This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021AE0122
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Sustainability requirements for batteries in the EU’ (COM(2020) 798 final — 2020/353 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji fl-UE” (COM(2020) 798 final — 2020/353 (COD))
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji fl-UE” (COM(2020) 798 final — 2020/353 (COD))
EESC 2021/00122
ĠU C 220, 9.6.2021, pp. 128–133
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 220/128 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji fl-UE”
(COM(2020) 798 final — 2020/353 (COD))
(2021/C 220/18)
Relatur: |
Bruno CHOIX |
Korelatur: |
Franck UHLIG |
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 18.1.2021 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
1.12.2020 |
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) |
Adottata fis-sezzjoni |
5.3.2021 |
Adottata fil-plenarja |
24.3.2021 |
Sessjoni tal-plenarja Nru |
559 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
256/0/4 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jappoġġja l-miżuri stabbiliti bir-Regolament [COM(2020) 798 final – 2020/0353 (COD)] propost mill-Kummissjoni Ewropea (KE). |
1.2. |
Il-KESE jqis li l-evitar tal-frammentazzjoni tas-suq intern li tinħoloq minħabba approċċi li jistgħu jkunu diverġenti min-naħa tal-Istati Membri huwa kwistjoni ewlenija li għandha tiġi indirizzata mill-partijiet ikkonċernati kollha. |
1.3. |
Il-KESE jitlob li jiġu definiti miżuri u strumenti ta’ governanza aktar preċiżi u operazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolament il-ġdid, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha. |
1.4. |
Il-KESE jipproponi li dawn l-isfidi jiġu indirizzati billi jkomplu jissaħħu r-rwol u r-riżorsi tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). |
1.5. |
Għal kwistjonijiet relatati mas-saħħa, is-sigurtà u l-kundizzjonijiet ta’ ħidma fil-produzzjoni, kif ukoll fir-riċiklaġġ u fl-użu mill-ġdid tal-batteriji, il-KESE jipproponi li jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA). |
1.6. |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ diliġenza dovuta għall-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-batteriji, il-KESE jitlob trasparenza sħiħa fl-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ monitoraġġ. |
1.7. |
Ir-riċiklaġġ, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid jippermettu li tiġi żgurata l-katina ta’ valur upstream. Huwa essenzjali li jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp rigward l-ekodisinn. Il-KESE jipproponi li dan għandu jitwettaq fil-prattika permezz ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI). |
1.8. |
Fir-rigward tal-isfidi relatati mal-impjieg u l-ħiliet b’rabta mal-għan li jitrawwem l-iżvilupp ta’ industrija Ewropea tal-batteriji sostenibbli, il-KESE jipproponi li r-rwol taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u r-rwol tal-kumitati Ewropej ta’ djalogu soċjali settorjali jiġu estiżi u msaħħa f’approċċ ta’ tranżizzjoni ġusta, kif imsemmi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. |
1.9. |
Fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-“Patt għall-Ħiliet” u l-proġetti Ewropej ALBATTS, DRIVES u COSME, il-KESE jikkunsidra li għandha tkun prijorità partikolari li jiġu ddefiniti u implimentati proġetti ta’ taħriġ dwar l-ekodisinn u r-riċiklaġġ tal-batteriji b’riżorsi finanzjarji adatti sabiex jiġi żgurat li jirnexxu, bl-involviment attiv tal-imsieħba soċjali u f’kooperazzjoni ma’ kwalunkwe skema nazzjonali jew ċerti oqsma ta’ impjieg ikkonċernati b’mod dirett. |
