This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52022AE3866
Opinion of the European Economic and Social Committee on Temporary airport slot relief due to COVID-19 [COM(2022) 334 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti minħabba l-pandemija tal-COVID-19” [COM(2022) 334 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti minħabba l-pandemija tal-COVID-19” [COM(2022) 334 final]
EESC 2022/03866
ĠU C 486, 21.12.2022, pp. 194–197
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
21.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 486/194 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Eżenzjoni temporanja mir-regoli dwar l-użu tas-slots fl-ajruporti minħabba l-pandemija tal-COVID-19”
[COM(2022) 334 final]
(2022/C 486/26)
|
Relatur Ġenerali: |
Thomas KROPP |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 12.7.2022 Parlament Ewropew, 19.7.2022 Kunsill, 4.8.2022 |
|
Bażi legali |
Artikolu 100(2) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
21.9.2022 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
572 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
143/1/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jinnota li l-avjazzjoni tipprovdi konnettività intra-UE u internazzjonali, li hija prerekwiżit essenzjali għall-kummerċ u t-turiżmu, u għalhekk ukoll għall-prosperità ekonomika Ewropea. Is-settur tal-avjazzjoni għadu taħt it-tisbita tal-effetti kkombinati ta’ diversi kriżijiet globali, bħall-pandemija tal-COVID-19, l-għeluq tal-ispazju tal-ajru ta’ diversi msieħba kummerċjali tal-Ewropa (b’mod partikolari ċ-Ċina), il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, l-inflazzjoni li qed tiżdied, il-probabbiltà dejjem akbar ta’ reċessjoni globali u n-nuqqas ta’ forzi tax-xogħol f’diversi setturi ekonomiċi, mhux l-inqas fl-avjazzjoni stess. Reġjuni oħra fid-dinja qed jimmonitorjaw bir-reqqa kif l-avjazzjoni Ewropea qiegħda timmaniġġja dawn l-isfidi. Iċ-ċentri fil-viċinat f’Istanbul, Dubai, Doha u Londra se jibbenefikaw mill-kompetittività mħarbta taċ-ċentri Ewropej u tat-trasportaturi Ewropej li joperaw f’networks internazzjonali. Għalhekk, il-KESE saħaq b’mod konsistenti li kwalunkwe u kull miżura regolatorja li taffettwa l-avjazzjoni ma għandhiex taffettwa l-kompetittività internazzjonali tal-Ewropa. Ikun ta’ ħsara għall-ambjent u għall-forzi tax-xogħol impjegati fl-Ewropa jekk il-flussi tal-passiġġieri jiġu ridirezzjonati lil hinn mill-konnessjonijiet internazzjonali fl-Ewropa u li jtiru lejn destinazzjonijiet internazzjonali minn ċentri li ma jinsabux fl-UE. L-emendi proposti għar-Regolament dwar is-Slots għandhom jitqiesu wkoll f’dan il-kuntest usa’. |
|
1.2 |
Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 (1) jiddetermina l-proċeduri u r-regoli għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-UE. L-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament jispeċifika li t-trasportaturi bl-ajru għandhom jużaw mill-inqas 80 % tas-slots allokati lilhom f’perjodu ta’ skedar partikolari sabiex iżommu dawn is-slots għall-perjodu ta’ skedar korrispondenti tas-sena ta’ wara (ir-Regolament dwar is-Slots). |
