Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE1513

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija dwar il-forza tax-xogħol u l-kura fil-qasam tas-saħħa għall-futur tal-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2022/01513

ĠU C 486, 21.12.2022, pp. 37–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 486/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġija dwar il-forza tax-xogħol u l-kura fil-qasam tas-saħħa għall-futur tal-Ewropa”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 486/06)

Relatur:

Danko RELIĆ

Korelatur:

Zoe TZOTZE-LANARA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adozzjoni fis-sezzjoni

6.9.2022

Adozzjoni fil-plenarja

21.9.2022

Sessjoni plenarja Nru

572

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

194/4/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jżomm sod mal-prinċipju li sistemi tas-saħħa b’saħħithom u reżiljenti jistgħu jkunu bbażati biss fuq, u żviluppati minn, forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa li għandha kwalifiki, ħiliet u motivata, u li dan huwa fundamentali biex titħaddem politika tas-saħħa ta’ suċċess u bħala konsegwenza essenzjali għall-kisba ta’ kopertura tas-saħħa ċċentrata fuq il-bniedem għal kulħadd u tad-“dritt għas-saħħa”, kif rakkomandat mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u b’hekk jiġi żgurat lill-Ewropej kollha aċċess ugwali u universali għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva, kurattiva u ta’ kwalità.

1.2.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva għal azzjoni fil-livell tal-UE biex jissaħħu l-kura fit-tul u l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal kif previst mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se tikkontribwixxi għal servizzi ta’ kura ta’ kwalità għolja, aċċessibbli, ekwitabbli u affordabbli u se tgħin biex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja soċjali.

1.3.

Il-KESE jappella għal approċċ trasformattiv għall-kura ċċentrat fuq il-persuni, id-drittijiet tagħhom u l-ħtiġijiet tagħhom, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fi kwalunkwe diskussjoni, konsultazzjoni u deċiżjoni rilevanti. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun ambizzjuża fit-tfassil ta’ strateġija ta’ kura li tista’ tikkontribwixxi għall-koeżjoni u l-konverġenza ’l fuq fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul fost u fi ħdan l-Istati Membri.

1.4.

Garanzija Ewropea għall-Kura tista’ tiżgura li kull min jgħix fl-UE jkollu aċċess tul il-ħajja għal servizzi ta’ kura affordabbli u ta’ kwalità, tista’ tindirizza n-nuqqasijiet fil-kura, u tippromovi kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, u toffri opportunitajiet ta’ taħriġ. L-appoġġ u r-rikonoxximent aħjar ta’ indokraturi informali u politiki mmirati lejn l-indirizzar tal-problemi fil-kura informali bi ħlas u mingħajr ħlas huma kruċjali għal użu effiċjenti tar-riżorsi.

1.5.

Peress li servizzi pubbliċi effiċjenti, responsabbli u ffinanzjati sew jibqgħu kruċjali biex jiġi żgurat aċċess ugwali għal kura ta’ kwalità, il-KESE jistieden lill-Unjoni Ewropea tiżgura komplementarjetà bejn il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ kura abbażi tas-solidarjetà, tħeġġeġ l-investiment fis-servizzi pubbliċi u l-ekonomija soċjali u tappoġġja l-atturi tal-ekonomija soċjali fis-settur tal-kura.

1.6.

L-ippjanar tal-forza tax-xogħol għandu jqis l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali peress li l-innovazzjonijiet f’dawn l-oqsma joffru opportunitajiet għall-ħolqien ta’ ambjenti ta’ xogħol u sitwazzjonijiet ġodda fejn tingħata l-kura, u jeħtieġu ħiliet ġodda. L-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tal-kura fit-tul huwa kruċjali fl-indirizzar tad-distakk diġitali u l-faqar diġitali.

1.7.

Il-KESE jipproponi aġġornament tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa u tal-Kura fl-Unjoni Ewropea (1). L-iżvilupp ta’ ppjanar u tbassir integrat tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u l-adattament tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u l-kura fit-tul huma essenzjali biex jittejjeb l-aċċess għal u l-kwalità ta’ dawn is-servizzi. Pjan aġġornat jista’ jiżgura ġbir aħjar ta’ data fl-UE, l-isfruttar tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni madwar l-UE, u l-iżvilupp ta’ metodi biex jiġu mbassra aħjar il-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol u tal-ħiliet.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li d-dritt għall-mobbiltà jrid jiġi rrispettat fl-UE. Il-mobbiltà transfruntiera żżid dimensjoni żejda għall-ippjanar tal-forza tax-xogħol, u l-istabbiliment ta’ servizz ta’ sorveljanza tal-forza tax-xogħol tas-saħħa Ewropea biex jgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu strutturi ta’ ppjanar u jikkoordinaw aspetti transfruntiera tal-ippjanar għandu jkun element infrastrutturali fit-tul utli.

1.9.

Djalogu soċjali li jinvolvi lill-gvernijiet, lill-impjegaturi u lill-ħaddiema u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom huwa kruċjali għal strateġija tal-kura trasformattiva u sistemi tas-saħħa u ta’ kura reżiljenti fl-UE; dawk li jagħtu u li jirċievu l-kura jeħtieġ li jiġu inklużi fit-tfassil ta’ ekosistema tas-saħħa u tal-kura inklużiva, reżiljenti, u ugwali bejn il-ġeneri.

2.   Kummenti ġenerali dwar il-kura

2.1.

