Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0540

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 540/2012 tal- 21 ta’ Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina

ĠU L 165, 26.6.2012, pp. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/540/oj

26.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 165/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 540/2012

tal-21 ta’ Ġunju 2012

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 954/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw fil-Kroazja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

(1)

F’Marzu 2005, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni (2) fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi (“SPT”) li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-Ukraina (“investigazzjoni oriġinali”). F’Ġunju 2006 ġew imposti dazji antidumping definittivi mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 954/2006 (3). Barra minn hekk, fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jirrifletti bidla fl-isem ta’ żewġ produtturi esportaturi Ukraini (4).

(2)

Fit-8 ta’ Settembru 2006, Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (“il-grupp Interpipe” jew “l-applikanti”) ressqu talba (5) quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (“QPI”) sabiex jiġi annullat ir-Regolament (KE) Nru 954/2006 safejn dan jaffettwa lilhom.

(3)

Fir-rigward ta’ CJSC Nikopolosky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (NTRP), ġie mfakkar li l-ismijiet tal-kumpaniji tagħhom tbiddlu fi Frar 2007 għal CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, rispettivament (6). Sussegwentement, CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube twaqqfet bħala entità legali u d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha tal-proprjetà u dawk li mhumiex tal-proprjetà ttieħdu minn LLC Interpipe Niko Tube, li ġiet stabbilita f’Diċembru 2007.

(4)

Bis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Marzu 2009 (7), il-QPI annullat l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 sakemm id-dazju antidumping iffissat għall-esportazzjonijiet mill-applikanti jaqbeż dak li kien ikun applikabbli kieku l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx ġie aġġustat għal kummissjoni meta sar il-bejgħ permezz tal-kumpanija tal-bejgħ relatata.

(5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni, kif ukoll l-applikanti, ressqu appelli li jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“ECJ”) biex tħassar is-sentenza tal-QPI tal-10 ta’ Marzu 2009. Fis-16 ta’ Frar 2012, l-ECJ ċaħdet l-appelli u l-kontroappell (“is-Sentenza”) (8) u għalhekk ikkonfermat is-sentenza tal-QPI (issa l-Qorti Ġenerali) tal-10 ta’ Marzu 2009.

(6)

Konsegwentement l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 ġie annullat sakemm id-dazju antidumping impost fuq l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta’ oġġetti magħmula u esportati mill-grupp Interpipe ikun qabeż dak li kien ikun applikabbli li kieku l-prezz tal-esportazzjoni ma kienx ġie aġġustat għal kummissjoni meta sar il-bejgħ permezz tal-kumpanija tal-bejgħ relatata.

(7)

Huwa rikonoxxut mill-Qrati (9) li, f’kawżi fejn il-proċediment fih bosta stadji, l-annullament ta’ wieħed minn dawn l-istadji ma jannullax il-proċediment kollu. Il-proċediment antidumping huwa eżempju ta’ proċediment b’bosta stadji. Għaldaqstant, l-annullament ta’ partijiet tar-Regolament antidumping definittiv ma jimplikax l-annullament tal-proċediment kollu qabel l-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jikkonformaw mas-Sentenza tal-Qrati tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jikkonformaw mas-Sentenza, għandhom il-possibbiltà li jirrimedjaw l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għall-annullament tiegħu, filwaqt li ma jbiddlux il-partijiet mhux ikkontestati li mhumiex affettwati mis-Sentenza (10).

(8)

Dan ir-Regolament jara li jiġu kkoreġuti l-aspetti tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 li nstab li kienu inkonsistenti mar-Regolament bażiku, u li għalhekk wasslu biex jiġu annullati partijiet ta’ dak ir-Regolament. Is-sejbiet l-oħra kollha li saru fir-Regolament (KE) Nru 954/2006 jibqgħu validi.

(9)

Għalhekk, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ dazju antidumping għall-grupp Interpipe ġiet ikkalkulata mill-ġdid abbażi tas-Sentenza.

