Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AR5110

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Strateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

ĠU C 207, 30.6.2017, pp. 95–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/95


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Strateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali

(2017/C 207/16)

Relatur:

Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Lejn Strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali,

JOIN(2016) 29 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni Konġunta “Lejn Strateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali” (1) u l-azzjonijiet li hemm fiha, billi hija bażi importanti għall-bini ta’ approċċ strateġiku komprensiv u integrat għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali mmirat sabiex jippromovi l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi msieħba u jsaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali b’saħħtu;

2.

huwa tal-fehma li ma kienet tagħmel ebda differenza sinifikanti li kieku l-proposta kienet ippreżentat l-istrateġija finali minflok il-passi li jwasslu għal dan, peress li l-kwistjoni li qed tiġi diskussa hija ta’ importanza ewlenija. Għaldaqstant il-KtR jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess tal-adozzjoni tal-istrateġija;

3.

jenfasizza li l-kultura għandha tkun fil-qofol tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE, mhux l-inqas minħabba li fl-ambjent globalizzat tal-lum, id-diplomazija internazzjonali ġiet arrikkita b’responsabbiltajiet ġodda u ħarġu fid-dieher forom alternattivi u approċċi ġodda. Dawn jinkludu d-diplomazija kulturali, xi ħaġa li għaliha ssir referenza limitata fil-Komunikazzjoni;

4.

jappoġġja l-enfasi li titpoġġa fuq l-obbligu tal-Istati li jirrispettaw, jipproteġu u jippromovu d-drittijiet għal-libertà ta’ opinjoni u ta’ espressjoni, inkluża l-espressjoni artistika u kulturali. L-għan tal-politika kulturali huwa li tiżgura li l-kultura jkollha l-opportunità taġixxi bħala forza ħielsa, indipendenti u provokattiva fis-soċjetà. Dan għandu jkun il-punt ta’ tluq ta’ kull ħidma li tippromovi r-rispett reċiproku u d-djalogu interkulturali;

5.

għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprijoritizza l-iżvilupp ulterjuri tad-diplomazija kulturali bl-għan li tiġi introdotta fil-politika barranija tal-UE;

6.

japprezza l-fatt li tul il-komunikazzjoni, il-kultura u l-wirt kulturali huma rikonoxxuti bħala strumenti għall-iżvilupp reġjonali u lokali. Li jiġu stabbiliti qafas komprensiv u approċċ konsistenti sabiex jitjiebu l-attivitajiet kulturali minn naħa waħda għandu joħloq valur miżjud Ewropew qawwi u, min-naħa l-oħra, jista’ jinkoraġġixxi d-disinn u l-iżvilupp ta’ programmi fil-livell reġjonali u fil-livell ta’ belt fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll ma’ pajjiżi terzi msieħba, li ser ikun ta’ benefiċċju reċiproku għal dawk kollha involuti;

7.

jenfasizza li d-diversità kulturali hija parti integrali tal-valuri tal-UE u li l-UE hija impenjata bis-sħiħ biex tippromovi ordni internazzjonali bbażat fuq il-paċi, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, il-fehim reċiproku u r-rispett tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, bħala sieħeb prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-UE għandha tkompli tikkoopera mill-qrib mal-Unesco (2) sabiex jitħares il-patrimonju kulturali tad-dinja. Bħala firmatarja tal-Konvenzjoni tal-Unesco 2005 (3), l-UE għandha wkoll tirrispetta l-impenn tagħha li tippromovi d-diversità tal-espressjoni kulturali fir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali tagħha;

8.

jilqa’ r-rikonoxximent tar-rwol tal-kultura fil-qafas ġeografiku tal-UE għall-kooperazzjoni, inkluż a) il-poltika tat-tkabbir, b) il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), c) il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u d) il-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou ffirmat f’Ġunju 2000 (4);

9.

id-diplomazija kulturali Ewropea hija kkonċentrata fuq il-promozzjoni tal-Ewropa u l-Istati Membri tagħha, li tinkludi l-iskambju edukattiv u kulturali. Iżda hija orjentata wkoll lejn l-opinjoni pubblika ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tagħhom, b’interess ċar lejn il-promozzjoni tal-immaġni pożittiva tal-Ewropa u l-Istati Membri tagħha. L-importanza tad-diplomazija kulturali testendi għad-djalogu bejn il-pajjiżi, għall-promozzjoni tal-paċi u tad-diversità kulturali u għall-iskambju ekonomiku;

10.

