This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R0541
Council Implementing Regulation (EU) No 541/2012 of 21 June 2012 terminating the interim review of the anti-dumping measures concerning imports of furfuraldehyde originating in the People’s Republic of China and repealing those measures
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 541/2012 tal- 21 ta’ Ġunju 2012 li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 541/2012 tal- 21 ta’ Ġunju 2012 li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri
ĠU L 165, 26.6.2012, pp. 4–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/541/oj
26.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 165/4 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 541/2012
tal-21 ta’ Ġunju 2012
li jtemm ir-reviżjoni interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jirrevoka dawk il-miżuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 11(3), (5) u (6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. Il-PROĊEDURA
1. Il-miżuri fis-seħħ
(1) |
Fl-1995, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 95/95 (2), impona dazju antidumping definittiv fil-forma ta’ dazju speċifiku fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) (“il-miżuri antidumping oriġinali”). Ir-rata speċifika ta’ dazju ġiet stabbilita għal EUR 352 kull tunnellata. |
(2) |
Wara reviżjoni interim li ngħatat bidu f’Mejju 1997 fuq talba ta’ esportatur Ċiniż, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2722/1999 (3), il-miżuri nżammu għal perjodu ieħor ta’ erba’ snin. |
(3) |
F’April 2005, il-Kunsill, wara reviżjoni tal-iskadenza, estenda l-miżuri għal perjodu ieħor ta’ ħames snin permezz tar-Regolament (KE) Nru 639/2005 (4). |
(4) |
F’Mejju 2011, wara reviżjoni oħra tal-iskadenza, il-Kunsill estenda l-miżuri għal perjodu ieħor ta’ ħames snin, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 453/2011 (5). Ir-rata speċifika tad-dazju kienet stabbilita fl-istess livell bħal fil-miżuri antidumping oriġinali, jiġifieri EUR 352 kull tunnellata. |
2. Bidu ta’ reviżjoni interim
(5) |
Il-premessa (84) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 453/2011 tgħid li l-Kunsill qies li kien xieraq li jiġi vvalutat jekk il-livell tad-dazju kienx għadu relevanti, billi d-dazju speċifiku kien ġie stabbilit fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali fl-1995 u qatt ma ġie rivedut. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra tagħti bidu ex officio għal reviżjoni interim konformi mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
(6) |
Wara li ddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tagħha għall-bidu ta’ reviżjoni interim ex officio, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni ħabbret fil-5 ta’ Lulju 2011, f’notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. |
3. L-Investigazzjoni
3.1. Il-perjodu tal-investigazzjoni
(7) |
L-investigazzjoni dwar id-dumping kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2010 u t-30 ta’ Ġunju 2011 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “il-PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni (“il-perjodu kkunsidrat”). |
3.2. Il-partijiet ikkonċernati minn din l-investigazzjoni
(8) |
Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-industrija tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat, lill-importaturi, lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat dwar il-bidu tar-reviżjoni interim. |
(9) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stipulat fin-notifika ta’ bidu. |
3.3. It-teħid ta’ kampjun tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
(10) |
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-RPĊ, tqies xieraq li jiġi eżaminat jekk għandux jittieħed kampjun, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex jintgħażel kampjun, il-produtturi esportaturi fir-RPĊ intalbu jagħtu d-dettalji tagħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-reviżjoni u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-notifika ta’ bidu. Billi l-ebda produttur esportatur ma ppreżenta ruħu biex jikkopera, ma kienx hemm bżonn jittieħed kampjun. |