1.10. |
Il-KESE jipproponi, f’konformità mal-impenn tal-UE lejn in-newtralità karbonika, li jiġu introdotti b’mod rapidu limiti massimi għall-impronta tal-karbonju assoċjata mal-manifattura tal-batteriji kif ukoll mal-loġistika tal-forniment upstream tal-materjali u li jissaħħu r-riżorsi allokati mill-Kummissjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni rapidi tal-għodod għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-impronta tal-karbonju tal-industrija tal-batteriji. |
1.11. |
Il-KESE jqis li huwa neċessarju li tiġi stabbilita responsabbiltà tal-produttur li tkun kompatibbli mal-inkoraġġiment favur l-ekodisinn. F’dan il-kuntest, jidher li huwa neċessarju li tmiem il-ħajja tal-batteriji jiġi separat minn ma’ tmiem il-ħajja tal-apparat li jintużaw fih. |
1.12. |
Il-KESE jipproponi li jiġi introdott il-kunċett ta’ “tmiem l-użu” li jikkomplementa dak ta’ “tmiem il-ħajja” sabiex jiġu promossi l-użu mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni jew it-tieni ħajja u r-riċiklaġġ tal-batteriji. |
1.13. |
Id-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ Regolament dwar it-tikkettar għandhom jinkludu obbligu li n-nies jiġu infurmati aħjar dwar ir-riskji potenzjali ta’ sustanzi perikolużi oħrajn minbarra l-kadmju, iċ-ċomb u l-merkurju u dwar riskji oħrajn għas-sikurezza sabiex jippermettu għażla infurmata u użu aħjar tal-batteriji. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ressqet Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [COM(2020) 798 final – 2020/0353 (COD)] dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1020 tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti. |
2.2. |
Ir-Regolament propost għandu l-għan li jiżviluppa qafas tal-Unjoni li jkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji, inklużi regoli armonizzati u aktar ambizzjużi għall-batteriji, il-komponenti, l-iskart tal-batteriji u l-materjali riċiklati. |
2.3. |
L-objettivi prinċipali ta’ dan ir-Regolament huma li jsaħħaħ is-sostenibbiltà tal-batteriji matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom billi jiżgura rekwiżiti minimi dwar is-sostenibbiltà għall-batteriji li jitqiegħdu fis-suq intern tal-UE, li jżid ir-reżiljenza tal-katina tal-forniment tal-batteriji tal-UE billi jippromovi l-ekonomija ċirkolari, u li jnaqqas l-impatti ambjentali u soċjali f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji. |
2.4. |
B’mod partikolari dan jinkludi l-inkoraġġiment tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ batteriji ta’ kwalità għolja u effiċjenti, it-tisħiħ u l-isfruttar tal-potenzjal ta’ materji primi tal-batteriji tal-UE, kemm primarji kif ukoll sekondarji, filwaqt li jiġi żgurat li jiġu prodotti b’mod effiċjenti u sostenibbli, u jiġi garantit il-funzjonament tajjeb tas-swieq ta’ materji primi sekondarji u ta’ proċessi industrijali relatati. |
2.5. |
B’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni trid tippromovi l-innovazzjoni, l-iżvilupp, u l-implimentazzjoni ta’ għarfien espert teknoloġiku tal-UE. |
2.6. |
Dan għandu jwassal għat-tnaqqis, skont il-loġika tal-ekonomija ċirkolari, fid-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjoni ta’ materji primi u tal-art rari ta’ importanza strateġika, u għall-implimentazzjoni ta’ ġbir u riċiklaġġ adatti tal-iskart kollu tal-batteriji. |
2.7. |
