Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE0484

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni diġitali u tal-enerġija fiż-żoni rurali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2022/00484

ĠU C 486, 21.12.2022, pp. 59–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 486/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tranżizzjoni diġitali u tal-enerġija fiż-żoni rurali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 486/09)

Relatur:

John COMER

Korelatur:

Luís MIRA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

30.6.2022

Adozzjoni fil-plenarja

21.9.2022

Sessjoni plenarja Nru

572

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

173/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li strateġija kkombinata ta’ tranżizzjoni diġitali u tal-enerġija fiż-żoni rurali ma ngħatatx il-livell ta’ attenzjoni u appoġġ li wieħed jistenna. Il-KESE jappella biex il-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE tiġi implimentata malajr u jiġu mobilizzati l-partijiet interessati permezz tal-Patt Rurali tal-UE. L-aktar żoni rurali vulnerabbli jeħtieġu attenzjoni speċjali sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Huwa essenzjali li wieħed jiffoka fuq il-faqar enerġetiku u ż-żoni ta’ faqar rurali.

1.2.

Il-KESE huwa konvint li s-suċċess futur tal-Ewropa se jiddependi ħafna minn kif nittrattaw iż-żoni rurali b’mod li jkun f’bilanċ maż-żoni urbani. Il-komunitajiet rurali m’għandhomx ikunu żvantaġġati fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni u l-għażliet għall-użu tal-enerġija, eż. użu neċessarju ta’ karozzi privati minħabba nuqqas ta’ trasport pubbliku.

1.3.

Ir-rwol tal-komunitajiet lokali għandu jiġi sfruttat biex tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija ġusta flimkien mal-iżvilupp tal-komunità, permezz tal-istabbiliment u l-espansjoni tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u tal-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini li jinkludu l-kollaborazzjoni volontarja taċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u l-SMEs biex jiġu promossi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi.

1.4.

Il-KESE jitlob li jissaħħu l-politiki u l-istrumenti li ġejjin:

Il-politika dwar l-enerġija rinnovabbli: il-politika attwali dwar l-enerġija rinnovabbli hija primarjament immexxija mill-ħtieġa li tiżdied il-kapaċità aktar milli jiżdiedu s-sinerġiji mal-benesseri tal-komunità rurali. Il-ħtieġa li tiġi massimizzata l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli hija essenzjali u daqstant ieħor essenzjali hija l-ħtieġa li jiġu kkwantifikati u mwettqa l-kwistjonijiet kollha tal-iżvilupp rurali.

Il-politika tas-sejħiet tal-offerti: il-politika attwali tas-sejħiet tal-offerti għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli mhijiex ta’ għajnuna għall-komunitajiet rurali, minħabba l-enfasi primarju tagħha fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż aktar milli l-ħtiġijiet soċjoekonomiċi taċ-ċittadini rurali. L-installazzjonijiet kollha tal-enerġija rinnovabbli għandhom jimmiraw li jiġu stabbiliti bl-aktar mod kosteffiċjenti possibbli u jagħtu kontribut sinifikanti għall-ħtiġijiet soċjoekonomiċi tal-komunitajiet rurali u taċ-ċittadini rurali.

Il-ħżin tal-elettriku: is-settur tal-ħżin tal-elettriku jeħtieġ li jikber. Waħda mill-isfidi ewlenin se tkun is-sigurtà staġjonali tal-provvisti tal-elettriku. Il-ħżin tal-batteriji u l-elettrifikazzjoni intelliġenti, ikkombinati mar-rispons min-naħa tad-domanda, se jgħinu f’dan ir-rigward. Se jkun meħtieġ li jinħażen l-idroġenu rinnovabbli bħala riżerva.

Finanzjament speċifiku permezz tal-allokazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u b’hekk jiġi żgurat li l-flus fil-fatt jintefqu f’żoni rurali.

1.5.

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Digital Rural Act bħala t-tielet komponent tal-Istrateġija Diġitali tal-UE, flimkien mal-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Id-diġitalizzazzjoni se tiftaħ opportunitajiet ġodda, speċjalment għaż-żgħażagħ, u dan jista’ jbiddel ix-xejriet tal-popolazzjoni billi n-nies ikunu jistgħu jaħdmu mid-dar u minn ċentri rurali tax-xogħol.

1.6.

Il-KESE jenfasizza li sabiex il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE jew nazzjonali jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kontribut taż-żoni rurali, huwa imperattiv li tiġi żgurata fit-territorju kollu konnettività tal-internet b’veloċità għolja, inklużi ż-żoni b’popolazzjoni baxxa. Il-KESE jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jew joħolqu l-kundizzjonijiet għall-operaturi privati biex jipprovdu dan is-servizzi jew jużaw kumpanija tal-istat biex jipprovdu s-servizz.

