Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE1524

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2022/01524

ĠU C 486, 21.12.2022, pp. 46–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 486/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 486/07)

Relatur:

Katrīna LEITĀNE

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.2.2022

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta' Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottat fis-sezzjoni

6.9.2022

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

21.9.2022

Sessjoni plenarja Nru

572

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

158/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-parteċipazzjoni politika hija l-bażi ta’ kull demokrazija li tiffunzjona. L-assi prinċipali tal-UE għaż-żgħażagħ Ewropej huwa r-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt (1). Huwa kruċjali li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom vuċi fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-futur tagħhom peress li anke effett indirett jista’ jkollu impatt qawwi fuq iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri. Il-politiki li ma jkunux immirati direttament lejn iż-żgħażagħ jew li ma jitqisux bħala parti mill-qasam tradizzjonali tal-politika taż-żgħażagħ xorta jista’ jkollhom impatt qawwi fuq il-ħajja taż-żgħażagħ. Huwa importanti li jiġu offruti mekkaniżmi effiċjenti li jikkomplementaw il-mekkaniżmi parteċipattivi eżistenti u li jkunu allinjati mal-prinċipji demokratiċi u mfasslin għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ. Dan jista’ jikkontribwixxi għal tfassil ta’ politika aħjar u aktar effettiv.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-edukazzjoni hija waħda mill-aktar modi effettivi biex jintlaħqu ż-żgħażagħ u biex jiġu infurmati dwar il-forom kollha possibbli ta’ parteċipazzjoni u l-valuri li jirrappreżenta l-proġett Ewropew. Il-programmi eżistenti li jappoġġjaw l-edukazzjoni formali u mhux formali, bħall-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, tejbu b’suċċess il-fehmiet taż-żgħażagħ fir-rigward tal-parteċipazzjoni demokratika u l-valuri u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea.

1.3.

Il-KESE jirrimarka li hemm ħtieġa espliċita li ż-żgħażagħ jiġu inklużi fit-tfassil tal-politika permezz tal-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom bl-aktar mod adatt għaż-żgħażagħ, segwita minn monitoraġġ, evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt biex jiġi żgurat li l-fehmiet taż-żgħażagħ ikunu tqiesu meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ politika. L-involviment matul il-proċess tat-tfassil tal-politika joħloq fiduċja fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u lil hinn, li jippermettilhom li jitqiesu bħala rilevanti u sinifikanti matul il-proċess. Dawn il-proċessi għandhom jinkludu komunikazzjoni viżibbli u trasparenti tar-riżultati tal-involviment tagħhom. Dan l-element huwa kruċjali sabiex tinbena l-fiduċja bejn iż-żgħażagħ u t-tfassil tal-politika (2). Barra minn hekk, l-inklużjoni soċjali u l-ilħuq ta’ gruppi bi ħtiġijiet differenti huma importanti ħafna.

1.4.

Il-KESE jaqbel li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol kritiku fl-involviment taż-żgħażagħ fl-isfidi tas-soċjetà u għalhekk fil-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika u fil-proċess demokratiku. Organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu jservu bħala pontijiet u networks ta’ appoġġ biex jgħinu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom ma’ korpi pubbliċi formali u jippermettu liż-żgħażagħ isiru ċittadini attivi. Il-KESE jappoġġja lil dawn l-organizzazzjonijiet u liċ-ċittadini żgħażagħ biex jieħdu azzjoni u jappella għal miżuri li jippermettulhom jagħmlu dan.

1.5.

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri u mekkaniżmi li jiżguraw li l-perspettiva taż-żgħażagħ tiġi kkunsidrata f’kull qasam ta’ politika, filwaqt li jinħoloq ukoll spazju għaż-żgħażagħ biex jipprovdu kontribut konsistenti u espert dwar l-isfidi li qed jiffaċċjaw. Dawn l-istrutturi għandhom jinkludu wkoll mekkaniżmi ta’ segwitu u monitoraġġ trasparenti u viżibbli, u jikkomplementaw strumenti eżistenti ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, mingħajr ma jirriżultaw fi tnaqqis fil-finanzjament. Għandhom ikunu disponibbli riżorsi adegwati għal parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika.