Bl-objettiv li jnaqqas l-impatti ambjentali u soċjali, ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għal akkwist responsabbli, jippromovi l-użu effiċjenti tal-materji primi u l-materji riċiklati, inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-batteriji, inaqqas ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent, u jtejjeb il-kundizzjonijiet soċjali tal-popolazzjonijiet ikkonċernati. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Fl-Ewropa, matul l-għaxar snin li ġejjin, it-teknoloġija tal-batteriji se tkun wieħed mill-katalizzaturi ewlenin tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Billi jiġu ffaċilitati l-elettrifikazzjoni tat-trasport, fejn adatt, u l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli bħala sorsi ta’ enerġija affidabbli, l-użu tal-batteriji għandu jikkontribwixxi għall-objettivi Ewropej tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima. |
3.2. |
Skont Maros Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-progress miksub fil-kuntest tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji stabbilita mill-Kummissjoni fl-2017, l-UE se tkun tista’ tassigura sa 80 % tal-ħtiġijiet tagħha fi żmien ħames snin. |
3.3. |
Din l-awtonomija strateġika se tiġi żviluppata b’mod konġunt mal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji sabiex jiġu pprovduti strumenti legali bl-għan li jitlaqqgħu flimkien l-Istati Membri, l-industriji tal-karozzi, il-materja prima u l-kimika sabiex jiġu ddisinjati u implimentati ktajjen tal-valur li huma 100 % Ewropej; l-ewwel unitajiet tal-produzzjoni ta’ batteriji Ewropej huma mistennija jibdew fl-2021 jew l-2022. |
3.4. |
Il-KESE jappoġġja l-miżuri stabbiliti mir-Regolament propost mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jindirizzaw id-diversi sfidi li joħoloqu l-produzzjoni u l-konsum dejjem akbar tal-batteriji madwar id-dinja. |
3.5. |
Madankollu, f’konformità mal-awtonomija strateġika tal-UE, il-KESE jwissi li dawn għandhom jiġu msaħħa u implimentati malajr sabiex jiġu evitati mhux biss iż-żieda fid-dipendenza teknoloġika, industrijali u enerġetika tal-utenti tal-batteriji fl-UE fuq produtturi Asjatiċi jew Amerikani, iżda wkoll ir-rilokazzjoni tal-fabbriki tal-karozzi Ewropej lejn oħrajn f’pajjiżi terzi f’reġjuni qrib unitajiet ta’ produzzjoni tal-batteriji, b’konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali negattivi, kif diġà ġie indikat f’Opinjoni preċedenti tal-KESE (1). Barra minn hekk, l-interessi tal-intrapriżi Ewropej għandhom jiġu mħarsa wkoll billi jsir użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti kollha tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jesprimi wkoll it-tħassib tiegħu dwar il-mod kif il-Kummissjoni beħsiebha tivverifika u tinforza r-rekwiżiti rigward il-marka tal-karbonju, il-livelli ta’ kontenut riċiklat u d-diliġenza dovuta fil-katina tal-provvista. F’dan ir-rigward, il-KESE jinsisti fuq investigazzjonijiet ta’ konformità robusti fir-rigward tal-prodotti importati biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta minn barra l-pajjiż. |
3.6. |
Il-pannelli solari, il-parks eoliċi u l-batteriji huma kruċjali għall-paradigma industrijali l-ġdida tagħna (2). Dawn huma bbażati fuq materja prima u materjali, għarfien u valur miżjud minn pajjiżi prinċipalment barra l-UE. Madwar 1 % biss tal-produzzjoni dinjija tal-batteriji tal-litju tinsab attwalment fl-Ewropa (3). B’mod parallel mal-iżvilupp ta’ settur Ewropew tal-batteriji stazzjonarji, bil-ħsieb li jkun hemm implimentazzjoni effiċjenti u sigura tal-pjani tal-grilji tal-elettriku eżistenti u futuri, il-KESE jirrakkomanda li l-approċċ komplementari V2G (vettura għall-grilja) jiġi applikat fil-livell Ewropew. |
3.7. |