3.4. It-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-verifiki
(11) |
Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma kkonċernati. L-ebda parti oħra ma ppreżentat ruħha qabel l-iskadenzi stipulati fin-notifika ta’ bidu. |
(12) |
Ma waslu l-ebda tweġibiet tal-kwestjonarji la miż-żewġ produtturi tal-Unjoni, la mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u lanqas minn importaturi jew utenti. Produttur wieħed fil-pajjiż analogu, l-Arġentina, wieġeb il-kwestjonarju. |
(13) |
Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-partijiet, ma sarux żjarat ta’ verifika. |
B. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI
1. Il-prodott ikkonċernat
(14) |
Il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u r-reviżjonijiet li ġejjin imsemmijin hawn fuq, jiġifieri l-furfuraldeid li joriġina mir-RPĊ, u li bħalissa għandu l-kodiċi NM 2932 12 00 (“il-prodott ikkonċernat”). Il-furfuraldeid huwa magħruf ukoll bħala 2-furaldeid jew furfural. |
(15) |
Il-furfuraldeid huwa likwidu isfar ċar b’riħa punġenti karatteristika li jinkiseb bl-ipproċessar ta’ tipi differenti ta’ skart tal-agrikoltura. Il-furfuraldeid għandu żewġ applikazzjonijiet ewlenin: bħala solvent selettiv fir-raffinar taż-żejt mhux maħdum għall-produzzjoni taż-żjut lubrifikanti u bħala materja prima għall-ipproċessar fl-alkoħol furfuril, li jintuża biex issir reżina sintetika għall-forom li jintużaw fil-funderiji. |
2. Il-prodott simili
(16) |
Bħalma seħħ fl-investigazzjonijiet ta’ qabel, tqies li l-furfuraldeid prodott fir-RPĊ u esportat lejn l-UE, il-furfuraldeid prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu: l-Arġentina, u l-furfuraldeid immanifatturat u mibjugħ fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi, u l-istess użi bażiċi. Għalhekk, tqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
C. DUMPING
1. Ġenerali
(17) |
L-ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkopera fl-investigazzjoni u l-ebda wieħed ma bagħat informazzjoni. Għaldaqstant, is-sejbiet dwar id-dumping stipulati hawn taħt kellhom jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari d-dejta tal-Eurostat, l-istatistika uffiċjali dwar l-esportazzjonijiet tar-RPĊ u l-informazzjoni mibgħuta mill-pajjiż analogu, l-Arġentina. |
2. Il-pajjiż analogu
(18) |
Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie ddeterminat skont il-prezz jew il-valur kostrutt miksub f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa (“il-pajjiż analogu”), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan ma jkunx possibbli, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li kieku jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b’mod xieraq jekk ikun meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli. |
(19) |
Bħalma seħħ fl-investigazzjoni oriġinali, fin-notifika ta’ bidu ġiet proposta l-Arġentina bħala l-pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Wara l-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu, ma wasal l-ebda kumment li jikkonċerna l-pajjiż analogu propost. |
(20) |
Produttur wieħed tal-furfuraldeid fl-Arġentina kkopera mal-investigazzjoni billi wieġeb kwestjonarju. L-investigazzjoni wriet li l-Arġentina għandha suq kompetittiv għall-furfuraldeid b’madwar 90 % tas-suq fornut bi produzzjoni lokali u l-bqija fornuta bl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Il-volum tal-produzzjoni fl-Arġentina jirrappreżenta aktar minn 70 % tal-volum tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lill-UE għall-ipproċessar attiv. Għalhekk is-suq Arġentin tqies bħala rappreżentattiv biżżejjed sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali għar-RPĊ. |
(21) |
Għaldaqstant ġie konkluż, bħal fl-investigazzjonijiet ta’ qabel, li l-Arġentina hija pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. |
3. Id-dumping ta’ importazzjonijiet matul il-PIR
3.1. Il-valur normali
(22) |
Il-valur normali ġie stabbilit skont l-informazzjoni mressqa mill-produttur li qed jikkopera fil-pajjiż analogu, jiġifieri skont il-prezz imħallas jew li kieku jitħallas fis-suq domestiku tal-Arġentina minn klijenti li mhumiex relatati, peress li dan il-bejgħ instab li jsir fl-andament normali tal-kummerċ. |