1.6.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi ta’ politika u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tista’ tappoġġja regolamentazzjoni u politiki aħjar billi timmappja u tifhem ix-xejriet attwali u futuri li qed ikollhom impatt fuq il-ħajja taż-żgħażagħ u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Dan jista’ wkoll jiffaċilita l-kompitu tal-awturi ta’ proposta, peress li jistgħu jirċievu input kwalitattiv biex jikkomplementaw data sekondarja.

1.7.

Il-KESE jixtieq jenfasizza li minkejja li t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE huwa mibni fuq l-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (3) u s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, it-tnejn jenfasizzaw l-importanza tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika, li teħtieġ approċċ transsettorjali. Huwa wkoll waħda mill-miżuri stabbiliti fir-Rapport dwar ir-Riżultat Finali (4) tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li ġie approvat mill-komponenti kollha tal-votazzjoni fil-plenarja tal-Konferenza u miċ-ċittadini li pparteċipaw. Sabiex jinkiseb impatt dejjiemi u legat lil hinn mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, jeħtieġ li ż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa li jmexxu l-bidla u jibnu futur aħjar.

1.8.

Il-KESE jirrikonoxxi r-referenza għat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riżultat finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (5). Madankollu, huwa jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex konformi mal-għanijiet u l-mezzi tal-proposta oriġinali u hija nieqsa minn involviment sinifikanti mal-organizzazzjonijiet u l-esperti taż-żgħażagħ, l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fil-politiki kollha u ma tqisx l-impatt fit-tul tal-politiki fuq il-ġenerazzjonijiet futuri. Il-KESE jemmen li Test taż-Żgħażagħ tal-UE għandu jkun parti mill-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar bħala għodda separata, peress li l-ġenerazzjonijiet futuri u ż-żgħażagħ jistħoqqilhom attenzjoni speċifika.

1.9.

Il-KESE jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet dwar l-allinjament ta’ inizjattivi eżistenti ta’ suċċess bħad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” u l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ, u biex dawn ikunu konnessi ma’ inizjattivi futuri bħat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Barra minn hekk, il-KESE jiddeskrivi lista ta’ proposti dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-KESE u għandu l-għan li jintroduċi l-kunċett tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-ħidma tiegħu.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.    Ir-rwol taż-żgħażagħ fil-bini tal-proġett Ewropew

2.1.1.

Iż-żgħażagħ huma l-mutur tal-proġett Ewropew u l-kreattività, l-enerġija u l-entużjażmu tagħhom huma l-forza li tixpruna s-sostenibbiltà tiegħu. Is-sena attwali 2022 ġiet magħżula bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, fejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, iddikjarat li “l-Ewropa għandha bżonn iż-żgħażagħ kollha tagħha” u “L-Unjoni tagħna jrid ikollha ruħ u viżjoni li jkellmuhom” (6).

2.1.2.

Il-proġett tal-UE ma jistax jinkiseb b’mod effettiv u adegwat fl-ambjent demokratiku attwali mingħajr ma jiġi rikonoxxut id-diskors dwar il-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ (7) fi ħdan tradizzjonijiet demokratiċi u kuntesti ġeopolitiċi. Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, Margaritis Schinas, iddikjara li s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ għandha ġġib bidla fundamentali fil-mod kif ninkludu liż-żgħażagħ fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-ġustifikazzjoni sottostanti hija li jiġi pprovdut aċċess għaż-żgħażagħ, u li tingħatalhom is-setgħa (8) li jinvolvu ruħhom f’parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ.

2.1.3.

Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru (9), inqas minn nofs (47 %) tal-Ewropej jafdaw lill-UE u 44 % biss għandhom immaġni pożittiva tagħha. Il-futur tal-proġett Ewropew jiddependi ħafna fuq kemm hija b’saħħitha l-assoċjazzjoni taż-żgħażagħ mal-valuri tal-Ewropa u r-rieda tagħhom li jħaddnu identità Ewropea. L-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-proċessi politiċi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet huwa kruċjali peress li l-futur tagħhom se jkun determinat mid-deċiżjonijiet tal-lum. Għalhekk, għandhom jiġu introdotti strumenti parteċipattivi biex jiġi żgurat li jitqiesu l-ilħna taż-żgħażagħ. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivili u demokratika għandha tissaħħaħ fil-livelli kollha biex tiġi żgurata l-prosperità futura tal-Ewropa, u jiġi rikonoxxut li l-maturità demokratika tinfluwenza (10) xejriet ta’ parteċipazzjoni politika fost iż-żgħażagħ fl-UE.