1.7.

Il-KESE jqis li l-awtoritajiet tal-gvern u l-fornituri tas-servizzi jeħtieġ li jiżviluppaw applikazzjonijiet faċli għall-utent adattati speċifikament għar-realtajiet tal-istil ta’ ħajja u l-attivitajiet rurali. L-applikazzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji se tnaqqas, pereżempju, il-marka tal-karbonju tal-agrikoltura (biedja ta’ preċiżjoni) u tgħin ittejjeb l-aċċessibbiltà ta’ żoni remoti (drones). Is-settur pubbliku irid jintervjeni jekk is-settur privat jonqos milli jipprovdi dawn is-soluzzjonijiet.

1.8.

Il-KESE jenfasizza li utenti rurali ta’ etajiet differenti jridu jiġu pprovduti bil-possibbiltajiet ta’ taħriġ xieraq u ta’ titjib tal-ħiliet sabiex jużaw din it-teknoloġija diġitali ġdida. L-inklussività f’żoni żvantaġġati trid tippermetti wkoll aċċess għall-apparat meħtieġ, jew permezz ta’ użu kondiviż jew permezz ta’ sussidju mill-istat għax-xiri tagħhom.

1.9.

Il-KESE jikkonkludi li l-użu tat-teknoloġiji diġitali fiż-żoni rurali huwa meħtieġ biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni tal-enerġija. Is-sistema tal-enerġija rurali trid tkun deċentralizzata, li timplika ħtieġa kbira għal aktar interkonnessjoni u interkonnessjoni aħjar, li minnha nnifisha tirrikjedi l-użu ta’ teknoloġiji diġitali biex tiġi sodisfatta l-provvista u d-domanda u jiġu żgurati flussi effiċjenti tal-enerġija. L-applikazzjoni diġitali fil-livell rurali se jkollha tkun effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija minħabba r-rata aktar baxxa ta’ utilizzazzjoni u d-densità aktar baxxa tal-popolazzjoni. Il-konnettività tal-IT li tikkonsma ftit enerġija hija essenzjali għaż-żoni rurali.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li, bi 30 % tal-popolazzjoni tal-UE li jgħixu f’żoni rurali, tranżizzjoni ġusta tal-enerġija rurali hija element ewlieni fit-tranżizzjoni ġusta lejn Unjoni Ewropea newtrali għall-klima, sostenibbli u prospera, f’konformità mal-Aġenda Territorjali 2030.

1.11.

Il-Kummissjoni pproponiet li investiment ta’ 20 % ta’ NextGenerationEU se jkun diġitali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jiddedikaw mill-inqas 10 % ta’ dawn il-fondi għad-diġitali rurali mingħajr ma jimponu burokrazija żejda.

2.   It-tranżizzjoni tal-enerġija fiż-żoni rurali

Introduzzjoni

2.1.

Hemm qbil xjentifiku ġenerali li l-aktar mod probabbli li bih l-umanità qed tinfluwenza t-tibdil fil-klima globali huwa permezz tar-rilaxx tad-dijossidu tal-karbonju mill-ħruq tal-fjuwils fossili.

2.2.

Fil-ktieb tiegħu, The New Climate War, ix-xjenzat tal-klima Michael Mann jgħid li l-pjaneta tagħna issa saħnet fiż-żona ta’ perikolu u li għadna mhux qed nieħdu l-miżuri meħtieġa biex nevitaw l-akbar kriżi globali li qatt iffaċċjajna.

2.3.

Tibdil perikoluż fil-klima diġà wasal f’ċerti postijiet minħabba l-ibħra li qed jogħlew. Venezja u Miami jiffaċċjaw sfidi sinifikanti f’dan ir-rigward. Ir-reġjun tal-Amażonja ra deforestazzjoni massiva u nixfa kbira kkaġunata mit-tibdil fil-klima. It-tidwib aktar mgħaġġel milli mistenni tal-Għata Polari tas-Silġ fl-Artiku huwa ta’ tħassib kbir.

2.4.

Hija meħtieġa azzjoni fuq skala globali fost il-partijiet ikkonċernati kollha, sabiex jittieħdu passi immedjati dwar it-tibdil fil-klima, permezz ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. It-tnaqqis rapidu fl-użu tal-fjuwils fossili jrid ikun prijorità immedjata.

Żoni rurali

2.5.