|
1.3 |
Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni u d-durata mhux mistennija tal-pandemija, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament dwar is-Slots darbtejn mit-tifqigħa tagħha biex tissospendi b’mod effettiv id-dispożizzjoni “tużah jew titilfu”, u biex tagħti lill-Kummissjoni setgħat delegati biex tipprovdi għal żviluppi ulterjuri mhux mistennija. Dawn il-miżuri ta’ llaxkar tar-regoli dwar is-slots se jiskadu fid-29 ta’ Ottubru 2022, filwaqt li s-setgħat delegati tal-Kummissjoni diġà skadew fil-21 ta’ Frar 2022. Issa huma meħtieġa rieżami ulterjuri u aġġustamenti addizzjonali bħala kwistjoni ta’ urġenza biex jirriflettu r-realtà tas-suq. |
|
1.4 |
Abbażi tal-previżjonijiet tal-Eurocontrol, il-Kummissjoni tassumi li s-suq tal-avjazzjoni se jirkupra gradwalment għal-livelli ta’ qabel il-pandemija, madankollu din is-suppożizzjoni tista’ tkun ottimista żżejjed (2). Il-KESE jemmen li l-Proposta, filwaqt li għandha intenzjonijiet tajbin, ma fihiex is-salvagwardji meħtieġa biex jiġu evitati ostakli mhux intenzjonati għall-kompetittività tal-Ewropa. |
|
1.5 |
Il-KESE jilqa’ d-direzzjoni ta’ din il-Proposta l-ġdida tal-Kummissjoni biex is-suq tal-avjazzjoni jibqa’ kemm jista’ jkun kompetittiv. Madankollu, l-analiżi tas-suq tal-Kummissjoni, kif ukoll l-iżvilupp tas-suq previst tagħha fit-tliet staġuni li ġejjin, mhumiex robusti biżżejjed biex jispjegaw jew saħansitra jiġġustifikaw ir-ritorn issuġġerit għar-regola 80:20. Il-KESE ma jaqbilx mar-raġunament tal-Kummissjoni li s-suq tal-avjazzjoni qed jerġa’ lura għan-“normal”. Fid-dawl tad-data tal-Kummissjoni, limitu aktar baxx, bħal pereżempju 70:30, ikun aktar xieraq sakemm is-suq jistabbilizza ruħu. |
|
1.6 |
Il-KESE jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tan-nuqqas ġustifikat ta’ użu tas-slots (JNUS) biex ikopri wkoll l-inkwiet politiku u d-diżastri naturali jekk dawn iċ-ċirkostanzi jwasslu għal restrizzjonijiet deskritti b’mod ċar fuq l-avjazzjoni. Madankollu, il-KESE mhuwiex konvint li l-modifiki proposti għal-JNUS attwali huma ġġustifikati. Il-proċeduri previsti mill-Kummissjoni jżidu livell mhux meħtieġ ta’ kumplessità. Fil-fatt, id-devjazzjonijiet mill-proċeduri attwali ma jistgħux jibqgħu jiġu kkwalifikati bħala miżuri ta’ emerġenza, u b’hekk joħolqu inċertezzi legali fi żmien meta s-settur kollu għandu bżonn kbir ta’ qafas regolatorju stabbli. |
|
1.7 |
Il-KESE jappoġġja l-proposta li tissaħħaħ it-trasparenza tal-allokazzjoni tas-slots billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Koordinaturi tal-Ajruporti, u billi jiġi introdott obbligu għall-koordinaturi li jippubblikaw id-destinazzjonijiet li għalihom japplikaw l-eċċezzjonijiet. |
|
1.8 |
Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti biex jittaffew l-effetti kontinwi u prevedibbli tal-aggressjoni militari Russa fl-Ukrajna fuq l-avjazzjoni Ewropea. Madankollu, is-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet normali jistgħu jiġu implimentati erba’ xhur wara t-tmiem tal-ostilitajiet jidhru ottimisti wisq. |
|
1.9 |