B.   VALUTAZZJONI ĠDIDA TAS-SEJBIET IBBAŻATA FUQ IS-SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

(10)

F’dan ir-Regolament, l-aspett indirizzat tas-Sentenza huwa l-kalkolazzjoni tal-marġni tad-dumping, b’mod iżjed speċifiku l-kalkolazzjoni tal-aġġustament li sar fil-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi fil-kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(11)

Kif spjegat fil-premessi (131) u (134) tar-Regolament (KE) Nru 954/2006, il-prezz tal-esportazzjoni kien aġġustat għal kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għal bejgħ li sar permezz tal-kumpanija tal-bejgħ relatata.

(12)

Il-QPI, fis-Sentenza tagħha sabet, u iktar tard l-ECJ ikkonfermat, li l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, fit-tqabbil tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni, ma kellhomx jagħmlu aġġustament għal kummissjonijiet f’dan il-każ partikolari.

(13)

Għalhekk, il-marġni tad-dumping ġie kkalkulat mill-ġdid mingħajr ma ġie aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi fil-kummissjonijiet.

(14)

It-tqabbil ta’ dan il-prezz medju peżat tal-esportazzjoni li ġie kkalkulat mill-ġdid mal-medja peżata tal-valur normali kif misjub waqt l-investigazzjoni oriġinali skont it-tip tal-prodott meta joħroġ mill-fabbrika wera li jeżisti dumping. Il-marġni stabbilit tad-dumping, espress bħala persentaġġ tal-prezz tal-importazzjoni tas-CIF mal-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa ta’ 17,7 %.

C.   L-IŻVELAR

(15)

Il-partijiet interessati kollha li huma kkonċernati bl-implimentazzjoni tas-Sentenza ġew mgħarrfa bil-proposta ta’ reviżjoni tar-rati tad-dazju antidumping applikabbli għall-grupp Interpipe. Huma ngħataw ukoll perjodu li matulu setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

D.   KONKLUŻJONI

(16)

Abbażi tar-rata tad-dazju applikabbli hawn fuq għall-grupp Interpipe għandha tiġi emendata kif xieraq. Ir-rata emendata għandha tapplika b’lura mit-30.6.2006 (id-data meta r-Regolament (KE) Nru 954/2006 daħal fis-seħħ), f’dan is-sens: ħlas lura u remissjoni jridu jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Pereżempju, jekk ħlas lura jew remissjoni jintalab skont l-Artikolu 236(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali Komunitarju (11), fil-prinċipju, dan irid jingħata biss jekk it-talba tkun saret meta titressaq applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq f’perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dawk id-dazji jkun ġie kkomunikat lid-debitur. (Pereżempju, jekk id-dazju nġabar ftit wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 954/2006, u t-talba għal rimborż saret fi żmien tliet snin mid-data li fiha l-ammont ta’ dazji jkun ġie kkomunikat lid-debitur, normalment it-talba għandha tingħata, sakemm din tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti l-oħra kollha),

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-entrata dwar CJSC Interpipe Nikopolsky Seamless Tubes Plant Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant, fit-tabella tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006, għandha tinbidel b’dan li ġej:

“Kumpanija

Dazju antidumping

kodiċi addizzjonali TARIC

LLC Interpipe Niko Tube u OJSC Interpipe Nizhnedneprovsky Tube Rolling Plant (Interpipe NTRP)

17,7  %

A743 ”

Artikolu 2

Safejn huma kkonċernati l-prodotti magħmula mill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1, l-ammonti ta’ dazji mħallsa jew imdaħħla fil-kontabilità skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu u li huma akbar minn dawk kif stabbilit abbażi tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 954/2006 kif emendat minn dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi. Ħlas lura u remissjoni jridu jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. FREDERIKSEN


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU C 77, 31.3.2005, p. 2.

(3)   ĠU L 175, 29.6.2006, p. 4.

(4)   ĠU C 288, 30.11.2007, p. 34.

(5)   ĠU C 261, 28.10.2006, p. 28.

(6)   ĠU C 288, 30.11.2007, p. 34.

(7)  Il-kawża T-249/06 - Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP v. il-Kunsill [2009] ECR II-383.

(8)   ĠU C 98, 31.3.2012, p. 2.

(9)  Il-kawża T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v. il-Kunsill [1998] ECR II-3939.

(10)  Il-kawża C-458/98 P IPS v. il-Kunsill [2000] ECR I-8147.

(11)   ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


Top