130 miljun ruħ jew 30 % tal-popolazzjoni tal-UE, jgħixu f’żoni rurali. Iż-żoni rurali huma diversi u influwenzati ħafna mil-lokalità tagħhom. F’ħafna żoni, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Ewropa, it-tibdil fil-klima se jżid progressivament l-iskarsezza tal-ilma, jaggrava l-għargħar u jżid l-intensità u l-frekwenza tan-nirien tal-foresti. Fit-Tramuntana tal-Ewropa ż-żieda fix-xita u l-maltempati tista’ u se tikkawża ħsarat sinifikanti u għaljin lill-infrastruttura. Temperaturi ogħla se jintensifikaw iċ-ċiklu tal-ilma u jżidu l-frekwenza ta’ maltempati severi. Dawn iċ-ċirkostanzi juru l-ħtieġa għall-aktar tranżizzjoni enerġetika u diġitali rapida possibbli fiż-żoni rurali.

2.6.

L-idea tat-tranżizzjoni tal-enerġija rurali ma rċevietx il-livell ta’ attenzjoni li wieħed kien qed jistenna. Dan huwa sorprendenti għaliex ir-riżorsi meħtieġa biex tiġi prodotta l-enerġija rinnovabbli huma marbuta ħafna maż-żoni rurali. Il-maġġoranza tal-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, bħal pereżempju t-turbini tar-riħ, l-impjanti solari u tal-bijogass, jinsabu f’żoni rurali. Il-grilji ta’ trażmissjoni huma wkoll karatteristika tal-pajsaġġ rurali. Ħafna abitanti rurali jħossu li dawn l-istrutturi huma imposti fuqhom u li jipprovdu benefiċċju akbar liż-żoni urbani.

2.7.

Iż-żoni rurali għandhom bżonnijiet differenti u partikolari li jiddependu fuq il-lokalità tagħhom. Iż-żoni rurali jistgħu jiġu nnominati kif ġej:

Żoni rurali f’żoni ta’ vjaġġar lejn ix-xogħol u lura ta’ belt partikolari (raġġ ta’ 60 km) u li l-iżvilupp tagħhom huwa integrat mal-belt.

Reġjuni rurali li mhumiex parti mis-suq tax-xogħol urban, iżda li għandhom fluss ta’ prodotti, servizzi ambjentali u attivitajiet ekonomiċi oħra, ġewwa u barra mir-reġjun.

Reġjuni rurali remoti fejn, fil-biċċa l-kbira, l-ekonomija lokali tiddependi mill-esportazzjoni ta’ attivitajiet primarji, bħal pereżempju, il-prodotti agrikoli barra mir-reġjun. B’mod partikolari, dawn iż-żoni għandhom it-tendenza li jkollhom popolazzjonijiet imxerrda u li jkunu suġġetti għal servizzi pubbliċi ta’ kwalità baxxa.

2.8.

Dawn iż-żoni rurali differenti qegħdin jiffaċċjaw ħafna sfidi varjati fl-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija, li tindika l-importanza ta’ tranżizzjoni ġusta sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

2.9.

Ħafna żoni rurali huma fiżikament iżolati bi ftit diversità ekonomika u għandhom densità baxxa tal-popolazzjoni. F’ħafna każijiet, dħul baxx u t-tixjieħ tal-popolazzjoni jżidu l-vulnerabbiltà tal-komunitajiet rurali. Persuni li jgħixu waħedhom f’żoni rurali u iżolati, u li jkollhom ftit interazzjoni soċjali, jistgħu jikkawżaw problemi enormi fl-implimentazzjoni ta’ tranżizzjoni tal-enerġija. Il-faqar enerġetiku huwa problema sinifikanti f’dawn iż-żoni.

2.10.

It-tnedija tal-miters intelliġenti hija parti essenzjali mit-tranżizzjoni tal-enerġija rurali. Sal-lum, jidher li t-tnedija tal-miters intelliġenti fiż-żoni rurali, kienet pjuttost kajmana. Irridu niżguraw ukoll li unitajiet domestiċi bi dħul baxx u nies b’ħiliet limitati tal-kompjuter, ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-miters intelliġenti bħala parti minn tranżizzjoni ġusta għall-enerġija, fejn ħadd ma jitħalla lura. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza allokat EUR 25 biljun biex jiġu appoġġjati l-ħiliet diġitali u l-edukazzjoni. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiddelimitaw proporzjon adegwat ta’ dan il-fond lejn il-ħiliet diġitali u t-taħriġ fil-litteriżmu għall-persuni rurali. Il-fatt li partijiet tal-Ewropa m’għandhomx l-internet huwa sitwazzjoni intollerabbli u trid tiġi rrimedjata malajr kemm jista’ jkun.

2.11.

Il-KESE enfasizza fl-Opinjoni tiegħu Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli (1) li l-politiki dwar l-agrikoltura, l-ikel u dawk rurali għandhom jintrabtu mal-politiki dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità. L-aspett multifunzjonali tal-agrikoltura huwa importanti daqs il-promozzjoni tal-attivitajiet mhux agrikoli, bħal pereżempju, l-istabbiliment tan-negozji fis-settur tas-servizzi tal-enerġija nadifa biex jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol. Jeħtieġ li jiġi esplorat il-potenzjal tal-kummerċ elettroniku.