(23) |
B’riżultat ta’ dan, il-valur normali ġie stabbilit bħala l-prezz tal-bejgħ domestiku medju peżat lil klijenti li mhumiex relatati mill-produttur li kkopera fl-Arġentina. |
(24) |
L-ewwel ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku totali tal-prodott simili lill-klijenti indipendenti kienx rappreżentattiv f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jekk kienx jirrappreżenta 5 % jew aktar tal-volum totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-UE. Il-bejgħ domestiku tal-produttur li kkopera fl-Arġentina kien rappreżentattiv biżżejjed tul il-PIR. |
(25) |
Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies li qed jinbiegħ fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għall-prodott simili mibjugħ fis-suq tal-Arġentina, ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti matul il-PIR. Billi l-bejgħ kollu tal-prodott simili tul il-PIR sar bi profitt, il-valur normali kien imsejjes fuq il-medja peżata tal-bejgħ domestiku kollu. |
3.2. Il-prezz tal-esportazzjoni
(26) |
Minħabba li l-ebda esportatur Ċiniż lejn l-UE ma kkopera fl-investigazzjoni, il-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti skont il-fatti disponibbli. Il-bażi l-aktar xierqa nstabet li kienet l-informazzjoni mogħtija mid-dejta tal-Eurostat fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-UE tal-prodott ikkonċernat. Għalkemm il-maġġoranza ta’ dawn l-importazzjonijiet saru b’sistema ta’ pproċessar attiv (il-furfuraldeid Ċiniż kompla jiġi pproċessat f’alkoħol furfuril għall-esportazzjoni), ma kien hemm l-ebda raġuni biex jitqies li ma kinux bażi raġonevoli sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni. |
3.3. Tqabbil
(27) |
Għall-finijiet li jkun żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, saret konċessjoni dovuta fil-forma ta’ aġġustamenti fir-rigward ta’ ċerti differenzi fit-trasport, il-kostijiet tal-kreditu u l-assigurazzjoni, li affettwaw il-prezzijiet u t-tqabbil tal-prezzijiet. |
3.4. Il-marġni tad-dumping
(28) |
F’konformità mal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping ġie stabbilit abbażi ta’ tqabbil tal-valur normali medju differenzjat mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji differenzjati fl-istess livell ta’ kummerċ. Dan it-tqabbil wera marġni ta’ dumping ta’ 5,6 %. |
4. In-natura permanenti taċ-ċirkostanzi mibdula
(29) |
Minbarra l-analiżi tal-eżistenza tad-dumping matul il-PIR, ġiet investigata l-probabbiltà tal-issoktar tad-dumping f’każ li jiġu revokati l-miżuri. Minħabba l-fatt li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkopera f’din l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet hawn taħt huma msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
(30) |
F’dan ir-rigward ġew analizzati l-elementi li ġejjin: id-domanda domestika u l-konsum domestiku fiċ-Ċina, u l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lill-UE bis-sistema tal-ipproċessar attiv (IPR, inward processing regime). |
(31) |
Skont l-informazzjoni disponibbli, mill-2007 ’l hawn, il-konsum domestiku tal-furfuraldeid fir-RPĊ kien qed jiżdied b’rata iktar mgħaġġla (previżjoni tat-tkabbir annwali medju għall-perjodu bejn l-2007 u l-2012 ta’ madwar 9 %) mill-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża ta’ dak il-prodott (madwar + 6 %). Iż-żieda fil-konsum domestiku Ċiniż tal-furfural jista’ jiġi spjegat fil-biċċa l-kbira mid-domanda dejjem ikbar għall-prodott ipproċessat mill-furfuraldeid, l-alkoħol furfuril. Il-produzzjoni Ċiniża tal-alkoħol furfuril kienet qed tiżdied drastikament mill-1999 ’l hawn, b’mod li tirrifletti enfasi fuq il-manifattura ta’ prodotti b’valur ogħla tal-furfural u domanda ikbar għar-reżina tal-furan mill-industrija tal-funderija. |
(32) |
