli 5(a) u 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE u l-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva għar-riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka sabiex iwettqu estrazzjoni tat-test u tad-dejta ta’ xogħlijiet jew materji oħra li għalih għandhom aċċess legali għall-fini tar-riċerka xjentifika.

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw eċċezzjoni għad-drittijiet previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikoli 5(a) u 7(1) tad-Direttiva 96/9/KE u l-Artikolu 11(1) ta’ din id-Direttiva għar-riproduzzjonijiet u estrazzjonijiet magħmula minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka sabiex iwettqu estrazzjoni tat-test u tad-dejta ta’ xogħlijiet jew materji oħra li għalih għandhom aċċess legali għall-fini tar-riċerka xjentifika.

2.   Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun infurzabbli.

2.   Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun infurzabbli.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jitħallew japplikaw miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u l-bażijiet tad-dejta fejn huma ospitati ix-xogħlijiet jew materji oħra . Dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jitħallew japplikaw miżuri biex tkun żgurata s-sigurtà f’termini tal-integrità, id-disponibilità u l-konfidenzjalità tan-netwerks u l-bażijiet tad-dejta fejn huma ospitati ix-xogħlijiet jew materji oħra . Dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

4.   L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jiddefinixxi l-aqwa prassi miftiehma dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 3.

4.   4. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lid-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka li jiddefinixxi l-aqwa prassi miftiehma dwar l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 3, inklużi dawk sabiex jiggarantixxu ridistribuzzjoni ġusta tal-valur lid-detenturi tad-drittijiet.

Raġuni

Il-mudell tradizzjonali ta’ sigurtà għad-data għandu tliet għanijiet: il-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibilità. Kull għan jindirizza aspett differenti tal-protezzjoni tad-data. F’dan il-punt il-Kummissjoni tista’ tispeċifika għan espliċitu, jiġifieri li jitħeġġu miżuri sabiex jingħalaq id-distakk fil-valur iġġenerat bejn il-fornituri tas-servizzi u d-detenturi li jintużaw ix-xogħlijiet tagħhom.

Emenda 5

Proposta għal Direttiva

Artikolu 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mekkaniżmi ta' negozjar

Mekkaniżmi ta' negozjar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-partijiet li jixtiequ jikkonkludu ftehim bl-iskop li jagħmlu disponibbli xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand jiffaċċjaw diffikultajiet li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet, jistgħu jiddependu fuq l-assistenza ta’ korp imparzjali b’esperjenza rilevanti. Dak il-korp għandu jipprovdi assistenza fin-negozjati u biex jintlaħaq ftehim.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-partijiet li jixtiequ jikkonkludu ftehim bl-iskop li jagħmlu disponibbli xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand jiffaċċjaw diffikultajiet li jirrigwardaw il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet awdjoviżivi , jistgħu jiddependu fuq l-assistenza ta’ korp imparzjali b’esperjenza rilevanti. Dak il-korp għandu jipprovdi assistenza fin-negozjati u biex jintlaħaq ftehim.

Sa mhux aktar tard minn [id-data msemmija fl-Artikolu 21(1)] l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-entità msemmija fil-paragrafu 1.

Sa mhux aktar tard minn [id-data msemmija fl-Artikolu 21(1)] l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-entità msemmija fil-paragrafu 1.

Raġuni

L-Artikolu oriġinali jista’ jiġi interpretat b’mod ambigwu jekk ma jispeċifikax li qed issir referenza għad-drittijiet awdjoviżivi, u mhux pereżempju għad-drittijiet li x-xogħlijiet mużikali jiġu inklużi fi produzzjonijiet awdjoviżivi. Din l-addizzjoni tneħħi din l-ambigwità.

Emenda 6

Proposta għal Direttiva

Artikolu 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

1.   Fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu u jipprovdu aċċess pubbliku għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet jew materji oħra mtella’ mill-utenti tagħhom għandhom, b’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet, jieħdu miżuri biex jiżguraw il-funzjonament ta’ ftehimiet konklużi ma’ detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materji oħra jew biex jipprevjenu d-disponibbiltà fuq is-servizzi tagħhom ta’ xogħlijiet jew materji oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz. Dawk il-miżuri, bħall-użu ta’ teknoloġiji tal-għarfien tal-kontenut effettivi, għandhom ikunu xierqa u proporzjonati. Il-fornituri tas-servizz għandhom jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet b’informazzjoni xierqa dwar l-iskjerament u l-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll, fejn rilevanti, rappurtar adegwat dwar ir-rikonoxximent u l-użu ta’ xogħlijiet u materji oħra.