Avolja l-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni, il-KESE jemmen li minkejja l-limiti ta’ żmien evidenti, kienet tkun iġġustifikata valutazzjoni tal-impatt biex jiġu vvalutati aħjar l-implikazzjonijiet tal-bidliet proposti għar-Regolament eżistenti dwar is-Slots. Fin-nuqqas ta’ tali sostanzjar permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-previżjonijiet tal-Eurocontrol li mhux neċessarjament jirriflettu l-kumplessità tal-iżviluppi attwali tas-suq. |
|
1.10 |
Valutazzjoni tal-impatt mhijiex meħtieġa biss biex tiġġustifika l-bidliet fir-Regolament eżistenti dwar is-Slots. Kif diġà indika l-KESE (3), il-miżuri tal-UE għandhom jiġu kkoordinati mill-qrib mal-Bord Dinji tas-Slots tal-Ajruporti (WASB) biex jiġu evitati approċċi differenti għall-istess kwistjoni f’reġjuni differenti fid-dinja. |
|
1.11 |
Il-kriżijiet globali li għaddejjin bħalissa għandhom jitqiesu fil-kuntest tal-effett kumulattiv tagħhom fuq l-avjazzjoni internazzjonali. Minħabba d-diffikultajiet biex dawn l-effetti jiġu kkontrollati għalissa, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Proposta bil-għan li timminimizza l-modifiki għad-dispożizzjonijiet eżistenti biex jinżamm il-karattru tagħhom bħala “leġiżlazzjoni ta’ emerġenza”. L-emerġenza attwali bl-ebda mod ma naqset, u għalhekk id-dispożizzjonijiet ta’ emerġenza għandhom jiġu estiżi mill-inqas għall-perjodu previst mill-Kummissjoni, iżda jidher prematur li jiġu ppjanati modifiki bħal dawk issuġġeriti mill-Kummissjoni. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1 |
Kif tispjega l-Kummissjoni fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tagħha, l-isfida regolatorja fil-kuntest tar-Regolament dwar is-Slots hija li jiġi żgurat li jintużaw slots ta’ anterjorità. Il-Kummissjoni emendat ir-Regolament darbtejn biex taġġusta r-regola “tużah jew titilfu”. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll setgħat delegati biex temenda l-limitu tal-użu tas-slots skont it-tnaqqis persistenti fid-domanda. |
|
2.2 |
Dawn il-miżuri ta’ llaxkar tar-regoli dwar is-slots se jiskadu fid-29 ta’ Ottubru 2022, filwaqt li s-setgħat delegati tal-Kummissjoni diġà skadew fil-21 ta’ Frar 2022. Fir-rigward tar-regola bażika “tużah jew titilfu”, il-Kummissjoni issa qed tipproponi li terġa’ tiġi stabbilita r-rata standard tal-użu tas-slots ta’ 80 % mid-29 ta’ Ottubru 2022. Ir-raġunament mogħti kien li f’Ġunju 2022, il-Eurocontrol ipprevediet li fl-istaġun tax-xitwa 2022-2023, il-volumi tat-traffiku se jerġgħu lura għal 90 % tal-livelli tal-2019. |
|
2.3 |
Il-KESE mhuwiex konvint minn dan ir-raġunament. Bħala konsegwenza tal-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, it-titjiriet militari żdiedu b’mod sinifikanti, bħalma żdiedu wkoll it-titjiriet ridirezzjonati li jgħaddu minn fuq iż-żona, u l-ebda waħda minn dawn ma hija rilevanti għall-allokazzjoni tas-slots. Barra minn hekk, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-movimenti tal-merkanzija bl-ajru, li ma naqsux b’mod sinifikanti matul il-perjodu tal-kriżi, u l-movimenti tat-traffiku tal-passiġġieri, li tabilħaqq naqsu. F’dan is-suq tal-passiġġieri, hija meħtieġa distinzjoni ulterjuri: bħala riżultat tal-passaport tal-COVID-19 tal-UE, it-traffiku