2.1.4.

L-inizjattiva tal-UE li tlaqqa’ Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa ħadmet bħala inċentiv biex jiġi promoss djalogu parteċipattiv maċ-ċittadini madwar l-Unjoni. It-titjib tal-effettività tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, u l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda, huwa meqjus bħala t-triq ’il quddiem. Kif issuġġerit fir-riżultat finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, dan jista’ jinkludi “Test taż-Żgħażagħ” (11) ta’ leġiżlazzjoni, b’valutazzjoni tal-impatt u mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni li jinvolvi rappreżentanti taż-żgħażagħ (12).

2.1.5.

It-Test taż-Żgħażagħ jaħdem bħala metodu ta’ Prospettiva Strateġika għat-tfassil tal-politika. Il-Prospettiva Strateġika hija kunċett siewi li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tuża fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Peress li din tibni fuq prinċipji bħall-analiżi tal-orizzont, l-analiżi tal-megatendenzi, l-ippjanar u l-viżjonament tax-xenarji, huwa inevitabbli li l-perspettiva taż-żgħażagħ u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri jiġu kkunsidrati f’dan il-qafas. Filwaqt li l-proċess ta’ prospettiva jirrikonoxxi li l-futur mhuwiex determinat minn qabel, huwa jiġbor informazzjoni dwar xenarji possibbli u għandu l-għan li jħejji għall-isfidi emerġenti. Id-djalogu interġenerazzjonali jista’ jinkludi għodod siewja li jiżguraw li l-politiki abbozzati jqisu dawn ix-xejriet u xenarji futur. It-twettiq ta’ analiżi li tqis il-perspettiva taż-żgħażagħ u dik tal-ġenerazzjonijiet futuri tista’, u għandha, tikkontribwixxi għal politiki aħjar u mfasslin b’mod aktar personalizzat li huma kapaċi jindirizzaw l-isfidi tal-ġenerazzjonijiet futuri.

2.1.6.

Sabiex jinħolqu politiki aħjar li jkunu adatti għall-isfidi futuri, dawn jeħtieġ li jirrikonoxxu u jissalvagwardjaw id-drittijiet taż-żgħażagħ u tal-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq kwalunkwe grupp ġenerazzjonali u soċjali speċifiku. Dawn il-gruppi bħalissa spiss jiġu injorati jew ikkunsidrati bħala parti minn gruppi oħra, li ma jirriflettix ir-realtà. B’riżultat ta’ dan, il-politiki ma jindirizzawx l-isfidi b’mod adegwat u jikkontribwixxu għat-tnaqqis fil-fiduċja u d-diżimpenn ma’ istituzzjonijiet formali.

2.2.    Il-ħtieġa għal parteċipazzjoni sinifikanti taż-żgħażagħ

2.2.1.

L-involviment sinifikanti jfisser il-kondiviżjoni tal-poter, il-kapaċità li jittieħdu deċiżjonijiet, bl-involviment ta’ partijiet ikkonċernati oħra, b’kundizzjonijiet trasparenti magħrufa mill-atturi kollha kkonċernati. Proċessi ta’ responsabbiltà mfasslin tajjeb jistabbilixxu l-fiduċja tal-partijiet interessati kollha fil-proċessi politiċi parteċipattivi, u r-responsabbiltajiet espliċiti tad-diversi atturi għandhom jiġu kkomunikati lill-partijiet ikkonċernati kollha.

2.2.2.

Il-fiduċja taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet pubbliċi staġnat mal-kriżi finanzjarja globali fl-aħħar tas-snin 2000 (13) u l-perċezzjoni tagħhom li jkollhom influwenza politika u rappreżentanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet għadha l-istess. Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tista’ tieħu diversi forom. Madankollu, il-votazzjoni fl-elezzjonijiet lokali, nazzjonali jew Ewropej hija meqjusa bħala l-aktar mod effettiv biex jitwassal leħinhom għand dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (39 %) (14) filwaqt li l-proporzjon ta’ żgħażagħ li jafdaw dan it-tip ta’ parteċipazzjoni demokratika għadu baxx ħafna. Fl-istess ħin, għal dawk li x’aktarx jibqgħu ’l bogħod mill-politika dan ġej min-nuqqas ta’ impenn u fiduċja sinifikanti u s-sentiment li l-parteċipazzjoni tagħhom hija inutli jekk ma jitqiesx il-kontribut tagħhom. Wieħed mill-ostakli ewlenin għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw hija l-perċezzjoni li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet “ma jisimgħux lil nies bħali” (15). Il-promozzjoni tal-fiduċja u t-tisħiħ tad-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet pubbliċi huma għalhekk kruċjali biex jiġu żgurati t-tħejjija u r-reżiljenza tas-soċjetajiet biex ilaħħqu ma’ xokkijiet futuri (16).