Ta’ importanza vitali għall-protezzjoni soċjali u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE, il-kura fit-tul tinkludi firxa ta’ servizzi u assistenza għal persuni li jesperjenzaw fraġilità u/jew diżabilità mentali u/jew fiżika għal żmien twil, jiddependu fuq l-għajnuna għall-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, u/jew jeħtieġu xi kura mill-infermiera permanenti minn fornituri mħallsa/mhux imħallsa professjonali jew mhux professjonali fid-dar jew f’faċilitajiet tal-kura u residenzjali (2).

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 kienet eżami diffiċli għar-reżiljenza u l-adegwatezza tas-sistemi ta’ kura fl-UE, fejn indikat problemi strutturali, bħal nuqqas ta’ finanzjament u ta’ persunal f’ħafna pajjiżi, li jistgħu jiddeterjorjaw minħabba l-isfidi ekonomiċi/politiċi li għadhom għaddejjin, l-inflazzjoni, l-inċertezza u l-kriżi tal-enerġija.

2.3.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi d-dritt għall-kura u d-dritt li kulħadd ikollu aċċess għal servizzi ta’ kura formali ta’ kwalità għolja bbażati fuq il-ħtieġa. L-Istrateġija Ewropea għall-Kura, li tħabbret mill-President tal-Kummissjoni von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, tinkludi żewġ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-kura tat-tfal (ir-reviżjoni tal-miri ta’ Barċellona) u l-kura fit-tul. Il-Parlament Ewropew irrakkomanda li jittejjeb l-għoti ta’ kura tul il-ħajja abbażi tal-ħtiġijiet ta’ dawk li jirċievu l-kura u dawk li jipprovdu l-kura, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kura ta’ kwalità (3).

2.4.

Il-KESE adotta diversi Opinjonijiet dwar l-għoti ta’ kura fl-UE (4), li fihom jenfasizza l-bżonn ta’ investiment f’kura ta’ kwalità għolja, sostenibbli u aċċessibbli għal kulħadd, u l-bżonn li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-kura tat-tfal u fil-kura fit-tul. Huwa identifika nuqqasijiet fl-għoti tal-kura għal kulħadd, “id-diversifikazzjoni u l-frammentazzjoni tas-servizzi offruti, ir-regolazzjoni ħażina tagħhom, id-diffikultajiet fil-koordinazzjoni tal-livelli ta’ ġestjoni, il-problemi ta’ koordinazzjoni bejn is-servizzi soċjali u tas-saħħa, il-kummerċjalizzazzjoni dejjem tikber tas-servizzi, u l-ħtieġa ta’ politiki u miżuri ta’ prevenzjoni”; filwaqt li oppona l-użu ta’ sterjotipi u diskriminazzjoni oħra kontra l-persuni akbar fl-età, il-KESE appella għal kura ffukata fuq in-nies appoġġjata mid-diġitalizzazzjoni. F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda l-użu sħiħ tad-diġitalizzazzjoni biex titnaqqas il-burokrazija żejda għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u jiġu applikati l-aħjar kisbiet tar-regolamentazzjoni intelliġenti.

3.   Approċċ trasformattiv għall-kura

3.1.

Strateġija Ewropea għall-Kura effettiva tirrikjedi impenn lejn approċċ trasformattiv u ambizzjuż, li jpoġġi lin-nies u d-drittijiet fundamentali u l-ħtiġijiet tagħhom fil-qalba tiegħu, li jiżgura l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konsultazzjonijiet u d-deċiżjonijiet, bil-potenzjal li jikkontribwixxi għal koeżjoni bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.

3.2.

Billi tinkorpora din it-trasformazzjoni, Garanzija Ewropea għall-Kura tiżgura li kull persuna li tgħix fl-UE jkollha aċċess għal servizzi tal-kura affordabbli u ta’ kwalità tul ħajjitha, tipprovdi qafas koeżiv biex l-Istati Membri jipprovdu servizzi ta’ kwalità għolja u strateġiji tal-kura tul il-ħajja, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u taħriġ għall-indokraturi u appoġġ għall-indokraturi informali.

3.3.

L-investiment fuq skala kbira fl-ekonomija u l-infrastruttura tal-kura huwa neċessarju għal approċċ trasformattiv li jindirizza disparitajiet persistenti fil-kura, bil-potenzjal li joħloq madwar 300 miljun impjieg sal-2035 li jtejjeb ukoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-aċċess tan-nisa għas-swieq tax-xogħol (5).

3.4.

Filwaqt li jeżistu mudelli differenti fl-Istati Membri, servizzi pubbliċi effiċjenti, responsabbli u b’finanzjament adegwat jibqgħu kruċjali biex jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-kura ta’ kwalità, u biex jingħata appoġġ lil fornituri tal-kura mhux imħallsa, b’mod partikolari n-nisa. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu massimizzati l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn il-fornituri tal-kura u tas-saħħa kollha kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat (għal skop ta’ qligħ jew mingħajr skop ta’ qligħ) biex tinkiseb kopertura għal kulħadd (6), u li jitqiesu l-aħjar prattiki u eżempji pożittivi fl-Istati Membri, u fl-istess ħin jiġu rispettati l-ispeċifiċitajiet u d-differenzi nazzjonali.

3.5.