intra-Ewropew irkupra ferm aktar malajr għal-livelli ta’ qabel il-pandemija, iżda t-traffiku bl-ajru domestiku u t-traffiku fuq distanzi twal jinsabu fi stadji differenti ta’ rkupru. It-traffiku kummerċjali huwa mistenni li jirkupra ħafna aktar bil-mod mit-traffiku għal skopijiet ta’ divertiment (4). Bl-ebda mod ma huwa ċert li t-traffiku għal skopijiet ta’ divertiment se jirkupra b’mod konsistenti; xi ftit minn dan it-tkabbir jista’ jkun attribwit għad-domanda ogħla għal vaganzi wara sentejn tal-COVID-19. It-trasportaturi ewlenin tan-network Ewropew għadhom ma introduċewx mill-ġdid l-inġenji tal-ajru kbar tagħhom għal distanzi twal Airbus 380 fil-flotot rispettivi tagħhom, preċiżament minħabba li l-linji tal-ajru qed jiffaċċjaw spejjeż għoljin tal-fjuwil u minħabba li ma jistennewx żidiet sinifikanti u konsistenti fid-domanda tat-traffiku. Id-data pprovduta mill-partijiet interessati tindika li l-movimenti tat-traffiku huma mistennija li jiżdiedu għal 90 % tal-livelli tal-2019, iżda d-domanda tal-passiġġieri għal 78 % biss. Jekk ir-rata ta’ okkupanza tal-inġenju tal-ajru tkun aktar baxxa, jista’ jkun mistenni li l-linji tal-ajru, pereżempju, jgħaqqdu diversi titjiriet kuljum sabiex it-titjiriet jibqgħu profittabbli (5). Id-domanda se tkun affettwata minn żieda fir-rati tal-inflazzjoni u riskji dejjem akbar ta’ reċessjoni f’diversi pajjiżi. Il-previżjonijiet għalhekk m’għandhomx ikunu bbażati fuq ir-reġjuni li qegħdin jaraw l-aħjar irkupru, iżda għandhom jirriflettu wkoll lis-swieq sekondarji partikolarment milquta. |
|
2.4 |
Dawn il-fatturi jwasslu lill-KESE biex jemmen li l-irkupru tas-suq tal-avjazzjoni jista’ jkun aktar diffiċli milli huwa preżunt mill-Kummissjoni. Hemm segmenti tas-suq li għadhom qegħdin jirkupraw b’ritmi differenti: il-merkanzija: 6 % meta mqabbla mal-livelli tal-2019; it-trasportaturi bi prezzijiet baxxi: - 9 %; u t-trasportaturi tan-network 21 %. Dan huwa aktar u aktar rilevanti peress li l-limiti jirreferu għal serje sħiħa ta’ slots, jiġifieri li s-serje ta’ slots (bħat-titjiriet fl-eqqel ħinijiet) jeħtieġ li tkun ogħla mil-limitu ta’ 80 %. Fil-perjodi ta’ qabel il-pandemija, ir-rata tal-użu tas-slots kienet ta’ 95 %, filwaqt li l-aktar rata baxxa ta’ użu tas-slots kienet ta’ 80 %. Jekk il-Eurocontrol tipprevedi rata medja tal-użu tas-slots ta’ 90 %, allura wieħed għandu jassumi li s-serje tas-slots mhux se tilħaq (bħala medja) it-80 %. Għal dawn ir-raġunijiet, għadu kmieni wisq li nerġgħu lura għal-limiti ta’ 80:20. Jidher aktar xieraq li jiġi adottat proporzjon ta’ 70:30 sakemm tkun disponibbli data aktar robusta li tissostanzja rkupru sostenibbli tas-suq. Ta’ min jinnota wkoll li l-problemi li qegħdin jiffaċċjaw l-ajruporti Ewropej juru b’mod ċar li l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 għadhom ma ġewx assorbiti. Ċentri ewlenin tal-UE bħal Frankfurt, u ċentri mhux tal-UE bħal London Heathrow, illimitaw it-titjiriet lejn u minn dawn l-ajruporti, u dan wassal għal ammont enormi ta’ tħassir ta’ titjiriet f’tentattiv biex tittaffa l-pressjoni fuq l-operazzjonijiet tal-linji tal-ajru f’dawn l-ajruporti. Dawn il-pressjonijiet ġew ikkawżati minn għadd ta’ varjabbli differenti, bħan-nuqqas ta’ persunal. Dan huwa indikattiv tal-fatt li l-livelli ta’ qabel il-pandemija għar-rata tal-użu tas-slots għadhom ma jistgħux jintlaħqu (6). |