Il-KESE jappoġġja l-proposti għal aktar sostenibbiltà tat-trasport u l-Pjan ta’ Azzjoni strateġiku dwar il-batteriji, li għandu l-għan li jnaqqas id-defiċit enerġetiku Ewropew u joħloq katina tal-valur tal-batteriji. Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa huma fost l-aspetti essenzjali tat-Tielet Pakkett dwar il-Mobilità, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar il-Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti. Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-qafas usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari (4). |
3.8. |
Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari jista’ jkollha rwol fil-komunikazzjoni dwar dawn is-suġġetti (5). |
3.9. |
Hija meħtieġa wkoll sistema adatta biex l-utenti aħħarin jiġu infurmati dwar il-kwalità tal-batteriji disponibbli fis-suq u biex il-konsumaturi jifhmu aktar ir-rwol tagħhom fil-ġbir tal-iskart tal-batteriji. |
3.10. |
L-aħjar mod kif jiġi ggarantit li l-batteriji manifatturati jkunu “nodfa” huwa billi jiġu osservati l-istandards u r-regolamenti Ewropej dwar l-ambjent, kif promoss, pereżempju, bl-approċċ tal-ekonomija ċirkolari mill-minjiera sa tmiem il-ħajja tal-batteriji. Għal dan il-għan huwa essenzjali investiment fuq skala kbira mill-industrija, filwaqt li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tistipula kundizzjonijiet ta’ limitu adatti, bħal standards tekniċi (6). |
3.11. |
Il- KESE jaqbel mal-Proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li għandhom jitqiesu l-isfidi marbutin mal-materja prima kritika li tintuża fil-batteriji, kif iddefinit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-3 ta’ Settembru 2020 dwar “Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar”. Il-materja prima kritika li tinsab fil-batteriji tinkludi l-litju, il-kobalt, il-grafit naturali, l-antimonju, u ż-żewġ parametri ewlenin meqjusa biex tiġi stabbilita l-kritiċità huma l-importanza ekonomika u r-riskju tal-forniment. |
3.12. |
Il-KESE diġà ddikjara li jappoġġja l-possibbiltà li jiġu adottati rekwiżiti legalment vinkolanti biex jissaħħaħ is-suq tal-materja prima sekondarja, b’mod partikolari għall-imballaġġ, il-vetturi, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-batteriji (7). |
3.13. |
L-enerġiji rinnovabbli huma irregolari, u għaldaqstant kemm huma kif ukoll l-iżvilupp tagħhom huma sfida kbira f’termini ta’ ħżin. Għall-Unjoni Ewropea, il-ħżin huwa wkoll kwistjoni strateġika biex b’mod permanenti tkun tista’ tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni u suq tal-enerġija vijabbli, u dan kemm mil-lat teknoloġiku kif ukoll mil-lat baġitarju. Il-KESE ifakkar li l-ħżin tal-enerġija, flimkien mal-vantaġġi tiegħu, jista’ jkun ukoll spiża kbira mil-lat finanzjarju, ambjentali u sanitarju. Għalhekk jitlob li jsiru studji tal-impatt li b’mod sistematiku jivvalutaw il-kompetittività tat-teknoloġiji kif ukoll l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u s-saħħa. Il-KESE iqis importanti wkoll li jiġu vvalutati l-effetti ta’ dawn it-teknoloġiji fuq il-ħolqien tal-attivitajiet u l-impjiegi. Il-KESE jappoġġja l-bżonn ta’ armonizzazzjoni aħjar tar-regolamenti fost l-Istati Membri f’termini ta’ ħżin tal-enerġija. Il-KESE jappella wkoll għal djalogu pubbliku dwar l-enerġija fl-Ewropa kollha (id-Djalogu Ewropew dwar l-Enerġija) biex iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili kollha jħaddnu t-tranżizzjoni tal-enerġija u jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet futuri relatati mat-teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija (8). Il-kwalità tat-tikkettar tal-batteriji jinħtieġ li tikkontribwixxi għal dan. |
3.14. |