Ix-xejriet ta’ privatizzazzjoni u l-prattiki li jiżviluppaw skont is-suq bħall-għażla tar-riskju u l-massimizzazzjoni tal-qligħ minflok il-kura u s-saħħa jistgħu jkomplu jkattru l-inugwaljanzi, li jaffettwaw lil dawk l-aktar vulnerabbli bi bżonnijiet ta’ kura mhux sodisfati. Abbażi tas-solidarjetà u r-rispett tal-kompetenzi nazzjonali u s-sussidjarjetà, il-kura fit-tul u l-kura tat-tfal fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jeħtieġu sistemi ta’ protezzjoni soċjali u servizzi pubbliċi b’saħħithom, investiment soċjali u atturi tal-ekonomija soċjali — eż. assoċjazzjonijiet mutwi — biex jiġu pprovduti kura fil-komunità u kura fid-djar ottimali minn indokraturi mħarrġa b’mod adegwat (7).

3.6.

Il-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE jistgħu jintużaw biex jappoġġjaw l-investiment fil-kura. Fir-rigward tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, il-Kummissjoni għandha timmira aħjar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħha fi ħdan is-Semestru Ewropew u, fejn meħtieġ, tgħin lill-Istati Membri jipprijoritizzaw finanzjament adegwat bħala investiment produttiv aktar milli piż ekonomiku.

4.   Kundizzjonijiet tax-xogħol, sfidi u l-potenzjal għall-impjiegi

4.1.

Madwar 6,3 miljun persuna jaħdmu fis-settur tal-kura fit-tul fl-UE filwaqt li 44 miljun persuna jipprovdu kura fit-tul informali frekwenti lil qraba jew ħbieb, f’wieħed mis-setturi li qed jikber l-aktar malajr fid-dinja (8). Huwa mistenni li sal-2030 ser jinħolqu sa 7 miljun impjieg għal professjonisti assoċjati tal-kura tas-saħħa u għal ħaddiema fis-settur tal-kura (9).

4.2.

Fost l-isfidi ewlenin għas-settur tal-kura hemm in-nuqqas ta’ persunal, kundizzjonijiet tax-xogħol mhux attraenti u onerużi, kif ukoll is-sottofinanzjament, minħabba tnaqqis fil-baġit soċjali u tas-saħħa bħala risposta għall-kriżi ekonomika tal-2008, fi gradi differenti fl-Istati Membri kollha (10). Fi kważi l-pajjiżi kollha tal-UE, it-tkabbir fl-impjiegi huwa batut meta mqabbel mad-domanda dejjem tikber, minħabba l-kundizzjonijiet mentalment u fiżikament iebsa li jwasslu lill-ħaddiema tal-kura biex jitilqu mis-settur — xejra li kompliet tikber minħabba l-pandemija, li taffettwa ħażin lis-saħħa u s-sigurtà, kemm ta’ dawk li jirċievu l-kura kif ukoll tal-ħaddiema tal-kura.

4.3.

Approċċ trasformattiv għandu jippromovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, meta wieħed iqis li n-nisa jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-kura, li huma r-riċevituri u l-fornituri tal-kura ewlenin f’sitwazzjonijiet formali u informali (11) u li bħala medja huma akbar fl-età mill-forza tax-xogħol ġenerali fl-UE. Billi n-nisa jwettqu l-maġġoranza tar-responsabbiltajiet ta’ kura fil-familja, servizzi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal (ECEC) u ta’ kura fit-tul aċċessibbli u affordabbli jippermettu li aktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol. Id-dritt għal mill-inqas ħamest ijiem ta’ xogħol ta’ liv għall-persuni li jindukraw fis-sena, introdott mid-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, se jipprovdi xi appoġġ lill-persuni li jindukraw b’mod informali li jippruvaw jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-indukrar. Madankollu, in-nuqqas ta’ liv imħallas adegwat jipprevjeni t-tgawdija sħiħa tad-dispożizzjoni tad-Direttiva ta’ dan id-dritt u jista’ jaggrava l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri.

4.4.

Il-pagi fis-settur huma taħt il-medja f’ħafna pajjiżi tal-UE, minkejja kundizzjonijiet tax-xogħol iebsa, rekwiżiti speċifiċi f’ħiliet/kompetenzi u kwalifiki, u riskji għolja għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (12). F’bosta Stati Membri, il-grad ta’ sħubija f’unions, il-kopertura ta’ negozjar kollettiv, is-sodisfazzjon tax-xogħol u l-proporzjon ta’ ħaddiema u utenti huma f’livelli baxxi; fost l-oħrajn, il-pandemija kixfet nuqqas fil-provvista ta’ tagħmir personali protettiv.

4.5.

Il-kura informali bla ħlas, jew kura mill-familja, hija l-pedament tal-għoti ta’ kura fit-tul fl-Ewropa, iżda l-kura fid-dar u l-kura fil-komunità f’ħafna pajjiżi għadhom sottożviluppati u diffiċli biex jiġu aċċessati (13). Meta jitqies l-impatt tal-għoti tal-kura informali fuq sitwazzjonijiet tal-ħajja importanti, il-KESE jirrakkomanda bis-saħħa politiki li jrawmu l-“formalizzazzjoni” tal-kura informali, jappoġġjaw lill-indokraturi informali u jikkontribwixxu għall-użu effiċjenti tar-riżorsi.

4.6.

Il-KESE jesprimi tħassib dwar ix-xogħol prekarju tal-kura mifrux fost indukraturi domestiċi mhux iddikjarati, li huma prinċipalment nisa, li jwettqu kura “live-in”, li jiġu l-aktar minn gruppi migranti jew kategoriji ta’ ċittadini mobbli. Din iż-żona ambigwa, iggravata min-nuqqas ta’ aċċess għall-kura formali u mill-ħtieġa ekonomika, titlob approċċ ta’ politika ta’ koeżjoni, b’attenzjoni xierqa lejn iċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet, ir-regolarizzazzjoni, u/jew il-proċeduri għall-permess ta’ residenza.