2.12.

Il-Komunikazzjoni Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (2) tinkludi Patt Rurali li fost affarijiet oħra għandu l-għan li jrawwem il-koeżjoni territorjali u joħloq opportunitajiet ġodda li jattiraw negozji innovattivi. L-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni tiffaċilita bil-kbir it-tranżizzjoni tal-enerġija ġusta fiż-żoni rurali. Il-KESE laqa’ dan l-approċċ fl-Opinjoni tiegħu Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (3).

Trasport

2.13.

Il-provvista tat-trasport rurali hija kwistjoni ewlenija minħabba s-servizz ta’ kwalità baxxa tat-trasport pubbliku, il-popolazzjoni skarsa u d-distanzi kbar għall-ħwienet u s-servizzi. Barra minn hekk, in-nies rurali li jaħdmu f’ċentri urbani, ta’ spiss ikollhom ikopru distanzi twal ta’ vjaġġar lejn il-postijiet tax-xogħol tagħhom.

2.14.

Hemm bżonn ta’ ppjanar lokali u nazzjonali sabiex tiġi pprovduta sistema ta’ trasport multimodali għat-tranżizzjoni għall-enerġija rinnovabbli. Sistema bħal din trid tipprovdi għażliet u alternattivi għat-trasport tal-persuni u t-trasport tal-merkanzija.

2.15.

It-trasport tal-merkanzija fiż-żoni rurali jeħtieġ attenzjoni speċifika fir-rigward tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Pereżempju, il-kunsinni tal-provvisti għall-irziezet u l-ġbir tal-prodotti agrikoli jridu jkunu parti importanti mill-ippjanar għat-tranżizzjoni tal-enerġija. Vetturi tqal tal-merkanzija li jaħdmu bl-elettriku u vetturi tqal tal-merkanzija li jaħdmu bl-idroġenu jridu jkunu l-għan li jrid jintlaħaq. Fi żmien qasir, il-bijokarburanti sostenibbli u l-vetturi ibridi jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

2.16.

L-espansjoni kbira tax-xiri online, speċjalment fiż-żoni rurali, tindika l-importanza tal-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-vannijiet tal-kunsinna. L-użu tal-vannijiet li jaħdmu bl-elettriku jkun konvenjenti għal dan l-iskop, ladarba tkun stabbilita infrastruttura adegwata għall-iċċarġjar. Barra minn hekk, il-kumpaniji tal-kurrieri jeħtieġ li jiffinanzjaw ix-xiri ta’ vannijiet li jaħdmu bl-elettriku. Il-prijorità immedjata hija li jibdew jitnaqqsu l-emissjonijiet b’kull mod possibbli.

2.17.

Jeħtieġ li tiġi prijoritizzata provvista aħjar tat-trasport pubbliku fiż-żoni rurali, li tinkludi emissjonijiet imnaqqsa tal-gassijiet serra u l-inklużjoni soċjali u li tippermetti opportunitajiet ta’ żvilupp rurali. It-trasport pubbliku rurali jrid jitqies bħala ben pubbliku fil-kuntest tat-tranżizzjoni tal-enerġija u għalhekk, hemm il-bżonn ta’ finanzjament pubbliku li jippromovi u jiffaċilita t-trasport pubbliku sostenibbli.

2.18.

Il-karozzi privati huma kkunsidrati bħala mezz indispensabbli tat-trasport rurali peress li l-għajxien rurali ma jkunx prattiku mingħajrhom. Il-prijorità trid tkun li r-residenti rurali jiġu megħjuna u mħeġġa jnaqqsu l-użu tal-karozzi privati meta jkun possibbli u biex ibiddluhom ma’ vetturi b’emissjonijiet baxxi kemm jista’ jkun malajr. L-għajnuna finanzjarja għall-promozzjoni tax-xiri ta’ vetturi elettriċi għandha tkun għan ewlieni għat-tranżizzjoni tal-enerġija fiż-żoni rurali.

2.19.

Il-ħżin tal-batterija huwa mezz effettiv għall-iċċattjar tal-kurva tad-domanda netta għall-elettriku rinnovabbli. L-użu mifrux ta’ vetturi elettriċi jista’ jgħin f'dan ir-rigward. Meta l-vetturi elettriċi jkunu ffaċilitati biex jibagħtu l-elettriku lura fil-grilja, il-flotta elettrika tkun tista’ taġixxi bħala assi tal-ħżin tal-batterija flimkien ma’ forom oħra ta’ ħżin tal-batterija. Irid ikun finanzjarjament attraenti għall-konsumaturi li jirritornaw l-elettriku lejn il-grilja mill-vetturi elettriċi kif deskritt fl-Opinjoni tal-KESE dwar ir-Regolament dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (4).