Barra minn hekk, id-domanda domestika għaċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum, il-materja prima ewlenija li jużaw il-produtturi Ċiniżi tal-furfuraldeid, kienet qed tiżdied. Minżabba l-popolazzjoni globali dejjem ikbar, speċjalment fir-RPĊ u l-Indja, u l-bidla minn dieta bbażata fuq iċ-ċereali għal waħda bbażata fuq il-proteina, id-domanda globali għall-qamħirrum hija prevista li se tikber b’rata iktar mgħaġġla. Ir-RPĊ hija t-tieni l-ikbar konsumatur tal-qamħirrum fid-dinja. Barra miż-żieda fl-użi industrijali tal-qamiħirrum, id-domanda Ċiniża għall-produzzjoni tal-għalf u l-bhejjem qed tiżdied bi 3 % sa 6 % kull sena. Filwaqt li l-konsum tal-qamħirrum tar-RPĊ kien qed jikber b’mod rapidu f’dawn l-aħħar ftit snin, il-produzzjoni tiegħu ma kinitx qed tlaħħaq mad-domanda. Huwa mistenni li matul il-perjodu bejn l-2011 u l-2015, l-esportazzjonijiet tal-qamħirrum mill-Istati Uniti għar-RPĊ se jiżdiedu b’ħames darbiet. Wieħed għandu jinnota wkoll li l-produtturi Ċiniżi tal-furfural qed jiffaċċjaw dejjem iktar kompetizzjoni mill-produtturi tal-ksilożi u l-ksilitol, li jużaw l-istess materja prima (iċ-ċifċiegħa tal-qamħirrum). |
(33) |
Dwar l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE matul il-PIR, ta’ min jinnota li prattikament il-furfuraldeid kollu mill-pajjiż ikkonċernat jiġi impurtat esklużivament b’arranġamenti ta’ pproċessar attiv (IPR). Din il-prassi bdiet fl-2000 u madwar 75 % tal-kwantitajiet annwali Ċiniżi ta’ furfurladeid jiġu esportati lejn l-Unjoni mingħajr dazju antidumping, bil-għan li jkomplu jiġu pproċessati fl-alkoħol furfuril maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Mill-2001, l-importazzjonijiet tas-suq ħieles mill-pajjiż ikkonċernat kważi waqfu kompletament. |
(34) |
Il-bidliet fit-tul fid-domanda domestika għall-furfural fir-RPĊ u s-sitwazzjoni diffiċli tal-provvista u d-domanda fis-suq tal-qamħirrum fiċ-Ċina, flimkien mal-istruttura tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE kif spjegat fil-premessa preċedenti, jidhru li wasslu għal bidla fil-livell tad-dumping li jsir mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. Tqabbil tal-prezzijiet Ċiniżi tal-esportazzjoni lejn l-UE mal-valur normali tal-prodott ikkonċernat, ilkoll aġġustati kif xieraq, juri tnaqqis fil-marġni tad-dumping matul il-PIR, meta mqabbel mal-investigazzjoni preċedenti tar-reviżjoni tal-iskadenza. |
(35) |
B’konklużjoni, l-analiżi ta’ hawn fuq turi li l-bidliet fid-domanda domestika Ċiniża u l-konsum fiċ-Ċina taċ-ċifqiegħa tal-qamħirrum u l-furfuraldeid u, konsegwentement, tal-prezzijiet, huma ta’ natura permanenti. Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż li jekk il-miżuri antidumping jiġu revokati, l-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni mhumiex se jiżdiedu b’mod sinifikanti. |
D. L-INDUSTRIJA TAL-UNJONI
(36) |
L-industrija tal-Unjoni (“IU”) tikkonsisti minn żewġ kumpaniji: Lenzing AG (l-Awstrija) u Tanin Sevnica kemicna industrija d.d (is-Slovenja), li flimkien jirrappreżentaw 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili fil-PIR. Abbażi ta’ dan, iż-żewġ produtturi tal-Unjoni jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ebda waħda miż-żewġ kumpaniji ma wieġbet il-kwestjonarji li ntbagħtulhom jew ikkoperat bis-sħiħ fl-investigazzjoni. |
(37) |
Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, id-dejta għall-eżami tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett tad-dumping mir-RPĊ ittieħdet mill-fatti disponibbli, inkluż id-dejta estrapolata mill-informazzjoni miġbura fir-reviżjoni tal-iskadenza riċenti li kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Marzu 2010. Għaldaqstant, kull sors mogħti għad-dejta fit-tabelli ta’ hawn taħt jirreferi għall-perjodu bejn l-2007 u l-2009, sakemm mhux speċifikat mod ieħor. Nutrafur, il-produttur Spanjol li ressaq l-ilment oriġinali fl-1994 bl-isem ta’ Furfural Espanol S.A., waqqaf il-produzzjoni tiegħu f’Ottubru 2008. Iċ-ċifri tal-produzzjoni ta’ Nutrafur fl-2008 ġew inklużi fil-konsum fis-suq tal-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-dejta dwar il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tingħata biss f’forma indiċjata. |
E. IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI
1. Il-konsum fis-suq tal-Unjoni
(38) |