4.7.

Hekk kif id-domanda għall-kura fit-tul qiegħda tkompli tikber, is-settur se jibbenefika minn pagi ogħla u aktar stimulanti, rappreżentazzjoni kollettiva u negozjar kollettiv effettiv, kif ukoll aktar taħriġ. L-isfruttament ta’ finanzjament pubbliku għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol (pereżempju permezz ta’ rekwiżiti fl-akkwist pubbliku) jista’ jgħin biex jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u jiżgura kura fit-tul ta’ kwalità għolja. Il-professjonalizzazzjoni, id-definizzjoni ta’ kwalità u t-tfassil ta’ standards għall-valutazzjoni/tkejjil tal-kwalità kif ukoll l-armonizzazzjoni ta’ standards fl-Istati Membri huma essenzjali għat-tiġdid tas-settur (14).

5.   Kummenti oħrajn

5.1.

Il-pandemija kixfet frammentazzjoni u dispersjoni, b’mod partikolari fir-responsabbiltajiet tal-għoti u tal-finanzjament fl-Istati Membri, li jindika l-ħtieġa għal integrazzjoni aħjar bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-kura nazzjonali (15), li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiżguraw aċċess għal kulħadd u effiċjenza.

5.2.

Sfida ewlenija emerġenti li tirrikjedi miżuri kkoordinati fl-istrateġija ġdida għall-kura tirrigwarda l-prevenzjoni u l-indirizzar tal-problemi ta’ saħħa mentali li huma riżultat ikkombinat tal-pandemija u ta’ inċidenzi tas-saħħa mentali li kulma jmur qegħdin jiżdiedu (eż. dimenzja) marbutin ma’ popolazzjoni li qiegħda tixjieħ.

5.3.

Kif turi l-esperjenza reċenti relatata mal-prevenzjoni u l-kontroll tal-COVID-19 fil-faċilitajiet ta’ kura fit-tul (16), il-valutazzjoni effettiva, is-superviżjoni esterna effiċjenti u semplifikata, u l-ispezzjoni, kemm fil-faċilitajiet pubbliċi kif ukoll privati li jipprovdu l-kura, huma kruċjali biex jipprevjenu l-abbuż u jiżguraw is-sigurtà u l-kwalità, b’mod partikolari għall-popolazzjonijiet vulnerabbli, il-persuni akbar fl-età u t-tfal, u billi jiġu sfruttati l-prattiki tajba eżistenti fl-Istati Membri.

5.4.

L-iżvilupp ta’ ġbir ta’ data standardizzata u ta’ indikaturi tal-kura fit-tul fil-livell tal-UE huwa vitali għal Strateġija għall-Kura ta’ suċċess fil-livell tal-Istati Membri, inkluż rekwiżiti ta’ rappurtar u reviżjonijiet regolari, li għandhom jitwettqu bi proċeduri effiċjenti u simplifikati. L-għoti ta’ kura tat-tfal xierqa, b’mod partikolari, jeħtieġ objettivi tal-kura kwantitattivi u kwalitattivi biex jitkejjel il-progress u biex il-miri ta’ Barċellona jitwettqu u saħansitra jinqabżu.

5.5.

L-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi tal-kura fit-tul huwa kruċjali fl-indirizzar tad-distakk diġitali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-aċċessibbiltà, lis-sistemi ta’ assistenza, it-titjib tal-litteriżmu diġitali u lid-diġitalizzazzjoni għall-kwalità tal-impjiegi, it-titjib tal-ħiliet u metodi ġodda ta’ djanjożi, il-monitoraġġ u trattament.

5.6.

Il-KESE jikkundanna r-reati tal-gwerra mwettqa mill-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna, immirati lejn ħaddiema fil-qasam tal-kura u tas-saħħa, pazjenti, tfal, sptarijiet u faċilitajiet oħrajn; flimkien ma’ mwiet u korrimenti din l-aggressjoni qiegħda taffettwa serjament is-sistema tas-saħħa u tal-kura tal-Ukrajna, u jappella għal miżuri ta’ għajnuna u appoġġ immirati — anke meta jitqies li l-kriżi fl-Ukrajna qed tinfirex kullimkien u taffettwa ħafna aspetti tal-ambjent soċjali u ekonomiku.

5.7.

Djalogu soċjali li jinvolvi lill-gvernijiet, impjegaturi u ħaddiema u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom huwa kruċjali għal strateġija ta’ kura trasformattiva u sistemi tas-saħħa reżiljenti fl-UE; huwa importanti li dawk li jirċievu u jagħtu l-kura għandhom ikunu inklużi fit-tfassil ta’ ekosistema tal-kura u tas-saħħa aktar inklużiva, reżiljenti u ugwali bejn il-ġeneri, li tinvolvi lis-soċjetà ċivili u lil partijiet interessati oħrajn, eż. il-knisja u l-filantropija.

6.   Kummenti ġenerali dwar il-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa

6.1.