|
2.5 |
Livell ta’ 70:30 ikun allinjat mal-limiti u r-raġunament adottati mill-gvern tar-Renju Unit (7). Għalkemm dan il-livell ġie kkritikat ħafna mis-settur tal-linji tal-ajru, il-KESE jħoss li dan isib bilanċ sostanzjat bejn ir-ritorn għall-istatus quo ta’ qabel, filwaqt li jirrikonoxxi li livell (għalkemm tabilħaqq imnaqqas) ta’ protezzjoni tas-slots għadu meħtieġ fid-dawl tal-isfidi serji li qed jiffaċċja s-settur. Barra minn hekk, dan jallinja l-limitu tar-Regolament dwar is-Slots tal-UE ma’ dak tal-politiki tal-pajjiżi ġirien, u joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għaċ-ċentri tat-trasportaturi tal-UE u l-Ajruport London Heathrow, l-akbar ċentru internazzjonali fl-Ewropa. |
|
2.6 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li matul il-perjodu mid-29 ta’ Ottubru 2022 sas-26 ta’ Marzu 2024, hija tista’, fi kwalunkwe ħin, taġġusta b’mod indipendenti r-rata tal-użu tas-slots b’att delegat għal bejn 0 % u 70 %, bil-kundizzjoni li d-data tal-Eurocontrol turi li t-traffiku tal-ajru ta’ kull ġimgħa fuq erba’ ġimgħat konsekuttivi jkun taħt it-80 % meta mqabbel mal-ġimgħat korrispondenti fl-2019, u li t-tnaqqis fit-traffiku x’aktarx li jkun se jippersisti. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jekk l-awtoritajiet pubbliċi jintroduċu restrizzjonijiet maħsuba biex jindirizzaw kwalunkwe sitwazzjoni epidemjoloġika, inkwiet politiku jew diżastru naturali, u biss meta dawn ikollhom effett detrimentali fuq it-traffiku tal-ajru, il-linji tal-ajru jistgħu jibbenefikaw minn “nuqqas ġustifikat ta’ użu tas-slots” (JNUS). |
|
2.7 |
Il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tiżgura li tkun tista’ tuża atti delegati b’mod flessibbli u trasparenti f’ċirkostanzi eċċezzjonali definiti b’mod ċar biex tadatta l-kalkolu tar-rati tal-użu tas-slots, u b’hekk taġġusta l-limiti għall-protezzjoni tas-slots. Madankollu, l-abbozz il-ġdid ma jilħaqx dan l-objettiv f’diversi aspetti. |
|
2.7.1 |
Għall-kuntrarju tal-Kummissjoni, il-KESE jemmen li l-linji tal-ajru għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eċċezzjonijiet tal-JNUS f’każijiet ta’ rakkomandazzjonijiet pubbliċi kontra l-ivvjaġġar. Anki jekk it-twissijiet dwar l-ivvjaġġar ma għandhom l-ebda impatt legali immedjat, jista’ jiġi argumentat li dawn jaffettwaw id-domanda għall-ivvjaġġar bl-ajru, u dan għandu jiġi rifless b’mod xieraq. |
|
2.7.2 |
Barra minn hekk, il-KESE jemmen li r-rekwiżit li jiġu mmonitorjati l-flussi tat-traffiku tal-ajru ta’ kull ġimgħa għal erba’ ġimgħat konsekuttivi qabel ma tkun tista’ tittieħed kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju huwa ta’ piż bla bżonn u jista’ jdewwem l-interventi regolatorji bla bżonn. Fażi ta’ monitoraġġ mhux sostanzjata ta’ erba’ ġimgħat tidher arbitrarja. Huwa ferm aktar importanti li tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. |
|
2.7.3 |