2.2.3.

Il-maġġoranza (70 %) (17) taż-żgħażagħ tħoss li m’għandhomx wisq xi jgħidu, jew saħansitra m’għandhom xejn xi jgħidu, dwar deċiżjonijiet, liġijiet u politiki importanti li jaffettwaw lill-UE kollha. 24,8 % (18) taż-żgħażagħ iħossu li ma għandhom l-ebda influwenza fuq is-suġġetti tematiċi ta’dibattiti pubbliċi jew politiċi, u 40,8 % oħra jgħidu li m’għandhomx wisq influwenza. Barra minn hekk, 2/3 ta’ dawk li wieġbu jqisu li aktar sensibilizzazzjoni fost il-politiċi dwar it-tħassib taż-żgħażagħ tgħin liż-żgħażagħ jinfluwenzaw aktar il-politika pubblika, u aktar minn 50 % minnhom jaħsbu li rwol aktar b’saħħtu tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-politika jaqdi dan l-għan ukoll.

2.2.4.

Iż-żgħażagħ biddlu l-modi ta’ parteċipazzjoni tagħhom, u issa jippreferu forom mhux istituzzjonalizzati, u b’mod partikolari mhux elettorali, ta’ impenn politiku (19). Ir-riċerka wriet dejjem aktar li dan huwa marbut ma’ livelli dejjem jonqsu ta’ fiduċja fil-korpi pubbliċi, u nuqqas ta’ sodisfazzjon dwar kif taħdem id-demokrazija rappreżentattiva. Il-parteċipazzjoni politika mhux konvenzjonali taż-żgħażagħ saret dejjem aktar fluwida, individwalizzata u personalizzata bi preferenza għal involviment fi kwistjonijiet u suġġetti uniċi kif ukoll attiviżmu dirett u protesta fis-sens ta’ “għażliet ta’ stil ta’ ħajja individwali” (20). B’mod ġenerali, iż-żgħażagħ huma motivati ħafna politikament. L-esperti dwar il-parteċipazzjoni politika, meta kkunsidraw il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, biddlu l-attenzjoni tagħhom minn jekk iż-żgħażagħ jixtiqux jipparteċipaw għal fejn u kif dawn jagħżlu li jesprimu l-fehmiet politiċi tagħhom (21). Meta wieħed iqis il-firxa wiesgħa ta’ modi kif iż-żgħażagħ issa qed ifittxu li jinfluwenzaw il-politiki u l-politika, hemm ħtieġa ċara li titqies in-natura mhux konvenzjonali tal-parteċipazzjoni politika, it-teħid ta’ deċiżjonijiet parteċipattiv, il-mekkaniżmi msaħħa ta’ komunikazzjoni u trasparenza fi ħdan qafas ta’ istituzzjonijiet demokratiċi. It-tfassil tal-politika fi ħdan il-korpi pubbliċi għandu jiġi aġġustat u mfassal kif xieraq biex jiżgura s-sensibilizzazzjoni u l-involviment mal-gruppi kollha taż-żgħażagħ meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ politika. Il-mekkaniżmi parteċipattivi għandhom fil-fatt ikunu inklużivi u kkomunikati b’tali mod li jilħqu pubbliku divers u lil dawk li huma diffiċli li jintlaħqu.

2.2.5.

L-organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ żviluppaw għarfien espert u għarfien ta’ firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati ma’ kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ. L-inklużjoni tagħhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika se tirriżulta f’regoli u regolamenti aktar koerenti u adattati. Dan huwa appoġġjat ukoll mill-għadd dejjem jikber ta’ żgħażagħ li qed jingħaqdu ma’ dawn l-organizzazzjonijiet (22).

2.2.6.