Il-konsum fl-Unjoni tal-furfuraldeid għall-2008 u l-2009 ġie stabbilit skont il-volumi tal-bejgħ ivverifikati tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (inkluż il-bejgħ ta’ Nutrafur sa Ottubru 2008 meta kien għadu qed jipproduċi l-furfuraldeid) flimkien mal-importazzjonijiet taħt is-Sistema ta’ Pproċessar Attiv (IPR) mir-RPĊ u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra f’ċirkolazzjoni ħielsa, imsejsa fuq dejta tal-importatur International Furan Chemicals BV (“IFC”) ivverifikata fl-aħħar investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza u l-Eurostat. Billi l-Eurostat ma jiżvelax l-informazzjoni kollha minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, id-dejta tal-Eurostat intużat biss għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra għajr ir-RPĊ u r-Repubblika Dominikana, billi l-IFC huwa l-uniku importatur tal-furfuraldeid minn dawn is-sorsi. |
(39) |
Il-fatti disponibbli ntużaw għall-2010 u l-PIR minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni kemm tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll tal-importatur uniku u l-kunfidenzjalità ta’ ammonti kbar ta’ dejta li normalment ikunu disponibbli mill-Eurostat. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet għall-kuntrarju, ma hemm ebda raġuni biex wieħed jemmen li kien hemm xi bidla notevoli fil-konsum tal-Unjoni mill-2009 ’l hawn u dan tqies li baqa’ fl-istess livelli matul l-2010 u l-PIR. |
(40) |
Abbażi ta’ dan, matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni naqas bi 17 %, minn 45 738 tunnellata fl-2008 għal 38 000 tunnellata matul il-PIR. Tabella 1 – Il-konsum tal-Unjoni
|
2. L-importazzjonijiet mir-RPĊ
2.1. Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet
(41) |
Skont l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu qed isiru bl-IPR matul il-PIR. Il-volum tal-IPR Ċiniż żdied minn 10 002 tunnellati fl-2008 għal 13 975 tunnellata fil-PIR, jiġifieri b’40 %. Matul il-perjodu kkunsidrat is-sehem Ċiniż mis-suq għall-IPR żdied minn 22 % għal 37 %, jiġifieri bi 15-il punt perċentwali. |
(42) |
Il-prezz tal-IPR Ċiniż żdied b’47 % minn EUR 1 014 kull TM fl-2008 għal EUR 1 488 fil-PIR. Ta’ min jinnota li matul il-PIR, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu b’mod rapidu u laħqu quċċata ta’ iktar minn EUR 1 700 kull TM. Tabella 2 – L-importazzjonijiet mir-RPĊ
|
3. Il-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra
(43) |
Ta’ min jinnota li, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet mir-Repubblika Dominikana kienu kollha kemm huma konsenji minn kumpanija possedenti lis-sussidjarja Ewropea tagħha, sabiex tipproduċi l-alkoħol furfuril. Għalhekk, il-prezzijiet użati f’dawn it-tranżazzjonijiet huma prezzijiet ta’ trasferiment bejn kumpaniji relatati li jistgħu ma jirriflettux il-prezzijiet reali tas-suq. Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-importatur ikkonċernat u l-kunfidenzjalità tad-dejta fil-Eurostat, ġie preżunt li l-importazzjonijiet u l-prezzijiet mir-Repubblika Dominikana baqgħu kostanti matul l-2010 u l-PIR. Tabella 3 – L-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-Repubblika Dominikana
|
(44) |
Skont il-Eurostat, il-volumi tal-importazzjoni tal-furfuraldeid fl-Unjoni minn pajjiżi oħra għajr ir-RPĊ, flimkien mal-prezzijiet medji tagħhom, żviluppaw kif ġej: Tabella 4 – L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni minn pajjiżi terzi oħra
|
4. Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-UE lejn pajjiżi terzi oħra
(45) |
Matul il-perjodu meqjus, id-dejta kienet disponibbli biss għall-2008 u l-2009. Ma kinitx disponibbli statistika affidabbli biex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni tas-sett ta’ dejta għall-2010 u l-PIR. Fin-nuqqas tal-koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, intużaw il-fatti disponibbli u saret il-preżunzjoni li l-esportazzjonijiet mill-UE se jkomplu fl-istess livelli ta’ volum bħall-2009 b’żieda fil-prezz konformi ma’ dik misjuba fis-suq tal-UE. Tabella 5 – Il-volumi u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tal-Industrija tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi oħra
|
5. Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
(46) |