Kura tas-saħħa tajba hija pilastru ta’ soċjetà stabbli, sikura u prospera u hija r-responsabbiltà tal-gvern li jorganizzaha. F’ħafna pajjiżi l-prattika komuni hija li jserrħu fuq ir-reklutaġġ bi prezz baxx u rapidu ta’ ħaddiema tas-saħħa minn pajjiżi Ewropej oħrajn. Dan huwa sempliċement rikonoxxut bħala fatt tal-ħajja u huwa xokkanti li mhux qiegħed jiġi indirizzat.

6.2.

Il-KESE jżomm sod mal-prinċipju li sistemi tas-saħħa b’saħħithom u reżiljenti jistgħu jkunu bbażati biss fuq, u żviluppati minn, forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa li għandha kwalifiki, b’ħiliet u motivata, u dan huwa fundamentali biex titħaddem politika tas-saħħa ta’ suċċess u, bħala konsegwenza, hija essenzjali għall-ksib ta’ kopertura tas-saħħa għal kulħadd u d-dritt għas-saħħa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa stess għandhom l-għan li joħolqu “dritt għas-saħħa”, li jiggarantixxi lill-Ewropej kollha aċċess ugwali u għal kulħadd għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva, kurattiva u ta’ kwalità.

6.3.

L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa għandha ttejjeb il-protezzjoni, il-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-reazzjoni kontra l-perikli għas-saħħa tal-bniedem. F’dak il-kuntest, is-suċċess tal-inizjattivi ewlenin kollha fi ħdan l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa jiddependu ħafna fuq forza tax-xogħol tas-saħħa ta’ kwalità għolja.

6.4.

F’għadd ta’ Opinjonijiet (17), il-KESE indirizza l-kwistjoni tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa f’varjetà ta’ kuntesti u attivitajiet oħrajn. B’mod speċjali matul il-pandemija, il-ħaddiema tas-saħħa kienu fuq quddiem, u wrew livell eċċezzjonali ta’ solidarjetà matul l-aktar żminijiet diffiċli.

6.5.

Il-KESE jappoġġja miżuri li għandhom jittieħdu biex l-impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ. Dan huwa wieħed mill-aktar prerekwiżiti importanti għall-ħolqien ta’ kapaċità tar-riżorsi umani suffiċjenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa, il-promozzjoni tas-saħħa, u l-prevenzjoni tal-mard.

6.6.

Id-data dwar in-numri, il-migrazzjoni, il-ħiliet, u dwar speċifiċitajiet oħra relatati mal-forza tax-xogħol tas-saħħa għandha tiġi standardizzata u kondiviża b’mod kontinwu fost l-Istati Membri. Bosta avvenimenti (il-pandemija tal-COVID-19, it-terremoti, l-għargħar, l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, eċċ.) juru l-importanza ta’ reazzjoni rapida, b’mod speċjali f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

6.7.

L-impjiegi fil-qasam tas-saħħa u s-servizzi soċjali żdiedu bi 48 % fil-pajjiżi tal-OECD bejn l-2000 u l-2017 (18). Hekk kif il-popolazzjoni tixjieħ u tinbidel, id-domanda għas-servizzi tas-saħħa tikber u tinbidel ukoll: huwa stmat li d-domanda globali għall-ħaddiema tas-saħħa kważi se tirdoppja sal-2030 (19).

6.8.

Minn qabel il-pandemija tal-COVID-19, il-kapaċità ta’ provvista ta’ servizzi tas-saħħa bażiċi kienet limitata f’ħafna pajjiżi minħabba n-nuqqas persistenti ta’ forza ta-xogħol fil-qasam tas-saħħa u nuqqas globali stmat ta’ 18-il miljun professjonist tas-saħħa sal-2030 (20).

6.9.

Huwa importanti li jiġu definiti b’mod ċar il-prinċipji tat-trasferiment jew kombinament possibbli ta’ ħiliet u kompiti (bidla fil-kompiti/taħlit tal-ħiliet). Jenħtieġ li jiġu kkoordinati l-istituzzjonijiet li jħarrġu lill-forza tax-xogħol tas-saħħa sabiex tirrispondi kif imiss għall-ħtiġijiet tas-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa permezz ta’ korrezzjonijiet fil-ħin tar-rati ta’ reġistrazzjoni u tal-kurrikuli.

6.10.

L-iżvilupp tar-riżorsi umani fis-saħħa u l-kura soċjali għandu jsegwi l-prinċipju ta’ koordinazzjoni, kooperazzjoni bejn is-settur, u l-integrazzjoni tal-kura, bl-għan komuni li tinkiseb il-kura kontinwa għaċ-ċittadini fil-mudell 24/7/365.

6.11.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali għad-disponibbiltà tat-trattament fil-komunitajiet lokali, b’mod speċjali f’żoni skarsament popolati, żoni rurali remoti jew iżolati, u fuq gżejjer, fejn is-soluzzjonijiet tat-trasport modern u tat-telemediċina jeħtieġ li jintużaw b’mod aktar attiv.

7.   L-ippjanar tal-forza tax-xogħol tas-saħħa

7.1.

Il-KESE jemmen li l-ippjanar tal-forza tax-xogħol tas-saħħa għandu jkollu l-għan li joħloq kundizzjonijiet għal prattika professjonali li ttejjeb il-kwalità tal-kura u s-sigurtà tal-pazjenti. Fl-istess ħin, il-kapaċità għal taħriġ ta’ kwalità għolja għandha tiġi żgurata fil-livelli kollha.

7.2.