L-importanza tad-diplomazija kulturali ħarġet fid-dieher fil-mod kif qed tintwera fi snin reċenti fil-pajjiżi emerġenti u tal-Lvant. Huwa importanti li tiġi żviluppata diplomazija kulturali fl-Unjoni Ewropea u li b’hekk tkun tista’ tikkompeti fix-xena internazzjonali mal-potenzi ġodda emerġenti f’kull livell, inkluż fil-livell kulturali;

11.

ifakkar li wieħed mill-prinċipji ta’ gwida għal azzjoni tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali huwa li “jiġi żgurat ir-rispett tal-komplementarjetà u tas-sussidjarjetà” (5). Fil-qasam tal-kultura, l-Unjoni għandha kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri (6). Il-konklużjonijiet riċenti tal-Kunsill dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar tal-isforzi lejn approċċ strateġiku Ewropew (7);

12.

jirrimarka bil-qawwa dwar il-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha u profonda fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali meta jingħata bidu u jiġu żviluppati strateġiji li jappoġġjaw ir-relazzjonijiet u l-attivitajiet kulturali internazzjonali. L-għan għandu jkun li jiġu kkonsolidati l-istrateġiji tagħhom bħala mezz kif tinħoloq identità kulturali Ewropea iktar distintiva u pluralista li tiġi rikonoxxuta kemm internazzjonalment kif ukoll fi ħdan l-UE mill-popli tal-Istati Membri kollha;

13.

jemmen li huwa importanti li s-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-klabbs, il-gruppi, in-negozji, l-artisti, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod aktar attiv u koordinat biex jiġu żviluppati inizjattivi bħala parti mill-istrateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

Prijoritajiet

14.

jinnota li l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali se jkollha impatt limitat jekk tonqos milli tipproduċi azzjonijiet konsolidati u benefiċċji tanġibbli direttament, jew jekk dawn il-benefiċċji jinħassu biss fil-futur imbiegħed;

15.

jenfasizza l-valur intrinsiku tal-produzzjoni artistika u kulturali u jiċċara li l-kultura m’għandhiex tkun biss mezz biex jinkiseb għan. Għal din ir-raġuni, għandha tingħata attenzjoni għall-iskambju ta’ professjoniisti fil-qasam kulturali. Il-promozzjoni tal-mobilità tal-artisti u tal-kontenut kulturali hija għan ewllieni tal-politika kulturali fil-livell tal-UE, għaliex din tiżgura valur miżjud Ewropew;

16.

huwa tal-fehma li l-istrateġija proposta tal-UE dwar relazzjonijiet kulturali internazzjonali trid tkun immirata f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, u għalhekk għandha tinkludi dispożizzjonijiet għal: a) mekkaniżmi ta’ politika operattivi u ta’ infurzar, imsejsa fuq qafas ta’ koordinazzjoni komuni li jinvolvi l-partijiet kollha u b) objettivi speċifiċi u skadenza ċara għall-implimentazzjoni tal-politiki diversi tagħha. Ikun tajjeb ukoll li jkunu jistgħu jiġu mkejla l-effikaċja u l-effiċjenza tal-istrateġiji implimentati;

17.

ifakkar fil-pożizzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi (8), u l-appelli tiegħu minn naħa biex is-setturi kulturali u kreattivi jkunu inkorporati aħjar fl-Istrateġija Ewropa 2020 u, min-naħa l-oħra, li tiġi rikonoxxuta l-importanza tar-rabtiet bejn dawn is-setturi u oqsma oħra ta’ politika, bħall-industrija, it-turiżmu, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-finanzjament;

18.

jaħseb li prijorità għall-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi msieħba tagħha trid tkun li attivitajiet kulturali jsiru tassew inklużivi u aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-età, il-ġeneru, id-diżabilità, in-nazzjonalità, ir-razza, l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew l-isfond soċjoekonomiku tal-persuna. L-inkoraġġiment favur involviment u parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet kulturali inkużivi huwa essenzjali għall-integrazzjoni soċjali;

19.