Il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri ż-żewġ kumpaniji Lenzing u Tanin, qiegħda analizzata hawn taħt bid-dejta miġbura matul ir-reviżjoni tal-iskadenza flimkien mal-fatti disponibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni attwali (PIR). |
5.1. Il-produzzjoni
(47) |
Il-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili żdiedet b’5 % sal-2009. Fin-nuqqas ta’ dejta oħra, ġie preżunt li l-produzzjoni baqgħet stabbli fl-2010 u l-PIR. Tabella 6 – Produzzjoni tal-Unjoni
|
5.2. Il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità
(48) |
Il-kapaċità totali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqgħet l-istess fl-2008 u l-2009. Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-kapaċità u l-użu baqgħu l-istess fl-2010 u l-PIR. Tabella 7 – Il-kapaċitá tal-Unjoni
|
5.3. Il-livell tal-ħażniet
(49) |
Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-livelli tal-ħażniet baqgħu bħalma kienu fi tmiem l-2009. Tabella 8 – Il-ħażniet
|
5.4. L-ammont ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq
(50) |
Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti li mhumiex relatati fis-suq tal-Unjoni żdied bi 12 % mill-2008 sal-2009. Fin-nuqqas ta’ dejta mill-industrija tal-Unjoni, ġie preżunt li l-volum tal-bejgħ ma żdiedx fl-2010 jew fil-PIR. Tabella 9 – Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-Unjoni
|
5.5. Il-prezzijiet medji tal-bejgħ
(51) |
Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezzijiet medji tal-bejgħ applikati mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdiedu sostanzjalment b’36 %. Dan kien ikkawżat minn żieda kbira fil-prezz matul l-2010 u l-PIR. Tabella 10 – Il-prezz medju tal-bejgħ fl-UE
|
5.6. Il-kost medju tal-produzzjoni
(52) |
Billi l-industrija tal-Unjoni ma għamlitx disponibbli dejta tal-kostijiet tal-produzzjoni għall-2010 u d-dejta tal-PIR mir-reviżjoni preċedenti tal-iskadenza żdiedet b’6 % biex tqis l-inflazzjoni f’dak il-perjodu. Tabella 11 – Il-kost medju tal-produzzjoni
|
5.7. Il-profitabbiltà u l-fluss tal-flus
(53) |
Il-kalkolu tal-profitti li għamlet l-industrija tal-Unjoni, abbażi tad-dejta tal-prezz u l-kost ta’ hawn fuq, wera żieda sinifikanti matul il-perjodu kkunsidrat minħabba żidiet fil-prezz fis-suq tal-Unjoni flimkien ma’ nuqqas ta’ evidenza ta’ żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni minbarra l-inflazzjoni. Il-likwidità hija meqjusa, fin-nuqqas ta’ dejta oħra, li segwiet xejra simili għall-profittabbiltà. Tabella 12 – Il-profitabbiltà u l-fluss tal-flus
|
5.8. L-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-ħila li jiżdied il-kapital
(54) |
Fin-nuqqas ta’ dejta mill-industrija tal-Unjoni, fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet fl-2010 u l-PIR, ġie preżunt li kien hemm ritorn għal-livell ta’ investiment bħal dak fl-2007. Ir-redditu fuq l-investiment ġie preżunt li kellu l-istess xejra bażika bħall-profittabbiltà murija fit-Tabella 12. Tabella 13 – L-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti
|
5.9. L-impjiegi u produttività
(55) |
Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni għall-2010 u l-PIR, tqies li l-impjiegi u l-produttività baqgħu kostanti matul il-perjodu kkunsidrat. Tabella 14 – L-impjiegi u l-produttività
|
5.10. Id-daqs tal-marġni tad-dumping
(56) |
Minkejja n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-volum u l-valur tal-importazzjonijiet ġie analizzat mill-Eurostat flimkien ma’ stima tas-sehem mis-suq. Iż-żieda sinifikanti fil-prezz fl-2010 u l-2011 naqqset drammatikament il-marġni tad-dumping mir-RPĊ mill-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza ’l hawn. |
5.11. Irkupru mill-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
(57) |
Kif muri mill-evoluzzjoni pożittiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi elenkati hawn fuq, matul il-perjodu kkunsidrat il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni rkuprat kollha mill-effett dannuż tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping sinifikanti li kienu identifikati fl-investigazzjoni preċedenti u li joriġinaw mir-RPĊ. |