L-involviment sinifikanti maż-żgħażagħ huwa kruċjali. Jeħtieġ li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tittejjeb, filwaqt li jiġu indirizzati b’mod partikolari: in-nuqqas ta’ rappreżentanza demokratika taż-żgħażagħ, u n-nuqqas ta’ perspettiva taż-żgħażagħ barra mill-qasam tradizzjonali tal-politika taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ jixtiequ jiġu inklużi fit-tfassil ta’ politiki li jħallu impatt fuq ħajjithom. Il-ġustizzja interġenerazzjonali (23) hija l-mod kif tista’ tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn il-ġenerazzjonijiet f’soċjetajiet li qed jixjieħu.

2.2.7.

L-għodod eżistenti għall-analiżi tal-impatt taż-żgħażagħ, bħall-Għodda #31 fl-istrumenti għal regolamentazzjoni aħjar, ma jipprevedux l-integrazzjoni taż-żgħażagħ u l-inklużjoni ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u żgħażagħ b’għarfien espert rilevanti, li jistgħu jipprovdu rieżami sistematiku tal-kwistjonijiet mill-perspettiva taż-żgħażagħ. Barra minn hekk, abbażi tal-pubblikazzjonijiet disponibbli, għodod bħal dawn huma implimentati b’mod inqas frekwenti minn kemm huwa meħtieġ mir-rilevanza u s-sinifikat tal-proposti.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.    It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE

3.1.1.

Il-proposta hija bbażata fuq tliet pilastri: konsultazzjoni, valutazzjoni tal-impatt u miżuri ta’ mitigazzjoni (24). Din tipprovdi qafas għat-titjib tal-effettività u l-effiċjenza tal-politika, ibbażat fuq parteċipazzjoni msaħħa taż-żgħażagħ u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika, filwaqt li tqis ukoll gruppi vulnerabbli ta’ żgħażagħ, bħal żgħażagħ b’diżabbiltà, NEETs (25), żgħażagħ li jgħixu f’żoni remoti, eċċ. Bil-komponenti differenti tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE, din tipprovdi struttura koerenti għall-produzzjoni ta’ politiki aħjar u ta’ kwalità għolja li jindirizzaw kwistjonijiet li l-ġenerazzjonijiet futuri jistgħu jiffaċċjaw.

3.1.2.

L-ewwel pass tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE huwa li jiddetermina r-rilevanza u l-impatt ta’ kwalunkwe abbozz ta’ proposti ta’ politika li jmiss għaż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri. Dan se jgħin biex jiġi ddeterminat jekk għandux jitwettaq Test taż-Żgħażagħ sħiħ dwar il-politika li jmiss. Permezz ta’ għodda ta’ lista ta’ kontroll, l-assessuri jiddeterminaw jekk l-abbozz ta’ proposta huwiex tabilħaqq rilevanti għaż-żgħażagħ, kif ukoll l-impatt dirett u indirett tal-proposta fuq iż-żgħażagħ u l-ġenerazzjonijiet futuri. Jekk issir tali determinazzjoni, it-Test taż-Żgħażagħ jipproċedi għall-istadji ta’ konsultazzjoni sħiħa, valutazzjoni tal-impatt u miżuri ta’ mitigazzjoni. L-indikaturi tal-lista ta’ kontroll ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet u l-ideat taż-żgħażagħ sabiex jiġi żgurat li din tikkunsidra l-proposti rilevanti mill-perspettiva tagħhom.

3.1.3.

Fil-pass li jmiss, l-assessuri rispettivi huma mistennija li jikkonsultaw b’mod sinifikanti mal-partijiet ikkonċernati relatati maż-żgħażagħ sabiex jiġi żgurat li jiġi pprovdut għarfien espert sistematiku għal analiżi bir-reqqa. Abbażi ta’ dan l-impenn, l-assessuri se jfittxu li jidentifikaw it-tħassib taż-żgħażagħ dwar l-impatti potenzjali tal-abbozz ta’ politika li qed jiġi ttestjat. Dan il-komponent parteċipattiv jeħtieġ li jkun trasparenti u jipprovdi spazju għal firxa wiesgħa ta’ rappreżentanti taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ u żgħażagħ b’għarfien espert rilevanti biex jipprovdu kontribut. B’dan il-mod, jista’ jiġi żgurat approċċ sistematiku għall-kwistjonijiet indirizzati mill-abbozzi ta’ proposti ta’ politika. L-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, ir-rappreżentanti taż-żgħażagħ u ż-żgħażagħ b’għarfien espert rilevanti tista’ tagħti sfond varjat u uniku ħafna għall-valutazzjoni tal-impatt. Permezz ta’ involviment sinifikanti, l-assessuri jistgħu jirċievu ħarsa ġenerali komprensiva bbażata fuq l-għarfien u l-għarfien espert ġenerali li dawn iż-żgħażagħ stabbilixxew. Bl-użu ta’ dan l-input, l-analiżi tal-impatt tista’ tkun dettaljata biżżejjed biex tidentifika l-isfidi u l-aspetti fejn il-politiki jistgħu jikkawżaw tfixkil.