It-turiżmu

2.20.

Iż-żoni rurali ta’ spiss jiddependu mit-turiżmu u jqisuh bħala sors importanti ta' introjtu. Għalhekk, iż-żoni rurali jeħtieġ li jkollhom infrastruttura adegwata ta’ fjuwils alternattivi biex tinkoraġġixxi l-industrija tat-turisti filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-kumpaniji tal-kiri tal-karozzi jridujitħeġġu jimxu lejn vetturi b’emissjonijiet baxxi u preferibbilment lejn vetturi elettriċi. It-tranżizzjoni tal-enerġija fiż-żoni rurali teħtieġ azzjoni sabiex jiġi ffaċilitat introjtu akbar mit-turiżmu.

L-elettriku minn sorsi rinnovabbli

2.21.

L-elettriku minn sorsi rinnovabbli, bħal pereżempju r-riħ, ix-xemx u l-bijogass, hija komponent ewlieni tal-pajsaġġ rurali. L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fost l-Istati Membri trid tippromovi u tipproteġi l-interessi tal-prosumaturi u timmotiva l-investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija rinnovabbli. Il-kapaċità li tinbiegħ l-enerġija prodotta lura lill-grilja nazzjonali trid tkun possibbli fl-Istati Membri kollha. Għandu jkun hemm skemi adegwati ta’ kumpens bejn l-enerġija rinnovabbli prodotta mill-prosumaturi u l-enerġija kkunsmata biex tiġi żgurata l-indipendenza enerġetika taż-żoni rurali.

2.22.

L-irkanti reċenti għall-akkwist ċentralizzat tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli saru dejjem aktar mifruxa u rnexxielhom f’ħafna każijiet inaqqsu l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-faċilitajiet eoliċi u solari. Ġeneralment, l-iżvilupp tal-elettriku fiż-żoni rurali huwa primarjament marbut mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u ma hemmx sinerġiji mal-għanjiet tal-iżvilupp rurali. L-abitanti taż-żoni rurali spiss joġġezzjonaw għal żviluppi bħal dawn peress li jipprevedu ftit benefiċċji għall-komunità lokali.

2.23.

Jeħtieġ li l-kooperattivi u organizzazzjonijiet oħra bbażati lokalment ikunu involuti fi qbil dwar postijiet għal faċilitajiet tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, kemm fuq l-art kif ukoll fir-reġjuni kostali. Jeħtieġ li l-komunitajiet lokali jkollhom ishma azzjonarji u li jiksbu benefiċċju lokali minn tali faċilitajiet.

2.24.

F’dawn il-proġetti kbar, l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli huwa primarjament marbut mad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u ftit hemm tħassib għall-iżvilupp rurali. Il-parks eoliċi ta’ skala żgħira, diġesturi tax-xemx u anaerobiċi żgħar operati minn kooperattivi u n-nies lokali jistgħu jkunu mmirati aktar lejn l-iżvilupp rurali, kif ukoll lejn l-inklużjoni soċjali u ekonomika tal-komunitajiet rurali. Hemm bżonn li jintlaħaq bilanċ fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ sistemi. Il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini jipprovdu mod kif tinkiseb tranżizzjoni tal-enerġija ġusta flimkien mal-iżvilupp tal-komunità.

2.25.

Studju partikolari fl-Iżvezja rurali (Ejdemo u Söderholm, 2015) sab li, minħabba n-nuqqas ta’ skemi ta’ benefiċċji tal-komunità, l-opportunitajiet ta’ impjieg kienu modesti ħafna fil-kuntest tal-iżvilupp rurali.

2.26.

Komunità tal-enerġija taċ-ċittadini hija entità legali fejn iċ-ċittadini, l-SMEs u l-awtoritajiet lokali jingħaqdu bħala utenti finali sabiex jikkooperaw fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Eżempju bħal dan hija l-Muniċipalità ta’ Feldheim, (raħal żgħir fil-Lbiċ ta’ Berlin) li saret awtosuffiċjenti fl-enerġija. Huma installaw turbini eoliċi fil-btieħi tagħhom kif ukoll grilja indipendenti. Ir-residenti jħallsu prezzijiet minimi għall-elettriku. L-istabbiliment tal-impjant tal-bijogass ippermetta lir-raħal jistabbilixxi network ta’ tisħin distrettwali. Dan huwa eżempju eċċellenti ta’ komunità b’enerġija rinnovabbli li qed topera. Juri wkoll li approċċ minn isfel għal fuq huwa vitali għall-futur taż-żoni rurali (5).