L-industriji kulturali (iċ-ċinema, l-arti, il-letteratura, eċċ.) huma wieħed mis-setturi li għandu l-akbar influwenza fid-diplomazija kulturali u minħabba l-forma ta’ disseminazzjoni tagħhom jilħqu pubbliku ferm varjat. Id-diplomazija kulturali għandha tappoġġja b’mod tajjeb id-disseminazzjoni ta’ dawn l-industriji esternament bil-għan li tissaħħaħ l-immaġni tal-Ewropa fid-dinja;

20.

iqis li aspett partikolari tal-istrateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali huwa l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE ma’ dawk tal-pajjiżi msieħba tagħha fil-qasam tar-refuġjati u l-migranti. Il-kriżi riċenti u ż-żieda tal-flussi tar-refuġjati fl-UE jippreżentaw sfidi ġodda li jeħtieġ li jkunu indirizzati b’mod xieraq. F’dan ir-rigward jista’ jkollu rwol essenzjali l-iżvilupp ta’ attivitajiet kulturali li: a) itaffu l-ansjetà, l-inkwiet u n-nuqqas ta’ fiduċja, b) jikkontribwixxu biex nifhmu aħjar il-karatteristiċi uniċi u l-oriġini kulturali, c) jintensifikaw il-proċess ta’ inklużjoni soċjali tar-refuġjati, d) jikkonsolidaw u jipproġettaw mudell stabbilit fl-Unjoni ta’ soċjetà ħielsa, demokratika u tolleranti, e) isaħħu r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet tar-refuġjati u dawk ospitanti u f) juru lis-soċjetà Ewropea l-akkoljenza li minnha gawdew l-antenati tagħna meta fl-imgħoddi kellhom jemigraw barra mill-kontinent għal raġunijiet ekonomiċi, politiċi, reliġjużi u ta’ gwerra;

21.

jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għaż-żieda reċenti f’manifestazzjonijiet ta’ estremiżmu u l-popoliżmu b’aġenda ksenofobika li jista’ jiġi espress f’diversi forom ta’ Ewroxettiċiżmu. Il-KtR iqis, għalhekk, li hemm ħtieġa urġenti li jiżdiedu l-attivitajiet kulturali li għandhom l-għan li jippromovu għarfien aħjar tal-espressjoni artistika u kulturali u tal-wirt kulturali tal-Ewropa. Iqis li l-għodod importanti hawnhekk huma l-programmi ta’ mobilità, bħal Erasmus+, il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-Orizzont 2020, li huwa l-akbar programm ta’ riċerka u innovazzjoni multilaterali fid-dinja, peress li jservu li jżommu l-mezzi tal-komunikazzjoni miftuħa u jiffaċilitaw l-iskambju ta’ ideat, indipendentement mill-kuntest kulturali, etniku jew reliġjuż tan-nies;

Żieda fl-impatt ekonomiku

22.

jilqa’ l-enfasi li tpoġġiet fuq it-tħeġġiġ tal-industriji kulturali u kreattivi, peress li dawn huma entitajiet importanti li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità tajba u jippromovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

23.

jtenni l-fehmiet preċedenti tiegħu dwar is-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u impjiegi (9), li skonthom jekk il-benefiċċji ekonomiċi għandhom jiġu massimizzati, ser ikun hemm bżonn li jiġu ffaċilitati l-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti kulturali u li tiġi stimulata l-kreattività. Il-KtR jenfasizza l-importanza li jitrawmu l-ħiliet kreattivi minn età bikrija, kemm fl-edukazzjoni kif ukoll bħala attività rikreattiva, b’tali mod li l-ġenerazzjoni żagħżugħa tkun tista’ tibbenefika bis-sħiħ mill-forom ġodda ta’ aċċess għall-kultura;

24.