L-isfida ekonomika hija konsiderevoli: il-Kummissjoni tistma li d-domanda globali għall-batteriji se tiżdied b’14-il darba minn issa sal-2030 meta mqabbla mal-livell tal-2018, u l-UE se tirrappreżenta 17 % ta’ dik id-domanda. In-numru ta’ batteriji tal-litju se jiżdied b’700 darba bejn l-2020 u l-2040. |
3.15. |
Sabiex jiġi evalwat l-impatt tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida fuq l-impjieg u l-ħiliet meħtieġa, ir-Regolament jibbaża fuq żewġ studji ta’ referenza ppubblikati mis-CEPS (9) u RREUSE (10) kif ukoll fuq il-ħidma mwettqa mill-Alleanza Ewropea tal-Batteriji. |
3.16. |
L-istudju tas-CEPS jistma li l-iżvilupp tal-attivitajiet ta’ ġbir u riċiklaġġ tal-batteriji se jkollu impatt fuq il-ħolqien ta’ impjiegi diretti u indiretti: madwar 850 impjieg b’rata ta’ riċiklaġġ ta’ 55 %, u 5 500 impjieg b’rata ta’ riċiklaġġ ta’ 75 %. |
3.17. |
Min-naħa l-oħra, skont l-istudju mill-organizzazzjoni RREUSE, l-attività ta’ tiswija u użu mill-ġdid tal-batteriji toħloq bejn 5 u 10 darbiet aktar impjiegi “ekwivalenti għal ingaġġ full-time” mill-attività tal-ġbir u r-riċiklaġġ, li tqajjem il-kwistjoni tal-isfidi politiċi tal-miżuri li jippromovu l-industrija tal-ġbir u r-riċiklaġġ meta mqabbel ma’ dawk li jippromovu l-industrija tat-tiswija u l-użu mill-ġdid tal-batteriji. |
3.18. |
Rigward id-defiċit fil-ħiliet, dan prinċipalment jikkonċerna l-attività tal-ekodisinn tal-batteriji biex jiġu ottimizzati s-sostenibbiltà u l-użu ottimali tagħhom. |
3.19. |
Sabiex jittejjeb l-investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni ta’ batteriji sostenibbli fid-dawl ta’ riskji soċjali u ambjentali, huwa neċessarju li l-proġetti marbuta mal-batteriji jiġu allinjati mat-tassonomija tal-UE (11) għal attivitajiet sostenibbli filwaqt li jitqies il-programm InvestEU. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Il-KESE jitlob id-definizzjoni ta’ miżuri u strumenti ta’ governanza u ta’ implimentazzjoni aktar preċiżi u operattivi għall-applikazzjoni fil-prattika u effettiva tal-miżuri kollha stabbiliti mir-Regolament il-ġdid. |
4.2. |
Għalhekk, il-KESE jipproponi li dawn l-isfidi jiġu indirizzati permezz ta’ reviżjoni tar-rwol tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) ibbażata f’Helsinki, li hija responsabbli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Ewropew REACH (2005, rivedut fl-2018) dwar is-sustanzi kimiċi, sabiex jinkludi r-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll ta’ standards u regoli ġodda definiti mir-Regolament il-ġdid dwar is-sostenibbiltà tal-batteriji. |
4.3. |
L-iżvilupp ta’ industrija tal-batteriji sostenibbli għandha tindirizza l-problema tal-konformità mal-istandards tal-UE tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali għall-protezzjoni ta’ ħaddiema li jiġu f’kuntatt ma’ batteriji u materji primi riċiklabbli li huma komponenti ta’ batteriji industrijali jew tal-vetturi. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), ibbażata f’Bilbao, wettqet rapporti esperti dwar is-suġġett li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex ir-Regolament jintroduċi regolamentazzjoni adatta. Il-KESE jipproponi wkoll li jissaħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija EU-OSHA. |
4.4. |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-obbligu ta’ diliġenza dovuta għall-monitoraġġ tal-katina tal-forniment tal-batteriji u għal sistema indipendenti ta’ verifika, monitoraġġ u kontroll taħt il-kappa tal-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mar-regoli definiti mill-gwida tal-OECD dwar is-suġġett (12), il-KESE jitlob trasparenza sħiħa fl-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ monitoraġġ. |
4.5. |