Il-ġestjoni tal-forza tax-xogħol tas-saħħa għandha titqies bħala attività ta’ importanza strateġika fil-livell tal-amministrazzjoni statali sħiħa u permezz tar-rwol ewlieni tal-gvern tal-Istati Membri, u għandha tiġi implimentata b’mod multisettorjali, li jqis perspettivi u prijoritajiet differenti.

7.3.

Il-ġestjoni tal-forza tax-xogħol tas-saħħa għandha tindirizza l-fażijiet kollha taċ-“ċiklu tal-ħajja tal-professjonisti” — mir-reklutaġġ ta’ studenti futuri sal-impjieg ta’ persuni rtirati. Il-proċess ta’ għażla tal-kandidati għat-taħriġ, l-impjiegi, u l-promozzjoni għandu jkun trasparenti u ġust, mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni.

7.4.

Meta tiġi ppjanata l-forza tax-xogħol tas-saħħa, huwa importanti li jitqiesu u jiġu rappreżentati b’mod ċar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema tas-saħħa. Il-proċessi ta’ ppjanar u ġestjoni għandhom jistabbilixxu l-metodi li bihom ikun possibbli li jiġu identifikati l-ħtiġijiet kollha tal-professjonisti, mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet materjali, l-opportunitajiet għall-avvanz, il-ħin u r-riżorsi xierqa allokati għat-tagħlim u r-riċerka, sal-istabbiliment ta’ bilanċ sostenibbli bejn il-ħajja personali u dik professjonali.

7.5.

L-ippjanar tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa għandu jirrifletti l-ippjanar tal-istruttura, iżda wkoll l-azzjonijiet u l-proċessi biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti — biex jiġi definit dak li jeħtieġ li jinkiseb u b’liema mod speċifiku.

7.6.

Il-KESE jipproponi aġġornament tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa u tal-Kura fl-Unjoni Ewropea (21). L-iżvilupp ta’ ppjanar u tbassir integrat tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u l-adattament tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa u l-kura fit-tul huma essenzjali biex jittejjeb l-aċċess għal u l-kwalità ta’ dawn is-servizzi.

7.7.

L-imsieħba soċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili interessati kollha għandu jkollhom rwol attiv fil-proċess tal-ippjanar tal-forza tax-xogħol tas-saħħa. Huwa neċessarju li jiġu definiti r-relazzjonijiet bejn il-gruppi professjonali differenti, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-popolazzjoni u s-sistema għal ċerti kompetenzi.

7.8.

L-identifikazzjoni ta’ żoni ġeografiċi mhux attraenti jew oqsma ta’ attività fejn hemm nuqqas ta’ riżorsi umani hija neċessarja għas-salvagwardja tad-drittijiet u l-għoti ta’ inċentivi xierqa għall-professjonisti tas-saħħa. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-proporzjonijiet minimi ta’ riżorsi għal kull unità ta’ popolazzjoni għall-kopertura universali ta’ bażi tas-saħħa u l-emerġenzi, filwaqt li jitqiesu d-distribuzzjoni ġeografika u l-profil tal-età (22).

7.9.

Bħala bażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, huwa importanti li jitjiebu l-eżerċizzji ta’ ġbir tad-data internazzjonali sabiex jiġu armonizzati l-kategoriji ta’ data fejn possibbli, sabiex jiġu identifikati d-differenzi u tiġi evitata l-interpretazzjoni ħażina tad-data. Huwa importanti li jiġu riflessi d-devjazzjonijiet nazzjonali mill-kategoriji armonizzati fl-Ewropa sabiex tkun tista’ titqiegħed id-data fil-kuntest (23).

7.10.

Il-kwistjoni tar-riżorsi finanzjarji se tiġi indirizzata b’mod differenti skont iċ-ċirkostanzi ekonomiċi f’kull Stat Membru. L-evidenza tissuġġerixxi li l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-ippjanar tas-sistema inġenerali, u l-ippjanar tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa b’mod partikolari, iqisu kemm l-ambjent usa’ kif ukoll il-kapaċità relattiva tal-gvern li jinfluwenzah (24).

7.11.

L-ippjanar tal-forza tax-xogħol għandu jqis l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali peress li l-innovazzjonijiet f’dawn l-oqsma joffru opportunitajiet għall-ħolqien ta’ ambjenti ta’ xogħol u sitwazzjonijiet ġodda fejn tingħata l-kura, u jeħtieġu ħiliet ġodda.

8.   Kundizzjonijiet tax-xogħol

8.1.

L-importanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala fattur fid-deċiżjonijiet tal-professjonisti biex jidħlu, jibqgħu jew jitilqu mill-karriera medika tenfasizza l-importanza ta’ politiki koerenti f’oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjieg, il-ħajja tal-familja, il-finanzi, u l-migrazzjoni. Filwaqt li parti kbira tad-diskussjoni dwar l-ippjanar tal-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tiffoka fuq il-kumpens professjonali bħala fattur ewlieni fir-reklutaġġ u ż-żamma, l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-iżvilupp professjonali u l-kapaċità li jinżammu l-ħiliet, kundizzjonijiet prattiċi bħad-disponibbiltà tal-kura, ħinijiet tax-xogħol uffiċjali, is-sigurtà tal-persunal, opportunitajiet sinifikattivi ta’ żvilupp professjonali, u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kollha jikkontribwixxu għal ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa fejn il-mediċina hija għażla ta’ karriera attraenti u sostenibbli (25).

8.2.