3.1.4.

Abbażi tad-data disponibbli li għandha tinġabar matul il-proċess u tar-riżultati finali tal-konsultazzjonijiet, l-assessuri jistgħu jabbozzaw l-analiżi tal-impatt billi jsegwu s-suġġetti msemmija fil-lista ta’ kontroll u jipprovdu wkoll analiżi ta’ prospettiva għall-ġenerazzjonijiet futuri

3.1.5.

Jekk jiġi identifikat impatt negattiv, l-assessur għandu jipproponi miżuri ta’ mitigazzjoni li għandhom jiffukaw primarjament fuq gruppi li jgħixu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli u żgħażagħ żvantaġġati. Huwa rrakkomandat li, matul il-konsultazzjoni, l-assessuri jinkludu mistoqsijiet dwar miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli li jistgħu jiġu inklużi fl-analiżi. Fis-snin li ġejjin, huwa rrakkomandat li titwettaq evalwazzjoni biex jiġi mmonitorjat l-impatt tal-politiki u kif il-miżuri ta’ mitigazzjoni indirizzaw l-impatti negattivi.

3.1.6.

It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE m’għandux jissostitwixxi l-involviment sinifikanti maż-żgħażagħ b’mod ġenerali u għandu jikkomplementa l-mekkaniżmi parteċipattivi eżistenti.

3.1.7.

Il-proposta kienet riżultat ta’ sensiela ta’ diskussjonijiet mal-akbar networks taż-żgħażagħ tal-Ewropa, u ssemmiet ukoll b’mod speċifiku f’diversi rakkomandazzjonijiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ minn mindu ġie stabbilit (u l-predeċessur tiegħu d-Djalogu Strutturat). Iż-żgħażagħ esprimew ix-xewqa qawwija tagħhom għal proċedura trasparenti tat-tfassil tal-politika li tippermetti liż-żgħażagħ jikkontribwixxu għall-abbozzar u l-monitoraġġ tal-eżiti.

3.1.8.

Il-proposta hija ispirata wkoll mit-test tal-SMEs, li huwa eżempju ta’ għodda adatta għall-valutazzjoni tal-impatt fil-livell tal-UE, ibbażata fuq it-tliet pilastri ta’ konsultazzjoni, analiżi tal-impatt u miżuri ta’ mitigazzjoni (26). Barra minn hekk, bħat-test tal-SMEs, it-Test taż-Żgħażagħ tal-UE huwa maħsub ukoll li jkun parti mill-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar bħala għodda separata sabiex jiġi enfasizzat ir-rwol taż-żgħażagħ fil-futur tal-Ewropa, f’konformità mal-komunikazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea.

3.1.9.

Il-proposta hija bbażata fuq l-eżempji ta’ għodod ta’ valutazzjoni tal-impatt taż-żgħażagħ li diġà jeżistu f’diversi Stati Membri, bħall-Awstrija, il-Ġermanja, Franza, il-Fjandri fil-Belġju, u barra mill-UE wkoll, bħal fi New Zealand u l-Kanada.

3.1.10.

Il-valutazzjoni tal-impatt proposta qed tipprovdi soluzzjoni biex jiġi żgurat li l-impatt tal-politiki jqis il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taż-żgħażagħ u jipprovdi kamp ta’ applikazzjoni barra mill-qasam tradizzjonali tal-politika taż-żgħażagħ. Parti żgħira biss mill-proposti tal-Kummissjoni Ewropea hija analizzata mill-perspettiva taż-żgħażagħ. Madankollu, parti sinifikanti ta’ dawn il-proposti taffettwa direttament u indirettament il-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ.

3.1.11.