Fir-rigward tal-isfidi ta’ impjiegi u ħiliet assoċjati mal-implimentazzjoni tal-miżuri tar-Regolament li għandhom l-għan li jrawmu l-iżvilupp ta’ industrija Ewropea tal-batteriji sostenibbli, il-KESE jipproponi li r-rwol tas-Cedefop f’dan il-qasam u r-rwol tal-kumitati Ewropej ta’ djalogu soċjali settorjali kkonċernati (l-elettriku, il-metallurġija, l-industrija tal-kimika, l-industrija tal-estrazzjoni, eċċ) jiġu estiżi u msaħħa f’approċċ ta’ tranżizzjoni ġusta, kif imsemmi fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istabbilimenti tal-edukazzjoni professjonali tal-Istati Membri għandhom jimplimentaw proġetti ta’ taħriġ simili fil-kurrikuli għall-istudenti sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta’ ħaddiema mħarrġa għal industrija Ewropea tal-batteriji sostenibbli. |
4.6. |
Fil-qafas tal-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea tal-“Patt għall-Ħiliet”, ġew imnedija l-proġetti ALBATTS (Alleanza għat-Teknoloġijka, il-Kwalifiki u t-Taħriġ dwar il-Batteriji), DRIVES (Żvilupp u Riċerka dwar Ħiliet Innovattivi fl-Edukazzjon Vokazzjonli) u COSME (Programm pluriennali għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs). Il-KESE jikkunsidra li huma ta’ prijorità partikolari d-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ taħriġ fil-ħiliet ġodda ddedikati għall-ekodisinn kif ukoll għad-dijanjosi tal-batteriji bl-għan li jissewwew, jiġu rikondizzjonati u rriċiklati, bil-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali u f’kooperazzjoni mal-iskemi nazzjonali jew l-oqsma tal-impjieg possibbli li huma kkonċernati b’mod dirett.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma neċessarji għat-titjib tas-sostenibbiltà, il-kwalità u s-sigurtà ta’ prodotti u proċessi u għat-tnaqqis tal-ispejjeż. Dan ifisser li għandha tingħata prijorità immedjata għar-riċerka u l-iżvilupp dwar il-batteriji, b’approċċ olistiku fil-katina tal-valur tal-batterija kollha, u b’investiment importanti u kontinwu maż-żmien li jkopri kemm prijoritajiet ta’ riċerka għal terminu qasir u twil. |
4.7. |
Fil-qasam tal-ħżin tal-enerġija, il-batteriji u l-idroġenu se jkollhom funzjonijiet komplementari. L-għan se jkun li jiġu massimizzati s-sinerġiji bejn dawn iż-żewġ soluzzjonijiet teknoloġiċi. |
4.8. |
It-teknoloġiji diġitali l-ġodda huma mistennija jikkontribwixxu biex jaċċelleraw l-iżviluppi fis-settur tal-batteriji: mill-iskoperta aċċellerata tal-materjali sal-ottimizzazzjoni tal-użu transsettorjali ta’ sistemi ta’ batteriji biex jingħata appoġġ lill-grilja enerġetika. |
4.9. |
Ir-riċiklaġġ, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid jippermettu li tiġi żgurata l-katina ta’ valur upstream. Huwa essenzjali li jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp rigward l-ekodisinn. Il-KESE jipproponi li dan għandu jitwettaq fil-prattika permezz ta’ proġett importanti ta’ interess Ewropew komuni (IPCEI). L-għan huwa li jiġi żviluppat l-għarfien espert li jippermetti l-ottimizzazzjoni tal-irkupru tal-batteriji billi jiġu orjentati mill-ġdid lejn, fejn possibbli, rinnovazzjoni, ħajja sekondarja jew irkupru aħjar tal-komponenti tagħhom, u billi jiġu implimentati proċessi ottimizzati mill-perspettiva ambjentali li jiggarantixxu s-sigurtà tal-impjegati u jwasslu għal mudell ekonomiku li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà ta’ din l-attività fit-territorju Ewropew. B’mod partikolari, l-għan huwa li jiġu implimentati proċessi industrijali kompetittivi li jagħmlu possibbli l-produzzjoni ta’ materjali ta’ kwalità tal-batteriji permezz tar-riċiklaġġ, b’appoġġ akbar għall-kumpaniji li joperaw b’mod integrat, f’ċiklu magħluq. |