1.   Fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaħżnu u jipprovdu aċċess pubbliku għal ammonti kbar ta’ xogħlijiet jew materji oħra mtella’ mill-utenti tagħhom għandhom, b’kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet, jieħdu miżuri biex jiżguraw il-funzjonament ta’ ftehimiet konklużi ma’ detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ materji oħra jew biex jipprevjenu d-disponibbiltà fuq is-servizzi tagħhom ta’ xogħlijiet jew materji oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz. Dawk il-miżuri, bħall-użu ta’ teknoloġiji tal-għarfien tal-kontenut effettivi, għandhom ikunu xierqa u proporzjonati , u maħsuba biex jiggarantixxu ridistribuzzjoni ġusta tal-valur lid-detenturi tad-drittijiet . Il-fornituri tas-servizz għandhom jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet b’informazzjoni xierqa dwar l-iskjerament u l-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll, fejn rilevanti, rappurtar adegwat dwar ir-rikonoxximent u l-użu ta’ xogħlijiet u materji oħra.

Raġuni

Fl-Artikolu 13(3), il-Kummissjoni ġustament tenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prattiki ta’ rikonoxximent tal-kontenut.

Il-kwistjoni dwar ir-ridistribuzzjoni tal-valur, favur id-detenturi, li jinħoloq mix-xogħlijiet ladarba jkunu rikonoxxuti, hija marbuta mill-qrib ma’ dan l-aspett. Għal raġunijiet ta’ konsistenza akbar bejn iż-żewġ punti (Artikolu 13(1) u (3)), aħna nemmnu li t-test għandu jiċċara dan il-punt, peress li s-sempliċi rikonoxximent tax-xogħlijiet huwa biss l-ewwel stadju fil-katina tal-valur.

Emenda 7

Proposta għal Direttiva

Artikolu 14

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awturi u l-artisti jirċievu fuq bażi regolari u meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur, informazzjoni f’waqtha, adegwata u suffiċjenti dwar l-isfruttar tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom minn dawk li lilhom ikunu llliċenzjaw jew trasferew id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-modi ta’ sfruttament, id-dħul iġġenerat u l-ħlas dovut.

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awturi u l-artisti jirċievu , għall-inqas darba fis-sena u meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull settur, informazzjoni f’waqtha, adegwata u suffiċjenti dwar l-isfruttar tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom minn dawk li lilhom ikunu llliċenzjaw jew trasferew id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-modi ta’ sfruttament, id-dħul iġġenerat u l-ħlas dovut.

2.   L-obbligu fil-paragrafu 1 għandu jkun proporzjonat u effettiv u għandu jiżgura livell xieraq ta’ trasparenza f’kull settur. Madankollu, f’dawk il-każijiet fejn il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-obbligu jkun sproporzjonat fid-dawl tad-dħul iġġenerat mill-isfruttament tax-xogħol jew il-prestazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw l-obbligu fil-paragrafu 1, dment li dak l-obbligu jibqa’ l-istess u li jiżgura livell xieraq ta’ trasparenza.

2.   L-obbligu fil-paragrafu 1 għandu jkun proporzjonat u effettiv u għandu jiżgura livell xieraq ta’ trasparenza f’kull settur. Madankollu, f’dawk il-każijiet fejn il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-obbligu jkun sproporzjonat fid-dawl tad-dħul iġġenerat mill-isfruttament tax-xogħol jew il-prestazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jaġġustaw l-obbligu fil-paragrafu 1, dment li dak l-obbligu jibqa’ l-istess u li jiżgura livell xieraq ta’ trasparenza.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-obbligu fil-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-kontribuzzjoni ta’ awtur jew artist ma tkunx sinifikanti fil-kuntest tal-ħidma globali jew il-prestazzjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-obbligu fil-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-kontribuzzjoni ta’ awtur jew artist ma tkunx sinifikanti fil-kuntest tal-ħidma globali jew il-prestazzjoni.

Raġuni

Il-frażi “fuq bażi regolari”, kif stabbilit fil-punt 1, tista’ tkun ambigwa. Skont il-prattika fis-settur, perjodu ta’ 12-il xahar jidher li huwa adegwat, għad li perjodi iqsar huma ovvjament aħjar u ta’ spiss huma possibbli.