2.27.

Ir-reazzjoni għad-domanda tmexxi l-konsum elettriku lejn perjodi ta’ żmien fejn is-sistema tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda. Irridu niċċattjaw il-kurva tad-domanda netta tal-elettriku matul il-perjodi tal-ogħla domanda, sabiex nevitaw il-qtugħ tal-elettriku hekk kif ikun qed jiġi prodott aktar elettriku ekoloġiku. L-użu tal-ħżin tal-batteriji, il-ħżin idroelettriku u l-elettrifikazzjoni intelliġenti se jipprovdu flessibbiltà fl-iċċattjar tal-kurva tad-domanda netta.

2.28.

Waqt taħdidiet f’Dublin mal-parlamentari Irlandiżi, il-Kummissarju għall-Enerġija, Kadri Simson, qalet li l-gwerra fl-Ukrajna ġiegħlet lil Brussell tagħmel iktar u b’mod iktar rapidu biex ittemm l-importazzjonijiet tal-fjuwil mir-Russja. Hija qalet li, skont proposti li għad iridu jiġu miftiehma, l-UE se timmira li jkollha 45 % tal-konsum tal-enerġija tagħha minn sorsi rinnovabbli sal-2030. Din se tkun żieda mill-mira attwali ta’ 32 % u aktar mid-doppju tas-sehem ta’ 22 % fl-2020. Il-KESE japprova din il-mira l-ġdida iżda jwissi li din tista’ tinkiseb biss billi jiġi promoss investiment ġdid u akbar fit-tranżizzjoni tal-enerġija rurali.

2.29.

Ir-riħ mhux dejjem jonfoħ, u għalhekk hemm bżonn ta’ sistema ta’ riżerva. L-idroġenu ekoloġiku jista’ jipprovdi riżerva biex jissodisfa d-domanda varjata għall-elettriku u jista’ jinħażen sakemm ikun meħtieġ.

L-agrikoltura

2.30.

L-attività agrikola hija ċentrali għall-iżvilupp u l-prosperità tal-biċċa l-kbira taż-żoni rurali. Dan is-settur tal-ekonomija rurali qed jiffaċċja sfidi enormi fil-kisba tat-tranżizzjoni tal-enerġija.

2.31.

Ma sarx ħafna xogħol biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-makkinarji agrikoli.

2.32.

Fil-futur immedjat, jidher li l-użu ta’ bijokarburant sostenibbli se jipprovdi l-aħjar possibbiltà biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, peress li jistgħu jintużaw il-makkinarji eżistenti, jekk ikunu modifikati b’mod xieraq.

2.33.

Il-bijokarburanti sostenibbli mhumiex irħas biex jiġu manifatturati u jistgħu jkunu aktar mid-doppju tal-prezz tad-diżil. Huwa possibbli li dawn il-prezzijiet jonqsu ftit maż-żmien.

2.34.

Fil-futur, meta l-makkinarji agrikoli li jaħdmu bl-elettriku jsiru aktar disponibbli, se jkun possibbli li l-emissjonijiet jitnaqqsu b’mod sinifikanti.

2.35.

L-agrikoltura hija l-aktar intrapriża ta’ profitt baxx u għal din ir-raġuni, il-kostijiet kapitali għat-tibdil tal-makkinarji li jaħdmu bl-elettriku jkunu estremament diffiċli biex jiġu ffinanzjati. Li tingħeleb il-problema tal-finanzjament għat-tibdil tal-makkinarji li jaħdmu bl-elettriku jew bl-idroġenu, se tkun il-kwistjoni ewlenija fit-tranżizzjoni tal-enerġija taż-żoni rurali.

2.36.

L-użu tal-pannelli solari fuq il-bini tal-irziezet jista’ jippermetti lill-bdiewa jużaw elettriku ekoloġiku u, peress li l-biedja hija settur li juża ħafna elettriku, dan ikun vantaġġ sinifikanti fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Kull eċċess jista’ jerġa’ jinbiegħ lura lill-grilji.

2.37.

L-agrikoltura ta’ preċiżjoni hija approċċ immexxi mid-data għall-immaniġġjar tal-irziezet li jista’ jtejjeb il-produzzjoni u r-rendimenti u jnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-biedja. Dan huwa possibbli minħabba l-avvanzi fit-teknoloġija diġitali b’sistemi ta’ telerilevament, ta’ GPS u ta’ stering bis-satellita għat-tratturi. Dan kollu se jkun importanti għat-tranżizzjoni tal-enerġija fil-biedja flimkien mar-rekwiżit għall-investiment, it-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet.

2.38.