Huwa ssuġġerit li t-Test taż-Żgħażagħ tal-UE jiġi inkluż fil-valutazzjonijiet tal-impatt tar-Regolamentazzjoni Aħjar li huma disponibbli għall-pubbliku u li jiġi ppubblikat fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Iżda l-aktar mod li jħalli impatt għandu jiġi esplorat aktar. Madankollu, id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni huwa mħeġġeġ jippromovih b’mod attiv biex jiżgura l-viżibbiltà tiegħu, u s-Segretarjat Ġenerali għandu jappoġġja l-adozzjoni tiegħu fid-Direttorati Ġenerali differenti. It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE jista’ jiġi ppubblikat ukoll minn dawk l-istituzzjonijiet li jiddeċiedu li jimplimentawh, inkluż fuq is-sit web tal-KESE. Bil-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni u l-verżjoni finali tal-proposta, il-partijiet ikkonċernati żgħażagħ involuti fil-konsultazzjoni se jkunu jistgħu jaraw kif ġie kkunsidrat il-kontribut tagħhom.

3.1.12.

It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE huwa propost li jkun struttura li tista’ tiġi implimentata fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, flimkien mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

3.1.13.

It-Test taż-Żgħażagħ tal-UE jista’ potenzjalment itejjeb il-politiki iżda jeħtieġ ukoll li jkun ibbażat fuq mekkaniżmi parteċipattivi sinifikanti, minħabba li l-użu tal-għarfien tal-komunità huwa mod kif tiġi żgurata l-effiċjenza u jinkiseb titjib.

3.2.    Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi ħdan il-KESE

3.2.1.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fit-tiswir tal-futur tal-Ewropa (27), u għaldaqstant iwettaq diversi inizjattivi ta’ suċċess bħal “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek”, ir-Round Tables taż-Żgħażagħ dwar il-Klima u s-Sostenibbiltà, u s-Summit taż-Żgħażagħ tal-UE dwar il-Klima organizzat b’mod konġunt mill-KESE u l-Parlament Ewropew. Bħala segwitu għall-Opinjoni tal-KESE NAT/788 (28), il-KESE inkluda delegat żagħżugħ fid-delegazzjoni uffiċjali tiegħu għal-laqgħa tal-COP tal-UNFCCC għall-ewwel darba fl-2021, fl-okkażjoni tal-COP26. Barra minn hekk, fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili 2022 se jippremja inizjattivi effettivi, innovattivi u kreattivi li għandhom l-għan li joħolqu futur aħjar għaż-żgħażagħ Ewropej u magħhom.

3.2.2.

Il-KESE ser jagħmel ħiltu biex jamplifika l-ilħna taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ permezz ta’ mekkaniżmi parteċipattivi taż-żgħażagħ aktar strutturati, sinifikanti u mmirati sabiex jissaħħaħ l-involviment intern taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-ħidma tal-KESE. Għaldaqstant, il-passi li ġejjin għandhom jittieħdu mill-KESE:

għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni trasparenti u trasversali biex il-perspettivi taż-żgħażagħ jiġu integrati fil-ħidma tal-KESE u l-leġiżlazzjoni;

jistgħu jiġu introdotti esperti żgħażagħ b’għarfien espert rilevanti dwar Opinjonijiet ewlenin;

fil-kuntest tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, iż-żgħażagħ ikunu tema komuni għas-sensiela ta’ Opinjonijiet dwar l-inizjattivi proprji matul il-ħarifa;

isiru dibattiti tematiċi ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej u organizzazzjonijiet fil-livell lokali biex il-perspettivi nazzjonali u Ewropej jintrabtu b’mod aktar effettiv;

suġġetti relatati maż-żgħażagħ jistgħu jintgħażlu għall-istudji tal-KESE (29) kull sena;

l-Opinjonijiet kollha mfasslin mill-KESE għandhom dejjem iqisu wkoll il-perspettiva interġenerazzjonali (kif jagħmlu għall-perspettiva tal-ġeneru);

jinbnew relazzjonijiet vibranti ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE biex jiġu mmappjati l-mekkaniżmi parteċipattivi taż-żgħażagħ u jissaħħu l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u taż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

tiġi adottata r-riżoluzzjoni dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-KESE abbozzata mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ;

tinħoloq taqsima “Involviment taż-żgħażagħ” fuq is-sit web tal-KESE biex jiġu enfasizzati l-attivitajiet passati, attwali u futuri relatati maż-żgħażagħ, inklużi Opinjonijiet, seduti ta’ smigħ pubbliċi, avvenimenti eċċ;

tista’ tiġi stabbilita struttura permanenti fi ħdan il-KESE biex jiġi żgurat li l-ħidma fuq l-involviment taż-żgħażagħ fi ħdan il-KESE u mal-istituzzjonijiet l-oħra tkompli wara l-2022.