Emenda 8

Proposta għal Direttiva

Artikolu 15

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mekkaniżmu tal-aġġustament tal-kuntratt

Mekkaniżmu tal-aġġustament tal-kuntratt

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awturi u l-artisti huma intitolati li jitolbu aktar, remunerazzjoni xierqa mill-parti li magħha jkunu daħlu f’kuntratt għall-isfruttament tad-drittijiet meta r-remunerazzjoni miftiehma oriġinarjament tkun sproporzjonatament baxxa meta mqabbla mad-dħul u l-benefiċċji rilevanti sussegwenti miksuba mill-isfruttament tax-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awturi u l-artisti huma intitolati li jitolbu aktar, remunerazzjoni xierqa mill-parti li magħha jkunu daħlu f’kuntratt għall-isfruttament tad-drittijiet meta r-remunerazzjoni miftiehma oriġinarjament tkun sproporzjonatament baxxa meta mqabbla mad-dħul u l-benefiċċji rilevanti sussegwenti miksuba mill-isfruttament tax-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet. Dan il-mekkaniżmu jrid jiggarantixxi li jintlaħaq kumpens ekwu li jqis il-partikolaritajiet tas-setturi diversi.

Raġuni

Dan il-mekkaniżmu jista’ joħloq inċertezza legali jekk jiġi applikat b’mod uniformi għas-setturi kollha tal-industrija kreattiva, kif il-Kummissjoni stess tinnota fil-premessa 42.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti preliminari

1.

jikkonferma r-rwol kruċjali u l-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tas-servizzi diġitali għaċ-ċittadini kif ukoll tal-ħolqien u l-ġestjoni tal-infrastruttura diġitali, ta’ spiss f’kuntest ta’ kooperazzjoni transkonfinali jew interreġjonali, bil-għan li jitnaqqsu l-ostakli għall-attivitajiet onlajn;

2.

jilqa' l-miżuri proposti għas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma kapaċi jħaffu l-iżvilupp dinamiku u sostenibbli tas-setturi ekonomiċi kollha u joħolqu impjiegi ġodda, kif ukoll il-miżuri proposti li għandhom l-għan li jiżguraw l-aġġornament tal-leġislazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, waqt li titqies ir-rivoluzzjoni diġitali u t-tibdil fl-imġiba tal-konsumaturi;

3.

jilqa’ l-iżvilupp ta’ miżuri sabiex titjieb il-pożizzjoni tad-detenturi sabiex jinnegozjaw dwar l-isfruttament tal-kontenut tagħhom, b’mod partikolari f’każ ta’ użu mis-servizzi onlajn li jagħtu aċċess għal kontenut imniżżel mill-utenti, mingħajr ma tiġi proposta rimunerazzjoni ġusta għal dan l-użu; jenfasizza, madankollu, li l-atturi reġjonali u lokali, l-istart-ups u n-negozji ż-żgħar ta’ spiss jinsabu f’pożizzjoni aktar dgħajfa minn detenturi tad-drittijiet kbar u m’għandhomx ikunu limitati għal xejn b’xejn;

4.

jinnota li l-Kummissjoni tippreżenta argumenti kompletament konvinċenti dwar il-valur miżjud tal-leġislazzjoni f'dan il-qasam fil-livell Ewropew u għalhekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-istess japplika għall-argumenti relatati mal-proporzjonalità (1);

Id-drittijiet tal-awtur fis-suq diġitali

5.

japprezza li l-Kummissjoni ħalliet ċerta libertà lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-derogi għall-użu ta’ xogħlijiet protetti għal għan edukattiv. B’dan il-mod jiġu rispettati l-identitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll, konsegwentement, il-preżenza ta’ tipi partikolari ta’ liċenzji li jkunu oriġinaw minn kuntesti soċjali u politiċi differenti;

6.

jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-kumpaniji tal-amministrazzjoni kollettiva fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-awtur li tkun ġusta, moderna u effettiva fl-istess ħin;

7.

jirrimarka li huwa importanti għal riżorsi ta’ tagħlim online li jkun disponibbli għall-użu wkoll għat-tagħlim mill-bogħod u perijodi ta’ residenza temporanja f’pajjiż barrani, pereżempju, u mhux biss fil-pajjiż fejn l-istabbiliment edukattiv jinsab fiżikament;

8.

jissuġġerixxi b’mod partikolari li l-Kummissjoni tfakkar kif, fin-nuqqas ta’ investiment fl-għodod tal-immodernizzar, il-kumpaniji tal-amministrazzjoni jiċħdu lis-suq u lill-membri tagħhom minn servizz li jtejjeb is-sistemi ta’ liċenzja, minn naħa, u l-ġbir u d-distribuzzjoni tal-introjtu, min-naħa l-oħra;

9.

jappoġġja l-appell għal prattiki ta’ trasparenza f’suq li ilhom nieqsa minnu, fejn inqdew l-interessi ta’ kategoriji privileġġjati u ta’ spiss wassal għal ftehimiet kuntrattwali li huma ta’ ħsara għall-awturi;

10.