4.10. |
Il-KESE jipproponi, f’konformità mal-impenn tal-UE lejn in-newtralità karbonika sal-2050 (b’objettiv intermedju ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030), li jiġu introdotti b’mod rapidu limiti massimi (id-data ta’ Lulju 2027 hija tard wisq meta mqabbel mal-objettivi definiti mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta’ Diċembru 2020) għall-impronta tal-karbonju assoċjata mal-manifattura tal-batteriji kif ukoll mal-loġistika tal-forniment upstream tal-materjali, kif ukoll li jissaħħu r-riżorsi allokati mill-Kummissjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni rapidi tal-għodod għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-impronta tal-karbonju tal-industrija tal-batteriji. L-aċċess għal materjali strateġiċi ta’ batteriji minn minjieri (urbani jew naturali) li jinsabu fis-suq fejn jiġu mmanifatturati u rriċiklati l-batteriji għandu jiġi privileġġjat. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu għas-semplifikazzjoni u l-minimizzazzjoni tal-flussi loġistiċi. Fir-rigward tal-manifattura tal-batteriji, li hija stadju deċiżiv għall-impronta tal-karbonju tagħhom, ir-Regolament għandu jippromovi proċessi li jiffrankaw l-elettriku u jipprivileġġjaw l-użu ta’ sorsi tal-elettriku dekarbonizzati. |
4.11. |
Il-KESE jqis li huwa neċessarju li tiġi stabbilita responsabbiltà tal-produttur li tkun kompatibbli mal-inkoraġġiment tal-ekodisinn, u b’mod partikolari ma’ inċentiv għad-disinn ta’ batteriji li jistgħu jiffaċilitaw il-modifika retroattiva, il-manifattura mill-ġdid u l-użu mill-ġdid tal-batteriji. Din il-ħtieġa hija marbuta mal-ħajja sekondarja tal-batteriji, li għandha tiġi promossa. F’dan il-qafas, huwa neċessarju li tmiem il-ħajja tal-batteriji jiġi diżassoċjat minn ma’ tmiem il-ħajja tal-apparat, u li l-istatus ta’ skart ma jiġix attribwit b’mod awtomatiku lill-batteriji meta l-apparat li jinsabu fih jasal fi tmiem il-ħajja tiegħu. Fi tmiem il-ħajja preżunt tal-batteriji jew tal-apparat li jkun fih batteriji, tkun ir-responsabbiltà tal-produttur li juri li l-batterija għandha tingħata l-istatus ta’ skart. Dan ikollu jagħti prova ta’ dan permezz ta’ evalwazzjoni jew testijiet imwettqa fuq il-batterija u permezz ta’ dokument li juri li, meta jitqiesu t-teknoloġiji attwali u l-ktajjen li jistgħu jservu ta’ żbokk, ikun teknikament impossibbli li l-batterija terġa’ tintuża mill-ġdid permezz ta’ modifika retroattiva jew manifattura mill-ġdid li huma kompatibbli mal-kundizzjonijiet ta’ dawn is-swieq. Għalhekk, il-KESE jipproponi li għandu jiġi introdott il-kunċett ta’ “tmiem l-użu” li jikkomplementa dak ta’ “tmiem il-ħajja” sabiex jiġu promossi l-użu mill-ġdid, ir-rinnovazzjoni jew it-tieni ħajja u r-riċiklaġġ tal-batteriji. Għal dan il-għan, ir-Regolament il-ġdid jinħtieġ jintegra dawn l-atturi u l-attivitajiet il-ġodda. |
Brussell, l-24 ta’ Marzu 2021.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) ĠU C 353, 18.10.2019, p. 102.
(2) ĠU C 364, 28.10.2020, p. 108.
(3) ĠU C 282, 20.8.2019, p. 51.
(4) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 254.
(5) https://circulareconomy.europa.eu/platform/en
(6) ĠU C 262, 25.7.2018, p. 75.
(7) ĠU C 364, 28.10.2020, p. 94.
(8) ĠU C 383, 17.11.2015, p. 19.
(9) CEPS: Drabik E. and Rizos V., Prospects for electric vehicle batteries in a circular economy, 2018.
(10) RREUSE: Briefing on job creation potential in the re-use sector, 2015.
(11) Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020.
(12) OECD (2018), Il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Mġiba Responsabbli fin-Negozju.