jirrikonoxxi li xi reġjuni, minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi tagħhom, bħall-gżejjer jew ir-reġjuni ultraperiferiċi, ma jistgħux jiżviluppaw l-industriji kulturali u kreattivi tagħhom bl-istess mod bħal reġjuni Ewropej oħrajn. Ir-reġjuni tal-fruntiera u r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE jaqdu rwol importanti billi jagħtu valur miżjud uniku lill-Unjoni Ewropea bis-saħħa tar-rabtiet storiċi, kulturali u lingwistiċi li żviluppaw ma’ kontinenti l-oħrajn matul is-sekli. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu ffaċilitati l-iskambju u l-komunikazzjoni kulturali bejn dawn ir-reġjuni mal-kumplament tal-UE, billi jiġu introdotti miżuri li jiffaċilitaw il-mobilità tal-artisti u tal-kreazzjonijiet tagħhom minn dawn ir-reġjuni biex jivvjaġġaw lejn il-kumplament tal-UE, u l-pajjiżi ġirien tagħha u viċi versa. B’dan il-mod ikunu jistgħu jgawdu mill-istess vantaġġi kompetittivi disponibbli għall-industriji kulturali u kreattivi, b’mod speċjali permezz tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, kif stqarr b’mod ċar il-KTR fl-Opinjoni tiegħu CDR2391-2012_00_00_TRA_AC;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi li l-għażliet ta’ politika, speċjalment f’termini ta’ baġit u l-allokazzjoni tar-riżorsi, għandhom fuq il-patrimonju kulturali u l-politika kulturali, anke fuq żmien itwal;

26.

jikkunsidra li jkun fundamentali li jiġi żviluppat strument orjentat speċifikament lejn it-talenti żgħażagħ, li jippromovi l-mobilità u l-possibbiltajiet ta’ taħriġ tagħhom u l-iskambju ma’ pajjiżi oħrajn, mhux biss fl-UE iżda wkoll lil hinn minnha. Tista’ tintuża bħala bażi l-idea tal-Erasmus għall-artisti żgħażagħ, li jagħti attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, peress li, minħabba l-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni fejn jgħixu, ħafna drabi jsibu ruħhom limitati meta jiġu biex jaċċessaw il-programmi ta’ mobilità taħt l-istess kundizzjonijiet bħaż-żgħażagħ tal-kontinent;

27.

jinnota li fi żminijiet ta’ diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji, f’ħafna Stati Membri tal-UE l-investimenti fil-qasam tal-kultura ġew affettwati b’mod sinifikanti u tnaqqsu;

28.

jenfasizza li l-infiq fil-qasam tal-kultura mhuwiex lussu iżda investiment, u li huwa meħtieġ l-appoġġ strateġiku għall-potenzjal ta’ tkabbir ta’ settur li jimpjega aktar minn tliet miljun persuna u jinvolvi miljun kumpanija fl-Ewropa;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

29.

jirrimarka li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għas-setturi msemmija fil-Komunikazzjoni Konġunta, b’mod partikolari l-kultura u l-wirt kulturali, ir-riċerka, l-edukazzjoni, it-turiżmu, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-impjiegi;

30.

jenfasizza l-benefiċċju li l-qasam kulturali jiġi inkluż fil-pjani ta’ internazzjonalizzazzjoni reġjonali u nazzjonali u li l-industriji kulturali tagħhom jiġu internazzjonalizzati;

31.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġi ppreservat l-aspett tradizzjonali tal-pajsaġġ u taż-żoni abitati, u għar-rwol prijoritarju ta’ din il-kwistjoni fil-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali. Sabiex iż-żoni abitati jkunu attraenti, jeħtieġ li jiġu appoġġjati l-programmi li, mil-lat arkitettoniku, jirrispettaw it-tradizzjonijiet, kemm mill-perspettiva tal-ippjanar kif ukoll minn dik tal-użu tal-materjali, filwaqt li jiġu ssodisfati l-esiġenzi attwali f’dak li jirrigwarda l-ispazju;

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija futura tista’ tikkontribwixxi biex jitqiegħdu l-pedamenti għal turiżmu sostenibbli fil-pajjiżi ġirien tal-UE u għall-promozzjoni tar-rikonoxximent tal-benefiċċji sinifikanti li l-wirt kulturali joħloq fil-livell lokali u reġjonali;

33.

jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-Kumitat tar-Reġjuni fil-fażi ta’ ppjanar kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqsma differenti tal-azzjoni u l-miżuri proposti fil-Komunikazzjoni Konġunta, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

34.

iqis li huwa importanti li jiġu semplifikati u mħaffa l-proċeduri ta’ finanzjament għal attivitajiet kulturali, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkollhom aċċess aktar dirett għall-qafas eżistenti ta’ kooperazzjoni u għall-finanzjament taħt il-programmi tematiċi tal-UE għall-promozzjoni ta’ relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