L-organizzazzjonijiet mediċi Ewropej u internazzjonali jinnotaw li t-tobba li jaħdmu fl-isptarijiet, fi kliniki pubbliċi u privati qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma’ sitwazzjonijiet ta’ vjolenza — kultant estrema — fil-prattika ta’ kuljum tagħhom, lil hinn minn kwalunkwe kunflitt (26). Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u l-partijiet ikkonċernati kollha juru impenn politiku u jkunu konxji tal-ħtieġa urġenti li tiġi protetta l-forza tax-xogħol tas-saħħa meta twettaq ix-xogħol tagħha.

8.3.

Il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa huma f’riskju li jlaqqtu mard infettiv minn esponiment waqt li qed jagħmlu xogħolhom. It-trażmissjoni tal-mard twassal għall-assenteiżmu, il-morbidità, u f’ċerti każijiet għall-mortalità fost il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa. Dawn fl-aħħar nett joħolqu tnaqqis fil-forza tax-xogħol u b’konsegwenza, jaffettwaw il-kwalità tal-kura u s-sigurtà tal-pazjenti.

8.4.

Il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa jistgħu jbatu wkoll minn stress psikoloġiku u, potenzjalment, disturbi mentali li jaffettwaw kemm ix-xogħol kif ukoll il-ħajja personali tagħhom. Fi snin reċenti, żdiedu r-rapporti ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa li jnaqqsu l-prattika professjonali tagħhom jew jirtiraw kmieni minħabba eżawriment, dipressjoni, jew kundizzjonijiet tas-saħħa mentali oħrajn (27). Il-KESE jitlob investiment fis-servizzi pubbliċi tas-saħħa mentali biex jiġi żgurat aċċess sħiħ u mingħajr ħlas għal dawn is-servizzi għall-professjonisti tas-saħħa kollha.

9.   Mobbiltà

9.1.

Il-KESE jenfasizza li d-dritt għall-mobbiltà għandu jiġi rrispettat kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha. Il-mobbiltà transfruntiera għandha tiġi ffaċilitata għall-benefiċċju tal-ħaddiem individwali u l-professjoni b’mod globali, għaliex tipprovdi opportunità għat-trasferiment tal-għarfien u t-tagħlim reċiproku, li huma ta’ benefiċċju għall-kura tal-pazjenti u fl-aħħar nett, għas-sistema tal-kura tas-saħħa kollha kemm hi. Fil-każ ta’ migrazzjoni minħabba neċessità ekonomika jew kundizzjonijiet tax-xogħol mhux favorevoli, huwa kritiku li jiġu identifikati u indirizzati l-kawżi prinċipali ta’ dawn id-dinamiċi u jkun hemm ħidma lejn it-titjib tas-sitwazzjoni tal-forza tax-xogħol tas-saħħa (28).

9.2.

Il-mobbiltà transfruntiera żżid dimensjoni żejda għall-ippjanar tal-forza tax-xogħol, u l-istabbiliment ta’ servizz ta’ sorveljanza tal-forza tax-xogħol tas-saħħa Ewropea biex jgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu strutturi ta’ ppjanar u jikkoordinaw aspetti transfruntiera tal-ippjanar għandu jkun element infrastrutturali fit-tul utli. Dan għandu jintrabat ma’ proċessi tal-UE, b’mod partikolari s-Semestru Ewropew u l-ippjanar għal pandemiji previst fl-ambitu ta’ regolament futur tal-UE dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (29).

9.3.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki ta’ reklutaġġ etiku skont il-Kodiċi ta’ Prattika Globali tad-WHO dwar ir-Reklutaġġ Internazzjonali tal-Persunal tas-Saħħa (30). Ir-reklutaġġ tal-professjonisti minn barra l-pajjiż m’għandux jitqies bħala mezz sempliċi ta’ mitigazzjoni tan-nuqqas tal-persunal domestiku tas-saħħa. Fejn hemm flussi tal-mobbiltà asimmetriċi, għandhom isiru sforzi biex jinħolqu mekkaniżmi ta’ bilanċ li jimmiraw għal skambji fejn kulħadd joħroġ rebbieħ.

10.   Kummenti oħrajn

10.1.

It-tmexxija effettiva hija kruċjali għall-ġestjoni tal-professjonisti tas-saħħa fil-livelli kollha; din hija komponent kumpless u ta’ valur għoli tal-edukazzjoni dwar il-kura tas-saħħa li qed jiġi rikonoxxut dejjem aktar bħala essenzjali biex jinkisbu standards għoljin ta’ edukazzjoni, riċerka, u prattika klinika.

10.2.

B’konsegwenza ta’ dan, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tmexxija suffiċjenti u ta’ kwalità għolja għandhom ikunu parti mill-kurrikuli tal-professjonijiet tas-saħħa kollha (31).

Brussell, it-22 ta’ Settembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tal-UE.

(2)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. (2014). “Adequate social protection for long-term care needs in an ageing society: report jointly prepared by the Social Protection Committee and the European Commission” (Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul f’soċjetà li qed tixjieħ: rapport imħejji b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, https://data.europa.eu/doi/10.2767/32352 p. 14.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-8-2018-0464_MT.html

(4)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44; ĠU C 487, 28.12.2016, p. 7; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 103; Fuljett u Opinjoni tal-KESE dwar “It-tibdil ekonomiku, teknoloġiku u soċjali tas-servizzi avvanzati tas-saħħa għall-anzjani” (ĠU C 240, 16.7.2019, p. 10); Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn mudell ġdid ta’ kura għall-anzjani: Nitgħallmu mill-pandemija tal-COVID-19” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 19).