Il-bdiewa jista’ jkollhom opportunitajiet li jbigħu l-elettriku żejjed lill-grilja peress li l-bdiewa produtturi tal-ħalib u ċ-ċanġa għandhom soqfa estensivi fl-irziezet tagħhom. Ċerti bdiewa jista’ jkollhom l-opportunità li jsiru msieħba fl-istabbiliment tal-impjanti tal-bijomassa u jbigħu l-gass lill-grilja tal-gass. L-użu ta’ residwi tal-foresti fl-impjanti tal-bijomassa huwa importanti sabiex tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-foresti f’dawk iż-żoni fejn tali materjali huma disponibbli.

2.39.

Il-konsegwenzi tal-gwerra tal-Ukrajna jżidu l-ħtieġa li tiġi analizzata mill-ġdid is-sigurtà tal-ikel fl-UE. Bħala prijorità, l-art trid tintuża għall-produzzjoni tal-ikel. M’għandux ikun hemm kompetizzjoni għall-installazzjoni ta’ pannelli fuq skala industrijali u għall-produzzjoni tal-bijomassa għall-enerġija rinnovabli; pjuttost dan għandu jkun komplementari.

Il-bijometan

2.40.

Il-bijometan huwa bijogass li minnu tneħħew id-diossidu tal-karbonju, is-sulfur tal-idroġenu u l-ilma; dan imbagħad jista’ jiġi injettat direttament fil-grilja tal-gass jew użat f’vettura li taħdem bil-gass.

2.41.

Huwa neċessarju li d-diġesturi anaerobiċi jiġu stabbiliti f’post qrib provvista adegwata ta’ demel likwidu. Jista’ jintuża wkoll l-eċċess ta’ silaġġ tal-ħaxix u ta’ silaġġ tal-qamħirrum, diment li ma jkunx f’kunflitt mal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf.

2.42.

Hemm bżonn ta’ aktar riċerka biex tittejjeb l-effiċjenza tad-diġesturi anaerobiċi u biex titnaqqas l-ispiża assoċjata mal-proċess.

2.43.

Huwa neċessarju li jiġi promoss l-użu tad-diġesturi anaerobiċi u ffinanzjat fl-ambitu tat-tranżizzjoni tal-enerġija fiż-żoni rurali.

2.44.

L-enerġija mill-bijomassa tista’ tintuża biex tiġi prodotta s-sħana jew jiġi ġġenerat l-elettriku. Il-bijomassa se jkollha rwol vitali fil-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli.

Id-djar rurali

2.45.

Ħafna unitajiet domestiċi rurali għandhom il-possibbiltà li jinstallaw teknoloġiji tal-mikroġenerazzjoni bħal pereżempju l-pannelli solari u t-turbini eoliċi żgħar, bil-possibbiltà li jbigħu kwalunkwe provvista żejda lura fil-grilja.

2.46.

L-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx jeħtieġu assistenza finanzjarja sabiex jinstallaw il-faċilitajiet tal-mikroġenerazzjoni. Din tippermetti tranżizzjoni sinifikanti tal-enerġija fl-unitajiet domestiċi rurali.

2.47.

Djar rurali huma ġeneralment inqas iżolati tajjeb u inqas effiċjenti fl-enerġija meta mqabbla mad-djar urbani. Ħafna minn dawn id-djar rurali huma bini waħdu f’siti esposti għat-temp.

2.48.

Programm ta’ investiment kbir għall-modernizzazzjoni tad-djar rurali sabiex itejjbu l-iżolazzjoni u l-effiċjenza enerġetika huwa meħtieġ fl-ambitu tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Investiment bħal dan se jkun pass kbir ’il quddiem fit-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u fid-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin tad-djar rurali. Se tkun neċessajra skema ta’ għajnuna minħabba li l-kostijiet kapitali ta’ skema prinċipali ta’ rinnovazzjoni huma għoljin ħafna. L-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u dawk li qedgħin jesperjenzaw il-faqar enerġetiku se jkollhom bżonn għajnuna speċjali sabiex tinkiseb tali tranżizzjoni.

3.   It-tranżizzjoni diġitali fiż-żoni rurali

3.1.

Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-viżjoni tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030. L-ewwel nett enfasizzat il-ħtieġa għal proposti leġiżlattivi tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali sabiex jiġi żgurat spazju diġitali aktar sikur, fejn id-drittijiet fundamentali tal-utenti jkunu protetti, u sabiex jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji Ewropej fid-dinja diġitali.

3.2.