6. Il-konklużjoni dwar il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
(58) |
Il-miżuri kontra r-RPĊ kellhom impatt pożittiv fuq il-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, billi l-biċċa l-kbira tal-indikaturi tal-ħsara wrew żvilupp pożittiv: il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u l-valur tal-bejgħ żdiedu bejn l-2008 u l-PIR. Madankollu, minħabba ż-żieda sostanzjali fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni issa qed tagħmel profitti ferm ogħla minn dak immirat, li fl-investigazzjoni oriġinali ġie stabbilit bħala 5 %, sabiex ikun żgurat l-iżvilupp tagħha. |
(59) |
Minħabba ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR, mingħajr evidenza ta’ żieda parallela fil-kostijiet, ġie konkluż li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5). |
7. Konklużjoni dwar in-natura permanenti ta’ dawn iċ-ċirkostanzi mibdula
(60) |
Ġie kkunsidrat jekk iż-żieda fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni hix bidla permanenti fiċ-ċirkostanzi mis-sejbiet tal-investigazzjoni preċedenti tar-reviżjoni tal-iskadenza. Id-dejta disponibbli turi li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni qed jirkupraw sewwa, u jilħqu l-livelli tal-2008 u mbagħad jaqbżu dawn l-ammonti, filwaqt li fl-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza, il-prezzijiet kienu qed jaqgħu. Barra minn hekk, bil-kontra tar-reviżjoni tal-iskadenza, ma nstabitx evidenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet. Fir-reviżjoni tal-iskadenza, il-profittabbiltà kellha xejra negattiva iżda d-dejta wara tmiem dik l-investigazzjoni turi li l-profittabbiltà kienet qed tirkupra sewwa, u tilħaq il-livelli tal-2008 u mbagħad taqbiżhom. |
(61) |
Ġie analizzat jekk il-bidla fil-prezzijiet minn tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni tal-iskadenza setgħetx tkun minħabba staġun tal-ħsad partikolarment ħażin fir-RPĊ, billi l-furfuraldeid jiġi prodott mill-iskart agrikolu. Madankollu, il-prezz ma waqax b’mod sinifikanti mill-istaġun tal-ħsad fi tmiem l-2010 u għalhekk din it-teorija ġiet skartata. Deher li kien hemm żieda fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ ikkawżati mit-tkabbir fit-tul fid-domanda domestika għall-furfuraldeid u ż-żieda fil-kostijiet tal-materja prima fil-pajjiż ikkonċernat. Minħabba n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, dan ma setax jiġi vverifikat, iżda l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda evidenza li turi li dan ma kienx il-każ. |
(62) |
Fid-dawl tal-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni li tissemma hawn fuq, u n-nuqqas ta’ informazzjoni li turi li ż-żidiet fil-prezzijiet imsemmija kienu temporanji, ġie konkluż li din il-bidla hija ta’ natura permanenti. |
F. TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT TAL-ANTIDUMPING U TNEĦĦIJA TAL-MIŻURI ANTIDUMPING FIS-SEĦĦ
(63) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jitqies li għandha titwaqqaf ir-reviżjoni preżenti kontra d-dumping u li għandhom jitneħħew il-miżuri antidumping fis-seħħ. |
(64) |
Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li jitwaqqfu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar. Ma waslu l-ebda kummenti. |
(65) |
Minn dan ta’ hawn fuq jista’ jiġi konkluż li għandha titwaqqaf ir-reviżjoni antidumping preżenti u li għandhom jitwaqqfu l-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 453/2011 fuq l-importazzjonijiet tal-furfuraldeid li joriġinaw mir-RPĊ u jitneħħa d-dazju eżistenti, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-reviżjoni interim tad-dazji antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ 2-furaldeid (magħruf ukoll bħala furfuraldeid jew furfural) li bħalissa għandu l-kodiċi NM 2932 12 00 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hija b’dan imwaqqfa.
Artikolu 2
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 453/2011 huwa b’dan imħassar.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
M. FREDERIKSEN
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 15, 21.1.1995, p. 11.
(3) ĠU L 328, 22.12.1999, p. 1.
(4) ĠU L 107, 28.4.2005, p. 1.