(5)  Addati, L., Cattaneo, U., u E. Pozzan. (2022) Report on “Care at work: investing in care leave and services for a more gender equal world of work”. ILO, Ġinevra https://www.ilo.org/global/topics/care-economy/WCMS_838653/lang--en/index.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  https://www.who.int/publications/i/item/WHO-HIS-SDS-2018.53

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE “L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi” (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21).

(8)  Eurofound (2020), “Long-term care workforce: Employment and working conditions”, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE, il-Lussemburgu. https://www.eurofound.europa.eu/nb/publications/customised-report/2020/long-term-care-workforce-employment-and-working-conditions

(9)  Barslund, Mikkel et. al (2021). “Study: Policies for long-term Carers” (2021). Brussell, Parlament Ewropew, https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2021/695476/IPOL_STU(2021)695476_EN.pdf

(10)  https://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0011/186932/12-Summary-Economic-crisis,-health-systems-and-health-in-Europe.pdf

(11)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, “Long-term care report: trends, challenges and opportunities in an ageing society”, Volum I, Kapitolu 3. Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, pp. 12-28 https://data.europa.eu/doi/10.2767/677726

(12)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna, pp. 68-70.

(13)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Zigante, V., “Informal care in Europe: exploring formalisation, availability and quality”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, https://data.europa.eu/doi/10.2767/78836

Spasova, S., et al (2018). Challenges in long-term care in Europe. A study of national policies (Sfidi fil-kura fit-tul fl-Ewropa. Studju ta’ politiki nazzjonali), Network Ewropew tal-Politika Soċjali (ESPN), Brussell: il-Kummissjoni Ewropea. https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8128&furtherPubs=yes

(14)  Ara n-nota 11 f’qiegħ il-paġna, kapitolu 3.

(15)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. (2014). “Adequate social protection for long-term care needs in an ageing society: report jointly prepared by the Social Protection Committee and the European Commission”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, p. 36 https://data.europa.eu/doi/10.2767/32352 u Pan-European Commission on Health & Sustainable Development (2021). “Drawing light from the pandemic: a new strategy for health and sustainable development. A review of the evidence” https://www.euro.who.int/__data/assets/pdf_file/0015/511701/Pan-European-Commission-health-sustainable-development-eng.pdf

(16)  Danis, K., Fonteneau, L., et al.,(2020). High impact of COVID-19 in long-term care facilities: suggestion for monitoring in the EU/EEA,. Euro Surveillance : European Communicable Disease Bulletin, 25(22). https://doi.org/10.2807/1560-7917.ES.2020.25.22.2000956

(17)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 109; ĠU C 429, 11.12.2020, p. 251; ĠU C 242, 23.7.2015, p. 48; ĠU C 143, 22.5.2012; ĠU C 18, 19.1.2011, p. 74; ĠU C 77, 31.3.2009, p. 96.

(18)  https://one.oecd.org/document/ECO/WKP(2021)43/en/pdf

(19)  Liu JX, Goryakin Y, Maeda A, Bruckner T, Scheffler R. Global health workforce labor market projections for 2030 (Projezzjonijiet dwar is-suq tax-xogħol tal-forza tax-xogħol tas-saħħa globali għall-2030). Human Resources for Health 2017; 15:11 (https://human-resources-health.biomedcentral.com/articles/10.1186/s12960-017-0187-2).

(20)  https://www.who.int/health-topics/health-workforce#tab=tab_1

(21)  Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-forza tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa tal-UE.

(22)  Politika tas-CPME dwar il-Forza tax-Xogħol fil-Qasam tas-Saħħa (https://www.cpme.eu/policies-and-projects/professional-practice-and-patients-rights/health-systems-and-health-workforce).

(23)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(24)  Russo G, Pavignani E, Guerreiro CS, Neves C. Can we halt health workforce deterioration in failed states? Insights from Guinea Bissau on the nature, persistence and evolution of its HRH crisis. Human Resources for Health 2017; 15(1):12.

(25)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(26)  https://www.cpme.eu/api/documents/adopted/2020/3/EMOs.Joint_.Statement.on_.Violence.FINAL_.12.03.2020.pdf

(27)  Dyrbye, L. N., T. D. Shanafelt, C. A. Sinsky, P. F. Cipriano, J. Bhatt, A. Ommaya, C. P. West, u D. Meyers. 2017. Burnout among health care professionals: A call to explore and address this underrecognised threat to safe, high-quality care. NAM Perspectives. Dokument ta’ Diskussjoni, National Academy of Medicine, Washington, DC.

(28)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. (2014). “Adequate social protection for long-term care needs in an ageing society: report jointly prepared by the Social Protection Committee and the European Commission” (Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul f’soċjetà li qed tixjieħ: rapport imħejji b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, https://data.europa.eu/doi/10.2767/32352 p. 14.

(29)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni. (2014). “Adequate social protection for long-term care needs in an ageing society: report jointly prepared by the Social Protection Committee and the European Commission” (Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul f’soċjetà li qed tixjieħ: rapport imħejji b’mod konġunt mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, https://data.europa.eu/doi/10.2767/32352 p. 14.

(30)  https://www.who.int/publications/m/item/migration-code

(31)  Van Diggele, C., Burgess, A., Roberts, C., & Mellis, C. (2020). Leadership in healthcare education. BMC Medical Education, 20 (Suppl. 2), 456. https://doi.org/10.1186/s12909-020-02288-x


Top