Sabiex tiġi mitmugħa popolazzjoni dinjija li qed tikber bl-inqas impatt ambjentali possibbli u biex tiġi promossa n-newtralità tal-karbonju, hemm bżonn ta’ infrastrutturi diġitali u teknoloġiċi f’żoni rurali li jippermettu użu effiċjenti u preċiż tar-riżorsi fl-agrikoltura. Madankollu, minkejja l-fatt li 30 % tal-popolazzjoni tal-Ewropa tgħix f’żoni rurali, u li dawn iż-żoni jammontaw għal 80 % tat-territorju tas-27 Stat Membru, id-diġitalizzazzjoni tiffaċċja diffikultajiet akbar fiż-żoni rurali li jekk ma jiġux indirizzati se jimminaw l-ambizzjonijiet diġitali tal-Ewropa. Il-qafas leġiżlattiv Ewropew għad-Digital Rural Act huwa mfassal biex jindirizza dawn id-diffikultajiet billi jippromovi:

kopertura ugwali għan-network tal-broadband garantita għar-reġjuni kollha tal-Ewropa: bħalissa l-kopertura hija tajba fiċ-ċentri urbani l-kbar u baxxa fiż-żoni rurali; biex jintlaħqu l-miri tad-diġitalizzazzjoni, din il-problema trid tiġi ttrattata b’urġenza sabiex ma jkomplix jikber id-distakk bejn ir-reġjuni differenti;

l-infrastrutturi: il-garanzija ta’ investimenti privati fil-kostruzzjoni ta’ infrastrutturi tal-aħħar mil, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji mhux finanzjarji bħall-esternalitajiet soċjoekonomiċi;

il-bini tal-kapaċità: it-titjib tal-litteriżmu diġitali ta’ dawk li jgħixu fiż-żoni rurali;

l-adegwatezza: il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunità agrikola u rurali, li ftit tagħmel użu minn servizzi diġitali maħsuba għall-ambjent urban.

3.3.

Id-Diġital Rural Act, bħala mekkaniżmu leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea, se jistabbilixxi, bħall-Att dwar is-Swieq Diġitali u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, sett ta’ regoli, obbligi u responsabbiltajiet bil-għan li jiġi żgurat li ż-żoni rurali Ewropej ikollhom aċċess għal sensiela ta’ inizjattivi, għodod u forom ta’ aċċess li, minħabba d-densità baxxa tal-popolazzjoni, mhumiex ekonomikament favorevoli għall-investiment privat. B’dan il-mod, id-Digital Rural Act se jiżgura l-implimentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni fiż-żoni rurali f’każijiet fejn il-ħtieġa tagħha tkun inversament proporzjonali għar-reditti finanzjarji miksuba.

3.4.

Finalment, id-Digital Rural Act se jkun il-prekursur ewlieni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u n-newtralità tal-karbonju tal-Ewropa fl-2050, peress li t-tranżizzjoni għal sistema tal-ikel ġusta, bnina u favur l-ambjent se tkun possibbli biss jekk it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni jkunu disponibbli u aċċessibbli għad-dinja agrikola u rurali.

3.5.

Kif ġie enfasizzat fl-Opinjoni Intejbu l-livell tal-inklużività, is-sigurtà u l-affidabbiltà tad-diġitalizzazzjoni għal kulħadd (6), l-importanza tad-diġitalizzazzjoni ma tistax tiġi sottovalutata, peress li tista’ “(t)appoġġja wkoll aktar mobbiltà fis-suq tax-xogħol, it(t)ejjeb il-produttività u l-flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol u (t)ippermetti l-integrazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata meta l-ħaddiema jaħdmu mill-bogħod mid-dar”. Biex dan iseħħ, huwa meħtieġ sett komprensiv ta’ ħiliet diġitali, irrispettivament minn jekk il-ħaddiema jgħixux f’żoni urbani jew rurali. Madankollu, jeżistu ostakli multidimensjonali addizzjonali f’postijiet remoti. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-aġenda ddedikata għall-ħiliet diġitali tappoġġja liċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f’żoni rurali. Dan l-approċċ, li għandu jiġi rappreżentat fil-qalba tad-Digital Rural Act, għandu fl-istess ħin jgħin biex jitnaqqas id-distakk diġitali u biex jinkisbu l-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-KESE Lejn strateġija olistika dwar l-iżvilupp rurali/urban sostenibbli (ĠU C 105, 4.3.2022, p. 49).

(2)  COM(2021) 345.

(3)  Opinjoni tal-KESE Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE (ĠU C 290, 29.07.2022, p. 137).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-Regolament dwar il-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, (ĠU C 152, 6.4.2022, p. 138).

(5)  ERP WORKSHOP REPORT Workshop 21.

(6)  Opinjoni tal-KESE Intejbu l-livell tal-inklużività, is-sigurtà u l-affidabbiltà tad-diġitalizzazzjoni għal kulħadd (ĠU C 374, 16.9.2021, p. 11).


Top