Il-KESE jirrakkomanda li r-regola tal-JNUS tkun applikabbli fl-ajruport tat-tluq u tal-wasla; it-tnejn huma intrinsikament marbuta bħala par ta’ ajruporti fl-istabbiliment mill-ġdid tal-portafoll tas-slots preċedenti fuq rotot partikolari. Il-Kummissjoni attwalment ma tipprevedix dan bħala rekwiżit obbligatorju. |
|
2.7.4 |
Il-Kummissjoni ma ssostanzjatx biżżejjed għaliex il-kalkolu tar-rata tal-użu tas-slots għandu jiġi emendat: l-Artikolu 10(4) tar-Regolament dwar is-Slots jipprevedi li s-slots protetti jiġu kkalkulati bħala slots użati, filwaqt li l-Kummissjoni issa tipproponi li dawn jiġu injorati. Il-Kummissjoni tassumi, mingħajr prova ulterjuri, li r-regoli normali dwar is-slots jistgħu jerġgħu jiddaħħlu 16-il ġimgħa wara l-ftuħ mill-ġdid tal-ispazju tal-ajru Ukren. Dan jidher ottimist wisq fid-dawl tal-ostilitajiet kontinwi, il-grad ta’ qerda tal-infrastruttura, u l-inċertezzi relatati mal-kontenut u r-robustezza ta’ ftehim bejn iż-żewġ naħat. 16-il ġimgħa jidhru li huma ċifra arbitrarja li ma għandhiex tkun il-bażi ta’ deċiżjoni regolatorja biex “nerġgħu lura għan-normal”. |
|
2.8 |
Il-KESE konsistentement irrakkomanda li l-Kummissjoni tfittex li tallinja r-Regolament dwar is-Slots – kemm jista’ jkun – ma’ prattiki u politiki internazzjonali. Il-partijiet interessati rilevanti kollha jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu adattati r-regolamenti dwar is-slots għall-kriżijiet li jiffaċċja s-suq. |
|
2.9 |
Il-KESE jilqa’ t-titjib issuġġerit mill-Kummissjoni dwar il-mod li bih jikkooperaw il-koordinaturi tas-slots. Trasparenza mtejba fil-proċess tevita l-konfużjoni bla bżonn fost l-atturi kollha tas-suq. |
Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità, (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 07 Volum 002 p. 3 – 8).
(2) Pubblikazzjoni tal-intenzjoni tal-linja tal-ajru Ġermaniża Lufthansa li tkompli tnaqqas il-kapaċità fid-dawl tal-kriżi attwali: https://www.airliners.de/lufthansa-streicht-winterflugplan/65956
(3) ĠU C 123, 9.4.2021, p. 37. ara punt 1.5.
(4) https://www.airliners.de/prognose-globaler-geschaeftsreiseverkehr-erholt-deutlich/65958
(5) Pubblikazzjoni tal-għadd ta’ passiġġieri u tal-previżjonijiet fl-Ajruport ta’ Munich li tindika li l-irkupru għall-volumi tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija se jieħu aktar żmien milli kien mistenni qabel: https://www.airliners.de/wachsendes-passagieraufkommen-bayerns-flughaefen-weit-entfernt-corona-niveau/65950
(6) In-nuqqas ta’ ħaddiema f’ajruporti ewlenin jissemma mill-Kummissjoni fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, madankollu l-Kummissjoni tqis li dan huwa fenomenu rilevanti għal perjodu ta’ żmien qasir. Dan huwa dubjuż, peress li n-nuqqas ta’ ħaddiema jaffettwa lil ħafna setturi ekonomiċi u mhux biss lill-avjazzjoni. M’hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li dan se jiġi solvut fl-avjazzjoni fil-futur qrib.
(7) Fl-24 ta’ Jannar 2022, il-gvern tar-Renju Unit aġġusta l-proporzjon tal-użu tas-slots għal 70:30 mis-27 ta’ Marzu 2022 ’il quddiem bħala pass lejn ir-regoli normali, filwaqt li pproteġa lis-settur kontra inċertezza futura, kif iddikjarat mis-Segretarju tat-Trasport tar-Renju Unit Grant Shapps.