Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0618

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 618/2008 tas- 27 ta' Ġunju 2008 li jaġġusta l-obbligi tal-konsenja għaz-zokkor tal-kannamieli li għandu jiġi importat skond il-Protokoll ta' l-AKP u l-Ftehim ma' l-Indja għall-perjodu ta' konsenja 2007/2008

ĠU L 168, 28.6.2008, pp. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/618/oj

28.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 168/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 618/2008

tas-27 ta' Ġunju 2008

li jaġġusta l-obbligi tal-konsenja għaz-zokkor tal-kannamieli li għandu jiġi importat skond il-Protokoll ta' l-AKP u l-Ftehim ma' l-Indja għall-perjodu ta' konsenja 2007/2008

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta' l-20 ta' Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 950/2006 tat-28 ta' Ġunju 2006 li jistipula regoli ddettaljati ta' l-applikazzjoni għas-snin tas-suq 2006/2007, 2007/2008 u 2008-2009 għall-importazzjoni u l-irfinar tal-prodotti taz-zokkor skond ċerti kwoti tariffarji u ftehimiet preferenzjali (2) jipprovdi għal regoli ddettaljati għall-iffissar ta' l-obbligi tal-konsenja bla dazju għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701, espressi f'ekwivalenti ta' zokkor abjad, għall-importazzjonijiet li joriġinaw f'pajjiżi li huma firmatarji għall-Protokoll ta' l-AKP u għall-Ftehim ma' l-Indja.

(2)

Dawn il-kwantitajiet kienu ffissati, għall-perjodu 2007/2008, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 77/2008 tat-28 ta' Jannar 2008 li jiffissa l-obbligi għall-konsenja għaz-zokkor tal-kannamieli li għandu jiġi importat taħt il-Protokoll ta' l-AKP u l-Ftehim ma' l-Indja għall-perjodu ta' konsenja 2007/2008 (3).

(3)

L-Artikolu 7(1) u (2) tal-Protokoll ta' l-AKP jistipula r-regoli għall-każijiet fejn Stat mill-AKP jonqos milli jikkonsenja l-kwantità miftehma.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Barbados, tal-Kongo, tal-Kenja, tal-Madagaskar u tat-Trinidad u Tobago infurmaw lill-Kummissjoni li ma jistgħux jikkonsenjaw il-kwantitajiet kollha miftehma magħhom u li ma jixtiqux li jkollhom perjodu addizzjonali għall-konsenja.

(5)

Għaldaqstant, wara konsultazzjoni ma' l-Istati mill-AKP ikkonċernati, għandha ssir allokazzjoni mill-ġdid tan-nuqqas għall-perjodu tal-konsenja 2007/2008.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 77/2008 għandu għalhekk jiġi rrevokat, u l-obbligi tal-konsenja għall-perjodu ta' konsenja 2007/2008 għandu jiġi aġġustat skond l-Artikolu 12(1) u (2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 950/2006.

(7)

Il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 950/2006 jistipula li l-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu ma għandux japplika għal kwantità allokata mill-ġdid skond l-Artikolu 7(1) jew (2) tal-Protokoll ta' l-AKP. Il-kwantità allokata mill-ġdid skond dan ir-Regolament għandha għalhekk tiġi importata qabel it-30 ta' Ġunju 2008. Madankollu, minħabba li d-deċiżjoni dwar din l-allokazzjoni mill-ġdid ittieħdet tard, u meta jitqies iż-żmien li jingħata għall-applikazzjoni tal-liċenzji ta' l-importazzjoni, ser ikun impossibbli li din l-iskadenza tkun irrispettata. Għalhekk l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 950/2006 għandu japplika wkoll għall-kwantità allokata mill-ġdid skond dan ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taz-Zokkor,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-obbligi għall-konsenji ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi firmatarji għall-Protokoll ta' l-AKP u għall-Ftehim ma' l-Indja fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1701, espressi f'ekwivalenti ta' tunnellati ta' zokkor abjad, fil-perjodu ta' konsenja 2007/2008 għal kull pajjiż ikkonċernat li jesporta, huma b'dan aġġustati kif jidher fl-Anness.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 950/2006, l-Artikolu 14(1) ta' dak ir-Regolament għandu japplika għall-kwantità allokata mill-ġdid skond dan ir-Regolament u importata wara t-30 ta' Ġunju 2008.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 77/2008 huwa b'dan irrevokat.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1260/2007 (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 371/2007 (ĠU L 92, 3.4.2007, p. 6).

(3)  ĠU L 24, 29.1.2008, p. 6.


ANNESS

L-obbligi għall-konsenji ta' l-importazzjonijiet taz-zokkor preferenzjali li joriġinaw fil-pajjiżi firmatarji għall-Protokoll ta' l-AKP u għall-Ftehim ma' l-Indja espressi f'ekwivalenti ta' tunnellati ta' zokkor abjad, għall-perjodu 2007/2008

Il-pajjiż firmatarju għall-Protokoll ta' l-AKP jew għall-Ftehim ma' l-Indja

L-obbligi tal-konsenja 2007/2008

Il-Barbados

27 464,3

Il-Beliże

69 615,98

Il-Kongo

0,00

Il-Kosta ta' l-Avorju

10 123,12

Il-Fiġi

162 656,25

Il-Gujana

191 368,87

L-Indja

9 999,83

Il-Ġamajka

148 003,16

Il-Kenja

2 045,07

Il-Madagaskar

6 249,50

Il-Malawi

24 367,72

Il-Mawrizju

476 789,70

Il-Możambik

5 965,92

L-Uganda

0,00

San Kristofru u Nevis

0,00

Is-Surinam

0,00

Is-Sważiland

126 027,92

It-Tanżanija

9 672,60

Trinidad u Tobago

0,00

Iż-Żambja

11 865,01

Iż-Żimbabwe

37 660,14

TOTAL

1 319 875,62


Top