jiddispjaċih barra minn hekk bl-intenzjoni li tiġi introdotta deroga għall-obbligu ta’ trasparenza fejn il-kontribut ta’ awtur jew artist ma jkunx sinifikanti. It-teknoloġiji attwali ta’ rikonoxximent u dokumentazzjoni tar-repertorju jistgħu jiddeterminaw b’biżżejjed preċiżjoni l-valur totali ta’ xogħol u tad-diversi partijiet interessati, irrispettivament mil-livell tal-kontribut individwali;

11.

jaqbel mal-idea li t-tisħiħ tal-klawżoli ta’ trasparenza fil-kuntratti bejn l-awturi u l-kontropartijiet tagħhom ikollu l-għan prinċipali li jerġa’ jintlaħaq bilanċ fis-setgħa kuntrattwali fis-sitwazzjonijiet li jkunu ta’ detriment għall-awturi. Jinnota, għalhekk, li kwalunkwe miżura bħal din ma tiksirx il-libertà kuntrattwali, u għaldaqstant tirrispetta r-rwol tas-suq fid-definizzjoni ta’ offerti adattati għall-ħtiġijiet ta’ dawk ikkonċernati;

12.

jipproponi li l-Kummissjoni tħeġġeġ il-fornituri ta’ servizzi u l-organizzazzjonijiet fil-katina tal-valur biex jiżviluppaw b’mod konġunt standards għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-użu tax-xogħlijiet, bil-għan li tiġi garantita effiċjenza akbar ta’ ġestjoni u interoperabbiltà;

Il-preservazzjoni tal-wirt kulturali

13.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-preservazzjoni ta’ xogħlijiet soġġetti għal obsolexxenza teknoloġika jew għal degradazzjoni tas-sostenni oriġinali. Huwa konvint li din l-eċċezzjoni ser tiffaċilita l-proċedura sabiex tiġi ppreservata r-rikkezza kulturali u artistika li għandhom l-Istati Membri u jispera li din ser tħeġġeġ sħubiji maħluqa għall-iskopijiet ta’ preservazzjoni fl-interess pubbliku, li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ wirt kulturali u organizzazzjonijiet ta’ riċerka (2);

It-tkabbir tal-katalgu awdjoviżiv Ewropew

14.

japprova l-intenzjoni tal-Kummissjoni li l-katalgu awdjoviż Ewropew ikun aktar preżenti fil-pjattaformi diġitali differenti, speċjalment minħabba n-nuqqas ta’ xogħlijiet li minħabba l-valur ekonomiku limitat tagħhom ikollhom diffikultà biex isibu spazju fil-mezzi tradizzjonali ta’ distribuzzjoni;

15.

jappoġġja l-estensjoni tal-liċenzji kollettivi għal xogħlijiet li m’għadhomx fis-suq bejn kumpaniji tal-ġestjoni tad-drittijiet u istituzzjonijiet għall-ħarsien tal-wirt kulturali. Jenfasizza, b’mod partikolari, il-benefiċċji ta’ tali miżuri biex tiġi żgurata rimunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet, kif ukoll iċ-ċertezza legali għall-istituzzjonijiet;

16.

jikkritika, madankollu, li fit-test ma tissemmiex n-natura lokali u reġjonali ta’ dawn ix-xogħlijiet. B’mod partikolari, huwa importanti li jiġi ppreċiżat li, mingħajr il-kollaborazzjonijiet spissi bejn artisti, intraprendituri u awtoritajiet lokali li jipprovdu sussidji kulturali, ħafna minn dawn ix-xogħlijiet ħadd ma jkun jaf bihom;

Ir-rwol tal-pubblikaturi

17.

jappoġġja l-ħarsien tar-rwol fundamentali tal-pubblikaturi fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni ta’ pubblikazzjonijiet ta’ kwalità, li għalihom hemm bżonn ta’ investimenti kbar biex tkun żgurata l-indipendenza u l-integrità;

18.

japprova l-appoġġ mogħti lill-pubblikaturi sabiex ikollhom strumenti legali adegwati li jippermettulhom li jkunu kompetittivi fid-dinja diġitali.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(1)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(1)  Skont ir-rapport tal-Grupp tal-Esperti dwar is-Sussidjarjetà tal-KtR, imsejjes fuq konsultazzjoni li saret mill-4 sal-14 ta’ Ottubru 2016.

(2)  Diġà fl-1996, il-kollaborazzjoni bejn il-Laboratorio di Informatica Musicale tal-Università statali ta’ Milan u t-Teatro La Scala f’Milan wasslet għad-diġitalizzazzjoni ta’ aktar minn 5 000 tejp manjetiku mill-arkivju foniku – u b’hekk ġew aċċessibbli għal ġenerazzjonijiet futuri b’mod permanenti u bi kwalità ogħla.


Top