3.2.3.

Il-KESE ser jesplora u jikkunsidra aktar modi possibbli biex jiġi applikat il-kunċett tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE fil-ħidma tiegħu biex jiġi żviluppat approċċ konsistenti dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-KESE.

3.2.4.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex twieġeb għal din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja u l-proposta tal-UE dwar it-Test taż-Żgħażagħ u biex tiżviluppa ideat flimkien dwar l-implimentazzjoni.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni Iż-Żgħażagħ Ewropej fl-2021.

(2)  Influencing and understanding political participation patterns of young people, Parlament Ewropew, 2021.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027.

(4)  Conference on the Future of Europe, Report on the final outcome, Mejju 2022.

(5)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52022DC0404&qid=1660827033223.

(6)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/speech_21_4701

(7)  Deželan T., Moxon D., Influencing and understanding political participation patterns of young people: The European perspective, Studju, 2021.

(8)  Barta O., Boldt G., Lavizzari A., “Meaningful youth political participation in Europe: concepts, patterns and policy implications”, Studju ta’ riċerka, 2021.

(9)  Ewrobarometru 96 – Xitwa 2021-2022.

(10)  Kitanova, M., “Youth political participation in the EU: evidence from a cross-national analysis”, Journal of Youth Studies, Vol. 23, Nru. 7, 2020 (artiklu riċevut fl-2018).

(11)  https://www.youthforum.org/files/YFJ_EU_Youth_Test.pdf.

(12)  Rapport dwar ir-riżultat finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

(13)  Governance for Youth, Trust and Intergenerational Justice Fit for all generations?

(14)  Ewrobarometru Flash dwar iż-Żgħażagħ u d-Demokrazija, li sar bejn it-22 ta’ Frar u l-4 ta’ Marzu 2022.

(15)  Rapport dwar l-istħarriġ dwar iż-żgħażagħ tal-Parlament (Parlament Ewropew, Settembru 2021).

(16)  Governance for Youth, Trust and Intergenerational Justice Fit for all generations? Highlights.

(17)  Rapport – Stħarriġ dwar iż-Żgħażagħ, Parlament Ewropew (Parlament Ewropew, Settembru 2021) (mhux disponibbli bil-Malti).

(18)  Rapport dwar l-Istħarriġ dwar iż-Żgħażagħ (Taħt it-Triju ta’ Presidenzi Ġermanja-Portugall-Slovenja, Jannar 2022).

(19)  Rapport dwar l-Istħarriġ dwar iż-Żgħażagħ (Taħt it-Triju ta’ Presidenzi Ġermanja-Portugall-Slovenja, Jannar 2022).

(20)  Rapport dwar l-Istħarriġ dwar iż-Żgħażagħ (Taħt it-Triju ta’ Presidenzi Ġermanja-Portugall-Slovenja, Jannar 2022).

(21)  Deželan T., Moxon D., “Influencing and understanding political participation patterns of young people: The European perspective”, studju, 2021.

(22)  Eurobarometer on the European Year of Youth: Young Europeans are increasingly engaged, Kummissjoni Ewropea, 2022.

(23)  Governance for Youth, Trust and Intergenerational Justice Fit for all generations? Highlights.

(24)  https://www.youthforum.org/files/Concept-Note_final.pdf u https://www.youthforum.org/files/YFJ_EU_Youth_Test.pdf

(25)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 27.

(26)  Better Regulation Toolbox – SME Test.

(27)  SOC/706 Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, ĠU C 152, 6.4.2022, p. 122 u SOC/589 Strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, ĠU C 62, 15.2.2019, p. 142.

(28)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 44.

(29)  Bħalissa għaddej studju tal-KESE dwar l-involviment strutturat taż-żgħażagħ: l-immappjar ta’ prattiki tajbin lokali, nazzjonali, tal-UE u dawk internazzjonali sabiex jiġu żviluppati l-mekkaniżmi meħtieġa u adegwati biex ikun żgurat li l-ilħna taż-żgħażagħ jinstemgħu.


Top