35.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex jiġu stabbiliti Djar Kulturali Ewropej imsejsa fuq il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiż sieħeb ikkonċernat, jemmen li tinħtieġ aktar analiżi baġitarja dwar dan u jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti flimkien mal-istituti kulturali u atturi oħra. Il-KtR jinnota li ċ-ċentri jistgħu jieħdu diversi forom. Dawn jistgħu pereżempju jitmexxew bħala libreriji, diġitali jew mod ieħor. F’dan ir-rigward, it-taħriġ kontinwu tal-partijiet interessati involuti se jiżgura s-suċċess tal-inizjattiva biss jekk ikun hemm kooperazzjoni reali, għall-kuntrarju tal-kompetizzjoni bejn l-atturi tal-UE f’pajjiżi msieħba;

36.

jissuġġerixxi li l-partijiet interessati lokali u reġjonali jiġu inklużi fil-Pjattaforma ta’ Diplomazija Kulturali tal-UE stabbilita fi Frar 2016, li tiffoka fuq imsieħba strateġiċi;

37.

ifakkar fil-pożizzjonijiet preċedenti tal-KtR dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura (ECoC) bħala inizjattiva ta’ valur li tenfasizza r-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej (10). Flimkien mal-inizjattiva taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, jistgħu jintużaw ukoll bħala laboratorji għall-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

38.

itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu favur il-ftuħ tal-inizjattiva ECoC għall-parteċipazzjoni mhux biss ta’ bliet mill-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, iżda anke għal pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u tal-EFTA (11). L-inizjattiva ECoC tirrappreżenta kontribut potenzjali għall-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) kif ukoll għar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi Ewropej oħra billi ma tgħinx biss biex issaħħaħ il-kooperazzjoni kulturali fl-UE iżda anke tgħin sabiex jiġu żviluppati rabtiet iktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi fil-viċinat tagħha fil-Lvant u n-Nofsinhar, bil-għan tal-promozzjoni tal-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà fil-fruntieri esterni tal-UE;

39.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi importanti għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, peress li ħafna inizjattivi interkulturali huma kkoordinati fil-livell lokali u/jew reġjonali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma, minħabba l-prossimità tagħhom lejn iċ-ċittadini, f’pożizzjoni strateġika tajba biex jirrispondu għall-ħtiġijiet u t-talbiet speċifiċi tal-gruppi kulturali differenti fit-territorji tagħhom, u li jimmobilizzawhom b’mod effettiv biex jippromovu djalogu interkulturali akbar (12);

40.

jistenna bil-ħerqa l-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni bl-għan li jiġi miġġieled it-traffikar tal-wirt; jenfasizza li din il-proposta għandha tkopri mhux biss l-importazzjoni ta’ oġġetti kulturali fl-UE iżda anke l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali tal-UE bil-għan li jiġi miġġieled it-traffikar u li jiġu protetti teżori nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku; jisħaq, madankollu, li din il-proposta ma għandhiex tipprevedi restrizzjonijiet sproporzjonati għall-kummerċ leġittimu ta’ oġġetti kulturali u għandu jkollha l-anqas piż amministrattiv possibbli għan-negozjanti leġittimi. Iqis li huwa essenzjali li jiġu proposti miżuri stetti b’rabta mal-iskavi mhux awtorizzati fl-UE;

41.

jenfasizza l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni biex l-2018 tintgħażel bħala s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, fost affarijiet oħra, se tipprovdi opportunità biex jiġu promossi d-djalogu interkulturali u r-rwol tal-kultura għal relazzjonijiet interkomunitarji paċifiċi.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2017.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  JOIN(2016) 29 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  L-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura.

(3)  http://portal.unesco.org/en/ev.php-URL_ID=31038&URL_DO=DO_TOPIC&URL_SECTION=201.html

(4)  http://ec.europa.eu/europeaid/node/1584

(5)  JOIN(2016) 29 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE b’attenzjoni fuq il-kultura fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp, 24 ta’ Novembru 2015.

(8)  CdR 181/2010 fin.

(9)  CDR181-2010_FIN_AC.

(10)  CDR191-2011_FIN_AC.

(11)  CDR2077-2012_00_00_TRA_AC.

(12)  CDR11-2006_FIN_RES.


Top